Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0335

    Kawża C-335/09 P: Appell ippreżentat fl- 24 ta’ Awwissu 2009 mir-Repubblika tal-Polonja mis-sentenza mogħtija fl- 10 ta’ Ġunju 2009 mill-Qorti tal-prim’Istanza (L-Ewwel Awla Estiża) fil-kawża T-257/04, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    ĠU C 282, 21.11.2009, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.11.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 282/21


    Appell ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2009 mir-Repubblika tal-Polonja mis-sentenza mogħtija fl-10 ta’ Ġunju 2009 mill-Qorti tal-prim’Istanza (L-Ewwel Awla Estiża) fil-kawża T-257/04, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    (Kawża C-335/09 P)

    2009/C 282/39

    Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk

    Partijiet

    Appellanti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: M. Dowgielewicz, aġent)

    Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla fit-totalità tagħha s-sentenza mogħtija fl-10 ta’ Ġunju 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fil-Kawża T-257/04, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej;

    tiddikjara bħala invalidu l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(3) u t-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (KE) Nru 1972/2003 tal-10 ta’ Novembru 2003, dwar miżuri tranżitorji sabiex jiġu addottati fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti agrikoli minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Polonja, Slovenja u Slovakkja, (1) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 230/2004, tal-10 ta’ Frar 2004 (2), u bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 735/2004, tal-20 ta’ April 2004; (3)

    tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja;

    tiddeċiedi fuq dan l-appell bħala l-Awla Manja.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Fl-ewwel lok, sa fejn is-sentenza appellata tgħid li, fir-rigward tar-Regolament Nru 1972/2003, ir-rikors tressaq wara li t-terminu għall-preżentata tiegħu kien skada u għaldaqstant ġie miċħud bħala inammissibili (punti 32 u 63 tas-sentenza appellata).

    qed jiġi sostnut li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet interpretazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 1 tal-Kunsill li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Trattat ta’ Adeżjoni billi kkunsidrat li t-terminu għall-preżentata tar-rikors għal dikjarazzjoni li r-Regolament Nru 1972/2003 kien invalidu beda jiddekorri mid-data tal-publikazzjoni ta’dak ir-Regolament fil-lingwi ufficjali tal-Komunità tal-Ħmistax, u għalhekk qabel ma l-publikazzjoni fil-lingwi uffiċjali tal-Komunità mkabbra kienet tlestiet;

    qed jiġi sostnut li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet interpretazzjoni żbaljata tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE billi kkunsidrat li r-Repubblika tal-Polonja setgħet b’mod effettiv tippreżenta rikors sabiex ir-Regolament Nru 1972/2003 jiġi ddikjarat invalidu qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea fil-kwalità ta’ persuna ġuridika skont din id-dispożizzjoni;

    ksur tal-prinċipji ta’ komunità bbażata fuq l-istat ta’ dritt u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva billi r-Repubblika tal-Polonja ġiet imċaħħda mid-dritt li tissottometti għal stħarriġ ġudizzjarju l-validità tar-Regolament Nru 1972/2003, minkejja l-fatt li l-imsemmi regolament kien indirizzat li r-Repubblika tal-Polonja bħala Stat Membru;

    ksur tal-prinċipji ta’ solidarjetà u ta’ bona fede billi r-Repubblika tal-Polonja ġiet imċaħħda mid-dritt li tissottometti għal stħarriġ ġudizzjarju l-validità ta’ miżura li emendat illegalment il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea u biddlet l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mill-adeżjoni mal-Komunità;

    ksur tar-regoli tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza billi l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja li jikkonċernaw il-ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà u tal-prinċipju ta’ bona fede ma ġewx eżaminati u billi s-sentenza appellata ma kinitx suffiċjentement motivata.

