Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0118

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq 1 ta’ Jannar — 31 ta’ Diċembru 2022

COM/2023/118 final

Brussell, 15.3.2023

COM(2023) 118 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn
l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq















1 ta’ Jannar — 31 ta’ Diċembru 2022


Werrej

1.Introduzzjoni

2.Qafas istituzzjonali, għodod ta’ infurzar u soluzzjoni ta’ tilwim

3.Implimentazzjoni settorjali

3.1.    Kummerċ fil-merkanzija    

3.2.    Servizzi u investiment, kummerċ diġitali, proprjetà intellettwali, akkwist pubbliku u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju    

3.3.    Enerġija    

3.4.    Trasport    

3.5.    Sajd    

3.6.    Koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali    

3.7.    Infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali    

3.8.    Parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni    

4.Ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti

5.Evoluzzjoni fid-dritt tar-Renju Unit

5.1.    Materji trażversali    

5.2.    Kundizzjonijiet ekwi għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta u għal żvilupp sostenibbli    

6.Effetti fuq il-flussi kummerċjali u l-moviment tal-persuni

6.1.    Flussi kummerċjali    

6.2.    Moviment tal-persuni    

7.Konklużjonijiet

Anness 1: Laqgħat tal-korpi konġunti stabbiliti skont l-FKK fl-2022

1.Introduzzjoni

Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq (ir-Renju Unit) huma regolati mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (FKK) iffirmat fit-30 ta’ Diċembru 2020. 1 L-FKK ikopri firxa wiesgħa ta’ oqsma inklużi l-kummerċ, it-trasport, is-sajd, l-enerġija, il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jipprovdu bażi komprensiva għar-relazzjoni bejn il-partijiet u jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-kompetizzjoni ġusta u l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet fundamentali.

Dan huwa t-tieni rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-FKK, kif meħtieġ mill-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021. 2 Jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi ewlenin fil-funzjonament tal-qafas istituzzjonali (it-taqsima 2), kif ukoll f’firxa ta’ oqsma li jaqgħu fl-ambitu tiegħu (it-taqsima 3), inkluża ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti riċevuti fl-2022 (it-taqsima 4). Ir-rapport jindirizza wkoll l-iżviluppi regolatorji fir-Renju Unit li seħħew fl-2022 (it-taqsima 5). Fl-aħħar nett, sentejn wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-rapport iħares lejn l-effetti fuq l-UE mill-ħruġ tar-Renju Unit mis-suq intern, l-Unjoni Doganali u d-diversi politiki tal-Unjoni (it-taqsima 6).

2.Qafas istituzzjonali, għodod ta’ infurzar u soluzzjoni ta’ tilwim

Il-qafas istituzzjonali tal-FKK tlesta fl-2022 u sar kompletament operattiv. 3

Il-partijiet iltaqgħu fil-korpi konġunti stabbiliti mill-FKK biex jissorveljaw u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tiegħu. Il-lista tal-laqgħat hija ppreżentata fl-Anness 1. Il-Kummissjoni ppubblikat l-aġendi u l-minuti tal-laqgħat. 4 L-UE kienet irrappreżentata fil-laqgħat tal-korpi konġunti mill-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li l-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-UE kienu kkoordinati mal-Kunsill.

Fl-2022, l-UE u r-Renju Unit stabbilew il-kooperazzjoni parlamentari tagħhom, skont l-Artikolu 11 tal-FKK. Il-laqgħa inawgurali tal-Assemblea Parlamentari ta’ Sħubija li tikkonsisti minn 35 membru tal-Parlament Ewropew u minn 35 membru tal-parlament tar-Renju Unit saret fi Brussell fit-12 u fit-13 ta’ Mejju. It-tieni laqgħa saret f’Londra fis-7 u fit-8 ta’ Novembru. 5  

Il-proċess tal-involviment tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-FKK kompla. Il-Grupp Konsultattiv Domestiku tal-UE, stabbilit skont l-Artikolu 13 tal-FKK, magħmul minn 24 rappreżentant tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u minn sitt rappreżentanti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 6 , iltaqa’ diversi drabi biex jiddiskuti l-implimentazzjoni tal-FKK. 7  

Barra minn hekk, l-ewwel laqgħa tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili, 8 li laqqa’ flimkien rappreżentanti tas-soċjetà ċivili mill-UE u mir-Renju Unit, skont l-Artikolu 14 tal-FKK, saret fl-4 ta’ Ottubru 2022. 9 Ir-rappreżentanti tal-UE kienu jinkludu organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema, kif ukoll akkademiċi u korpi mhux governattivi.

Fir-rigward tas-soluzzjoni ta’ tilwim, ġiet adottata lista ta’ individwi b’għarfien espert fis-setturi koperti mill-FKK li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri ta’ tribunal tal-arbitraġġ mill-Kunsill ta’ Sħubija, skont l-Artikolu 752 tal-FKK. 10  

Sabiex jippermettu lill-UE teżerċita d-drittijiet tagħha fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u tal-FKK b’mod effettiv u f’waqtu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim politiku dwar regolament li jkopri l-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-FKK fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Huwa mistenni li l-Kunsill jadotta regolament li jkopri l-FKK, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat Euratom fl-2023.

Dawn ir-regolamenti se jipprovdu bażi ġuridika għall-Kummissjoni biex tadotta l-miżuri difensivi previsti fiż-żewġ ftehimiet. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tkun tista’ tissospendi l-obbligi skont il-FKK jekk ir-Renju Unit ma jikkonformax ma’ deċiżjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ stabbilit skont il-FKK jew skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ. 11 F’ċerti każijiet, il-Kummissjoni se tkun tista’ taġixxi b’mod unilaterali biex tipproteġi l-interessi tal-UE mingħajr ma l-ewwel tidħol fi proċedura ta’ arbitraġġ, pereżempju, f’każijiet fejn sussidju fir-Renju Unit ikun qiegħed jirriskja li jikkawża effett negattiv sinifikanti fuq il-kummerċ jew l-investiment bejn il-partijiet. 12  

3.Implimentazzjoni settorjali

Fl-implimentazzjoni settorjali tal-FKK, ma kien hemm l-ebda diffikultà kbira fl-2022. Il-partijiet ikkonċernati adattaw fil-biċċa l-kbira għar-realtà kummerċjali l-ġdida li tirriżulta mill-ħruġ tar-Renju Unit mis-suq intern, mill-Unjoni Doganali u mid-diversi politiki tal-Unjoni. Madankollu, għad hemm ċerti sfidi: l-implimentazzjoni tal-arranġamenti għan-negozjar tal-elettriku previsti fl-FKK uriet li kienet aktar kumplessa minn dik antiċipata (ara t-taqsima 3.3 hawn taħt) u l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tad-dispożizzjonijiet dwar is-sajd kompliet tippreżenta sfidi (ara t-taqsima 3.5 hawn taħt).

3.1.Kummerċ fil-merkanzija

L-implimentazzjoni tal-FKK fil-qasam tal-kummerċ fil-merkanzija ffukat fuq l-applikazzjoni effettiva tar-regoli miftiehma mill-partijiet u s-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet pendenti. B’mod ġenerali, l-arranġamenti kummerċjali stabbiliti fl-FKK ħadmu tajjeb, għalkemm kien għad hemm ċerti diffikultajiet fl-implimentazzjoni.

Fir-rigward tal-aspetti fiskali, l-awtoritajiet doganali nazzjonali qajmu tħassib fir-rigward tal-korrettezza tal-awtodikjarazzjonijiet tal-oriġini tal-operaturi u t-tweġibiet ipprovduti mill-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit dwar il-verifiki tal-oriġini. 13 Sabiex jappoġġa l-ħidma tal-awtoritajiet doganali, il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-Kooperazzjoni Doganali u r-Regoli tal-Oriġini adotta deċiżjoni 14 li tiddeskrivi l-proċedura li għandha tintuża f’każ ta’ ċaħda ta’ trattament tariffarju preferenzjali. Il-proċedura miftiehma se tgħin lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jirrifjutaw il-preferenzi meta dan ikun ġustifikat u minflok japplikaw tariffi tan-Nazzjon l-Aktar Iffavorit, filwaqt li fl-istess ħin tiggarantixxi li l-preferenzi ma jiġux irrifjutati mingħajr konsultazzjoni xierqa.

