EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0329

Kawża C-329/12: Rikors ippreżentat fil- 11 ta’ Lulju 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

ĠU C 287, 22.9.2012, p. 23–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/23


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Lulju 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-329/12)

2012/C 287/42

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Hetsch u B. Schima, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha

tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2006/24/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE, billi ma adottatx kompletament il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva jew li ma kkomunitahomx kollha lill-Kummissjoni;

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, taħt l-Artikolu 260(3) TFUE, għall-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 315 036,54, pagabbli fuq il-kont tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea, għall-ksur tal-obbligu ta’ notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni;

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

It-terminu għat-traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni skada fil-15 Settembru 2007.

Permezz ta’ sentenza tat-2 Marzu 2010, il-Bundesverfassungsgericht Ġermaniża ddikjarat li l-miżuri ta’ traspożizzjoni adottati mill-Ġermanja kienu antikostituzzjonali u bla effett. Sussegwentement, il-Gvern Ġermaniż ikkomunika lill-Kummissjoni li d-Direttiva kienet parzjalment trasposta permezz ta’ dispożizzjonijiet legali li kienu fis-seħħ. Insegwitu, il-Gvern Federali issottometta abbozz ta’ liġi għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva.

Peress li sa issa l-abbozz inkwistjoni għadu ma ġiex adottat, il-Kummissjoni tqis li mingħajr l-ebda dubju r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva. It-traspożizzjoni parzjali invokata ma hijiex biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva taħt l-Artikolu 1 tagħha. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li hija tikkunsidra li l-abbozz imressaq mill-Ġermanja ma kienx insuffiċjenti għat-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva.


(1)  ĠU L 105, p. 54.


Top