Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0251

    Kawża C-251/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda) fit-2 ta’ Mejju 2016 – Edward Cussens, John Jennings, Vincent Kingston vs T. G. Brosman

    ĠU C 243, 4.7.2016, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.7.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 243/23


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda) fit-2 ta’ Mejju 2016 – Edward Cussens, John Jennings, Vincent Kingston vs T. G. Brosman

    (Kawża C-251/16)

    (2016/C 243/24)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Qorti tar-rinviju

    Supreme Court

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Edward Cussens, John Jennings, Vincent Kingston

    Konvenut: T. G. Brosman

    Domandi preliminari

    1)

    Il-prinċipju ta’ abbuż ta’ dritt, li kif ġie ddikjarat fis-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C-225/02, EU:C:2006:121, huwa applikabbli fil-qasam tal-VAT, għandu effett dirett kontra individwu fl-assenza ta’ miżura nazzjonali, kemm jekk leġiżlattiva kif ukoll jekk ġudizzjarja, li timplementa dan il-prinċipju, meta, bħal ma huwa l-każ f’din il-kawża, ir-riklassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ qabel il-bejgħ u ta’ dawk tal-bejgħ lix-xerrejja (iktar ’il quddiem imsemmija, flimkien, it-“tranżazzjonijiet tar-rikorrenti”), kif issuġġerita mill-Commissioners, tnissel fi ħdan ir-rikorrenti responsabbiltà għall-ħlas tal-VAT, filwaqt li, skont applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ dak iż-żmien għat-tranżazzjonijiet tar-rikorrenti, tali responsabbiltà ma kinitx tnisslet?

    2)

    Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-prinċipju ta’ abbuż ta’ dritt għandu effett dirett għal individwu, anki fl-assenza ta’ miżura nazzjonali, kemm jekk leġiżlattiva kif ukoll jekk ġudizzjarja, li timplementa dan il-prinċipju, l-istess prinċipju huwa suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jiġi applikat għat-tranżazzjonijiet tar-rikorrenti mwettqa qabel ma ngħatat is-sentenza Halifax, u b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti?

    3)

    Jekk il-prinċipju ta’ abbuż ta’ dritt japplika għat-tranżazzjonijiet tar-rikorrenti b’tali mod li dawn għandhom jiġu rriklassifikati,

    a)

    liema huwa l-mekkaniżmu ġuridiku li permezz tiegħu għandha tiġi evalwata u miġbura l-VAT dovuta fuq it-tranżazzjonijiet tar-rikorrenti, peress li skont id-dritt nazzjonali l-ebda VAT ma hija dovuta, determinabbli jew ma għandha tinġabar, u

    b)

    kif jistgħu il-qrati nazzjonali jimponu tali responsabbiltà għall-ħlas tal-VAT?

    4)

    Sabiex tiddetermina jekk l-għan essenzjali tat-tranżazzjonijiet tar-rikorrenti kienx li jinkiseb vantaġġ fiskali, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tranżazzjonijiet ta’ qabel il-bejgħ (li, kif ġie deċiż, twettqu biss għal raġunijiet fiskali) b’mod iżolat, jew inkella għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għan globali tat-tranżazzjonijiet tar-rikorrenti?

    5)

    L-Artikolu 4(9) tal-liġi tal-VAT għandu jiġi ttrattat bħala leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi s-Sitt Direttiva (1), minkejja l-fatt li huwa inkompatibbli mad-dispożizzjoni leġiżlattiva prevista fl-Artikolu 4(3) tas-Sitt Direttiva li, jekk jiġi interpretat korrettament, iwassal sabiex ir-rikorrenti jiġu ttrattati, f’dak li jirrigwarda l-kunsinna qabel l-ewwel okkupazzjoni tal-proprjetà immobbli, bħala persuni taxxabbli, filwaqt li diġà kien hemm ċessjoni preċedenti suġġetta għall-VAT?

    6)

    Jekk l-Artikolu 4(9) huwa inkompatibbli mas-Sitt Direttiva, ir-rikorrenti li jużaw din id-dispożizzjoni jkunu qegħdin iwettqu abbuż ta’ dritt li jmur kontra l-prinċipji sanċiti fis-sentenza Halifax?

    7)

    Sussidjarjament, jekk l-Artikolu 4(9) huwa inkompatibbli mas-Sitt Direttiva, ir-rikorrenti kisbu vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan tad-Direttiva u jew tal-Artikolu 4?

    8)

    Anki jekk l-Artikolu 4(9) ma għandux jiġi ttrattat bħala li jittrasponi s-Sitt Direttiva, il-prinċipju ta’ abbuż ta’ dritt kif stabbilit fis-sentenza Halifax japplika madankollu għat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Halifax?


    (1)  Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).


    Top