Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0032

    Kawża C-32/17 P: Appell ippreżentat fit-23 ta’ Jannar 2017 minn Apcoa Parking Holdings GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-8 ta’ Novembru 2016 fil-Kawżi magħquda T-268/15 u T-272/15 – Apcoa Parking Holdings GmbH vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

    ĠU C 151, 15.5.2017, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.5.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 151/15


    Appell ippreżentat fit-23 ta’ Jannar 2017 minn Apcoa Parking Holdings GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-8 ta’ Novembru 2016 fil-Kawżi magħquda T-268/15 u T-272/15 – Apcoa Parking Holdings GmbH vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

    (Kawża C-32/17 P)

    (2017/C 151/21)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellanti: Apcoa Parking Holdings GmbH (rappreżentant: A. Lohmann, avukat)

    Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

    Talbiet

    tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Is-Seba’ Awla), tat-8 ta’ Novembru 2016, fil-Kawżi magħquda T-268/15 u T-272/15;

    tannulla d-deċiżjonijiet tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO (li qabel kien l-UASI), tal-25 ta’ Marzu 2015, fil-proċedimenti tal-appell R 2062/2014-4 u R 2063/2014-4;

    tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Skont l-appellanti, id-digriet huwa bbażat fuq vizzju proċedurali (l-ewwel aggravju). Barra minn hekk, huwa jikser id-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni elementi fattwali importanti (it-tieni aggravju). Hija żnaturat fatti (it-tielet aggravju). Id-digriet jippreġudika l-prinċipju ta’ karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ir-raba’ aggravju).

    L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ir-rikorsi mingħajr ma żammet seduta għat-trattazzjoni tal-każ, minkejja li l-appellanti talbet espressament li tinżamm tali seduta.

    Seduta ma kinitx superfluwa, peress li r-rikors la kien manifestament inammissibbli u lanqas ma kien kjarament infondat fid-dritt. Għalhekk, id-digriet huwa bbażat fuq vizzju proċedurali.

    It-tieni aggravju: id-digriet tal-Qorti Ġenerali jikser id-dritt tal-Unjoni. Kuntrarjament għal dak deċiż mill-Qorti Ġenerali, ma hemm ebda raġuni assoluta għal rifjut fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 (1) li tipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ trade marks kontenzjużi, li ma humiex indikazzjonijiet deskrittivi.

    Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni elementi fattwali rilevanti. Hija qieset li, għall-pubbliku tar-Renju Unit, it-terminu anglofonu “Parkway” ifisser parking fi stazzjon tal-ferrovija. F’dan ir-rigward, hija, madankollu, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Uffiċċju tat-Trade Marks tar-Renju Unit kien diġà ġie adit fid-dettall b’din il-kwistjoni, inkluż waqt seduta, u, wara eżami dettaljat, huwa kien ċaħad li kien hemm indikazzjoni deskrittiva. Meta t-terminu jintuża b’mod iżolat, kif jidher fit-trade mark, dan ma għandux it-tifsira mogħtija lilu mill-Qorti Ġenerali. Trade marks identiċi “Parkway” tqiesu denji li jkunu protetti u rreġistrati wara estensjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali f’diversi Stati Membri (fosthom l-Irlanda) kif ukoll bħala applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni nazzjonali fir-Renju Unit.

    Il-Qorti Ġenerali injorat dan u indikat biss li hija ma hijiex ġeneralment marbuta bid-deċiżjonijiet nazzjonali. F’dan ir-rigward, hija naqset milli tqis li l-fatt li ma hijiex marbuta ma jiddispensahiex mill-obbligu li tal-inqas tqis u tevalwa l-elementi fattwali rilevanti kollha. Ir-reġistrazzjonijiet nazzjonali ta’ trade marks identiċi fl-Istati Membri taż-żona lingwistika minn fejn id-denominazzjoni kontenjuża toriġina jikkostitwixxu fi kwalunkwe każ elementi fattwali rilevanti. Il-fatt li dawn ma jittiħdux inkunsiderazzjoni huwa żball ta’ liġi.

    It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wasslet għat-tifsira tat-terminu “Parkway” li fuqha hija bbażat ruħha minn żewġ sorsi ta’ dizzjunarji. Madankollu, hija rriproduċiethom b’mod inkomplet u żnaturathom. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li minn dawn is-sorsi wieħed ma jistax jiddeduċi tifsira ġenerali tat-terminu “Parkway” ikkunsidrata b’mod iżolat bħal dik li fuqha hija bbażat id-deċiżjoni tagħha. Dan joħroġ ukoll fid-dettall mid-deċiżjoni tal-Uffiċċju tat-Trade Marks tar-Renju Unit dwar il-kwalità tat-trade mark li tippermettilha li tkun protetta f’dan it-territorju. Dan l-uffiċċju wasal għall-konklużjoni li t-tifsira tat-terminu indikata fid-dizzjunarju ma tipprekludix protezzjoni bħala trade mark. Kieku l-Qorti Ġenerali evalwat sewwa s-sorsi, hija kienet tasal għall-istess konklużjoni. Iż-żnaturament tal-fatti jikkostitwixxi huwa wkoll żball ta’ liġi.

    Ir-raba’ aggravju: id-digriet jippreġudika wkoll il-prinċipju ta’ karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, minkejja li f’ebda Stat Membru ma teżisti raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, il-Qorti Ġenerali pprekludiet lill-appellanti milli tikseb għat-trade marks tagħha protezzjoni unitarja tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).


    Top