Filwaqt li l-kontroll tar-regoli tal-oriġini korretti, bħal fil-ftehimiet kummerċjali kollha, huwa ta’ sfida, il-bilanċ tar-regoli orizzontali u speċifiċi għall-prodott fl-FKK huwa sodisfaċenti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tirrevedi r-regoli speċifiċi għall-prodott lil hinn mill-adattamenti tekniċi. 15 Il-Kummissjoni tqis li dawn ir-regoli jilħqu bilanċ ġust filwaqt li jikkontribwixxu għall-objettiv ġenerali tal-Unjoni li tikseb awtonomija strateġika f’setturi essenzjali.

Fil-qasam sanitarju u fitosanitarju (SPS), minkejja l-impenn li jiġi promoss l-użu taċ-ċertifikazzjoni elettronika biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ 16 , kien hemm biss progress limitat fl-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati tal-UE mingħajr karti mir-Renju Unit, għalkemm soluzzjonijiet interim offruti mill-UE ppermettew li tittejjeb is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, minkejja l-obbligu li jiġu allinjati r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni uffiċjali tiegħu mal-istandards internazzjonali, 17 ir-Renju Unit kompla jitlob garanziji fir-rigward ta’ ċertu mard tal-annimali, li ma huwiex konformi mal-istandards attwali tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali. 18 Id-diskussjonijiet tekniċi mar-Renju Unit dwar ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni tiegħu, inkluża l-kompatibbiltà tagħhom mal-entità unika tal-UE, ma pproduċewx riżultati konkreti fl-2022.

Barra minn hekk, ir-Renju Unit qajjem dubji dwar ir-regoli tal-UE li jirregolaw l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti minn pajjiżi terzi, bħall-patata taż-żrigħ u l-molluski bivalvi ħajjin mhux ippurifikati, u talab trattament speċjali għall-esportazzjonijiet tiegħu lejn l-UE. Madankollu, bħala konsegwenza ta’ reġim regolatorju tal-SPS separat wara l-ħruġ tiegħu mill-UE, ir-Renju Unit huwa soġġett għar-regoli kollha tal-UE applikabbli għal pajjiżi terzi li ma humiex allinjati b’mod dinamiku mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Il-Kummissjoni ħadet azzjoni fil-qafas tal-mekkaniżmu tad-WTO għas-soluzzjoni ta’ tilwim fir-rigward tal-iskema “Kuntratti għad-Differenza” 19 , li hija l-mekkaniżmu ewlieni għall-appoġġ tal-ġenerazzjoni tal-elettriku b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fir-Renju Unit. Il-Kummissjoni kkontestat il-kriterji tal-kontenut lokali tal-iskema li jiffavorixxu l-kontenut tar-Renju Unit fuq il-kontenut importat bħala ksur tar-regoli tad-WTO dwar in-nondiskriminazzjoni. F’Lulju 2022, l-UE u r-Renju Unit qablu dwar it-triq ’il quddiem biex jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni u ċċaraw li l-benefiċjarji tal-iskema ma għandhomx bżonn jiksbu xi livell partikolari ta’ kontenut tar-Renju Unit biex jirċievu pagamenti. 20 Ġiet ippubblikata gwida addizzjonali biex jiġi żgurat li din il-pożizzjoni tinftiehem bis-sħiħ mill-industrija. 21

Fir-rigward tal-iżviluppi fir-Renju Unit, l-implimentazzjoni ta’ ċerti proċeduri u kontrolli tal-importazzjoni, b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu mar-rekwiżiti tal-SPS għall-prodotti mill-UE, ġiet posposta ripetutament. Fit-28 ta’ April 2022, ir-Renju Unit ħabbar ir-raba’ posponiment tal-implimentazzjoni tal-kontrolli, li kienu skedati li jibdew fl-1 ta’ Lulju 2022. 22 Għad hemm inċertezzi dwar id-data li fiha r-reġim il-ġdid tar-Renju Unit tal-kontrolli fuq l-importazzjoni fil-fruntieri applikabbli għall-merkanzija mill-UE jidħol fis-seħħ.

Fil-qasam tal-valutazzjoni tal-konformità, bi tweġiba għal tħassib sinifikanti mill-industrija dwar l-implimentazzjoni tal-immarkar tal-Valutazzjoni tal-Konformità tar-Renju Unit (UKCA) għall-prodotti mqiegħda fis-suq tal-Gran Brittanja, f’Novembru 2022 tħabbret it-tielet estensjoni tal-iskadenza għall-introduzzjoni tagħha. 23 Dan ifisser li r-Renju Unit se jkompli jaċċetta prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 2024, u ċ-ċertifikati tal-UE u l-markatura CE rispettivi jibqgħu validi sal-aħħar tal-2027, inklużi d-dispożizzjonijiet attwalment applikabbli dwar it-tikkettar, l-informazzjoni dwar l-importatur u l-informazzjoni dwar il-persuni responsabbli. Huma mistennija avviżi separati dwar apparati mediċi, inġenji tal-ajru, prodotti ferrovjarji u tagħmir marittimu.

3.2.Servizzi u investiment, kummerċ diġitali, proprjetà intellettwali, akkwist pubbliku u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju

Ma kien hemm l-ebda problema sinifikanti ta’ implimentazzjoni fl-oqsma tas-servizzi u tal-investiment, il-kummerċ diġitali, il-proprjetà intellettwali, l-akkwist pubbliku u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Madankollu, għad hemm xi kwistjonijiet persistenti.

It-tariffa għall-ħiliet tal-immigrazzjoni imposta mir-Renju Unit fir-rigward ta’ ħaddiema bi trasferiment intraazjendali kompliet tkun ta’ tħassib. F’konformità mal-FKK 24 , il-Kummissjoni saħqet fuq it-tneħħija ta’ din l-imposta sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-2022. Ir-Renju Unit qabel li jagħmel emendi għar-Regolamenti dwar it-Tariffi għall-Ħiliet tal-Immigrazzjoni (2017) li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2023. 25 B’riżultat ta’ dan, it-tariffa għall-ħiliet ma għadhiex tapplika għat-trasferimenti intraazjendali mill-UE.

Ir-regoli l-ġodda dwar il-Mobbiltà Globali tan-Negozji 26 adottati mir-Renju Unit f’April 2022 qajmu tħassib fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-FKK dwar id-dħul u s-soġġorn temporanju ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet ta’ negozju. Skont ir-regoli l-ġodda, in-negozji u l-organizzazzjonijiet fir-Renju Unit iridu japplikaw għal liċenzja ta’ sponsor mill-Uffiċċju tal-Intern jekk ikunu jridu jimpjegaw fornitur ta’ servizzi kuntrattwali tal-UE, ħaddiem professjonali jew ħaddiem bi trasferiment intraazjendali. Mingħajr liċenzja ta’ sponsor, in-negozji u l-organizzazzjonijiet fir-Renju Unit ma jistgħux joħorġu ċertifikati ta’ sponsorizzazzjoni individwali, li huma meħtieġa jimpjegaw fornituri ta’ servizzi tal-UE. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-iskema ta’ sponsorizzazzjoni tista’ tiskoraġġixxi lin-negozji fir-Renju Unit milli jagħżlu li jaħdmu ma’ kumpaniji tal-UE jew ma’ professjonisti indipendenti biex jipprovdu servizzi koperti mill-FKK. Il-Kummissjoni impenjat ruħha mar-Renju Unit dwar din il-kwistjoni.

Fil-qasam tal-kwalifiki professjonali, l-ewwel rakkomandazzjoni konġunta, skont l-Artikolu 158 tal-FKK, dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-periti ġiet ippreżentata lill-Kunsill ta’ Sħubija fit-3 ta’ Ottubru 2022 minn korpi professjonali mill-UE u mir-Renju Unit. Il-Kunsill ta’ Sħubija huwa dovut għar-rieżami tal-konsistenza tar-rakkomandazzjoni konġunta mar-regoli dwar is-servizzi u l-investiment tal-FKK.

3.3.Enerġija

L-implimentazzjoni tal-FKK fil-qasam tal-enerġija ffukat fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar is-sigurtà tal-provvista, l-istabbiliment ta’ qafas għall-kooperazzjoni dwar l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta u l-iżvilupp ta’ arranġamenti ġodda għall-kummerċ tal-elettriku. Minkejja n-natura teknika ħafna tiegħu, sar progress tajjeb f’xi oqsma, filwaqt li dan kien aktar bil-mod f’oħrajn.

