Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0388

    Kawża T-388/18: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ġunju 2018 – WV vs SEAE

    ĠU C 352, 1.10.2018, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 352/34


    Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ġunju 2018 – WV vs SEAE

    (Kawża T-388/18)

    (2018/C 352/41)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: WV (rappreżentant: É. Boigelot, avukat)

    Konvenut: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddikjara r-rikors tagħha ammissibbli u fondat;

    konsegwentement, u wara li tkun ordnat lill-konvenut, b’mod preliminari u skont l-Artikolu 89(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali li jipprevedi “Miżuri ta’ Organizzazzjoni tal-Proċedura”, jipproduċi l-atti u d-dokumenti kollha dwar din il-kawża u b’mod partikolari: il-mandat u l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni interna ta’ sigurtà li saret mill-Awtorità tal-Ħatra; id-dokumenti u d-deċiżjonijiet interni kollha tas-SEAE prodotti b’relazzjoni mal-akkużi dwar l-allegata estrazzjoni ta’ dokumenti u trażmissjoni possibbli ta’ informazzjoni min-naħa tar-rikorrenti lil kwalunkwe Stat terz (l-Iżrael/it-Turkija), dati preċiżi, informazzjoni allegatament kondiviża u provi konkreti; kif ukoll l-informazzjoni trażmessa lil u t-tweġiba tas-servizz ta’ sigurtà; id-dokumenti u/jew id-deċiżjonijiet interni apparentement meħuda jew prodotti b’relazzjoni mal-inċident tas-27 ta’ Lulju 2016, u b’mod partikolari nota tas-Segretarju Ġenerali tas-SEAE dwar l-esklużjoni tar-rikorrenti mid-diviżjoni Torka; l-ittra elettronika tas-Sinjura [X] mibgħuta f’Settembru 2015 lis-Sinjur [Y] u li apparentement tagħmel riferiment għal “problemi serji essenzjalment marbuta mal-aġir tagħha”; l-informazzjoni dwar in-natura tad-diversi trasferimenti li hija kienet suġġetta għalihom sabiex jiġi ċċarat jekk it-trasferimenti seħħewx skont il-pożizzjoni tagħha u/jew b’mod eċċessiv; it-termini ta’ riferiment tal-esperti nazzjonali mpoġġija għad-dispożizzjoni tad-Diviżjoni Torka tas-SEAE li jirriflettu l-ftehim konkluż mad-diversi Stati Membri f’Ġunju 2015 fid-dawl tat-twaqqif tal-imsemmija diviżjoni; il-minuti tal-laqgħa tat-18 ta’ Mejju 2017 bejn ir-rikorrenti, rappreżentant tal-Kumitat tal-Persunal u tal-Awtorità tal-Ħatra; l-iskambju tal-ittri elettroniċi li seħħ fl-10 ta’ Lulju 2017 bejn is-Sinjur [Z] u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE fit-Turkija;

    tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda impliċita tat-talba għal assistenza bbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li saret fl-4 ta’ Settembru 2017;

    tannulla d-deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2018, taħt ir-referenza Ares(2018)1705593, innotifikat fl-istess jum, li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra tiċħad l-ilment tar-rikorrenti, li hija kienet ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2017; taħt ir-referenza R/510/17, kontra ċ-ċaħda impliċita ta’ talba għal assistenza bbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal;

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha, konformement mal-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ assistenza u ta’ premura, fuq il-ksur tal-Artikoli 1e(2), (12), (12a), u 22b, 24, 25 u 26 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikoli 1 u 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102).

    Ir-rikorrenti tinvoka wkoll, bħala motiv, il-ksur b’mod partikolari tal-Artikoli 41, 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll l-abbużi ta’ dritt u ta’ użu ħażin ta’ proċedura, minbarra l-ksur manifest tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

    Ir-rikorrenti tinvoka, fl-aħħar nett, bħala motiv, il-ksur tal-prinċipju li jobbliga lill-amministrazzjoni tieħu deċiżjoni biss abbażi ta’ motivi legalment ammissibbli, jiġifieri rilevanti u mhux ivvizzjati bi żball jew żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, ta’ fatt jew ta’ liġi, kif ukoll il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ kontradittorju, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali, minbarra l-ksur tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

    L-ilment għaldaqstant imqajjem huwa li, billi ħadet id-deċiżjoni kkontestata fil-kundizzjonijiet ikkritikati u billi ċaħdet, sussegwentement, l-ilment tar-rikorrenti, l-Awtorità tal-Ħatra manifestement ma għamlitx applikazzjoni u interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq, billi bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq raġunijiet ineżatti kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt u billi poġġiet, konsegwentement, lir-rikorrenti f’sitwazzjoni amministrattiva illegali, nieqsa minn kwalunkwe adegwatezza bejn il-fatti stabbiliti u ċ-ċaħda tat-talba għal assistenza.


    Top