Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0196

    Kawża T-196/17: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Marżu 2017 – Naftogaz of Ukraine vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 151, 15.5.2017, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.5.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 151/45


    Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Marżu 2017 – Naftogaz of Ukraine vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-196/17)

    (2017/C 151/58)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: NJSC Naftogaz of Ukraine (Kiev, l-Ukraina) (rappreżentanti: D. Mjaaland, A. Haga, P. Grzejszczak, u M. Krakowiak, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016)6950, tat-28 ta’ Ottubru 2016, dwar il-verifika tal-eżenzjoni tal-Ostseepipeline-Anbindungsleitung mir-rekwiżiti relatati mal-aċċess ta’ terzi u mar-regolamentazzjoni ta’ tariffi mogħtija skont id-Direttiva 2003/55/KE; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, li jallega li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2016 hija nulla u mingħajr effett minħabba nuqqas ta’ kompetenza.

    L-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2009/73/KE ma jagħtix lill-Kummissjoni l-kompetenza sabiex tapprova deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja li temenda eżenzjoni mogħtija skont l-Artikolu 36(1) u li hija kienet approvat preċedentement.

    Sussidjarjament, jekk il-Kummissjoni għandha l-kompetenza sabiex tapprova tali deċiżjoni, hija għandha tali kompetenza biss f’sitwazzjonijiet limitati, pereżempju meta tkun seħħet bidla sostanzjali fiċ-ċirkustanzi mid-data tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni preċedenti. Fil-każ kuntrarju, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jiġi ppreġudikat. Il-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata tadotta id-deċiżjoni fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

    2.

    It-tieni motiv, li jallega ksur tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73/KE.

    Sussidjarjament, jekk bħala prinċipju l-Kummissjoni kellha l-kompetenza sabiex tadotta d-deċiżjoni, hija setgħet tadottaha legalment biss jekk il-kriterji fl-Artikolu 36(1) kienu ssodisfatti.

    Id-deċiżjoni ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 36(1)(a). Id-deċiżjoni ma hijiex ser ttejjeb il-kompetizzjoni fil-provvista tal-gass u ma hijiex ser ittejjeb is-sigurtà tal-provvista fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tal-Unjoni Ewropea u tal-Komunità tal-Enerġija.

    Id-deċiżjoni ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 36(1)(b). Ma hemm l-ebda riskju għall-investiment peress li l-pipeline rilevanti ilha topera minn Lulju 2011.

    Id-deċiżjoni ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 36(1)(e). Id-deċiżjoni hija detrimentali għall-kompetizzjoni u għall-funzjonament effettiv tas-suq intern fl-Unjoni Ewropea u fil-Komunità tal-Enerġija, peress li tista’ tkabbar il-pożizzjoni dominanti ta’ PJSC Gazprom u tal-affiljati tagħha fis-suq ġeografiku rilevanti u tikkontribwixxi għat-tqassim tas-suq intern skont il-fruntieri nazzjonali.

    3.

    It-tielet motiv, li jallega nuqqas ta’ motivazzjoni.

    Bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE, id-deċiżjoni ma’ tagħtix motivazzjoni suffiċjenti jew provi li jsostnu l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

    4.

    Ir-raba’ motiv, li jallega ksur tal-Artikolu 216(2) TFUE.

    Skont l-Artikolu 216(2) TFUE, ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni Ewropea jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

    Bi ksur tal-Artikolu 6 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija, id-deċiżjoni tista’ tiddestabbilizza l-qafas regolatorju u tas-suq li jistimula l-investiment fin-netwerks tal-gass, tnaqqas is-sigurtà tal-provvista u twaqqaf l-iżvilupp tal-kompetizzjoni. Bi ksur tal-Artikolu 18 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija, id-deċiżjoni tippermetti lil Gazprom tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq rilevanti.

    Bi ksur tal-Artikolu 6(1) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, id-deċiżjoni għandha effett detrimentali fuq il-kompetizzjoni fis-settur tal-enerġija. Bi ksur tal-Artikolu 10(1) tal-Karta tal-Enerġija, id-deċiżjoni tagħti trattament preferenzjali lil Gazprom bħala investitur u għandha effett ħażin fuq l-investimenti ta’ Naftogaz fis-sistema Ukraina tat-trasport tal-gass.

    Bi ksur tal-Artikolu 274 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, id-deċiżjoni ġiet adottata mingħajr konsultazzjoni jew kooperazzjoni mal-Ukraina.


    Top