Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CN0467

    Kawża C-467/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad Lukovit (il-Bulgarija) fis-17 ta’ Lulju 2018 – Proċedura kriminali kontra EP

    ĠU C 352, 1.10.2018, p. 20–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 352/20


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad Lukovit (il-Bulgarija) fis-17 ta’ Lulju 2018 – Proċedura kriminali kontra EP

    (Kawża C-467/18)

    (2018/C 352/26)

    Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

    Qorti tar-rinviju

    Rayonen sad Lukovit

    Parti fil-kawża prinċipali

    EP

    Domandi preliminari

    1)

    Il-proċedura ineżami għall-applikazzjoni ta’ miżuri mediki obbligatorji, li jikkostitwixxu forma ta’ koerċizzjoni mill-Istat fil-konfront ta’ individwi li fir-rigward tagħhom il-prosekutur pubbliku kkonstata li wettqu atti ta’ perikolu għas-soċjetà, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13 (1) dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali u tad-Direttiva 2013/48 (2) dwar id-dritt għas-servizzi ta’ avukat fi proċeduri kriminali?

    2)

    Id-dritt proċedurali Bulgaru li jirregola l-proċedura speċjali għall-applikazzjoni ta’ miżuri mediki obbligatorji skont ir-regoli previsti fl-Artikoli 427 et seq. tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”), li ma jipprevedix il-possibbiltà għall-qorti li tibgħat il-kawża lura quddiem il-prosekutur pubbliku filwaqt li tordnalu jirrimedja d-diversi każijiet ta’ ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali mwettqa matul il-proċedura prekontenzjuża, iżda li jippermettilha biss tilqa’ jew tiċħad it-talba għall-applikazzjoni ta’ miżuri mediki obbligatorji, jagħti rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48 u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/13, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiggarantixxi lill-individwu kkonċernat il-possibbiltà li jikkontesta quddiem qorti l-ksur tad-drititjiet tiegħu matul il-proċedura prekontenzjuża?

    3)

    Id-Direttiva 2012/13 u d-Direttiva 2013/48 japplikaw għal proċeduri kriminali (prekontenzjużi) meta d-dritt nazzjonali, f’dan il-każ in-NPK, ma jirrikonoxxix il-kwalità ta’ individwu “ssuspettat” u meta, minn perspettiva formali, matul il-proċedura prekontenzjuża, il-prosekutur pubbliku ma jqiegħedx taħt eżami lill-individwu kkonċernat għar-raġuni li l-qtil li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni twettaq minn dan l-individwu fi stadju ta’ problemi mentali li jimplikaw l-assenza ta’ responsabbiltà kriminali tiegħu, raġuni li minħabba fiha l-prosekutur pubbliku jagħlaq il-proċedura kriminali, mingħajr ma jinforma lill-individwu kkonċernat, u jitlob lill-qorti tapplika miżuri mediki obbligatorji fil-konfront tal-imsemmi individwu?

    4)

    L-individwu li jkun is-suġġett ta’ proposta ta’ trattament mediku obbligatorju jikseb il-kwalità ta’ individwu “ssuspettat” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/13 u tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2013/48, meta l-uffiċjal tal-pulizija li kien l-ewwel wieħed li wasal fuq il-post fejn seħħew il-fatti wettaq l-ewwel passi ta’ investigazzjoni fid-dar tal-vittma tar-reat kriminali u ta’ binha, u, meta ra traċċi ta’ demm fuq il-ġisem ta’ dan tal-aħħar, għamillu mistoqsijiet dwar ir-raġunijiet għaliex kien qatel lill-ommu u ħareġ il-ġisem fit-triq, mistoqsijiet li għalihom l-individwu kkonċernat wieġeb, bil-konsegwenza li l-uffiċjal tal-pulizija libbislu l-manetti? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, huwa meħtieġ li diġà minn dan il-mument l-individwu kkonċernat jingħata l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 3(1), moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2012/13, u, f’tali sitwazzjoni, meta tingħata din l-informazzjoni, kif għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet partikolari tal-individwu kkonċernat fis-sens tal-istess Artikolu 3(2), sa fejn il-pulizija tkun taf li l-individwu kkonċernat għandu problemi mentali?