Il-kummerċ fl-elettriku u fil-gass bejn ir-Renju Unit u l-UE żdied fl-2022 27 b’riżultat tal-kriżi tal-enerġija kkawżata mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna u b’riżultat tal-isfidi għall-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-UE.

F’konformità mad-dispożizzjonijiet fl-FKK dwar “is-sigurtà tal-provvista” tal-gass u tal-elettriku, 28 l-UE skambjat mar-Renju Unit l-informazzjoni meħtieġa dwar is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u tal-gass f’laqgħa tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija fit-28 ta’ Settembru 2022. Madankollu, filwaqt li dan l-iskambju ta’ informazzjoni huwa utli, huwa mfakkar li r-Renju Unit qiegħed isegwi l-politika dwar l-enerġija tiegħu stess, inkluż dwar is-sigurtà tal-provvista.  29  

Abbażi tal-Artikolu 321 tal-FKK, f’Diċembru 2022 ġie ffirmat Memorandum ta’ Qbil dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija lil hinn mill-kosta bejn tmien Stati Membri, in-Norveġja u r-Renju Unit, li jippromwovi l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-Ibħra tat-Tramuntana u li jgħin lill-partijiet jilħqu l-objettivi rispettivi tagħhom dwar it-tibdil fil-klima. 30 Dan il-Memorandum ta' Qbil joħloq forum għal diskussjonijiet tekniċi mar-Renju Unit fir-rigward tal-iżvilupp tal-grilja lil hinn mill-kosta u l-potenzjal kbir tal-enerġija rinnovabbli tar-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana.

Fir-rigward tal-arranġamenti kummerċjali għall-flussi tal-elettriku bejn l-UE u r-Renju Unit previsti fl-Artikolu 312 tal-FKK, il-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija wasal għall-konklużjoni li kienet meħtieġa aktar ħidma biex jiġu analizzati b’mod adegwat l-għażliet għall-iżvilupp ta’ dawn l-arranġamenti. Għal dan il-għan, qabel li jadotta rakkomandazzjoni għall-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-elettriku taż-żewġ partijiet biex jipprovdu informazzjoni addizzjonali bil-għan li jiġi stabbilit qafas għall-kummerċ futur tal-elettriku.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 311 tal-FKK, il-Kummissjoni approvat ftehim bejn bosta partijiet bejn l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni mill-UE u r-Renju Unit dwar il-kumpens għall-kostijiet tal-ospitar ta’ flussi transfruntieri tal-elettriku. 31

3.4.Trasport

L-implimentazzjoni tal-FKK fil-qasam tat-trasport, inkluż l-avjazzjoni, ffukat fuq l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet mogħtija b’mod reċiproku mill-partijiet u ma kinitx problematika.

Fil-qasam tat-trasport bit-triq, il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq adotta deċiżjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u proċedurali tal-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern mir-Renju Unit. 32 Din is-sistema tippermetti l-ipproċessar elettroniku tad-dikjarazzjonijiet ta’ stazzjonar tat-trasportaturi tal-merkanzija taż-żewġ partijiet. Ir-Renju Unit se jikkontribwixxi għall-baġit għaż-żamma tal-għodda tal-IT.

Fil-qasam tat-trasport bl-ajru, sitt Stati Membri (il-Belġju, l-Ungerija, l-Irlanda, Ċipru, il-Greċja u Franza) ikkonkludew ftehimiet bilaterali mar-Renju Unit, f’konformità mal-Artikolu 419 tal-FKK. Barra minn hekk, il-ftehimiet bejn l-Italja u r-Renju Unit, kif ukoll bejn l-Awstrija u r-Renju Unit ġew awtorizzati mill-Kummissjoni u huma mistennija li jiġu konklużi fl-2023.

Fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni, minn 14-il applikazzjoni sottomessi għall-validazzjoni taċ-ċertifikati maħruġa mill-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tar-Renju Unit, 11 ġew approvati mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 446, flimkien mal-Anness 30 tal-FKK. L-awtoritajiet tar-Renju Unit ivvalidaw 6 minn 12-il proġett sottomessi mill-applikanti tal-UE dwar bidliet fid-disinji eżistenti. Dawn iċ-ċifri huma fi ħdan il-firxa mistennija ta’ attività f’termini ta’ validazzjoni.

Fl-aħħar nett, filwaqt li ma kinitx direttament relatata mal-FKK, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 33 dwar ir-rikonoxximent tar-Renju Unit fir-rigward tas-sistema għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara skont id-Direttiva (UE) 2022/993, wara li ġie ddeterminat li r-rekwiżiti kollha ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni speċifikati fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara 34 ġew issodisfati. Din awtorizzat ukoll il-ftehim bejn Franza u r-Renju Unit dwar iċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza fir-rigward tas-servizzi tat-trasport bil-ferrovija permezz tal-Eurotunnel (“Konnessjoni Fissa tal-Kanal”). 35  

3.5.Sajd

Komplew l-isforzi biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-FKK fis-settur tas-sajd. Filwaqt li sar progress tajjeb f’xi oqsma, ċerti kwistjonijiet importanti baqgħu ma ġewx solvuti.

Minkejja sfidi sinifikanti, il-Kummissjoni għamlet progress sostanzjali fl-akkwist tal-liċenzji mitluba għal għadd ta’ bastimenti eliġibbli biex jistadu fl-ilmijiet tar-Renju Unit u fid-Dipendenzi tal-Kuruna, f’konformità mal-Protokoll 38 u mal-Artikolu 502(1) tal-FKK. Fl-2022, kważi 1 600 bastiment tal-UE komplew ikollhom aċċess għaż-żona ekonomika esklużiva tar-Renju Unit u 151 bastiment tal-UE kellhom aċċess għall-ilmijiet territorjali. Barra minn hekk, 138 dgħajsa Franċiża kellhom liċenzji biex jistadu madwar Jersey u 44 madwar Guernsey. Minkejja dan il-progress, għad fadal sfidi importanti. B’mod partikolari, fit-tieni nofs tal-2022, l-UE, ir-Renju Unit, Jersey u Guernsey kellhom diskussjonijiet intensi dwar il-livell ta’ aċċess għall-bastimenti tas-sajd liċenzjati.

Il-Kummissjoni mmonitorjat il-miżuri ta’ ġestjoni nnotifikati mir-Renju Unit skont l-Artikolu 496(3) tal-FKK fid-dawl tal-impenji tar-Renju Unit skont l-FKK. Filwaqt li tirrikonoxxi l-awtonomija regolatorja ta’ kull parti, il-Kummissjoni tesprimi d-dispjaċir tagħha għall-fatt li l-komunikazzjoni insuffiċjenti dwar għadd ta’ miżuri għamlitha diffiċli għall-Kummissjoni biex tinteraġixxi b’mod effettiv mal-awtoritajiet tar-Renju Unit, u b’hekk ixxekkel il-kapaċità tagħha li tipprovdi kummenti u titlob kjarifiki f’konformità mal-FKK.

F’Diċembru, l-UE u r-Renju Unit ikkonkludew il-konsultazzjonijiet annwali tagħhom biex jiddeterminaw il-Qabdiet Totali Permissibbli għall-istokkijiet kondiviżi fl-2023. Il-partijiet laħqu ftehim komprensiv li jkopri l-istokkijiet kollha, u b’hekk żguraw opportunitajiet tas-sajd ta’ aktar minn 350 000 tunnellata għall-flotta tal-UE, stmati li jiswew madwar EUR 1 biljun abbażi tal-prezzijiet storiċi tal-ħatt l-art, aġġustati għall-inflazzjoni.

3.6.Koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

L-implimentazzjoni tal-FKK fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma kinitx problematika. Ma ġiet identifikata l-ebda problema strutturali.

Ittieħdu passi preparatorji biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet finanzjarji li jikkonċernaw ir-rimborż tal-kost tal-benefiċċji tal-mard in natura pprovduti minn Stat għajr dak kompetenti. Il-partijiet eżaminaw ukoll l-użu tal-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali fil-kuntest tal-Protokoll, kif ukoll l-applikabbiltà tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali.

