Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0465

    Kawża T-465/09: Rikors ippreżentat fid- 19 ta’ Novembru 2009 — Jurašinović vs Il-Kunsill

    ĠU C 24, 30.1.2010, p. 59–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.1.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 24/59


    Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2009 — Jurašinović vs Il-Kunsill

    (Kawża T-465/09)

    2010/C 24/105

    Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: Ivan Jurašinović (Angers, Franza) (rappreżentant: M. Jarry, avukat)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrent

    tannulla d-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009 li permezz tagħha r-rikorrent ingħata biss awtorizzazzjoni għal aċċess parzjali għad-dokumenti li ġejjin: Rapporti tal-osservaturi tal-Unjoni Ewropea preżenti fil-Kroazja, fiż-żona ta’ Knin, mill-1 sal-31 ta’ Awwissu 1995;

    tikkundanna lill-Kunsill tal-UE — Segretarjat Ġenerali jawtorizza l-aċċess, taħt forma elettronika, għat-totalità tad-dokumenti mitluba;

    tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jħallas lir-rikorrent somma ta’ EUR 2 000 mingħajr taxxa jew EUR 2 392 bit-taxxa inkluża, bħala kumpens proċedurali bir-rati ta’ imgħax tal-BĊE fil-ġurnata tal-preżentata tar-rikors.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009 li tirrifjutalu l-aċċess integrali għar-rapporti tal-osservaturi tal-Unjoni Ewropea preżenti fil-Kroazja, fir-reġjun ta’ Knin, mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Awwissu 1995.

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi bbażati:

    fuq in-nuqqas ta’ theddida għall-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1) sa fejn:

    l-ebda ħarsien speċifiku ma jista’ japplika għad-dokumenti inkwistjoni; u

    anki fl-ipoteżi li jista’ japplika ħarsien speċifiku għad-dokumenti mitluba, l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li “[l]-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument”. Issa, nofs il-perijodu massimu ta’ ħarsien imsemmi fl-Artikolu 4(7) għadda, li jiġġustifika l-għoti tal-aċċess għad-dokumenti mitluba;

    fl-aħħar, id-dokumenti li hija mitluba l-komunikazzjoni tagħhom mhumiex dokumenti sensittivi fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001;

    fuq in-nuqqas ta’ theddida għall-ħarsien tas-sigurtà pubblika skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn:

    il-fatt li terzi persuni esprimew l-opinjoni tagħhom f’dawn id-dokumenti “b’mod kunfidenzjali” huwa bla effett peress li r-Regolament Nru 1049/2001 ma jippermetti lill-ebda istituzzjoni tirrifjuta aċċess għal dokument sabiex jiġu protetti ipotetiċi “terzi persuni”;

    l-argument tal-Kunsill għall-“protezzjoni” tal-integrità fiżika tal-osservaturi, tax-xhieda u tas-sorsi jindika rieda ta’ protezzjoni tal-interessi privati ta’ dawn il-persuni u ma jaffettwax is-sigurtà pubblika; u

    il-Kunsill dejjem għandu l-possibbiltà, sabiex jiżgura d-diskrezzjoni fir-rigward ta’ ċerti persuni filwaqt li jipproteġi l-interessi tal-pubbliku, li jillimita l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti mitluba billi jħassar, fl-imsemmija dokumenti, ir-referenzi għall-ismijiet li jippermettu li jiġu identifikati “terzi persuni”.

    fuq il-fatt li d-dokumenti mitluba kienu diġà ġew żvelati.


    (1)  Regolament (KE), Nru 1049/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3 p. 331)


    Top