EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0567

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/567 tal-4 ta’ April 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar l-adozzjoni tal-linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili

ST/7208/2022/INIT

ĠU L 109, 8.4.2022, p. 48–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/567/oj

8.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 109/48


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/567

tal-4 ta’ April 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar l-adozzjoni tal-linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43 u 91, l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021, wara li kien ilu japplika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021.

(2)

L-Artikolu 14 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jeżiġi li l-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit b’dak il-Ftehim jadotta l-linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili (il-‘linji gwida’).

(3)

Għaldaqstant huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tas-Sħubija dwar l-adozzjoni tal-linji.

(4)

Sabiex tippermetti l-adozzjoni f’waqtha tal-linji gwida, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, dwar deċiżjoni li għandha tittieħed f’konformità mal-Artikolu 14 tiegħu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-4 ta’ April 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

R. BACHELOT-NARQUIN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2).


ANNESS

LINJI GWIDA GĦALL-FORUM TAS-SOĊJETÀ ĊIVILI

skont il-"Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni"

L-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 14(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (il-"Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni") jipprevedi li l-Partijiet għandhom jiffaċilitaw l-organizzazzjoni ta' Forum tas-Soċjetà Ċivili magħmul minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (ir-Renju Unit) li għandu jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena, sakemm l-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor . Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi wkoll li l-Kunsill ta' Sħubija għandu jadotta l-linji gwida operazzjonali għat-tmexxija tal-Forum.

1.   PARTEĊIPANTI

Skont l-Artikolu 14(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (1), il-Forum tas-Soċjetà Ċivili jlaqqa' flimkien rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit, jiġifieri rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tan-negozju u ta' min iħaddem (iżda mhux kumpaniji privati individwali), trade unions, akkademiċi, u organizzazzjonijiet mhux governattivi f'fergħat differenti tas-soċjetà rilevanti għall-oqsma koperti mill-Parti II tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Il-partijiet japplikaw ir-regoli u l-prattiki rispettivi tagħhom dwar ir-reġistrazzjoni tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili sabiex jippromwovu rappreżentanza bbilanċjata tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Għal raġunijiet prattiċi, l-għadd ta' parteċipanti fiżiċi fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili jkun limitat għal 60 rappreżentant mis-Soċjetà Ċivili fuq kull naħa, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Dawn ir-rappreżentanti jkunu jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili personalment jew b'mezzi elettroniċi. Il-partijiet jistgħu jaqblu li jagħmlu l-laqgħa għal kollox virtwalment skont l-Artikolu 14(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili jkun miftuħ għal membri oħra tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jirreġistraw minn qabel, biex ikunu osservaturi.

2.   KAMP TA' APPLIKAZZJONI

Id-diskussjonijiet tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili jkopru l-oqsma fil-Parti II tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni: il-kummerċ, l-avjazzjoni, it-trasport bit-triq, il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u l-viżi għal żjarat qosra, is-sajd u dispożizzjonijiet oħra.

3.   KALENDARJU, ORGANIZZAZZJONI U ORDNIJIET TAL-ĠURNATA

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi li l-Forum tas-Soċjetà Ċivili jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili jiltaqa' qrib id-data tal-laqgħa tal-Kumitat ta' Sħubija Kummerċjali, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Il-kopresidenti tal-Kumitat ta' Sħubija Kummerċjali u tal-Kumitati Speċjalizzati fil-Kummerċ u l-kopresidenti tal-Kumitati Speċjalizzati dwar l-Enerġija, it-Trasport bl-Ajru, is-Sikurezza tal-Avjazzjoni, it-Trasport bit-Triq, il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali u s-Sajd ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-Forum meta jiġu diskussi kwistjonijiet li huma fil-mandat tagħhom.

Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili jiġi organizzat mill-Parti li hija responsabbli biex tospita l-laqgħa tal-Kumitat ta' Sħubija Kummerċjali, li jfisser li l-post tal-Forum jalterna bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet. Il-Parti li tospita l-Forum tipprovdi l-post u tiffaċilita l-laqgħa (pereżempju tipprovdi links għar-reġistrazzjoni u l-parteċipazzjoni virtwali).

Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jikkonsultaw lill-Gruppi Konsultattivi Domestiċi rispettivi tagħhom dwar punti possibbli tal-aġenda qabel ma jaqblu dwar abbozz tal-ordni tal-ġurnata mal-parti l-oħra. Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jippubblikaw l-abbozz tal-ordni tal-ġurnata 15-il jum qabel id-data tal-laqgħa tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili.

Il-Parti ospitanti tabbozza r-riżultati u l-konklużjonijiet tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili bi qbil mal-Parti l-oħra, fi żmien 30 jum mil-laqgħa. Ir-riżultati u l-konklużjonijiet ta' kull waħda mil-laqgħat jiġu kondiviżi mal-Kunsill ta' Sħubija, il-Kumitat ta' Sħubija Kummerċjali u l-Kumitati Speċjalizzati dwar l-Enerġija, it-Trasport bl-Ajru, is-Sikurezza tal-Avjazzjoni, it-Trasport bit-Triq, il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali u s-Sajd u jkunu disponibbli għall-pubbliku.

F'konformità mal-Artikolu 14(1), it-tieni sentenza tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kunsill ta' Sħubija jista' jemenda dawn il-linji gwida, fost l-oħrajn biex jindirizza kwistjonijiet li jinqalgħu matul l-implimentazzjoni tagħhom.


(1)  Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili stabbiliti fit-territorji tal-Partijiet, inkluż membri tal-gruppi konsultattivi domestiċi msemmija fl-Artikolu 13 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Kull Parti għandha tippromwovi rappreżentanza bilanċjata, li tinkludi organizzazzjonijiet nongovernattivi, organizzazzjonijiet tan-negozju u ta' min iħaddem, u trade unions, attivi fil-qasam ekonomiku, tal-iżvilupp sostenibbli, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem, ambjentali u oħrajn.


Top