EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0004

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, fir-rigward tal-Unjoni tal-Kamerun

COM/2023/4 final

Brussell, 5.1.2023

COM(2023) 4 final

2023/0003(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, fir-rigward tal-Unjoni tal-Kamerun


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 1 (ir-Regolament IUU).

Kuntest ġenerali

Din il-proposta qiegħda ssir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament IUU u hija r-riżultat ta' proċeduri ta’ analiżi u ta’ djalogu li twettqu skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament IUU li jipprevedi, inter alia, li l-pajjiżi kollha jenħtieġ li jaqdu dmirjiethom skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd IUU.

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Frar 2021 (ĠU C 59, 19.2.2021, p. 1) li tinnotifika lir-Repubblika tal-Kamerun dwar il-possibbiltà li din tiġi identifikata bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Jannar 2023 2 li tidentifika lill-Kamerun bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

Konsistenza ma’ politiki u objettivi oħra tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-partijiet interessati kkonċernati mill-proċediment kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul il-proċeduri ta’ analiżi u ta’ djalogu, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament IUU.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm ħtieġa ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament IUU.

Ir-Regolament IUU ma jinkludix dispożizzjonijiet għall-valutazzjoni ġenerali tal-impatt iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Fis-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni, b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni, innotifikat lill-Kamerun li l-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU.

Il-Kummissjoni bdiet démarches fir-rigward tal-Kamerun. Dawn id-démarches kienu jikkonsistu, inter alia, minn azzjonijiet li jipprovdu raġunijiet għall-azzjonijiet tagħha, opportunità għall-pajjiż biex iwieġeb u jiċħad, id-dritt li jitlob u jipprovdi informazzjoni addizzjonali, il-pjanijiet ta’ azzjoni proposti bħala rimedju għas-sitwazzjoni kif ukoll żmien biżżejjed biex iwieġeb u żmien raġonevoli biex jirrettifika s-sitwazzjoni.

Fil-5 ta’ Jannar 2023 il-Kummissjoni, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, identifikat lill-Kamerun bħala pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis bħala pajjiżi terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU.

Il-proposta mehmuża għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija bbażata fuq is-sejbiet li kkonfermaw li l-Kamerun naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq.

Għalhekk, qed jiġi propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Deċiżjoni.

Bażi ġuridika

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-forma ta’ azzjoni tinsab deskritta fir-Regolament IUU u ma tħalli l-ebda lok għal deċiżjoni nazzjonali.

L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jkollhom iġorru l-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini jitnaqqas kemm jista’ jkun u jkun proporzjonat mal-objettiv tal-proposta, ma hijiex applikabbli.

Għażla tal-istrumenti

L-istrumenti proposti: deċiżjoni.

Mezzi oħra ma jkunux xierqa minħabba r-raġuni li ġejja:

Mezzi oħra ma jkunux xierqa billi r-Regolament IUU ma jistipulax għażliet alternattivi.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

2023/0003 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, fir-rigward tal-Unjoni tal-Kamerun

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 3 (ir-Regolament IUU), u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

INTRODUZZJONI

(1)Ir-Regolament IUU jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU).

(2)Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura biex jiġu identifikati pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, id-démarches fir-rigward ta’ dawn il-pajjiżi, l-istabbiliment ta’ lista ta’ tali pajjiżi, it-tneħħija minn dik il-lista, il-pubbliċità ta’ dik il-lista u kwalunkwe miżura ta’ emerġenza.

(3)Fl-24 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE 4 li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

(4)F’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Frar 2021 (“id-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021”) 5 , il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika tal-Kamerun (minn hawn ’il quddiem il-Kamerun) dwar il-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis bħala pajjiż terz li ma jikkooperax.

(5)Fid-Deċiżjoni tagħha tas-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni inkludiet l-informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija bbażata din l-identifikazzjoni possibbli.

(6)Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lill-Kamerun flimkien ma’ ittra li tistieden lill-Kamerun sabiex jimplimenta, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, pjan ta’ azzjoni sabiex jirrettifika n-nuqqasijiet identifikati.

(7)Bid-Deċiżjoni tagħha tas-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni fetħet proċess ta’ djalogu mal-Kamerun.

