Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0590

    Kawża T-590/15: Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Ottubru 2015 – Onix Asigurări vs EIOPA

    ĠU C 414, 14.12.2015, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 414/34


    Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Ottubru 2015 – Onix Asigurări vs EIOPA

    (Kawża T-590/15)

    (2015/C 414/45)

    Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

    Partijiet

    Rikorrenti: Onix Asigurări SA (Bukarest, ir-Rumanija) (rappreżentant: M. Vladu, avukat)

    Konvenuta: L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA)

    Talbiet

    tikkonstata li l-konvenuta naqset milli taġixxi fis-sens tat-teħid ta’ deċiżjoni kontra l-applikazzjoni żbaljata, mill-Istituto per la Vigilanza sulle Assicurazioni [awtorità Taljana ta’ sorveljanza tas-settur tal-assigurazzjonijiet], tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40(6) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE;

    sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell BOA 2015 001, tat-3 ta’ Awwissu 2015, kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-President EIOPA-14-267, tas-6 ta’ Ġunju 2014, ikkonfermata bil-pożizzjoni EIOPA-14-653, tal-24 ta’ Novembru 2014;

    tikkonstata li l-konvenuta hija responsabbli għad-dannu kkawżat lir-rikorrenti permezz tan-nuqqas tagħha milli tieħu deċiżjoni, konformement mal-punt 1, kif ukoll permezz tat-teħid tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 2

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    Ma hemmx deċiżjoni adottata legalment mill-konvenuta dwar il-fondatezza u l-adegwatezza tal-ftuħ ta’ investigazzjoni;

    Id-deċiżjoni tal-President EIOPA-14-267, tas-6 ta’ Ġunju 2014, ġiet adottata mingħajr ma l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 39(1), (2) u (3) tar-Regolament kienu ssodisfatti;

    Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-President EIOPA-14-267, tas-6 ta’ Ġunju 2014, ma għandhiex rabta mal-aspetti relatati mal-adegwatezza tal-ftuħ ta’ investigazzjoni, li fir-realtà hija magħmula minn kunsiderazzjonijiet dwar il-motivi proċedurali li r-rikorrenti għandha kontra d-deċiżjoni mogħtija mill-awtorità nazzjonali Taljana.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur ta’ formalità sostanzjali b’rabta mad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell BOA 2015 001, tat-3 ta’ Awwissu 2015, u mad-deċiżjoni tal-President EIOPA-14-267, tas-6 ta’ Ġunju 2014

    Il-Bord tal-Appell adotta d-deċiżjoni tiegħu mingħajr ma analizza l-legalità u l-fondatezza tad-deċiżjoni tal-President EIOPA-14-267, tas-6 ta’ Ġunju 2014, u ta soluzzjoni mingħajr ma analizza l-elementi kollha ppreżentati quddiemu;

    Id-deċiżjoni tal-President EIOPA-14-267, tas-6 ta’ Ġunju 2014, ġiet adottata mingħajr ma l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 39(1), (2) u (3) tar-Regolament kienu ssodisfatti u ma kinitx motivata, tal-inqas sa fejn tikkonċerna l-aspetti essenzjali taħt eżami.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ dannu materjali u f’termini ta’ immaġni sostnut mir-rikorrenti (it-tnaqqis tad-dħul mill-bejgħ u tal-profitt, l-impatt negativ fuq ir-reputazzjoni tagħha), li l-konvenuta kkawżat b’mod dirett u intenzjonali billi naqset milli tieħu deċiżjoni, kif ukoll billi adottat id-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, li huma invalidi.


    Top