Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0226

    Kawża C-226/09: Rikors ippreżentat fid- 19 ta’ Ġunju 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs L-Irlanda

    ĠU C 220, 12.9.2009, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.9.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 220/18


    Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ġunju 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs L-Irlanda

    (Kawża C-226/09)

    2009/C 220/33

    Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentant: M. Konstantinidis, A.-A. Gilly, aġenti)

    Konvenuta: L-Irlanda

    Talbiet tal-parti rikorrenti

    tiddikjara li, billi attribwixxiet piż lill-kriterji għall-għoti ta’ kuntratt wara d-data tal-egħluq għas-sottomissjoni tal-offerti, u billi emendathom wara r-reviżjoni inizjali tal-offerti mitfugħa, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

    tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Fil-każ tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, l-awtorità kontraenti ppubblikat kundizzjonijiet u termini fejn kien raġonevoli li jitqies li l-kriterji għall-għoti tal-kuntratt kienu ser jiġu applikati f’ordni ta’ importanza dixxendenti. Wara d-data tal-egħluq tal-offerti mitfugħa, hija ddeċidiet li tattribwixxi piż relattiv lill-kriterji għall-għoti ta’ kuntratt. Wara reviżjoni inizjali tal-offerti mitfugħa, il-grupp ta’ evalwazzjoni tal-awtorità kontraenti ddiskuta l-possibbiltà li jiġi varjat dan il-piż, u eventwalment li jiġi emendat.

    Il-piż relattiv mogħti lill-kriterji għall-għoti tal-kuntratt wara s-sottomissjoni tal-offerti u r-reviżjoni inizjali biddel l-enfasi fost il-kriterji għall-għoti ta’ kuntratt u alloka importanza relattiva materjalment differenti minn dik li offerent kien raġonevolment mistenni li jifhem mid-dokumenti tal-kuntratt.

    Peress li l-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni hija għall-provvista ta’ servizzi li mhumiex elenkati fl-Anness II A tad-Direttiva 2004/18/KE (1), ir-regoli proċedurali ddettaljati ta’ dik id-direttiva ma japplikawx. Għaldaqstant, anki l-Artikolu 40 tad-direttiva, li jistabbilixxi li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jispeċifikaw fis-sejħa tal-offerti, tal-anqas, il-piż relattiv ta’ kriterji għall-għoti tal-kuntratt, jew l-ordni dixxendenti ta’ importanza tagħhom, ma japplikax. Madankollu, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, l-awtorità kontraenti hija marbuta li tosserva l-prinċipji fundamentali tat-Trattat, inklużi l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza.

    Il-Kummissjoni ssostni li billi emendat il-kriterji għall-għoti ta’ kuntratt waqt il-proċedura għall-għoti, l-awtorità kontraenti, li kellha l-obbligu li tosserva r-regoli u l-prinċipji fundamentali tat-Trattat KE, kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.


    (1)  Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi

    ĠU L 134, p. 114


    Top