EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0116

Kawża T-116/17: Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2017 – Spiegel-Verlag Rudolf Augstein u Sauga vs BĊE

ĠU C 121, 18.4.2017, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 121/44


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2017 – Spiegel-Verlag Rudolf Augstein u Sauga vs BĊE

(Kawża T-116/17)

(2017/C 121/64)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Spiegel-Verlag Rudolf Augstein GmbH & Co. KG (Hamburg, il-Ġermanja) u Michael Sauga (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentanti: A. Koreng u T. Feldmann, avukati)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew, innotifikata b’ittra tal-15 ta’ Diċembru 2016, li permezz tagħha ġiet miċħuda t-talba tar-rikorrenti għal aċċess għal żewġ dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew “The Impact on government deficit and debt from off-market swaps. The Greek case” (SEC/GovC/X/10/88a) u “The Titlos transaction and possible existence of similar transactions impacting on the euro area government debt or deficit levels” (SEC/GovC/X/10/88b);

tordna lill-Bank Ċentrali Ewropew ibati l-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv: applikazzjoni żbaljata tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni ECB/2004/3 (1)

Ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE ma stabbilixxiex b’mod suffiċjenti li l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati kien ser jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tal-politika finanzjarja, monetarja u ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

Wara sitt snin minn meta tfasslu d-dokumenti u wara bidla fundamentali taċ-ċirkustanzi kuntestwali, ir-riskju ta’ detriment għall-interess pubbliku invokat mill-BĊE ma għadux effettivament rilevanti.

2.

It-tieni motiv: applikazzjoni żbaljata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni ECB/2004/03

Ir-rikorrenti jsostnu li d-dokumenti inkwistjoni ma servewx għall-preparazzjoni ta’ deċiżjonijiet konkreti iżda sempliċement għall-formazzjoni ġenerali ta’ opinjoni u għall-finijiet ta’ informazzjoni fi ħdan il-BĊE.

Barra minn hekk, lanqas ma huwa aċċettabbli l-fatt li l-impjegati tal-BĊE jkunu intimidati mill-possibbiltà ta’ żvelar ta’ dokumenti.

Barra minn hekk, skont l-istatus quo, fid-dawl tad-dokumenti inkwistjoni ma hemm ebda perikolu ta’ influwenza inadatta minn terz fuq id-deliberazzjonijiet tal-BĊE.

Barra minn hekk, il-BĊE ma osservax u ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-interess pubbliku għall-aċċess għall-informazzjoni.

Fl-aħħar nett, ma huwiex il-BĊE li għandu jevalwa kif id-dibattitu pubbliku jista’ jistagħna, iżda dan huwa pjuttost ir-rwol tal-istampa li jirriżulta mill-“funzjoni ta’ viġilanza” li ġiet irrikonoxxuta lilha mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.


(1)  Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-4 ta’ Marzu 2004, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2004/3) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol.5, p. 51)


Top