3.7.Infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

B’mod ġenerali, l-FKK ħadem tajjeb fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja u sar progress fis-soluzzjoni tal-kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni li fadal.

Wara l-evalwazzjoni tar-Renju Unit, l-UE ddikjarat li mit-30 ta’ Ġunju 2022 l-Istati Membri jistgħu jipprovdu data personali dwar il-profili tad-DNA u data dattiloskopika (jiġifieri marki tas-swaba’) lir-Renju Unit f’konformità mal-Artikoli 530 u 534 tal-FKK. 36 Sa tmiem l-2022, 15-il Stat Membru u r-Renju Unit taw lil xulxin aċċess għall-bażijiet tad-data nazzjonali tagħhom dwar id-DNA għat-tiftix awtomatizzat, u ħames Stati Membri u r-Renju Unit għamlu dan fir-rigward tal-marki tas-swaba’.

Barra minn hekk, l-FKK jipprovdi bażi ġuridika għat-trasferiment tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mill-kumpaniji tal-ajru lir-Renju Unit għal titjiriet bejn l-UE u r-Renju Unit. Dan jirregola l-ipproċessar u l-użu tad-data tal-PNR mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit u jirrikjedi li r-Renju Unit iħassar id-data tal-PNR wara t-tluq tal-passiġġieri mill-pajjiż, ħlief jekk valutazzjoni tar-riskju tindika l-ħtieġa li tinżamm din id-data. Fid-dawl ta’ ċirkostanzi speċjali li kienu pprevjenu lir-Renju Unit milli jagħmel l-aġġustamenti tekniċi meħtieġa, ir-Renju Unit seta’ jidderoga minn dan l-obbligu għal perjodu interim ta’ sena wara d-dħul fis-seħħ tal-FKK, li ġie estiż b’sena f’Diċembru 2021. 37 Fil-21 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill ta’ Sħubija, wara li kkunsidra l-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit dwar is-salvagwardji u l-azzjonijiet applikabbli meħuda bil-ħsieb li jippermettu t-tħassir tad-data, iddeċieda li jestendi l-perjodu interim għal sena oħra u għal sena finali, abbażi tal-Artikolu 552(13) tal-FKK. 38

3.8.Parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni

L-FKK jagħmilha possibbli għar-Renju Unit li jipparteċipa f’ċerti programmi tal-Unjoni, inkluż Orizzont Ewropa, bħala pajjiż assoċjat, soġġett għall-adozzjoni ta’ protokolli bilaterali u kontribuzzjonijiet finanzjarji. Madankollu, l-FKK ma jipprevedix perjodu ta’ żmien vinkolanti jew skadenza preċiża biex titlesta l-assoċjazzjoni tar-Renju Unit.

Għalkemm l-UE tirrikonoxxi l-benefiċċji tal-kooperazzjoni fix-xjenza, fir-riċerka u fl-innovazzjoni ma’ pajjiżi terzi, il-protokolli meħtieġa għall-assoċjazzjoni tar-Renju Unit ma setgħux jiġu adottati fl-2022, filwaqt li jitqiesu d-diffikultajiet sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. F’konformità mar-regoli ta’ proċedura skont l-FKK, ir-Renju Unit talab konsultazzjonijiet, li saru fil-qafas tal-laqgħa tal-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Parteċipazzjoni fil-Programmi tal-Unjoni li saret fit-22 ta’ Settembru 2022. Il-proċess ta’ konsultazzjoni skont l-FKK ġie konkluż f’dak l-istadju.

Fin-nuqqas ta’ assoċjazzjoni, l-entitajiet mir-Renju Unit jistgħu jipparteċipaw f’xi programmi mingħajr ma jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni. Barra minn hekk, dawk l-entitajiet setgħu jibbenefikaw mill-“arranġamenti tranżizzjonali” stabbiliti mill-Kummissjoni għal parteċipanti potenzjali minn pajjiżi terzi, bħar-Renju Unit, li huma kandidati għal assoċjazzjoni ma’ ċerti programmi, inkluż Orizzont Ewropa. B’konsegwenza ta’ dan, is-sejħiet għal proposti saritilhom evalwazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-pajjiżi assoċjati. Madankollu, l-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ għotja u l-finanzjament ta’ entitajiet mir-Renju Unit jibqgħu kondizzjonali fuq l-assoċjazzjoni tar-Renju Unit ma’ Orizzont Ewropa. L-applikazzjonijiet minn entitajiet ibbażati fir-Renju Unit kienu jirrappreżentaw 6,53 % tal-applikazzjonijiet eliġibbli li waslu sal-5 ta’ Diċembru 2022.

Il-Kummissjoni tistenna b’interess riżoluzzjoni tad-diffikultajiet li jippermettu lir-Renju Unit isir assoċjat ma’ ċerti programmi tal-Unjoni.

4.Ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti 39

Fiż-żmien tal-konklużjoni tal-FKK, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tistabbilixxi għodod ċentralizzati għall-preżentazzjoni tal-ilmenti, filwaqt li tqis l-ambitu tal-oqsma koperti fl-FKK. Sabiex jiġi ssodisfat dan l-impenn, ġiet żviluppata formola ċentrali għall-ilmenti fl-2021, li hija operazzjonali fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. 40  

Fl-2022, ma wasal l-ebda lment permezz tal-għodda msemmija hawn fuq. Filwaqt li l-Kummissjoni rreġistrat ħames entrati, dawn ma kinux relatati mal-implimentazzjoni tal-FKK. Is-servizzi tal-Kummissjoni reġgħu lura għall-ispedituri tas-sottomissjonijiet u pprovdew l-informazzjoni meħtieġa.

5.Evoluzzjoni fid-dritt tar-Renju Unit

Il-libertà li wieħed jiddevja mir-regoli u mill-politiki tal-UE kienet fost ir-raġunijiet għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Wara l-ħruġ tiegħu, ir-Renju Unit ħabbar riforma regolatorja estensiva. F’Jannar 2022, l-Uffiċċju tal-Kabinett ħareġ rapport li jidentifika l-prinċipji gwida għall-politika regolatorja futura. 41

Matul l-2022, is-servizzi tal-Kummissjoni mmonitorjaw l-iżviluppi regolatorji fir-Renju Unit sabiex jiġi ddeterminat jekk joħolqux riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mal-FKK, b’mod partikolari fl-oqsma rilevanti għall-kundizzjonijiet ekwi.

Filwaqt li saru għadd ta’ dikjarazzjonijiet mir-Renju Unit fl-2022, ġew adottati ftit liġijiet. Tabilħaqq, is-sostituzzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-istandards tal-UE ma’ dawk domestiċi hija kompitu ta’ sfida fil-prattika, kif huwa rikonoxxut mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar tal-pajjiż 42 u mill-Kumitat tal-House of Commons tal-Kontijiet Pubbliċi. 43 Wara li eżaminaw l-istrateġija regolatorja fit-tul u l-kapaċità operazzjonali ta’ ċerti aġenziji regolatorji, iż-żewġ korpi kkonkludew li l-ħruġ mill-UE kien affettwa b’mod sinifikanti lir-regolaturi tar-Renju Unit, li kienu assumew responsabbiltajiet ġodda, li qabel kienu twettqu mill-istituzzjonijiet tal-UE, filwaqt li tilfu l-aċċess għall-arranġamenti tal-UE għall-kondiviżjoni tad-data u l-kooperazzjoni.

It-taqsima li ġejja tiġbor fil-qosor l-iżviluppi tal-liġi rilevanti tar-Renju Unit ta’ natura trażversali (taqsima 5.1) u dawk pertinenti għall-kundizzjonijiet ekwi (taqsima 5.2), filwaqt li tħares lejn l-aktar proposti leġiżlattivi sinifikanti (abbozzi ta’ liġijiet) u l-leġiżlazzjoni (atti) adottata. Fejn tiġi adottata leġiżlazzjoni, ir-rapport jenfasizza r-rilevanza mill-perspettiva tal-FKK. L-avviżi ministerjali tal-intenzjonijiet tal-politika, kif ukoll il-konsultazzjonijiet pubbliċi ma humiex indirizzati. Filwaqt li jistgħu jindikaw direzzjoni ta’ politika, ikun kmieni wisq biex wieħed jasal għal konklużjonijiet fuq il-bażi tagħhom.

