EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CA0115

Kawża C-115/15: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) – ir-Renju Unit) – Secretary of State for the Home Department vs NA (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 20 u 21 TFUE — Direttiva 2004/38/KE — Punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Artikolu 12 — Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni — Żwieġ bejn ċittadin tal-Unjoni u ċittadin ta’ pajjiż terz — Atti ta’ vjolenza konjugali — Divorzju wara t-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni — Żamma tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu l-kustodja ta’ wliedhom, li huma ċittadini tal-Unjoni)

ĠU C 335, 12.9.2016, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 335/14


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) – ir-Renju Unit) – Secretary of State for the Home Department vs NA

(Kawża C-115/15) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikoli 20 u 21 TFUE - Direttiva 2004/38/KE - Punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) - Regolament (KEE) Nru 1612/68 - Artikolu 12 - Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni - Żwieġ bejn ċittadin tal-Unjoni u ċittadin ta’ pajjiż terz - Atti ta’ vjolenza konjugali - Divorzju wara t-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni - Żamma tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu l-kustodja ta’ wliedhom, li huma ċittadini tal-Unjoni))

(2016/C 335/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Secretary of State for the Home Department

Konvenuta: NA

Fil-preżenza ta’: Aire Centre

Dispożittiv

1)

Il-punt ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad 29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ Stat terz, li huwa ddivorzjat minn ċittadin tal-Unjoni li tiegħu kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika matul iż-żwieġ, ma jistax jibbenefika miż-żamma tad-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, meta qabel il-bidu tal-proċeduri ġudizzjarji ta’ divorzju l-konjuġi ċittadin tal-Unjoni jkun telaq minn dan l-Istat Membru.

2)

L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li wild u l-ġenitur li huwa ċittadin ta’ Stat terz u li għandu l-kustodja esklużiva tiegħu jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-ġenitur l-ieħor huwa ċittadin tal-Unjoni u ħadem f’dan l-Istat Membru, iżda ma baqax jirrisjedi hemmhekk qabel ma l-wild beda l-edukazzjoni tiegħu f’dan l-Istat Membru.

3)

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li la jagħti dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti lil ċittadin tal-Unjoni li huwa minuri, li huwa residenti minn twelidu f’dan l-Istat Membru li ma huwiex ċittadin tiegħu, u lanqas lill-ġenitur, ċittadin ta’ Stat terz, li għandu l-kustodja esklużiva tal-imsemmi minuri, meta dawn jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru taħt dispożizzjoni tad-dritt idderivat tal-Unjoni.

4)

L-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-imsemmi ċittadin tal-Unjoni li huwa minuri dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, sakemm jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, liema fatt hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Jekk dan ikun il-każ, din l-istess dispożizzjoni tippermetti lill-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti.


(1)  ĠU C 171, 26.5.2015.


Top