EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0552

Kawża C-552/15: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda

ĠU C 414, 14.12.2015, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 414/23


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda

(Kawża C-552/15)

(2015/C 414/30)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Wasmeier, J. Tomkin, aġenti)

Konvenuta: L-Irlanda

Talbiet

tiddikjara li, billi imponiet ammont sħiħ ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq ir-reġistrazzjoni minn resident Irlandiż ta’ vettura bil-mutur mogħtija b’leasing jew mikrija fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni t-tul tal-użu, fejn il-vettura ma hija intiża la biex tintuża essenzjalment fl-Irlanda fuq bażi permanenti u lanqas fil-fatt ma ntużat b’dan il-mod, u billi stabbilixxiet kundizzjonijiet għal rimbors ta’ din it-taxxa li jmorru lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju u proporzjonat, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni

Il-liġi tal-finanzi tal-Irlanda tal-1992 (Ireland’s Finance Act, 1992) (kif emendata) tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ taxxa fuq ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur importati fl-Istat. Skont dan l-att, l-importaturi ta’ vetturi huma obbligati li jħallsu, mar-reġistrazzjoni, it-taxxa kollha applikabbli għal reġistrazzjoni permanenti. Dan ir-rekwiżit japplika għall-karozzi importati kollha irrispettivament mit-tul intiż u reali tal-użu tagħhom fl-Istat u jinkludi karozzi li huma mikrija jew mogħtija b’leasing barra mill-pajjiż għal perijodi ta’ żmien limitati stabbiliti minn qabel. Filwaqt li l-awtoritajiet Irlandiżi introduċew il-possibbiltà li jiksbu rimbors sussegwenti ta’ taxxa eċċessiva mħallsa, dan ir-rimbors jista’ jingħata biss wara ispezzjoni u esportazzjoni tal-vettura inkwistjoni. Ma hemm ebda dispożizzjoni dwar l-interessi li għandhom jitħallsu fuq taxxa eċċessiva li kienet inżammet u ħlas ta’ EUR 500 huwa impost għall-amministrazzjoni tal-proċedura ta’ rimbors.

Argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sistema tal-Irlanda għall-intaxxar tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur timponi ċirkulazzjoni tal-flus u piż finanzjarju sproporzjonati fuq residenti Irlandiżi li jkunu qed ifittxu li jimportaw karozzi mikrija jew mogħtija b’leasing għal perijodi ta’ żmien limitati stabbiliti minn qabel. Fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-regoli nazzjonali inkwistjoni jagħmlu kunsiderevolment iktar diffiċli u li jiswa iktar flus li karozzi jinkrew jew jingħataw b’leasing minn Stati Membri oħra milli li karozzi jinkrew jew jingħataw b’leasing minn impriżi stabbiliti fl-Irlanda. Il-Kummissjoni ssostni li t-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi tal-Irlanda tista’ tostakola l-provvista u li persuni jirċievu servizzi ta’ leasing u ta’ kiri, hija sproporzjonata, u għalhekk tikser l-Artikolu 56 TFEU.


Top