Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0481

    Kawża T-481/18: Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2018 – Electroquímica Onubense vs ECHA

    ĠU C 352, 1.10.2018, p. 42–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 352/42


    Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2018 – Electroquímica Onubense vs ECHA

    (Kawża T-481/18)

    (2018/C 352/50)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrenti: Electroquímica Onubense, S.L. (Palos de la Frontera, Spanja) (rappreżentant: D. González Blanco, avukat)

    Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni ġdida peress li Electroquímica Onubense (EQO) tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ impriża ta’ daqs medju għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-drittijiet għar-reġistrazzjoni ta’ prodotti mal-ECHA.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

    1.

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li r-rapport għall-kalkolu ta’ SME mehmuż mad-deċiżjoni kkontestata jirreferi għar-rabta tagħha ma’ ERCROS fis-snin 2013 u 2014, peress li l-awtur ta’ dan ir-rapport ma kienx jaf, b’fatt daqstant rilevanti bħall-kostituzzjoni ta’ din fi Frar 2015, b’kapital azzjonarju ta’ EUR 3 000, il-kapital minimu li huwa legalment meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni kummerċjali Spanjola. F’dan ir-rigward, huwa ddikjarat li l-fatt imsemmi hawn fuq dwar il-kapital azzjonarju tal-kumpannija l-ġdida kien il-fattur determinanti sabiex issir id-dikjarazzjoni dwar din bħala “imrpiża żgħira”, peress li effettivament EQO kienet tissodisfa l-parametri meħtieġa mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ u ma huwiex xieraq li s-sehem ta’ ERCROS f’din jista’ jibdilha, waħdu, f’“impriża ta’ daqs kbir”.

    2.

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li ERCROS kienet l-unika azzjonist ta’ EQO matul il-perijodu bejn il-kostituzzjoni tal-kumpannija (18 ta’ Frar 2015) u t-trasferiment tal-ishma lil SALINAS DEL ODIEL (2 ta’ Ġunju 2015), u b’karatteristika li hija sempliċement konġunturali jew strumentali, sabiex tiffaċilita t-trasferiment tal-proprjetà ta’ EQO lid-destinatarju finali tagħha, SALINAS DEL ODIEL.

    3.

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li fl-aħħar tas-sena kummerċjali 201, EQO ma kinitx għadha proprjetà ta’ ERCROS (ikkunsidrata bħala “impriża kbira”), la direttament u lanqas indirettament, iżda kienet proprjetà ta’ SALINAS DE ONIEL (ikkunsidrata bħala “impriża ta’ daqs medju”).

    4.

    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-fattur rilevanti għad-determinazzjoni tad-daqs tal-impriża ta’ EQO, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, ma jistax ikun differenti mir-rabta li kellha EQO mal-impriża li kienet il-kumpannija omm tagħha fl-aħħar tas-sena kummerċjali 2015, hekk kif rifless fil-kontijiet annwali għal dik is-sena, u mhux mill-fatt li din ir-rabta kienet konġunturali u strumentali matul is-sena ta’ referenza.

    5.

    Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-applikazzjoni tar-rata korretta ma għandhiex tkun dik prevista għal impriża kbira, iżda dik intiża għal impriża ta’ daqs medju, peress li r-rabta li għandha tiġi stabbilita għal dan il-għan hija dik bejn EQO u SALINAS DEL ODIEL, u mhux bejn EQO u ERCROS.


    Top