Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IE0997

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Miżuri effettivi u koordinati tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u r-rifuġji fiskali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    EESC 2020/00997

    ĠU C 429, 11.12.2020, p. 6–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 429/6


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Miżuri effettivi u koordinati tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u r-rifuġji fiskali”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2020/C 429/02)

    Relatur:

    Javier DOZ ORRIT

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    20.2.2020

    Bażi legali

    Artikolu 32(2) tar-Regoli ta' Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    20.7.2020

    Adottata fil-plenarja

    18.9.2020

    Sessjoni plenarja Nru

    554

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    216/2/2

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Minkejja l-isforzi tal-UE u ta’ ħafna gvernijiet, id-dħul fis-seħħ ta’ Direttivi Ewropej importanti (id-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu – AMLD, u d-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa – ATAD) (1) u l-programm kontra l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt (BEPS) tal-OECD, il-volum tal-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u tal-ħasil tal-flus, kif ukoll l-evitar tat-taxxa, jibqa’ sostanzjali ferm fir-rigward tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Ewropej.

    1.2

    Il-KESE jipproponi li jiġi promoss Patt Ewropew biex jiġu miġġielda b’mod effettiv il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi inizjattiva politika li tinvolvi lill-gvernijiet nazzjonali u lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra biex jintlaħaq dan l-għan, filwaqt li jiġi promoss il-kunsens meħtieġ għal dan u tiġi involuta s-soċjetà ċivili. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għandha tkun il-pilastru prinċipali tal-Patt.

    1.3

    Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri sabiex jattrezzaw lilhom infushom bir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa għall-applikazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni Ewropea eżistenti u biex jilħqu ftehim li jadottaw il-miżuri leġislattivi u amministrattivi ġodda kollha meħtieġa biex jiġġieldu b’mod effettiv kontra r-reati u l-prattiki ħżiena tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-attivitajiet tar-rifuġji fiskali. Għal dan il-għan, għandha ssir evalwazzjoni permanenti tar-riżultati tal-applikazzjoni ta’ kull miżura.

    1.4

    Il-KESE jqis essenzjali li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jtemmu l-forom inġusti u dannużi tal-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa. Bl-istess mod, jerġa’ jafferma dak li ntqal fl-Opinjoni tal-KESE dwar it-Tassazzjoni – votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata (2) rigward il-ħtieġa li jiġi promoss id-dibattitu dwar it-tranżizzjoni progressiva mill-unanimità għall-votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata dwar kwistjonijiet ta’ taxxa.

    1.5

    Il-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili hija essenzjali għall-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini kontra r-reati u l-prattiki ħżiena tat-taxxa u għal tassazzjoni ġusta. Il-kooperazzjoni tagħhom tgħin sabiex jinkiseb il-Patt u jiġi implimentat. L-involviment tal-impjegaturi u tal-organizzazzjonijiet tagħhom huwa importanti ħafna għas-suċċess tal-Patt. Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-miżuri leġislattivi adottati ma jkollhomx impatt mhux dovut fuq l-intrapriżi li jikkonformaw mal-obbligi tat-taxxa tagħhom billi jiġi imponut piż amministrattiv eċċessiv fuqhom. Azzjoni effettiva u urġenti kontra r-reati u l-prattiki ħżiena tat-taxxa ser tiġġenera riżorsi finanzjarji pubbliċi addizzjonali li huma meħtieġa biex jgħinu jiġu ffinanzjati l-pjani ta’ rkupru mill-pandemija, it-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomija u l-bini tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

    1.6

    Id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija toħloq sfidi ġodda għall-awtoritajiet tat-taxxa peress li tista’ toħloq metodi ġodda ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa, jew ta’ reati finanzjarji u ta’ prattiki ħżiena. Madankollu, id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija, permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva aktar effiċjenti u l-iskambju ta’ data, toħloq ukoll opportunitajiet ġodda biex l-awtoritajiet tat-taxxa jiġġieldu dawn il-prattiki.

