Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0590

    Kawża C-590/15 P: Appell ippreżentat fit-13 ta’ Novembru 2015 minn Alain Laurent Brouillard mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fl-14 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-420/13, Brouillard vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

    ĠU C 48, 8.2.2016, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.2.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 48/11


    Appell ippreżentat fit-13 ta’ Novembru 2015 minn Alain Laurent Brouillard mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fl-14 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-420/13, Brouillard vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

    (Kawża C-590/15 P)

    (2016/C 048/19)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Appellant: Alain Laurent Brouillard (rappreżentant: P. Vande Casteele, avukat)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    tiddikjara l-appell fondat u tannulla s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2015 (T-420/13);

    tannulla l-ittri tal-5 ta’ Ġunju 2013 li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tistieden lil IDEST Communication SA, minn naħa, sabiex tissottometti offerti fil-kuntest tal-proċedura nnegozjata ta’ għoti tal-kuntratti fid-dawl tal-konklużjoni tal-kuntratti-qafas għat-traduzzjoni ta’ testi legali ta’ ċerti lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea lejn il-Franċiż (ĠU 2013/S 047-075037) u, min-naħa l-oħra, tikkonferma li l-appellant ma kienx imqabbad għall-provvista ta’ servizzi li hija s-suġġett tal-kuntratt.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    1.

    Fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi għat-traduzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qieset li l-appellant ma setax jiġi aċċettat bħala subappaltatur ta’ kumpannija mistiedna tissottometti offerta minħabba li “[…] id-diploma li [kien] kiseb mill-Università ta’ Poitiers (master fil-liġi, ekonomija, amministrazzjoni, għall-finijiet professjonali, dritt privat, bi speċjalizzazzjoni għall-ġuristi lingwisti), minkejja li kieket tikkostitwixxi diploma fil-livell ta’ master 2, ma kinitx turi taħriġ legali komplut” u li “din l-evalwazzjoni [kienet] konformi ma’ prattika stabbilita tal-unità ta’ traduzzjoni tal-lingwa Franċiża, li tqis li t-taħriġ ta’ ‘ġurista lingwista’ propost mill-Università ta’ Poitiers (master 2) ma huwiex taħriġ legali li jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt III.2.1 tal-avviż ta’ kuntratt”, peress li huwa speċifikat li “l-metodu ta’ ksib tad-diploma (‘VAE’, jiġifieri validazzjoni tal-kisba tal-esperjenza) ma kellu l-ebda impatt fuq l-evalwazzjoni […]”.

    2.

    L-appellant jallega ksur tal-prinċipji ġenerali tal-ugwaljanza, tal-libertà ta’ stabbiliment, tal-moviment liberu tal-ħaddiema, tal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-Artikoli 14, 15, 16, 20, 21, 51 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikoli 45, 49, 51, 56 u 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tad-dritt għall-edukazzjoni u għall-istruzzjoni, kif ukoll żball ta’ liġi u eċċess ta’ poter.

    3.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li ma kienx hemm “indħil” fid-drittijiet u l-libertajiet iċċitati iktar 'il fuq. L-iżball ta’ liġi huwa iktar u iktar stabbilit peress li l-appellant għandu kwalifiki li huma intiżi, essenzjalment, għall-provvista ta’ servizzi ta’ traduzzjoni legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, minn tal-inqas “indaħħlet” fid-dritt tal-appellant milli jibbenefika mill-istudji segwiti bħala avukat u bħala traduttur Universitarju.

    4.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi wkoll u kisret id-dritt tal-Unjoni meta qieset li l-awtorità kontraenti ma kinitx obbligata li tagħmel paragun minħabba l-fatt li d-Direttiva 2005/36 (1) ma kinitx tapplika u li, għaldaqstant “l-appellant ma setax jistrieħ fuq il-ġurisprudenza dwar ir-rikonoxximent tad-diplomi sabiex isostni li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tieħu inkunsiderazzjoni kwalifiki u esperjenza oħra tal-appellant”.

    5.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi ieħor meta qieset li l-awtorità kontraenti setgħet ġustament ma tiħux inkunsiderazzjoni d-diploma ta’ “master fil-liġi” (Bac + 5), mogħtija fi Franza, u dan “fid-dawl tad-diversi diplomi disponibbli fil-Belġju u fi Franza qabel u wara r-riforma tal-2004 li tarmonizza d-diplomi tal-edukazzjoni superjuri fl-Ewropea”.

    6.

    Il-ksur tal-libertajiet fundamentali u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ċċitati iktar 'il fuq, meħuda weħidhom jew flimkien mal-prinċipji ta’ proporzjonalità, jirriżulta wkoll mill-fatt li d-deċiżjoni sabiex l-appellant jiġi eskluż kienet ġiet adottata mingħajr ma ttieħdu inkunsiderazzjoni d-diplomi, iċ-ċertifikati u l-kwalifiki l-oħra u l-esperjenza professjonali rilevanti tiegħu u mingħajr ma ġew ipparagunati l-kwalifiki akkademiċi u professjonali pprovduti minnu ma’ dawk rikjesti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.


    (1)  Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, p. 22).


    Top