    5)

    Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ċaħda de facto tal-liberta, li tirriżulta minn tqegħid obbligatorju fi sptar mentali skont proċedura prevista fiz-Zakon za Zdraveto (il-Liġi dwar is-Saħħa) (miżura preventiva ta’ koerċizzjoni imposta meta jiġi pprovat li l-individwu kkonċernat ibati minn marda mentali u meta jkun hemm is-suspett ta’ riskju li dan ser iwettaq reat, u mhux fil-każ li jkun diġà twettaq reat), f’sitwazzjoni fejn din il-proċedura tkun inbdiet fuq il-bażi ta’ fatti li jikkostitwixxu l-att li huwa s-suġġett ta’ proċedura kriminali kontra l-individwu mqiegħed taħt trattament mediku, hija konformi mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343, dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza (3), u, fil-każ ta’ tqegħid taħt arrest, dan iwassal għal ksur tad-dritt għal smigħ xieraq skont il-kriterji previsti fl-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jiġifieri għal smigħ li fil-kuntest tiegħu l-qorti jkollha s-setgħa li tivverifika kemm l-osservanza tar-regoli proċedurali u kemm ir-raġunijiet plawżibbli li jiġġustifikaw iż-żamma taħt arrest, kif ukoll in-natura leġittima tal-għan segwit minn din il-miżura, kif il-qorti hija obbligata tagħmel meta l-individwu jinżamm skont il-proċedura prevista fin-NPK?

    6)

    Il-kunċett ta’ “preżunzjoni tal-innoċenza” fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343 jinkludi wkoll il-preżunzjoni li l-individwi li ma jistgħux jitqiesu li huma kriminalment responsabbli minħabba problemi mentali ma wettqux l-att li jikkostitwixxi perikolu għas-soċjetà li bih ikun qiegħed jakkużahom il-prosekutur pubbliku sakemm titressaq prova kuntrarja stabbilita konformement mad-dritt proċedurali (jiġifieri fil-kuntest ta’ proċedura kriminali u b’rispett tad-drittijiet tad-difiża)?

    7)

    Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu setgħat differenti fil-qasam ta’ verifika ex officio tal-legalità tal-proċedura prekontenzjuża skont:

    (1)

    jekk tkunx qiegħda teżmina att ta’ akkuża tal-prosekutur pubbliku li jiddikjara li individwu partikolari, li jgawdi mill-kapaċitajiet mentali tiegħu, wettaq qtil (Artikolu 249(1) moqri flimkien mal-Artikolu 249(4) tan-NPK), jew (2) jekk tkunx qiegħda teżamina proposta tal-prosekutur pubbliku li tiddikjara li l-individwu kkonċernat wettaq qtil iżda li, minħabba l-inkapaċità mentali tal-awtur tiegħu, dan l-att ma jikkostitwixxix reat kriminali u, għaldaqstant, jitlob lill-qorti tapplika miżura ta’ koerċizzjoni mill-Istat sabiex jingħata trattament mediku,

    tista’ titqies li tiggarantixxi rimedji effettivi għall-individwi vulnerabbli, kif meħtieġ mill-Artikolu 13, moqri flimkien mal-Artikolu 12, tad-Direttiva 2013/48 u mill-Artikolu 8(2), moqri flimkien mal-Artikolu 3(2), tad-Direttiva 2012/13, u s-setgħat differenti mogħtija lill-qorti skont it-tip ta’ proċedura, li tiddependi minn jekk l-individwu identifikat bħala l-awtur tal-fatti jgawdix mill-kapaċitajiet mentali tiegħu jew le u jekk jistax jinżamm kriminalment responsabbli, huma konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?


    (1)  Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1).

    (2)  Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1).

    (3)  Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).


    Top