    1.7

    It-titjib tar-riżultati tal-ġlieda kontra dawn ir-reati u l-prattiki ħżiena jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni politika, amministrattiva, tal-pulizija u ġudizzjarja kemm direttament bejn l-Istati Membri kif ukoll bejnhom u l-UE, li jissaħħu l-bażijiet legali ta’ din il-kooperazzjoni u li jkun hemm biżżejjed riżorsi ekonomiċi u umani għall-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF), l-awtoritajiet tat-taxxa, l-istrutturi Ewropej għas-superviżjoni u l-aġenti l-oħra f’din il-ġlieda.

    1.8

    Sabiex titjieb l-effettività tal-azzjonijiet, huwa meħtieġ li wieħed jibda minn viżjoni konġunta ta’ dawn ir-reati u prattiki ħżiena, tal-konnessjonijiet bejniethom u tar-relazzjoni tagħhom mal-kriminalità ekonomika u finanzjarja u mal-korruzzjoni politika, kif ukoll ir-rwol neċessarju tar-rifuġji fiskali fl-iffaċilitar u l-ħabi tagħhom. L-eradikazzjoni tal-attivitajiet kriminali mir-rifuġji fiskali għandha tkun objettiv prijoritarju tal-UE.

    1.9

    Filwaqt li din il-politika hija meħtieġa fi kwalunkwe ċirkostanza, il-KESE jemmen li fis-sitwazzjoni li tirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19, huwa essenzjali li din issir prijorità politika u etika għall-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali u s-soċjetà ċivili Ewropea. Meta jkun hemm bżonn ta’ tant riżorsi finanzjarji pubbliċi sabiex jiġu ffaċċjati l-konsegwenzi tas-saħħa, ekonomiċi u soċjali tal-pandemija, huwa intollerabbli li numru sinifikanti minnhom jiġu ddevjati illeċitament għall-gwadann privat tal-ftit, u jagħmlu ħsara diretta lill-maġġoranza l-kbira tal-ħaddiema, l-intraprendituri, dawk li jaħdmu għal rashom, l-impjegati u l-pensjonanti li jissodisfaw l-obbligi tat-taxxa tagħhom.

    1.10

    Il-KESE jappoġġja l-pjan ta’ azzjoni ġdid għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (3) ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea fis-7 ta’ Mejju 2020. Huwa jemmen li jeħtieġ li jiġi implimentat b’urġenza. Il-KESE jappoġġja l-miżuri proposti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas legali eżistenti għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-istabbiliment ta’ kodiċi legali uniku tal-UE, il-ħolqien ta’ korp superviżorju Ewropew u l-pilastri l-oħrajn fil-pjan. L-UE u l-Istati Membri għandhom iżommu pożizzjonijiet komuni f’forums internazzjonali bħat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF – OECD), il-G20 u n-NU. Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-miżuri meħuda għandhom iqisu l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni u jiżguraw li dawn jinvolvu l-iżgħar piż amministrattiv u finanzjarju possibbli għall-Istati Membri u l-entitajiet marbutin b’obbligu.

    1.11

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-lista attwali ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx u tqis il-possibbiltà li tistabbilixxi kriterji addizzjonali biex tiżgura li r-rifuġji fiskali kollha jiġu inklużi f’din il-lista. Bl-istess mod, huwa jitlob li tistabbilixxi l-miżuri adatti sabiex il-kumpaniji u l-individwi ma jkunux jistgħu jwettqu tranżazzjonijiet mhux ġustifikati mal-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom.

    1.12

    Il-KESE japprezza l-introduzzjoni ta’ indikaturi tat-taxxa fis-Semestru Ewropew, jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw ma’ dan fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u jipproponi lill-KE biex fis-Semestru Ewropew tinkludi proċedura għall-valutazzjoni tal-effiċjenza, l-ekwità, is-suffiċjenza u l-funzjonament xieraq tas-sistemi tat-taxxa.

