Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0754

    Kawża T-754/14: Rikors ippreżentat fl- 10 ta’ Novembru 2014 – Efler et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 34, 2.2.2015, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.2.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 34/39


    Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Novembru 2014 – Efler et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-754/14)

    (2015/C 034/47)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Michael Efler (Berlin, il-Ġermanja), Pedro De Birto E. Abreu Krupenski (Lisbona, il-Portugall), Susan Vance George (Pariġi, Franza), Otto Jaako Kronqvist (Ħelsinki, il-Finlandja), Blanche Léonie Denise Weber (Lussemburgu, il-Lussemburgu), John Jephson Hilary (Londra, ir-Renju Unit), Ileana-Lavinia Andrei (Bukarest, ir-Rumanija) (rappreżentant: Professur B. Kempen)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014)6501 li tirrifjuta t-talba għar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropea intitolata “Stop TTIP” tal-10 ta’ Settembru 2014;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża u ta’ intervenjenti eventwali.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(4) TUE, tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 (1) sa fejn il-Kummissjoni sabet li l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma kinitx taqa’ fl-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni.

    Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonstatat li r-rakkomandazzjoni mixtieqa, intiża sabiex il-Kummissjoni tirrakkomanda t-tħassir tal-mandat għal negozjati dwar it-“Transatlantic Trade and Investment Partnership” (TTIP), ma kinitx tipprevedi “att legali” fis-sens tal-Artikolu 11(4) TUE. Fil-fatt, kemm l-għoti kif ukoll l-irtirar ta’ mandat għal negozjati huma deċiżjonijiet tal-Kunsill skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, li jikkostitwixxu fl-istess ħin “atti legali” fis-sens tal-Artikolu 11(4) TUE.

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li, għall-inizjattiva taċ-ċittadini kontra l-“Comprehensive Economic and Trade Agreement” (CETA) u t-TTIP, il-Kummissjoni ma setgħetx tintalab sabiex ma tirrakkomandax li l-Kunsill jadotta d-diversi ftehimiet internazzjonali nnegozjati u li hija lanqas ma setgħet tintalab li tirrakkomanda li tittieħed deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ adozzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-ftehimiet. Fil-fatt, ma hemm xejn fl-Artikolu 11(4) TUE, fl-Artikolu 2(1) u fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 fis-sens li inizjattiva taċ-ċittadini tkun inammissibbli jekk tfittex li tannulla att legali eżistenti jew li ma jiġix adottat att legali propost.

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li n-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini “STOP TTIP” hija wkoll illegali minħabba l-fatt li l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma hijiex “manifestament” barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41, kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni

    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma osservatx dawn il-prinċipji billi rrifjutat li tirreġistra, għar-rikorrenti, l-inizjattiva taċ-ċittadini kontra t-TTIP u s-CETA, minkejja li, preċedentement, hija kienet irreġistrat inizjattiva taċ-ċittadini (“Swiss-Out-Initiative”) intiża għar-rexissjoni tal-ftehim ta’ moviment liberu mal-Isvizzera.


    (1)  Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 65, p. 1).


    Top