Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0603

Kawża T-603/15: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2015 – Frank vs Il-Kummissjoni

ĠU C 48, 8.2.2016, p. 52–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/52


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2015 – Frank vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-603/15)

(2016/C 048/60)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Regine Frank (Bonn, il-Ġermanja) (rappreżentanti: W. Trautner, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni, innotifikata permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Ġunju 2015, li ma evalwatx b’mod pożittiv il-proġett tar-rikorrenti Nru 680151 – QUASIMODO fl-ewwel fażi u li ma ħallitux jgħaddi għall-evalwazzjoni tat-tieni fażi;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li ċaħdet l-appell amministrattiv li hija ressqet kontra d-deċiżjoni tal-ERCEA (Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka) tal-5 ta’ Ġunju 2015, li ma evalwatx b’mod pożittiv il-proġett tar-rikorrenti Nru 680151 – QUASIMODO ippreżentat fl-ambitu tas-sejħa għal proposti u attivitajiet relatati taħt il-Programm ta’ Ħidma ERC 2015 tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) – “Orizzont 2020”, u li ma ħallietx lil dan il-proġett jgħaddi għall-evalwazzjoni tat-tieni fażi.

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka żewġ motivi:

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' trasparenza

Ir-rikorrenti ssostni li l-ERCEA aġixxiet b’mod li jikser f’diversi aspetti l-prinċipju ta’ trasparenza. Il-kriterji ta’ evalwazzjoni la huma esposti fil-“Guidelines for Applicants” u lanqas ma huma spjegati b’mod koerenti fid-deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2015.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, permezz ta’ evalwazzjonijiet indifferenzjati u attakki kontra r-reputazzjoni xjentifika tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza.


Top