    1.13

    Il-KESE jappella biex id-Direttivi Ewropej japplikaw għal xogħlijiet tal-arti u assi oħra ta’ valur għoli, b’mod partikolari dawk iddepożitati f’portijiet ħielsa u mħażen doganali, u għat-tneħħija gradwali tal-iskemi taċ-ċittadinanza jew residenza abbażi ta’ investiment f’ċerti Stati Membri, u jappella wkoll biex jintemmi n-nuqqas ta’ trasparenza fl-ishma tal-portatur.

    1.14

    Il-KESE jqis li d-dispożizzjonijiet tal-ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD) dwar ir-reġistrazzjoni ċentralizzata u pubblika tas-sidien reali ta’ kumpaniji u trusts għandhom japplikaw għall-evażjoni tat-taxxa. Min-naħa l-oħra, jitlob li jiġu stabbiliti proċeduri adegwati biex ikun aktar faċli li l-SMEs jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni.

    1.15

    Il-KESE jappoġġja soluzzjoni komprensiva għat-tassazzjoni korporattiva ta’ kumpaniji bi preżenza diġitali sinifikanti fil-qafas tal-ħidma tal-OECD imma, iżda jekk ma jintlaħaqx ftehim qabel l-aħħar tal-2020, l-UE għandha terġa’ tibda l-inizjattiva tagħha ta’ tassazzjoni fuq l-intrapriżi diġitalizzati kbar.

    1.16

    Għandha tiġi riformata d-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa biex tinkludi regoli dwar it-trattament tat-taxxa fir-rigward ta’ ġurisdizzjonijiet b’tassazzjoni baxxa u dwar ir-ripatrijazzjoni ta’ dividendi jew qligħ kapitali li ma ġewx intaxxati barra l-pajjiż.

    1.17

    Il-UIF nazzjonali għandhom jiġu appoġġjati finanzjarjament u teknikament u għandha tiġi promossa kooperazzjoni mill-qrib bejniethom u bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, kif ukoll bejn il-pulizija nazzjonali u l-Europol, fil-prosekuzzjoni tar-reati tat-taxxa u finanzjarji.

    1.18

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar ir-rwol tal-“kumpaniji fantażma” fir-rigward tal-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus u biex, fid-dawl tal-konklużjonijiet tagħha, temenda d-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa, id-Direttiva dwar l-Adegwatezza tal-Kapital u d-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD) biex tevita t-twettiq ta’ reati u l-iffaċilitar ta’ prattiki ħżiena permezz tagħhom.

    1.19

    Il-KESE jistieden lill-KE u lill-Istati Membri biex jistudjaw il-kunċett ta’ tassazzjoni minima effettiva tal-profitti tal-kumpaniji u l-applikazzjoni possibbli tagħha.

    1.20

    Il-KESE jipproponi li l-ftehimiet kummerċjali jew ekonomiċi tal-UE jinkludu, skont il-prinċipji u r-regoli tad-WTO, kapitolu bi klawżoli kontra r-reati tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa.

    2.   Sfond

    2.1

    Fl-Ewropa u fid-dinja, id-daqs tal-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus huwa importanti ħafna f’termini makroekonomiċi. Dawn ilkoll għandhon dimensjoni transnazzjonali ċara. Ir-rifuġji fiskali għandhom rwol ewlieni biex dawn il-prattiki jissoktaw, billi jilqgħu/jirċievu u jwasslu/jgħaddu flus li ġejjin minn kumpaniji kbar u ġid personali li jkunu evadew, jew evitaw il-ħlas tat-taxxi, flimkien ma’ dawk li ġejjin minn korruzzjoni politika u ekonomika u mill-organizzazzjonijiet tal-ekonomija kriminali.

