Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0660

Kawża T-660/14: Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Settembru 2014 – SV Capital vs EBA

ĠU C 431, 1.12.2014, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 431/29


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Settembru 2014 – SV Capital vs EBA

(Kawża T-660/14)

(2014/C 431/52)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: SV Capital OÜ (Tallinn, l-Estonja) (rappreżentant: M. Greinoman, avukat)

Konvenuta: L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA)

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni Nru EBA C 2013 002 tal-EBA, tal-21 ta’ Frar 2014, kollha kemm hi;

tannulla d-Deċiżjoni Nru BoA 2014-CI-02 tal-Bord tal-Appell tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej sa fejn tiċħad l-appell;

tirrinvija l-każ quddiem il-korp kompetenti tal-EBA sabiex jiġi eżaminat il-mertu tal-ilment ta’ SV Capital OÜ datat 24 ta’ Ottubru 2012 (kif issupplimentat);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti għall-eżekuzzjoni tas-sentenza jew tad-digriet tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt, sa fejn id-deċiżjoni Nru EBA C 2013 002 tiddikjara li “la [RR] u lanqas [OP] ma kienu kapijiet tal-fergħa ta’ Nordea Bank Finland jew detenturi ta’ funzjoni ewlenija fis-sens tal-Linji gwida tal-EBA”, minkejja li l-Bord tal-Appell aċċetta l-prova kuntrarja tar-rikorrenti.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta naqset milli teżerċita diskrezzjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt i) li Nordea tinsab fuq il-lista ta’ 29 istituzzjonijiet finanzjarji ta’ importanza sistematika mondjali stabbilita mill-Bord ta’ Stabbiltà Finanzjarja, ii) li hija konglomerat finanzjarju, iii) li l-fergħa Estonjana tagħha hija fergħa sostanzjali u iv_ li l-ksur allegat huwa ta’ natura gravi.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 39(1) tar-Regolament EBA (1) u tal-Artikolu 16 tal-Kodiċi ta’ kondotta amministrattiva tajba tal-EBA (2), sa fejn ir-rikorrenti ma ngħatatx l-opportunità li tesprimi l-fehmiet tagħha dwar ir-raġunament u d-dikjarazzjonijiet ta’ fatt tal-konvenuta qabel ma ttieħdet id-Deċiżjoni kkontestata Nru EBA C 2013 002, billi l-konvenuta ma informatx lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li ma tibdiex l-investigazzjoni mitluba ta’ Nordea Bank Finland u ma pprovdietx ir-raġunijiet għal dan.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(3), (4) u (5) tar-Regoli interni tal-EBA (3), sa fejn il-President supplenti tal-EBA ma ġiex informat abbażi ta’ informazzjoni anonimizzata dwar id-deċiżjoni prevista li ma tinbediex investigazzjoni.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter u aġir mhux raġonevoli tal-EBA, sa fejn il-konvenuta aġixxiet b’mod parzjali u, fid-dawl taż-żmien u tal-isforzi ddedikati mill-konvenuta għall-ilment u għall-ammissibbiltà tiegħu, ma kien hemm ebda raġuni għalfejn il-każ kellu jingħalaq mingħajr ma ttieħdet deċiżjoni mmotivata fuq il-mertu tiegħu.


(1)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, p. 12).

(2)  Deċiżjoni DC 006 tal-Bord Maniġerjali, tat-12 ta’ Jannar 2011, dwar il-Kodiċi ta’ kondotta amministrattiva tajba tal-EBA.

(3)  Deċiżjoni DC 054 tal-Bord tas-Superviżuri, tal-5 ta’ Lulju 2012, dwar ir-Regoli interni għat-trattament tal-investigazzjonijiet dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni.


Top