EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0047

Kawża T-47/19: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Jannar 2019 – Dansk Erhverv vs Il-Kummissjoni

ĠU C 103, 18.3.2019, p. 53–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 103/53


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Jannar 2019 – Dansk Erhverv vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-47/19)

(2019/C 103/69)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Dansk Erhverv (Kopenħagen, id-Danimarka) (rappreżentant: T. Mygind, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 6315 finali tal-4 ta’ Ottubru 2018 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44865 (2016/FC) – il-Ġermanja – Allegata għajnuna mill-Istat lil ħwienet tax-xorb li jinsabu mal-fruntiera Ġermaniża;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed, li permezz tiegħu huwa jsostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali tar-rikorrent bħala parti kkonċernata skont l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikoli 4(4), 12(1) u 24(1) tar-Regolament Proċedurali (1), billi naqset milli tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE minkejja d-diffikultajiet serji li qamu fl-evalwazzjoni tal-kwistjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat indirizzati fl-ilment dwar il-prattika amministrattiva marbuta mad-“dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni” u b’mod partikolari dwar l-eżenzjoni mill-obbligu għall-ħwienet li jinsabu mal-fruntiera li jiġbru depożitu u għaldaqstant li jħallsu l-VAT fuq id-depożitu, kif ukoll dwar immunità minn multi fil-każ ta’ ksur tal-obbligi ta’ ġbir ta’ depożitu li jirriżultaw mill-iskema Ġermaniża ta’ depożitu fuq ix-xorb fil-bottijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti, l-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà tal-prattika marbuta mad-“dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni” mal-obbligi li l-Ġermanja għandha skont l-Artikolu 4(3) TFUE, id-Direttiva dwar l-imballaġġ (2) u l-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas, u mar-rekwiżiti ta’ ġbir ta’ depożitu skont id-Digriet Ġermaniż dwar l-Imballaġġ. It-tieni nett, il-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-effetti ta’ għajnuna mill-Istat tal-assenza ta’ ġbir, mill-Ġermanja, tad-dħul tal-VAT minħabba l-prattika marbuta mad-“dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni”.


(1)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p 9).

(2)  Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU 2018, L 150, p 141).


Top