Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CA0480

Kawża C-480/08: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat- 23 ta’ Frar 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Court of Appeal — Ir-Renju Unit) — Maria Teixeira vs London Borough of Lambeth, Secretary of State for the Home Department (Moviment liberu tal-persuni — Dritt ta’ residenza — Ċittadina ta’ Stat Membru li ħadmet fi Stat Membru ieħor u li għexet hemm wara t-tmiem tal-attività professjonali tagħha — Minuri li jsegwi taħriġ professjonali fl-Istat Membru ospitanti — Nuqqas ta’ riżorsi għall-għajxien — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Artikolu 12 — Direttiva 2004/38/KE)

ĠU C 100, 17.4.2010, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta’ Frar 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Court of Appeal — Ir-Renju Unit) — Maria Teixeira vs London Borough of Lambeth, Secretary of State for the Home Department

(Kawża C-480/08) (1)

(Moviment liberu tal-persuni - Dritt ta’ residenza - Ċittadina ta’ Stat Membru li ħadmet fi Stat Membru ieħor u li għexet hemm wara t-tmiem tal-attività professjonali tagħha - Minuri li jsegwi taħriġ professjonali fl-Istat Membru ospitanti - Nuqqas ta’ riżorsi għall-għajxien - Regolament (KEE) Nru 1612/68 - Artikolu 12 - Direttiva 2004/38/KE)

2010/C 100/08

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Maria Teixeira

Konvenuti: London Borough of Lambeth, Secretary of State for the Home Department

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Court of Appeal (Ir-Renju Unit) — Interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15) — Dritt ta’ residenza fir-Renju Unit ta’ ċittadina tal-Unjoni li ma għandhiex iktar il-kwalità ta’ ħaddiem u li ma għandhiex iktar ġustifikazzjoni għad-dritt ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema — Dritt għall-wild ta’ tali ċittadina li jirrisjedi fir-Renju Unit sabiex jikkonkludi kors ta’ taħriġ professjonali — Dritt tal-omm li tirrisjedi f’dak il-pajjiż mal-wild tagħha bħala tutur.

Dispożittiv

(1)

Ċittadin ta’ Stat Membru li kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li fih il-wild tiegħu jsegwi xi studji jista’, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jinvoka, fil-kwalità tiegħu ta’ ġenitur li għandu l-kustodja effettiva ta’ dan il-wild, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti fuq is-sempliċi bażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas-27 ta’ Lulju 1992, mingħajr ma jkun neċessarju li jissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE.

(2)

Id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika minnu l-ġenitur li għandu l-kustodja effettiva ta’ wild li jeżerċita d-dritt li jsegwi l-istudji tiegħu skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-ġenitur għandu jiddisponi minn riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirx piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ dan l-Istat Membru waqt ir-residenza tiegħu, u minn assigurazzjoni medika komprensiva.

(3)

Id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika minnu l-ġenitur li għandu l-kustodja effettiva ta’ wild ta’ ħaddiem migrant, waqt li dan il-wild isegwi xi studji f’dan l-Istat, mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri tal-wild kien iwettaq, fil-ġurnata li fiha dan tal-aħħar beda l-istudji tiegħu, attività professjonali fil-kwalità ta’ ħaddiem migrant fl-imsemmi Stat Membru.

(4)

Id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika minnha l-ġenitur li għandu l-kustodja effettiva ta’ wild ta’ ħaddiem migrant, waqt li dan il-wild isegwi xi studji f’dan l-Istat, jintemm meta dan il-wild isir maġġorenni, sakemm il-wild ma jibqax ikollu bżonn tal-preżenza u l-kura ta’ dan il-ġenitur sabiex ikun jista’ jsegwi u jispiċċa l-istudji tiegħu.


(1)  ĠU C 32, 07.02.2009.


Top