    Fit-tieni lok, sa fejn is-sentenza appellata ċaħdet it-talba għall-konstatazzjoni li r-Regolament Nru 735/2004 kien invalidu, sa fejn ir-Regolament jissuġġetta seba’ kategoriji ta’ prodotti mir-Repubblika tal-Polonja għall-miżura prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1972/2003 (punti 80 u 136 tas-sentenza appellata):

    ksur tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità billi kkunsidrat li l-livell ta’ ħlasijiet previst fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1972/2003 kien xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mill-miżura tranżitorja inkwistjoni, anki jekk il-ħlas tad-differenza f’rati tad-dwana kien ikun suffiċjenti għal prevenzioni ta’ spekulazzjoni u biex jinnewtralizza l-profitti spekulattivi, il-ħlas tal-ammont imsemmi ma kienx iwassal għat-twettiq tal-għanijiet ta’ protezzjoni meta tiġi kkunsidrata d-data li fiha daħal fis-seħħ (11-il ġurnata qabel id-data tal-adeżjoni), u minkejja n-nuqqas ta’ konnessjoni bejn il-livell ta’ ħlasijiet stabbiliti u l-kamp ta’ applikazzjoni evidenti tiegħu;

    ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi l-Qorti kkunsidrat li l-livell ta’ ħlas previst fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1972/2003 ġie stabbilit abbażi ta’ kriterju oġġettiv ta’ differenzjazzjoni.

    Fit-tielet lok, sa fejn is-sentenza appellata ċaħdet it-talba għall-konstatazzjoni li r-Regolament Nru 735/2004 kien invalidu, sa fejn żied seba’ kategoriji ta’ prodotti mir-Repubblika tal-Polonja mal-lista ta’ prodotti fit-tmien inċiż tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1972/2003 (punti 137 sa 160 tas-sentenza appellata):

    ksur tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità billi kkunsidrat li l-ħlas tat-taxxi previst fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1972/2003 għal prodotti li għalihom d-dazju fuq l-importazzjoni fir-Repubblika tal-Polonja kien ekwivalenti għal jew ogħla mid-dazju fuq l-importazzjoni Komunitarja qabel l-adeżjoni, kien indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan tal-miżuri previsti fl-imsemmi regolament.

    Fir-raba’ lok, sa fejn is-sentenza appellata ċaħdet it-talba għall-konstatazzjoni li r-Regolament Nru 735/2004 kien invalidu sa fejn żied seba’ kategoriji ta’ prodotti mir-Repubblika tal-Polonja mal-miżura prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 (punti 161 sa 249 tas-sentenza appellata):

    ksur tad-dritt Komunitarju, jiġifieri, interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003, interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni, u ksur tal-prinċipju ta’ ġerarkija tan-normi legali billi kkunsidrat li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1972/2003 kien neċessarju sabiex jiġi protett l-effett tal-Artikolu 4 tar-Regolament u seta’ jiġi adottat abbażi tal-Artikolul 41 tal-Att ta’ Adeżjoni bħala deroga mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Att;

    ksur tal-Artikolu 253 KE billi kkunsidrat li l-motivi li ngħataw għall-miżuri tranżitorji inkwistjoni kienu adegwati;

    ksur tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija billi kkunsidrat li l-miżuri tranżitorji addottati abbażi tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni mhumiex suġġetti għal evalwazzjoni rigward l-osservanza tal-Artikolu 25 KE;

    ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi rrikonoxxiet li kienet oġġettivament ġustifikata d-differenza fit-trattament bejn operaturi ġejjin mir-Repubblika tal-Polonja u operaturi ġejjin mill-Istati tal-Komunità tal-Ħmistax permezz tal-applikazzjoni tas-sistemi ta’ sospensioni fuq prodotti meħuda fid-data tal-adeżjoni, waqt li kienu f’ċirkulazzjoni ħielsa fir-Repubblika tal-Polonja qabel l-adeżjoni, ġew suġġetti għad-dazju fuq l-importazzjoni erga omnes u rrilaxxati mil-istess dazju fuq il-prodotti li, qabel l-adeżjoni, kienu f’ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità tal-Ħmistax, li fir-rigward tagħhom ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni ma ntalbux;

    ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi kkunsidrat li l- Komunità ma ħolqitx minn qabel sitwazzjoni li setgħet tqajjem l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi Pollakki.


    (1)  ĠU L 293 ta’ 11.11.2003, p. 3.

    (2)  ĠU L 39 ta’ 11.02.2004, p. 13.

    (3)  ĠU L 114 ta’ 21.04.2004, p. 13.


    Top