Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0403

    Kawża T-403/15: Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2015 – JYSK vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 311, 21.9.2015, p. 58–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.9.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 311/58


    Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2015 – JYSK vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-403/15)

    (2015/C 311/63)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: JYSK sp. z o.o. (Radomsko, il-Polonja) (rappreżentant: H. Sønderby Christensen, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummisjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 3228 finali, tal-11 ta’ Mejju 2015, dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-proġett kbir “Ċentru Ewropew ta’ Servizzi Kondiviżi – Sistemi ta’ loġistika intelliġenti”, li jagħmel parti mill-programm operattiv “Ekonomija Innovattiva” għal għajnuna mill-FEŻR fil-kuntest tal-għan ta’ Konverġenza fil-Polonja.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li JYSK kienet tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-Gvern Pollakk u l-għanijiet kemm tal-programm operattiv “Ekonomija Innovattiva” 2007-2013 (PO EI) kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-proġett huwa konformi mal-PO EI u mad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

    Ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-kriterji stabbiliti fis-Submiżura 4.5.2. (Anness 2) huma konformi mal-PO EI u mad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-proġett huwa konformi mal-kriterji stabbiliti u/jew li JYSK kienet intitolata għal marka ta’ 60,5 punti.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq l-essenza ta’ din il-kawża.

    Ir-rikorrenti ssostni li din il-kawża – fil-fatt – ma għandhiex x’taqsam ma’ JYSK – għaliex il-partijiet kollha – inkluża l-Kummissjoni – jaqblu fuq il-fatt li JYSK fil-fatt issodisfat il-kriterji stabbiliti. Skont ir-rikorrenti, din il-kawża għalhekk hija biss tilwima dwar il-legalità bejn, minn naħa, l-amministrazzjoni Pollakka, u min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni. Dan ma għandux jirrendi lil JYSK vittma.

    4.

    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li r-rappreżentant tal-Kummissjoni kkonferma li l-amministrazzjoni Pollakka hija konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u mal-PO EI.

    Skont ir-rikorrenti, huwa ċar li l-Kummissjoni qablet mar-rekwiżiti stabbiliti kollha u li hija aċċettat il-PO EI u l-implementazzjoni konkreta.

    5.

    Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni tikser it-tqassim ta’ kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-amministrazzjoni Pollakka kif ukoll il-prinċipju ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità.

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa tiċħad appoġġ nazzjonali għal raġunijiet li dwarhom għandha tittieħed deċiżjoni mill-amministrazzjoni Pollakka – minħabba l-esperjenza fil-qrib ta’ din tal-aħħar f’dan il-qasam. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni lanqas ma għandha s-setgħa tiċħad tali appoġġ għal raġunijiet li kienet taf bihom fiż-żmien tal-applikazzjoni ta’ JYSK. It-“tabella ta’ valutazzjoni” (Submiżura 4.5.2.) allegatament tesprimi eżattament l-għanijiet u l-iskopijiet tal-PO EI u t-tnejn li huma kienu magħrufa mir-rappreżentant tal-Kummissjoni fil-Kumitat ta’ monitoraġġ fiż-żmien tal-applikazzjoni ta’ JYSK. Il-ftehim/interpretazzjoni korrett tal-PO EI, skont ir-rikorrenti, għandu jieħu inkunsiderazzjoni t-tagħrif speċifiku tal-amminstrazzjoni Pollakka rigward il-postijiet tax-xogħol u l-kompetenzi tal-ħaddiema f’Radomsko, u l-Kummissjoni ma għandhiex tirrevoka fid-dettalji kollha l-evalwazzjoni tal-amministrazzjoni Pollakka meta timplementa l-programm, u lanqas ma huwa korrett li jitqiesu kwalunkwe intenzjoni jew “mira” tal-PO EI bħala deċiżivi, kif tagħmel il-Kummissjoni. Skont ir-rikorrenti, ftehim korrett tal-PO EI u tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jkun ibbażat fuq il-fatt li xi wħud mid-dispożizzjonijiet huma ta’ importanza ikbar minn oħrajn – kif muri fit-tabella ta’ valutazzjoni (Submiżura 4.5.2.).

    6.

    Is-sitt motiv, li jikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

    Ir-rikorrenti ssostni li ebda wieħed mit-tliet argumenti prinċipali ma kienu fis-seħħ u/jew deċiżivi fis-sens li l-Kummissjoni tallega u fis-sens li l-Kummissjoni tirreferi għalih fiż-żmien tal-applikazzjoni ta’ JYSK (Lulju 2008). Skont ir-rikorrenti, ma jistgħux għaldaqstant ikunu rilevanti f’dan il-każ u, sa fejn din il-qorti tikkonstata li huma rilevanti, ma kinux deċiżivi.


    Top