    2.2

    Ma hemm l-ebda definizzjoni ta’ rifuġju fiskali li hija aċċettata b’mod universali, għalkemm it-tassazzjoni hija żero jew baxxa ħafna fihom kollha/ilkoll u l-opaċità fir-rigward tal-klijenti u l-flussi hija standard. L-identifikazzjoni tagħhom issir permezz ta’ elenki li fihom in-natura mhux kooperattiva tirriżulta mir-rifjut li tingħata informazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxa u li jkun hemm kooperazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji. L-elenki rikonoxxuti huma dawk tal-OECD (4) u t-tnejn tal-UE: dwar il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu u dwar l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa (5). Il-monografija F&D (tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI)) tistma li l-ġid privat f’ċentri finanzjarji off-shorehuwa ta’ bejn USD 7 u 8,7 triljun (6) (minn 8 % sa 10 % tal-PDG dinji).

    2.3

    L-FMI jqis li l-evażjoni tat-taxxa tiswa lill-gvernijiet madwar USD 3 triljun kull sena (7). Il-Parlament Ewropew (PE) jikkalkula li fl-UE tintlaħaq iċ-ċifra ta’ EUR 825 biljun (8), u d-defiċit fil-ġbir tal-VAT, l-aktar minħabba l-frodi, jitla’ għal madwar EUR 147 biljun fis-sena, li EUR 50 biljun minnhom jikkorrispondu għall-frodi transkonfinali b’negozjant nieqes (9).

    2.4

    L-evitar tat-taxxa mhux dejjem jinvolvi l-ksur tat-test tal-liġi, iżda dejjem jinvolvi l-ksur tal-ispirtu tagħha. Ir-rifuġji fiskali jirċievu madwar USD 600 biljun fis-sena mill-evitar tat-taxxa korporattiva (10). It-telf tal-UE jkun bejn EUR 160 biljun u EUR 190 biljun kull sena (11). L-evitar tat-taxxa f’sitt Stati Membri jagħmel ħsara ta’ EUR 42,8 biljun fuq id-dħul mit-taxxa ta’ tnejn u għoxrin oħra (12). F&D (FMI) isostni li 40 % tal-investiment barrani dirett dinji, jiġifieri madwar USD 15-il triljun, imorru għand kumpaniji fantażma (kumpaniji mingħajr attività ekonomika), ta’ spiss fil-forma ta’ holdings li jagħqdu sussidji operattivi. Ħafna minnhom jinsabu f’ħames pajjiżi Ewropej (13).

    2.5

    Skont in-NU, il-ħasil tal-flus jirrappreżenta bejn 2 % u 5 % tal-PDG dinji (14). Każijiet reċenti bħal dak ta’ Danske Bank (bi stima inizjali ta’ madwar EUR 200 biljun) (15), jew ta’ Swedbank (EUR 37 biljun) (16) juru d-dgħufijiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, minkejja d-Direttivi u l-ħidma tal-awtoritajiet superviżorji.

    2.6

    Minbarra s-settur finanzjarju, hemm mezzi oħra ta’ ħasil ta’ flus: is-swieq tal-arti, tad-djamanti u tal-metalli prezzjużi; il-portijiet ħielsa, l-imħażen doganali u ż-żoni ekonomiċi speċjali; eċċ. Il-bidliet teknoloġiċi rapidi jipprovdu perkorsi ġodda permezz tal-assi virtwali u l-katina ta’ blokok (blockchain). L-istess jgħodd għall-proċeduri ta’ evażjoni u evitar: il-ħasil ta’ dividendi u kupuni għal tranżazzjonijiet cum-ex (EUR 55,2 biljun); l-ippjanar aggressiv tat-taxxa; il-ftehimiet sigrieti bejn Stati u kumpaniji multinazzjonali li jnaqqsu l-obbligi tat-taxxa tagħhom b’mod sostanzjali; u l-iskemi għall-għoti taċ-ċittadinanza jew residenza lil barranin bi skambju għal investiment. Il-kummerċ elettroniku, l-ekonomija tal-pjattaformi u l-ekonomija diġitali b’mod ġenerali jippreżentaw riskji ġodda ta’ ffaċilitar tar-reati tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, kif ukoll opportunitajiet ġodda għal traċċar u kontroll.