(8)Il-Kummissjoni stiednet lill-Kamerun b’mod partikolari biex: (i) jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimenta l-azzjonijiet li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni ssuġġerit mill-Kummissjoni u (ii) jivvaluta l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni ssuġġerit mill-Kummissjoni.

(9)Il-Kamerun ingħata l-opportunità biex iwieġeb għad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 kif ukoll għal informazzjoni oħra rilevanti kkomunikata mill-Kummissjoni, li tippermettilu jippreżenta evidenza li tikkontradixxi jew li tikkompleta l-fatti msemmija fid-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021. Il-Kamerun ġie żgurat dwar id-dritt tiegħu li jitlob, jew li jipprovdi, informazzjoni addizzjonali.

(10)Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha rilevanti. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub li tressqu mill-Kamerun wara d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 ġew ikkunsidrati u meqjusa. Il-Kamerun inżamm infurmat, bil-fomm jew bil-miktub, dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni.

(11)Abbażi tal-informazzjoni miġbura, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-oqsma ta’ tħassib u n-nuqqasijiet kif deskritti fid-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 ma kinux ġew indirizzati b’mod suffiċjenti mill-Kamerun. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri li ġew proposti fil-pjan ta’ azzjoni ma kinux ġew implimentati bis-sħiħ.

(12)B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-5 ta’ Jannar 2023 li tidentifika lill-Kamerun bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(13)Abbażi tal-proċess ta’ investigazzjoni u ta’ djalogu mwettaq mill-Kummissjoni, inkluża l-korrispondenza li ġiet skambjata u l-laqgħat li saru, u abbażi tar-raġunijiet li fuqhom huma bbażati d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-5 ta’ Jannar 2023 li tidentifika lill-Kamerun bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, huwa xieraq li l-Kamerun jitqiegħed fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

1.PROĊEDURA FIR-RIGWARD TAL-KAMERUN

(14)Fis-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Kamerun skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU li hi qieset il-possibbiltà li tidentifika lill-Kamerun bħala pajjiż terz li ma jikkooperax u stiednet lill-Kamerun biex f’kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tagħha jimplimenta pjan ta’ azzjoni biex jiġu rettifikati n-nuqqasijiet identifikati fid-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021. Minn meta saret dik id-Deċiżjoni, il-Kamerun ressaq bil-miktub l-opinjonijiet tiegħu u ltaqa’ virtwalment mal-Kummissjoni biex jiddiskuti l-punti rilevanti. Il-Kummissjoni pprovdiet lill-Kamerun b’informazzjoni rilevanti bil-miktub. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub li tressqu mill-Kamerun wara d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 ġew ikkunsidrati u meqjusa, filwaqt li l-Kamerun inżamm infurmat bil-fomm jew bil-miktub dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-5 ta’ Jannar 2023 li tidentifika lill-Kamerun bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li l-oqsma ta’ tħassib u n-nuqqasijiet kif deskritti fid-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 ma kinux ġew indirizzati b’mod suffiċjenti mill-Kamerun. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri li ġew proposti fil-pjan ta’ azzjoni ma kinux ġew implimentati bis-sħiħ.

2.IDENTIFIKAZZJONI TAL-KAMERUN BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(15)Fid-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet tal-Kamerun u evalwat il-konformità tiegħu mal-obbligi internazzjonali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq. Għall-fini ta’ dak ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset il-kriterji elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU.

(16)Il-Kummissjoni rrieżaminat il-konformità tal-Kamerun skont is-sejbiet tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021, u wara li kkunsidrat l-informazzjoni rilevanti pprovduta minn hemm ’il quddiem mill-Kamerun, il-pjan ta' azzjoni ssuġġerit, kif ukoll il-miżuri meħuda biex is-sitwazzjoni tiġi rettifikata.

(17)In-nuqqasijiet ewlenin identifikati mill-Kummissjoni kienu relatati ma’ diversi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-obbligi tad-dritt internazzjonali, marbuta b’mod partikolari mal-adozzjoni ta’ qafas legali adegwat u aġġornat, man-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ċara u trasparenti u ta’ proċeduri ta’ liċenzjar u man-nuqqas ta’ monitoraġġ effiċjenti u adegwat tal-bastimenti tas-sajd. In-nuqqasijiet identifikati huma relatati, b’mod aktar ġenerali, mal-kundizzjonijiet stabbiliti għar-reġistrazzjoni tal-bastimenti tas-sajd u l-kontroll tagħhom skont id-dritt internazzjonali. Ġie identifikat ukoll nuqqas ta’ allinjament mar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-korpi rilevanti bħall-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali kontra s-sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Iddikjarat tal-FAO tan-Nazzjonijiet Uniti (IPOA-IUU) 6 u l-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera 7 . Madankollu, in-nuqqas ta’ konsistenza mar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet mhux vinkolanti tqies biss bħala evidenza ta’ sostenn u mhux bħala bażi għall-identifikazzjoni.

