Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0501

    Kawża C-501/15 P: Appell ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2015 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fil-15 ta’ Lulju 2015 fil-Kawża T-24/13 – Cactus S.A. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    ĠU C 414, 14.12.2015, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 414/18


    Appell ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2015 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fil-15 ta’ Lulju 2015 fil-Kawża T-24/13 – Cactus S.A. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    (Kawża C-501/15 P)

    (2015/C 414/22)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellant: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (rappreżentant: A. Folliard-Monguiral, aġent)

    Parti oħra fil-proċedura: Cactus S.A.

    Talbiet

    tilqa’ l-appell fl-intier tiegħu;

    tannulla s-sentenza appellata

    tikkkundanna lil Cactus S.A. għall-ispejjeż sostnuti mill-UASI.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Skont is-sentenza “IP Translator”, id-denominazzjoni tal-intesatura ta’ klassi tista’ tkopri l-prodotti jew servizzi kollha inklużi fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi. Madankollu, din id-denominazzjoni ma tistax titqies bħala talba għall-prodotti u għas-servizzi kollha ta’ klassi partikolari. Il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat is-sentenza “IP Translator” u kisret l-Artikolu 28 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1) u r-Regola 2 tar-Regolament Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, billi pparagunat il-kopertura tal-intestatura ta’ klassi fil-klassi 35 mas-servizzi kollha f’din il-klassi. Peress li la s-servizzi bl-imnut inkwantu tali u lanqas is-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut ta’ pjanti naturali ħajjin u fjuri, ċereali; frott u ħxejjex friski” ma huma inklużi fil-lista alfabetika fil-klassi 35, it-trade marks Komunitarji preċedenti ma humiex protetti fir-rigward ta’ dawn is-servizzi. Ir-rekwiżit li jiġu speċifikati l-prodotti jew tipi ta’ prodotti li għalihom is-servizzi bl-imnut jirrelataw, li japplika għat-trade marks kollha inklużi dawk li għalihom saret applikazzjoni qabel is-sentenza “Praktiker” huwa ostakolu ieħor għall-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li d-denominazzjoni astratta tal-intestatura ta’ klassi fil-klassi 35 testendi għal servizzi bl-imnut fir-rigward tal-prodotti possibbli kollha.

    Il-konstatazzjoni li l-użu biss tal-kaktus stilizzat ma jbiddilx il-karattru distintiv tat-trade mark figurattiva preċedenti, skont it-tifsira tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, hija vvizzjata b’erba’ żbalji ta’ liġi. Meta bbażat il-konklużjoni tagħha biss fuq il-konkordanza semantika bejn il-logo u l-element verbali, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina sa fejn l-element verbali “Cactus” kien distintiv u importanti fit-trade mark kumplessa preċedenti. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi viżivi u (possibbli) fonetiċi bejn il-logo u t-trade mark kumplessa, billi bi żball ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq għarfien preċedenti li l-pubbliku fil-Lussemburgu għandu tat-trade mark kumplessa preċedenti u naqset milli tikkunsidra l-perċezzjoni tal-pubbliku Ewropew bħala ħaġa waħda.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).


    Top