    2.7

    Il-Kummissjoni Juncker wettqet attività intensa ħafna kontra r-reati tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa: sitta u għoxrin inizjattiva leġislattiva u 57 ta’ kull tip. Jispikkaw żewġ Direttivi kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu: ir-raba’ u l-ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (2015 u 2018) Din tal-aħħar ġiet trasposta f’Jannar 2020 u tipprovdi titjib fl-identifikazzjoni tad-detenturi, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn il-UIF, kif ukoll fl-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-entitajiet responsabbli, filwaqt li tintroduċi l-kontroll tal-muniti virtwali. Ir-riżultati prattiċi mhumiex sodisfaċenti: għad hemm bosta nuqqasijiet u lakuni, minkejja li l-Kummissjoni hija attiva ħafna fis-setgħat limitati tagħha (Valutazzjoni tal-2019) (17). Reċentement ħafna, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri fetħet awditu biex tivvaluta kemm hija effettiva l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fis-settur bankarju (18) u l-KE ressqet tliet Stati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizza Ewropea minħabba nuqqas ta’ konformità mar-raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (19).

    2.8

    Fis-7 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan ta’ azzjoni ġdid għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (20) u Regolament Delegat (21) bil-lista ta’ pajjiżi u ġurisdizzjonijiet li mhumiex qed jaħdmu flimkien biex jiksbu dawn l-għanijiet. Abbażi tal-valutazzjoni tad-diverġenzi fil-mod kif jiġi applikat il-qafas leġiżlattiv eżistenti u tad-dgħufijiet serji fl-infurzar tar-regoli, filwaqt li jesprimi xewqa għal tolleranza żero għall-flus illeċiti fl-Unjoni Ewropea, il-pjan huwa strutturat madwar sitt pilastri:

    l-iżgurar tal-implimentazzjoni effettiva tal-qafas eżistenti, li tibda bit-traspożizzjoni sħiħa tad-direttivi AML;

    l-istabbiliment ta’ ġabra unika tar-regoli tal-UE permezz ta’ direttiva emendata u regolament;

    l-istabbiliment ta’ proċeduri u l-ħolqien ta’ korp superviżorju fil-livell tal-UE permezz ta’ proposta leġiżlattiva;

    l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ appoġġ u kooperazzjoni għall-UIF u l-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali nazzjonali tal-kontijiet bankarji;

    l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali u t-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni;

    it-tisħiħ tad-dimensjoni internazzjonali tal-qafas tal-UE.

    Se jiġu ppreżentati erba’ proposti leġiżlattivi fl-ewwel tliet xhur tal-2021 biex jiġu żviluppati dawn il-pilastri.

    2.9

    It-tieni qasam ewlieni ta’ azzjoni tal-KE kien dak tal-evitar tat-taxxa, marbut mal-inizjattivi dwar it-tassazzjoni diġitali u fuq il-bażi tat-taxxa korporattiva. L-istrateġija tagħha fittxet li tikseb “tassazzjoni effettiva” li tiżgura li l-kumpaniji multinazzjonali jħallsu s-sehem ġust tagħhom meta jiġġeneraw valur, f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni kontra l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti tal-OECD, b’mod partikolari billi tiġi llimitata l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa korporattiva permezz tat-tnaqqis ta’ interessi, royalties u benefiċċji finanzjarji oħrajn. L-istandard ewlieni għal dan kienet id-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa (2016), emendata fl-2017 biex tinkludi asimmetriji ibridi (Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa 2) (22). Għadha ma tistax issir valutazzjoni tar-riżultati tagħhom. Kien hemm ukoll leġislazzjoni biex tiffaċilita r-riżoluzzjoni tal-kunflitti li jirriżultaw minn taxxa doppja (23). Fl-2018 ġie ppromulgat Regolament ġdid dwar il-kontrolli tad-dħul u l-ħruġ ta’ flus mill-UE (24).

