Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0380

Kawża C-380/09 P: Appell ippreżentat fil- 25 ta’ Settembru 2009 minn Melli Bank plc mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) mogħtija fid- 9 ta’ Lulju 2009 fil-Kawżi T-246/08 u T-332/08, Melli Bank plc vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sostnuta minn Ir-Repubblika ta’ Franza, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

ĠU C 282, 21.11.2009, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 282/30


Appell ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2009 minn Melli Bank plc mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) mogħtija fid-9 ta’ Lulju 2009 fil-Kawżi T-246/08 u T-332/08, Melli Bank plc vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sostnuta minn Ir-Repubblika ta’ Franza, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

(Kawża C-380/09 P)

2009/C 282/52

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Melli Bank plc (rappreżentanti: S. Gadhia, Solicitor, T. Din, Solicitor, D. Anderson QC, R. Blakeley, Avukat)

Appellati: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Ir-Repubblika ta’ Franza, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob lill-Qorti:

tannulla s-sentenza appellata;

tilqa’ r-rikorsi fil-Kawżi T-246/08 u T-332/08;

tannulla r-raba’ paragrafu tat-tabella B li jidher fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/EC, li jikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-Iran, sa fejn jirrigwarda lill-Melli Bank plc;

jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssib li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament huwa ta’ applikazzjoni vinkolanti, tiddikjara l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill 423/2007/KE inapplikabbli; u

tordna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż tal-appell u tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni illi l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żbalji ta’ liġi fil-kawża appellata f’diversi elementi tad-deċiżjoni li wasslu għal ksur tad-dritt Komunitarju f’erba’ elementi prinċipali:

(1)

il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament bħala dispożizzjoni imperattiva;

(2)

il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi ddikjarat li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament kien koerenti mal-prinċipju ta’ proporzjonalità taħt id-dritt Komunitarju;

(3)

il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fil-formulazzjoni u l-applikazzjoni tal-eżami li jiddetermina jekk l-appellanti kinitx miżmuma u kkontrollata mill-Parent; u

(4)

il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Kunsill issodisfa l-obbligu tiegħu li jimmotiva d-deċiżjoni li jitniżżel isem l-appellanti fil-lista.

Konsegwentement, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

(1)

tannulla s-sentenza appellata;

(2)

tilqa’ r-rikorsi fil-Kawżi T-246/08 u T-332/08;

3)

tannulla r-raba’ paragrafu tat-tabella B li jidher fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/EC, li jikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-Iran, sa fejn jirrigwarda lill-Melli Bank plc;

(4)

jekk il-Qorti ssib illi l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament jallega li huwa ta’ applikazzjoni vinkolanti, tiddikjara l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill 423/2007/KE inapplikabbli; u

(5)

tordna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż tal-appell u tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.


Top