5.1.Materji trażversali

Fl-2022, il-gvern tar-Renju Unit ippreżenta tliet abbozzi ta’ liġi importanti, li jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq il-funzjonament tal-FKK f’ħafna oqsma.

L-Abbozz ta’ Liġi dwar id-Drittijiet tressaq f’Ġunju 2022 44 bl-objettiv li jitħassar u jiġi sostitwit l-Att dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998, li jinkorpora l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-liġi domestika tar-Renju Unit. F’konformità mat-taqsima 1(2) tiegħu, l-abbozz ta’ liġi “jibbilanċja mill-ġdid” ir-relazzjoni bejn il-qrati tar-Renju Unit, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-parlament tar-Renju Unit. B’mod partikolari, il-Qorti Suprema tar-Renju Unit tiddetermina t-tifsira u l-effett tad-drittijiet tal-Konvenzjoni għall-finijiet tad-dritt domestiku. Il-qrati u l-awtoritajiet pubbliċi tar-Renju Unit ma jibqgħux meħtieġa jsegwu u jagħtu effett lil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, sa fejn ikun possibbli, b’mod li jkun kompatibbli mad-drittijiet tal-Konvenzjoni. Il-qrati tar-Renju Unit ikollhom jagħtu l-akbar piż possibbli lill-prinċipju li d-deċiżjonijiet dwar il-bilanċ bejn l-għanijiet ta’ politika differenti, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet differenti ta’ persuni differenti jsiru mill-parlament tar-Renju Unit. L-abbozz ta’ liġi “jafferma” li “s-sentenzi, id-deċiżjonijiet u l-miżuri interim tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma humiex parti mil-liġi domestika fir-Renju Unit u ma jaffettwawx id-dritt tal-Parlament li jilleġiżlaw” (it-taqsima 1(3) tal-abbozz ta’ liġi).

L-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Informazzjoni Diġitali tressaq f’Lulju 2022 45 bl-għan li jiġi rriformat il-qafas tar-Renju Unit dwar il-protezzjoni tad-data, li fuqu huma bbażati d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal-livell ta’ protezzjoni għad-data personali pprovduta mir-Renju Unit. L-abbozz ta’ liġi jintroduċi bidliet f’diversi oqsma, b’mod partikolari, ir-raġunijiet legali għall-ipproċessar ta’ data personali, l-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, ir-regoli għat-trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi u l-istabbiliment u l-funzjonament tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti tal-protezzjoni tad-data.

Fl-aħħar nett, fl-Abbozz ta’ Liġi tad-Dritt tal-Unjoni miżmum (Revoka u Riforma) 46 stabbilit quddiem il-parlament f’Settembru 2022, il-gvern jipproponi li jirrevedi korp tad-dritt tal-Unjoni miżmum mir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, billi ma jibqax effettiv awtomatikament fil-31 ta’ Diċembru 2023, sakemm ma jkunx ippreżervat mod ieħor. L-abbozz ta’ liġi jagħti wkoll lill-ministri l-awtorità li jemendaw id-dritt tal-Unjoni miżmum permezz ta’ leġiżlazzjoni sekondarja u jagħti lill-qrati d-diskrezzjoni li jiddevjaw mill-ġuriżprudenza tal-UE. Il-gvern għandu l-ħsieb li jirrieżamina d-dritt tal-Unjoni kollu miżmum sal-aħħar tal-2023.

5.2.Kundizzjonijiet ekwi għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta u għal żvilupp sostenibbli 

5.2.1.Kontroll tas-sussidji u tassazzjoni

L-Att dwar il-Kontroll tas-Sussidji (2022) 47 ġie adottat f’April 2022, u jistabbilixxi l-qafas għall-implimentazzjoni tal-impenji internazzjonali tar-Renju Unit dwar il-kontroll tas-sussidji, inklużi dawk taħt l-FKK. Ir-reġim il-ġdid daħal fis-seħħ f’Jannar 2023. Qabel l-implimentazzjoni tiegħu, f’Novembru 2022 ġiet adottata gwida statutorja dwar il-kontroll tas-sussidji biex tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi fl-għoti tas-sussidji. 48  Hija mistennija leġiżlazzjoni sekondarja ulterjuri. 49 Kif inhu deskritt fir-rapport preċedenti tal-Kummissjoni, 50 qabel ma jagħtu s-sussidji, l-awtoritajiet pubbliċi se jkollhom jevalwawhom skont għadd ta’ prinċipji. Xi kategoriji jridu jiġu riferuti lill-Unità tal-Pariri dwar is-Sussidji fi ħdan l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u s-Swieq għall-valutazzjoni. L-Unità tal-Konsulenza dwar is-Sussidji ma għandhiex is-setgħa li tipprojbixxi s-sussidji. Tista’ biss toħroġ opinjoni mhux vinkolanti dwar il-konformità tas-sussidji mal-Att dwar il-Kontroll tas-Sussidji. Il-Kummissjoni se timmonitorja bir-reqqa l-applikazzjoni tar-reġim il-ġdid tas-sussidji.

5.2.2.Standards tax-xogħol u dawk soċjali, tal-ambjent u tal-klima

Fil-qasam tal-istandards tax-xogħol u dawk soċjali, l-istrument statutorju li jirrevoka r-Regolamenti dwar il-Kondotta tal-Aġenziji tal-Impjiegi u n-Negozji tal-Impjiegi 51 daħal fis-seħħ f’Lulju 2022. L-istrument ħassar projbizzjoni imposta fuq l-aġenziji tal-impjiegi biex jipprovdu persunal temporanju biex jimla postijiet għal ħaddiema li jieħdu sehem f’azzjoni industrijali. F’Settembru 2022, it-trade unions fir-Renju Unit ħadu dan il-fajl quddiem l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) għall-valutazzjoni. 52 Dan huwa rilevanti fid-dawl tal-impenn tar-Renju Unit skont l-Artikolu 399(5) tal-FKK li jimplimenta l-konvenzjonijiet tal-ILO ratifikati.

Fil-qasam tal-ambjent, l-Abbozz ta’ Liġi dwar it-Teknoloġija Ġenetika (Tnissil ta’ Preċiżjoni) 53 ġie introdott f’Mejju 2022. Dan l-abbozz ta’ liġi jtaffi r-regoli għar-rilaxx u għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ “organiżmi mrobbija ta’ preċiżjoni” (jiġifieri pjanti u annimali li setgħu ġew prodotti minn tekniki ta’ tnissil tradizzjonali) fl-Ingilterra.

6.Effetti fuq il-flussi kummerċjali u l-moviment tal-persuni 54

Dan ir-rapport tal-2022 jipprovdi opportunità biex jitqies l-impatt ekonomiku fuq l-UE mid-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE. Filwaqt li għadu kmieni wisq biex jiġi ddeterminat l-impatt ekonomiku fit-tul, sentejn wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni u aktar minn 6 snin wara r-referendum, ċerti implikazzjonijiet ekonomiċi tal-irtirar saru dejjem aktar viżibbli. Dan jgħodd mhux biss għall-flussi kummerċjali fil-prodotti u fis-servizzi, iżda wkoll għall-moviment tal-persuni. 55

6.1.Flussi kummerċjali

6.1.1. Kummerċ fil-merkanzija 56

Meta wieħed iħares lejn it-terminu qasir, wara tnaqqis qawwi fil-bidu tal-2021, kemm l-esportazzjonijiet kif ukoll l-importazzjonijiet tal-UE kellhom irkupru sinifikanti fl-ewwel tliet trimestri tal-2022, qrib il-livelli ta’ qabel il-pandemija tal-2019 (l-Illustrazzjoni 1). 57

Illustrazzjoni 1: Il-kummerċ tal-UE fil-merkanzija mar-Renju Unit (sors: Eurostat (EXT_ST_EU27_2020SITC)

Fl-ewwel tliet trimestri tal-2022, l-UE esportat merkanzija b’valur ta’ EUR 243 biljun lir-Renju Unit, li tirrappreżenta żieda ta’ 18 % meta mqabbla mal-istess perjodu tal-2021. Il-valur tal-importazzjonijiet tal-UE mir-Renju Unit matul dan il-perjodu kien ta’ EUR 167 biljun, żieda ta’ 59 % meta mqabbel mal-valur tal-importazzjonijiet fl-ewwel tliet trimestri tal-2021.

