Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0755

    Kawża T-755/17: Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2017 – Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs ECHA

    ĠU C 32, 29.1.2018, p. 37–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.1.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 32/37


    Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2017 – Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs ECHA

    (Kawża T-755/17)

    (2018/C 032/51)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: D. Klebs u T. Henze, Rechtsanwälte)

    Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-ECHA tat-8 ta’ Settembru 2017 (Każ Nru A-026-2015), sa fejn il-Bord tal-Appell, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Istati Membri tal-1 ta’ Ottubru 2015 dwar is-sustanza “1,4-Benzenediamine, N, N'-mixed phenyl and tolyl derivatives” (iktar ’il quddiem “BENPAT”) CAS Nru 68953-84-4 (Nru CE 273-227-8):

    annulla parzjalment din id-deċiżjoni sa fejn kienet tipprovdi li d-dikjaranti kienu identifikaw, matul l-istudju, il-metaboliti konformement mat-test OECD TG 309,

    annulla parzjalment l-imsemmija deċiżjoni sa fejn kienet tipprovdi li studju kellu jitwettaq konformement mat-test OECD TG 308, u

    iddeċieda li d-dikjarazzjoni dwar il-bijoakkumulazzjoni kellha titneħħa mill-espożizzjoni tal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni;

    u tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

    B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell mar lil hinn mil-limiti tal-kompetenzi tiegħu sa fejn, matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, eżamina u analizza mill-ġdid id-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni fl-intier tagħha u b’hekk ikkonkluda (b’mod żbaljat kemm minn aspett formali kif ukoll fir-rigward tal-mertu) li kien hemm lok li d-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Istati Membri tiġi annullata u rriformata parzjalment.

    1.

    L-ewwel motiv: il-Bord tal-Appell ma għandux kompetenza fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ mertu marbuta mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni.

    2.

    It-tieni motiv: ksur tal-ġurisprudenza Meroni tal-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn il-Bord tal-Appell, bħala korp ta’ aġenzija tal-Unjoni, ma għandux setgħa diskrezzjonali sabiex jadotta deċiżjoni tiegħu stess.

    3.

    It-tielet motiv: ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi sa fejn il-Bord tal-Appell ma rrispettax id-drittijiet tal-Istati Membri, kif stabbiliti permezz tas-setgħa ta’ deċiżjoni tagħhom fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA, peress li d-dritt tal-Unjoni ma fihx bażi legali li tippermettilu jaġixxi.

    4.

    Ir-raba’ motiv: ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH (1), sa fejn il-Bord tal-Appell ma għandux il-kompetenza li jistħarreġ fil-mertu d-deċiżjonijiet ta’ evalwazzjoni.

    Sussidjarjament, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell għandu biss setgħat ta’ stħarriġ limitati fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ evalwazzjoni meħuda skont l-Artikolu 51(8) tar-Regolament REACH.

    5.

    Il-ħames motiv: ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, sa fejn il-Bord tal-Appell ma stabbilixxiex l-allegata setgħa ta’ stħarriġ tiegħu.

    6.

    Is-sitt motiv: id-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata u illegali fil-mertu.


    (1)  Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1).


    Top