EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0715

Kawża C-715/17: Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

ĠU C 112, 26.3.2018, p. 18–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 112/18


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-715/17)

(2018/C 112/24)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Stobiecka-Kuik u G. Wils, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi ma indikatx f’intervalli regolari, jew tal-inqas kull tliet xhur, numru xieraq ta’ applikanti li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, b’effett mis-16 ta’ Marzu 2016, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 u taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 kif ukoll, konsegwentement, l-obbligi ta’ rilokazzjoni oħra li huma previsti fl-Artikolu 5(4) sa (11), taż-żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill imsemmija iktar ’il fuq;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-mekkaniżmu provviżorju ta’ rilokazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ urġenza ġie stabbilit minn żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati f’Settembru 2015, jiġifieri d-Deċiżjoni (UE) 2015/1523 (1) u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 (2), li skont dawn l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jirrilokaw persuni li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali mill-Italja u mill-Greċja.

Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipproponu postijiet għall-bżonnijiet tar-rilokazzjoni, kull tliet xhur, sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tal-proċedura ta’ rilokazzjoni, b’mod ordnat. Minkejja li kważi l-Istati Membri kollha kienu ħadu passi sabiex jiżguraw l-osservanza tal-impenji tagħhom f’din il-kwistjoni, inkluż għar-rilokazzjoni, il-Polonja ma wettqet ebda rilokazzjoni, u minn Diċembru 2015, ma pproponiet ebda post disponibbli għal rilokazzjoni.

Fis-16 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni bdiet proċedura ta’ ksur kontra r-Repubblika tal-Polonja.

Billi qieset li t-tweġiba pprovduta mill-Polonja kienet insodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tkompli bl-istadju segwenti tal-proċedura ta’ ksur, billi indirizzat opinjoni motivata lil dan l-Istat fis-26 ta’ Lulju 2017.

Billi qieset it-tweġiba għall-opinjoni motivata wkoll bħala insodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta rikors kontra l-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, minn dan l-istess Stat, tal-obbligi legali tiegħu fil-qasam ta’ rilokazzjoni.


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU 2015, L 239, p. 146).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU 2015, L 248, p. 80).


Top