Is-setturi fejn l-esportazzjonijiet tal-UE lejn ir-Renju Unit kellhom l-akbar żieda meta mqabbla mal-2021 kienu jinkludu l-fjuwils minerali u s-sustanzi kimiċi. Bl-istess mod, iż-żieda fl-importazzjonijiet tal-UE mir-Renju Unit fl-ewwel tliet trimestri tal-2022 kienet primarjament xprunata mill-fjuwils minerali. L-iżgħar tkabbir ġie osservat fl-importazzjonijiet tal-UE ta’ oġġetti manifatturati, b’mod partikolari makkinarju u tagħmir tat-trasport.

Madankollu, meta wieħed iħares lejn it-terminu itwal, id-data turi li l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet kombinati baqgħu pjuttost staġnati matul il-perjodu 2016-2022. Dan jikkuntrasta ħafna mal-kummerċ tal-UE mas-sħab internazzjonali l-oħrajn tagħha. Filwaqt li l-kummerċ totali tal-UE mas-sħab internazzjonali tagħha minbarra r-Renju Unit żdied b’70 % meta mqabbel mal-ewwel tliet trimestri tal-2016 u bi kważi 40 % meta mqabbel mal-ewwel tliet trimestri tal-2019, iż-żieda kienet ferm aktar baxxa fil-każ ta’ kummerċ mar-Renju Unit: 10 % biss meta mqabbla mal-ewwel tliet trimestri tal-2016 u 6 % biss meta mqabbla mal-istess perjodu tal-2019 (l-Illustrazzjoni 2).

Illustrazzjoni 2: Il-kummerċ tal-UE fil-merkanzija mar-Renju Unit u ma’ sħab internazzjonali oħrajn (sors: Eurostat EXT_ST_EU27_2020SITC)

6.1.2.Kummerċ fis-servizzi

Bħal fil-merkanzija, meta wieħed iħares lejn it-terminu iqsar, il-kummerċ bilaterali fis-servizzi kemm għall-esportazzjonijiet kif ukoll għall-importazzjonijiet tal-UE kellu rkupru sinifikanti fl-ewwel tliet trimestri tal-2022, li jaqbeż il-livelli ta’ qabel il-pandemija tal-2019 (l-Illustrazzjoni 3).

Illustrazzjoni 3: Il-kummerċ tal-UE fis-servizzi mar-Renju Unit (2019 – 2022); sors: Eurostat (BOP_EU6_Q)

Il-valur tal-esportazzjonijiet tal-UE lejn ir-Renju Unit fl-ewwel tliet trimestri tal-2022 kien jammonta għal EUR 181 biljun, li jirrappreżenta żieda ta’ 25,6 % meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2021. Il-valur tal-importazzjonijiet tal-UE mir-Renju Unit kien jammonta għal EUR 139 biljun, li jirrappreżenta żieda ta’ 13,1 % meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2021. Madankollu, dan it-tkabbir kien inqas dinamiku meta mqabbel mal-kummerċ tal-UE fis-servizzi ma’ sħab internazzjonali oħrajn, fejn l-esportazzjonijiet tal-UE żdiedu b’27,8 % u l-importazzjonijiet żdiedu b’31,3 %.

Meta wieħed iħares ukoll lejn it-terminu itwal, kemm l-esportazzjonijiet tal-UE kif ukoll l-importazzjonijiet tas-servizzi mar-Renju Unit kienu inqas dinamiċi meta mqabbla mal-kummerċ tal-UE ma’ sħab internazzjonali oħrajn. Filwaqt li fl-2022, il-kummerċ totali tal-UE fis-servizzi mas-sħab internazzjonali tagħha minbarra r-Renju Unit żdied b’51 % meta mqabbel mal-ewwel tliet trimestri tal-2016, din iż-żieda kienet aktar baxxa fil-każ tal-kummerċ fis-servizzi mar-Renju Unit: 38 % meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2016 (l-Illustrazzjonijiet 4 u 5).

Illustrazzjoni 4: L-esportazzjonijiet tal-UE ta’ servizzi lir-Renju Unit u lil sħab internazzjonali oħrajn (2016 - 2022); sors: Eurostat (BOP_EU6_Q)

Illustrazzjoni 5: L-importazzjonijiet tal-UE ta’ servizzi mir-Renju Unit u sħab internazzjonali oħrajn (2016 – 2022); sors: Eurostat (BOP_EU6_Q)

6.1.3.Konklużjoni

Id-data ppreżentata hawn fuq turi li l-ħruġ tar-Renju Unit kellu, kif mistenni, impatt negattiv fuq il-flussi kummerċjali bejn l-UE u r-Renju Unit. Dawn huma konformi ma’ bosta valutazzjonijiet imwettqa minn diversi korpi, istituzzjonijiet u partijiet ikkonċernati. Pereżempju, l-Uffiċċju tar-Renju Unit għar-Responsabbiltà Baġitarja, li jipprovdi analiżi indipendenti tal-finanzi pubbliċi, jistma li l-volumi kummerċjali totali mal-UE kienu 15 % inqas milli kieku r-Renju Unit baqa’ Stat Membru. 58 Iż-żieda fil-kostijiet għall-kumpaniji tar-Renju Unit li jesportaw lejn l-UE li tirriżulta mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE ġiet stmata għal GBP 15-il biljun fis-sena. 59 Dan, pereżempju, wassal biex xi produtturi tal-ikel mir-Renju Unit waqfu jesportaw lejn l-UE. 60  

6.2.Moviment tal-persuni 61

It-tmiem tal-moviment liberu tal-persuni bejn l-UE u r-Renju Unit, kif antiċipat, wassal għal tnaqqis qawwi fil-mobbiltà. Kellu wkoll effett fuq iż-żjarat għal żmien qasir. Filwaqt li xi data ppreżentata hawn taħt hija relatata mas-sena 2021, peress li mhux l-istatistika kollha tal-2022 kienet disponibbli meta ġie adottat dan ir-rapport, xejn ma jissuġġerixxi li x-xejriet inbidlu. Fil-fatt, bejn Ġunju 2021 u Ġunju 2022, aktar ċittadini tal-UE telqu mir-Renju Unit milli waslu, u dan irriżulta f’migrazzjoni netta negattiva taċ-ċittadini tal-UE ta’ 51 000. 62 Madwar 52 000 ċittadin tal-UE rċevew viżi li jippermettulhom jgħixu fir-Renju Unit, li jirrappreżentaw biss 5 % tal-viżi kollha mogħtija. 63  

6.2.1. Mobbiltà tal-ħaddiema u tal-istudenti

Mill-1 ta’ Jannar 2021, iċ-ċittadini tal-UE jeħtieġu viża tax-xogħol biex jibdew jaħdmu fir-Renju Unit. Fl-2021, madwar 34 000 ċittadin tal-UE applikaw għal viżi tax-xogħol, inklużi ħaddiema għal żmien qasir u fuq il-fruntiera. Il-kategorija tal-aħħar kienet tammonta għal aktar minn terz tal-applikazzjonijiet kollha għall-viża tax-xogħol miċ-ċittadini tal-UE. B’mod ġenerali, l-applikazzjonijiet li saru miċ-ċittadini tal-UE kienu jammontaw biss għal 13 % tal-applikazzjonijiet kollha għall-viża tax-xogħol mimlija fir-Renju Unit. 64  

Iċ-ċittadini tal-UE saru wkoll anqas probabbli li jistudjaw fir-Renju Unit. L-applikazzjonijiet miċ-ċittadini tal-UE biex jirreġistraw fl-universitajiet tar-Renju Unit naqsu b’mod sinifikanti: minn 98 580 fl-2020 għal 48 350 fl-2022, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ kważi 50 %. 65

Fl-UE, 44 403 ċittadini tar-Renju Unit inħarġulhom l-ewwel permessi ta’ residenza għall-impjiegi, il-familja, l-edukazzjoni jew għal raġunijiet oħrajn fl-2021. Fost dawn kien hemm 8 960 permess ta’ residenza għall-ewwel darba għal raġunijiet ta’ impjieg u 4 959 permess ta’ residenza għall-ewwel darba maħruġa għal raġunijiet edukattivi. 66  

