Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0074

    Kawża C-74/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fl-10 ta’ Frar 2017 – Jonathan Heintges vs Germanwings GmbH

    ĠU C 151, 15.5.2017, p. 17–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.5.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 151/17


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fl-10 ta’ Frar 2017 – Jonathan Heintges vs Germanwings GmbH

    (Kawża C-74/17)

    (2017/C 151/22)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Amtsgericht Düsseldorf

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Jonathan Heintges

    Konvenuta: Germanwings GmbH

    Domandi preliminari

    I.

    L-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li d-“drittijiet […] għal kumpens ulterjuri” li hemm riferiment għalihom fl-imsemmi artikolu jkopru biss drittijiet li l-bażijiet tagħhom jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament?

    II.

    a.

    Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li kumpannija tal-ajru ma twettaqx is-servizzi previsti fl-Artikolu 8(1) u (2), din id-dispożizzjoni tagħti lok għal dritt għal kumpens separat lill-passiġġier minħabba n-nuqqas ta’ twettiq tal-imsemmija servizzi u, jekk dan ikun il-każ, dan id-dritt ikun ikopri wkoll ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti għal trasport alternattiv organizzat mill-passiġġier stess sabiex jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu?

    aa.

    Fil-każ li r-risposta tkun fl-affermattiv, it-tnaqqis previst mit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu japplika għall-kumpens dovut minħabba t-trasport alternattiv organizzat mill-passiġġier stess?

    b.

    Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv u d-dritt nazzjonali jinkludi dispożizzjoni li tipprovdi li, minħabba ksur tal-obbligu previst fl-Artikolu 8 tar-Regolament, il-passiġġier jibbenefika minn dritt għal rimbors mingħand il-kumpannija tal-ajru tal-ispejjeż sostnuti minħabba arranġamenti ta’ trasport alternattiv li għamel huwa stess, it-tnaqqis previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) għandu japplika għal dan id-dritt għal kumpens previst fid-dritt nazzjonali?

    c.

    Fil-każ li, fir-rigward tat-tnaqqis skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 261/2004, tingħata risposta fl-affermattiv għal waħda mid-domandi taħt il-punt II.a jew il-punt II.b, l-Artikolu 12 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-imsemmi tnaqqis japplika awtomatikament mingħajr ma jkun neċessarju għall-parti responsabbli mill-ħlas tal-kumpens li tinvoka tali tnaqqis?


    (1)  Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10)


    Top