(18)Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-5 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni għalhekk identifikat lill-Kamerun bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU.

(19)Fir-rigward tar-restrizzjonijiet possibbli fuq il-Kamerun bħala pajjiż li qed jiżviluppa, ta’ min jinnota li l-istatus speċifiku ta’ żvilupp u l-prestazzjoni globali tal-Kamerun fir-rigward tas-sajd ma humiex imdgħajfin minħabba l-livell ġenerali ta’ żvilupp tiegħu.

(20)Wara li ġew ikkunsidrati d-Deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2021 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-5 ta’ Jannar 2023, u l-proċess ta’ djalogu mal-Kamerun li sar mal-Kummissjoni u l-eżitu tiegħu, jista’ jiġi konkluż li l-azzjonijiet meħuda mill-Kamerun fid-dawl tad-dmirijiet tiegħu bħala Stat tal-bandiera huma insuffiċjenti biex ikun hemm konformità mal-Artikoli 91, 92, 94, 117 u 118 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.

(21)Għaldaqstant, il-Kamerun naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera biex jieħu azzjoni sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

3.STABBILIMENT TA’ LISTA TA’ PAJJIŻI TERZI LI MA JIKKOOPERAWX

(22)Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa hawn fuq fir-rigward tal-Kamerun, jenħtieġ li dak il-pajjiż jiġi inkluż, f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx stabbilita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE. Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE tiġi emendata skont dan.

(23)L-inklużjoni tal-Kamerun fil-lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU tinvolvi l-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU. L-Artikolu 38(1) tar-Regolament IUU jipprevedi l-projbizzjoni tal-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx. Fil-każ tal-Kamerun, dik il-projbizzjoni jenħtieġ li tkopri l-istokkijiet u l-ispeċijiet kollha, kif definit fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament IUU, billi n-nuqqas ta’ miżuri xierqa adottati fir-rigward tas-sajd IUU li jwasslu għall-identifikazzjoni tal-Kamerun bħala pajjiż terz li ma jikkooperax, ma huwiex limitat għal stokk jew għal speċi partikolari.

(24)Huwa nnutat li s-sajd IUU, inter alia, jeżawrixxi l-istokkijiet tal-ħut, jeqred il-ħabitats tal-baħar, jimmina l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, ifixkel il-kompetizzjoni, jipperikola s-sigurtà tal-ikel, iqiegħed lis-sajjieda onesti fi żvantaġġ inġust, u jdgħajjef il-komunitajiet kostali. Fid-dawl tal-kobor tal-problemi relatati mas-sajd IUU, jitqies neċessarju li l-Unjoni timplementa malajr l-azzjonijiet fir-rigward tal-Kamerun bħala pajjiż li ma jikkooperax. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(25)Jekk il-Kamerun juri li s-sitwazzjoni li tat lok għall-inklużjoni tiegħu fil-lista tkun ġiet rettifikata, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jneħħi lill-Kamerun mil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament IUU. Kwalunkwe deċiżjoni għat-tneħħija jenħtieġ li tqis ukoll jekk il-Kamerun ħax miżuri konkreti biex ikun jista’ jinkiseb titjib dejjiemi tas-sitwazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kamerun għandu jiżdied fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU C 59, 19.2.2021, p. 1.
(2)    Għall-pubblikazzjoni fil-ĠU fil-bidu tal-2023.
(3)    ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(4)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 43).
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Frar 2021 li tinnotifika lir-Repubblika tal-Kamerun dwar il-possibbiltà li din tiġi identifikata bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU C 59, 19.2.2021, p. 1).
(6)    Il-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali biex is-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Iddikjarat ikun Prevenut, Skoraġġut u Eliminat, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, 2001.
(7)    Linji Gwida Volontarji għall-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera, Marzu 2014, meħuda minn: http://www.fao.org/3/a-i4577t.pdf
Top