6.2.2. Żjarat għal żmien qasir

Bħalissa ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ viża għal żjarat għal żmien qasir taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u viċi versa. Madankollu, dan ma jfissirx awtomatikament dritt ta’ dħul. Fil-fatt, l-għadd ta’ ċittadini tal-UE li ġew miċħuda d-dħul fir-Renju Unit u sussegwentement ġew irritornati żdied sostanzjalment mat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni. Id-data rilaxxata mir-Renju Unit fl-2022 67 turi li, filwaqt li fl-2020, 1 722 ċittadin tal-UE ġew miċħuda dħul fir-Renju Unit, għadd li kien jirrappreżenta 17 % tar-rifjuti kollha, din iċ-ċifra żdiedet drastikament għal 12 523 ċittadin tal-UE fl-2021 (68 % tar-rifjuti kollha). Bħala paragun, l-għadd ta’ ċittadini tar-Renju Unit li ġew miċħuda d-dħul fl-UE fl-2021 kien jirrappreżenta biss 3,2 % tar-rifjuti kollha. Rapport tal-2022 mill-Ispettur Kap indipendenti tal-Fruntieri u l-Immigrazzjoni tar-Renju Unit ikkonkluda li ċerti ċittadini tal-UE li qegħdin ifittxu li jidħlu fil-pajjiż kienu soġġetti għal livelli ogħla ta’ skrutinju mill-Forza tal-Fruntiera, mingħajr ġustifikazzjoni suffiċjenti. 68

7.Konklużjonijiet

L-FKK huwa ftehim tajjeb ħafna għall-UE: dan jindirizza l-interessi tal-UE f’termini ta’ kummerċ u kooperazzjoni mar-Renju Unit. Fl-istess ħin, il-ftehim jirrifletti bis-sħiħ il-linji politiċi ħomor li l-UE u l-Istati Membri stabbilew b’mod konġunt wara d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni.

B’mod ġenerali, l-FKK jiffunzjona tajjeb. Fl-2022, sar ħafna progress fil-finalizzazzjoni tal-arranġamenti istituzzjonali, u, filwaqt li għad fadal sfidi, id-dispożizzjonijiet settorjali tal-FKK huma operazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-isfidi li jifdal huma marbuta mar-rifjut persistenti tar-Renju Unit li jirrispetta l-obbligi legali tiegħu skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ. Madankollu, fid-Dikjarazzjoni Politika ta’ Windsor tas-27 ta’ Frar 2023, kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit esprimew l-intenzjoni tagħhom li fil-futur jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni 69 .

F’termini tal-evoluzzjoni tal-liġi tar-Renju Unit, l-2022 kienet ikkaratterizzata minn avviżi. Il-monitoraġġ tal-każijiet li fihom l-avviżi se jwasslu għal azzjoni leġiżlattiva jew regolatorja fir-rigward tal-impenji lejn kundizzjonijiet ekwi tal-FKK se jibqa’ ta’ importanza kruċjali.

Filwaqt li huwa wieħed mill-aktar ftehimiet ambizzjużi u komprensivi ta’ dan it-tip, l-FKK huwa fil-prinċipju differenti ħafna mill-parteċipazzjoni fis-suq uniku tal-Unjoni u fl-Unjoni Doganali. Wara sentejn mill-applikazzjoni tal-FKK, l-impatt ta’ tneħħija tal-integrazzjoni ekonomika profonda pprovduta mis-suq uniku, mill-Unjoni Doganali u minn politiki oħrajn ta’ sostenn sar aktar evidenti.

Anness 1: Laqgħat tal-korpi konġunti stabbiliti skont l-FKK fl-2022

Korp konġunt

Data

Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija (it-tieni laqgħa)

30 ta’ Marzu 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd (it-tielet laqgħa)

27 ta’ April 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bl-Ajru (it-tieni laqgħa)

28 ta’ Ġunju 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali (it-tieni laqgħa)

30 ta’ Ġunju 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd (ir-raba’ laqgħa)

20 ta’ Lulju 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Parteċipazzjoni fil-Programmi tal-Unjoni (it-tieni laqgħa)

22 ta’ Settembru 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Enerġija (it-tielet laqgħa)

28 ta’ Settembru 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar l-Oġġetti (it-tieni laqgħa)

5 ta’ Ottubru 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-VAT u l-Irkupru tat-Taxxi u d-Dazji (it-tieni laqgħa)

6 ta’ Ottubru 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-Proprjetà Intellettwali (it-tieni laqgħa)

10 ta’ Ottubru 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar Kundizzjonijiet Ekwi għal Kompetizzjoni Miftuħa u Ġusta u Żvilupp Sostenibbli (it-tieni laqgħa)

12 ta’ Ottubru 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja (it-tieni laqgħa)

13 ta’ Ottubru 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-Kooperazzjoni Doganali u r-Regoli tal-Oriġini (it-tieni laqgħa)

17 ta’ Ottubru 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (it-tieni laqgħa)

19 ta’ Ottubru 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar is-Servizzi, l-Investiment u l-Kummerċ Diġitali (it-tieni laqgħa)

20 ta’ Ottubru 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd (il-ħames laqgħa)

21 ta’ Ottubru 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (it-tieni laqgħa)

24 ta’ Ottubru 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-Kooperazzjoni Regolatorja (it-tieni laqgħa)

26 ta’ Ottubru 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar l-Akkwist Pubbliku (it-tieni laqgħa)

27 ta’ Ottubru 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (it-tieni laqgħa)

14 ta’ Novembru 2022

Il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq (it-tieni laqgħa)

21 ta’ Novembru 2022

Il-Kumitat ta’ Sħubija Kummerċjali

1 ta’ Diċembru 2022

Il-Kunsill ta’ Sħubija

--

(1)

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU L 149/10) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:22021A0430(01)&from=MT

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L149/2) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32021D0689&from=MT  

(3) Il-bord ta’ esperti previst fl-Artikolu 409 tal-FKK huwa mistenni li jiġi stabbilit fl-2023.
(4)

  https://ec.europa.eu/info/strategy/relations-non-eu-countries/relations-united-kingdom/eu-uk-trade-and-cooperation-agreement/meetings-eu-uk-partnership-council-and-specialised-committees-under-trade-and-cooperation-agreement_en

(5)

  L-aġendi tal-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari ta’ Sħubija: https://www.europarl.europa.eu/delegations/mt/d-uk/activities/inter-parliamentary  

(6)

Il-kompożizzjoni sħiħa tal-Grupp Konsultattiv Domestiku tal-UE skont l-FKK hija ppubblikata hawn: https://www.eesc.europa.eu/mt/sections-other-bodies/other/eu-domestic-advisory-group-under-eu-uk-tca/organisation

(7)

Il-minuti tal-laqgħat huma ppubblikati hawnhekk: https://www.eesc.europa.eu/mt/sections-other-bodies/other/eu-domestic-advisory-group-under-eu-uk-tca/events

(8)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32022D0567

(9)

L-aġenda tal-laqgħa hija ppubblikata hawn: https://policy.trade.ec.europa.eu/events/first-eu-uk-trade-and-cooperation-agreement-civil-society-forum-2022-10-04_mt

(10)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A22022D2550

(11)

L-Artikolu 749(4) tal-FKK

(12)

L-Artikolu 374(3) tal-FKK

(13)

 Fil-kummerċ fil-merkanzija bejn l-UE u r-Renju Unit, dazji doganali huma dovuti fuq oġġetti mhux oriġinarji, kif ukoll fuq dawk li joriġinaw mir-Renju Unit, li għalihom ma ntalbet l-ebda tariffa preferenzjali (“non-utilizzazzjoni”). Abbażi tad-data tal-2021, jista’ jiġi stmat li d-dazji doganali għall-prodotti importati mir-Renju Unit fl-UE jammontaw għal madwar EUR 1,2 biljun fis-sena.

(14)

  http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2064/oj

(15)

Ara l-Annessi 3 u 5 tal-FKK

(16)

L-Artikolu 74(2) tal-FKK

(17)

L-Artikolu 74(1)(a) tal-FKK

(18)

  https://www.woah.org/en/what-we-do/standards/codes-and-manuals/  

(19)

   https://www.gov.uk/government/publications/contracts-for-difference/contract-for-difference  

(20)

  https://policy.trade.ec.europa.eu/news/eu-and-uk-agree-way-forward-wto-dispute-concerning-uks-green-energy-subsidy-scheme-2022-07-01_en

(21)

  Contracts for Difference (CfD) Allocation Round 4: Supply Chain Plan questionnaire and guidance - GOV.UK (www.gov.uk)

(22)

  https://www.gov.uk/government/news/new-approach-to-import-controls-to-help-ease-cost-of-living  

(23)

  https://questions-statements.parliament.uk/written-statements/detail/2022-11-14/hcws366  

(24)

Il-paragrafu 7 tal-Anness 21 (Viżitaturi Għal Raġunijiet Professjonali b’finijiet ta’ Stabbiliment, Ħaddiema bi Trasferiment Intra-Azjendali u Viżitaturi għal Raġunijiet Professjonali għal Żmien Qasir) jirrikjedi li r-Renju Unit ineħħi kwalunkwe imposta, tariffa jew taxxa imposta (minbarra tariffi assoċjati mal-ipproċessar ta’ applikazzjoni jew tiġdid ta’ viża, permess tax-xogħol jew permess ta’ residenza) abbażi tal-permess li titwettaq u li ssir attività jew li tiġi impjegata persuna li tista’ twettaq din l-attività fit-territorju tar-Renju Unit, sakemm ma jkunx rekwiżit konsistenti mal-Artikolu 140(3) tal-FKK, jew tariffa tas-saħħa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali b’rabta ma’ applikazzjoni għal permess għad-dħul, is-soġġorn, ix-xogħol, jew ir-residenza fit-territorju tar-Renju Unit.

(25)

  https://www.legislation.gov.uk/ukdsi/2022/9780348239614/pdfs/ukdsi_9780348239614_en.pdf

(26)

  https://www.gov.uk/government/publications/sponsor-a-global-business-mobility-worker

(27)

Pereżempju, l-esportazzjonijiet tal-gass mir-Renju Unit żdiedu bi 336 % u tal-elettriku b’138 % fl-2022 meta mqabbla mal-esportazzjonijiet totali fl-2021: Data estratta mill-Pjattaforma tat-Trasparenza tal-ENTSO-E ( https://transparency.entsoe.eu ) u l-Pjattaforma tat-Trasparenza tal-ENTSO-G ( https://transparency.entsog.eu/ ), aggregata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.

(28)

L-Artikolu 315 tal-FKK

(29)

Barra minn hekk, filwaqt li ma kinitx ibbażata fuq l-FKK, il-Kummissjoni stiednet lir-Renju Unit sabiex jipparteċipa f’laqgħa tal-Gruppi ta’ Koordinazzjoni tal-Gass u l-Elettriku biex jiskambjaw informazzjoni dwar it-tħejjija għax-xitwa.

(30)

  https://energy.ec.europa.eu/nsec-uk-memorandum-understanding_en

(31)

  https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=C(2022)6624&lang=mt

(32)

  https://commission.europa.eu/content/decisions-and-recommendations-specialised-committees-and-trade-specialised-committees_en

(33)

   https://transport.ec.europa.eu/news/eu-recognition-uk-system-training-and-certifying-seafarers-2022-10-27_en

(34)

  https://www.imo.org/en/OurWork/HumanElement/Pages/STCW-Conv-LINK.aspx

(35)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-14.6.2022 li tawtorizza lil Franza tikkonkludi ftehim ġdid skont l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2012/34/UE għall-finijiet tal-Artikolu 10(9) tad-Direttiva (UE) 2016/798 C(2022)3813 final

(36)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32022D1014&from=EN

(37)

 Id-Deċiżjoni Nru 2/2021 tal-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, tal-21 ta’ Diċembru 2021 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu interim li matulu r-Renju Unit jista’ jidderoga mill-obbligu li jħassar id-data tal-passiġġieri mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri wara t-tluq tagħhom mir-Renju Unit, ĠU L 467, 29.12.2021, p. 6, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:22021D2323   

(38)

  https://eur-lex.europa.eu/eli/dec/2022/2549/oj  

(39)

F’konformità mal-ftehim politiku bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-eżerċitar tad-drittijiet tal-UE fl-infurzar tal-FKK, il-Kummissjoni hija meħtieġa tinkludi fir-rapport annwali tagħha ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti li wasslulha rigward l-FKK kif ukoll is-segwitu tagħhom.

(40)

  https://ec.europa.eu/assets/sg/complaint_eu_uk_tca/complaints_mt/  

(41)

https://assets.publishing.service.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/1054643/benefits-of-brexit.pdf

(42)

  https://www.nao.org.uk/reports/regulating-after-eu-exit/

(43)

  https://committees.parliament.uk/publications/30148/documents/174754/default/  

(44)

  https://bills.parliament.uk/bills/3227

(45)

https://bills.parliament.uk/bills/3322

(46)

  https://bills.parliament.uk/bills/3340

(47)

  https://www.legislation.gov.uk/ukpga/2022/23/enacted

(48)

  https://www.gov.uk/government/publications/uk-subsidy-control-statutory-guidance

(49)

    https://www.legislation.gov.uk/ukdsi/2022/9780348240023/introduction   

(50)

  https://ec.europa.eu/info/publications/annual-report-implementation-and-application-trade-and-cooperation-agreement-between-european-union-and-united-kingdom-great-britain-and-northern-ireland_en  

(51)

  https://www.legislation.gov.uk/uksi/2003/3319/regulation/7/made  

(52)

https://www.tuc.org.uk/research-analysis/reports/tuc-submission-ilo-committee-experts

(53)

  https://bills.parliament.uk/bills/3167  

(54)

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, iċ-ċifri kollha ppreżentati f’dan il-kapitolu huma bbażati fuq id-data tal-EUROSTAT.

(55)

Għal analiżi u prospettiva makroekonomiċi, issir referenza għat-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni (Ħarifa 2022) https://economy-finance.ec.europa.eu/system/files/2023-01/ip187_en.pdf  

(56)

Iċ-ċifri kollha ppreżentati f’din it-taqsima huma bbażati fuq data aġġustata staġunalment.

(57)

Id-data dwar il-kummerċ mar-Renju Unit għal perjodi ta’ referenza sa Diċembru 2020 kienet ibbażata fuq kunċetti statistiċi applikabbli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-UE. Minn Jannar 2021, id-data dwar il-kummerċ mar-Renju Unit hija bbażata fuq kunċett imħallat. Għall-kummerċ mal-Irlanda ta’ fuq, il-kunċetti statistiċi applikabbli huma l-istess bħal dawk għall-kummerċ bejn l-Istati Membri filwaqt li għall-kummerċ mar-Renju Unit minbarra l-Irlanda ta’ Fuq, l-istess kunċetti statistiċi huma applikabbli għall-kummerċ ma’ kwalunkwe pajjiż sieħeb ieħor barra l-UE.

(58)

  https://obr.uk/forecasts-in-depth/the-economy-forecast/brexit-analysis/  

(59)

  https://ukandeu.ac.uk/the-new-costs-for-business-post-brexit/

(60)

L-industrija agroalimentari waħedha evalwat il-kost tal-burokrazija relatata mal-Brexit għal GBP 60 miljun. https://www.foodmanufacture.co.uk/Article/2022/02/23/Brexit-red-tape-has-cost-food-businesses-60m  

(61)

Din it-taqsima ma tqisx il-movimenti ta’ ċittadini Irlandiżi u Brittaniċi bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda fiż-Żona Komuni għall-Ivvjaġġar.

(62)

https://www.ons.gov.uk/peoplepopulationandcommunity/populationandmigration/internationalmigration/bulletins/longterminternationalmigrationprovisional/yearendingjune2022

(63)

  https://ukandeu.ac.uk/what-have-we-learned-about-migration-from-the-census/

(64)

  https://migrationobservatory.ox.ac.uk/resources/briefings/work-visas-and-migrant-workers-in-the-uk/  

(65)

  https://migrationobservatory.ox.ac.uk/resources/briefings/student-migration-to-the-uk/  

(66)

Ma hemm l-ebda data disponibbli għal Malta u għas-Slovakkja.

(67)

  https://www.gov.uk/government/statistics/immigration-statistics-year-ending-march-2022/how-many-people-are-detained-or-returned  

(68)

https://assets.publishing.service.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/1111534/An_inspection_of_juxtaposed_controls__May_June_2022.pdf

(69)

  https://commission.europa.eu/system/files/2023-02/political%20declaration.pdf

Top