    2.10

    Il-KE kkunsidrat l-evitar tat-taxxa fl-inizjattivi leġislattivi tagħha dwar it-taxxa diġitali u fuq il-bażi tat-taxxa korporattiva. Fl-2018 hija pproponiet żewġ Direttivi dwar it-taxxa korporattiva bi preżenza diġitali sinifikanti u dwar taxxa fuq id-dħul għall-kumpaniji diġitali kbar. Fl-2016, hija pproponiet tnejn oħra fuq il-bażi tat-taxxa korporattiva, li tagħmilha komuni – BKTK – u kkonsolidata – BKKTK. Din tal-aħħar hija importanti ħafna biex jiġi miġġieled l-evitar tat-taxxa. Diskussjonijiet simultanji fl-OECD u l-oppożizzjoni f’xi Stati Membri ttardjaw l-adozzjoni ta’ dawn id-Direttivi. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-KE ppreżentat Komunikazzjoni (2019), li tipproponi li jibda dibattitu sabiex id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa jiġu adottati b’maġġoranza kkwalifikata.

    2.11

    Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u istituzzjonijiet oħra tal-Istati Membri permezz ta’ skambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar it-taxxa (AEOI (25)) u t-trasparenza huma essenzjali. Ġew approvati sa sitt Direttivi ta’ Kooperazzjoni Amministrattiva. Mill-ewwel waħda, 2011/16/UE (26), sal-aħħar waħda, (UE) 2018/822 (27), estendew l-obbligu li jiġu żvelati d-detenturi reali ta’ kontijiet, assi finanzjarji u tranżazzjonijiet, u tal-prodotti kollha, inklużi assigurazzjonijiet u dividendi. Sar progress fir-rekwiżiti ta’ skambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar deċiżjonijiet tat-taxxa u ta’ informazzjoni finanzjarja tal-kumpaniji kbar, pajjiż b’pajjiż (ir-rapporti għal kull pajjiż, jew CBCR (28)). L-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u ta’ tip ieħor għall-prosekuzzjoni kriminali tar-reati kien irregolat fid-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29).

    2.12

    Il-Kummissjoni Juncker ittrattat il-ftehimiet sigrieti ta’ xi Stati Membri ma’ kumpaniji multinazzjonali, li bilkemm iħallsu taxxi fil-pajjiżi. Irnexxielha wkoll tintroduċi indikaturi tat-taxxa fis-Semestru Ewropew. L-aħħar rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jindikaw li f’xi wħud minnhom l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni mhijiex sodisfaċenti f’dak li jirrigwarda l-ippjanar aggressiv tat-taxxa jew l-identifikazzjoni ta’ detenturi reali. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ titjieb ħafna iktar. Minkejja xi progress, ma hemm l-ebda tnaqqis mifrux fil-livelli ta’ frodi, ħasil ta’ flus u evitar li, f’xi każijiet, bħall-flussi tal-kapital lejn kumpaniji fantażma, jiżdiedu.

    2.13

    Fl-aħħar ħames snin, il-KESE adotta 25 Opinjoni dwar dawn il-kwistjonijiet. B’mod ġenerali, il-KESE appoġġja l-miżuri proposti mill-Kummissjoni. F’xi okkażjonijiet, mar lil hinn mir-rekwiżiti tiegħu, f’konformità mal-pożizzjoni tal-PE.

    3.   Kummenti ġenerali u rakkomandazzjonijiet

    3.1

    Il-kriżi tal-pandemija tal-coronavirus, l-iktar waħda serja minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, għandha tkun iċ-ċentru ta’ kwalunkwe riflessjoni u proposta ekonomika u soċjali. B’rabta ma’ din l-Opinjoni, jidher evidenti li tnaqqis drastiku fil-volum ekonomiku tar-reati tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa jipprovdi lill-Istati, u lill-UE nnifisha, parti mir-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jiġi indirizzat l-impatt fuq is-saħħa, ekonomiku u soċjali tal-pandemija. Il-KESE jikkunsidra li l-involviment tal-istituzzjonijiet Ewropej, tal-gvernijiet nazzjonali u tas-soċjetà ċivili fl-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura meħtieġa biex titwettaq azzjoni permanenti u effettiva kontra r-reati tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa llum, aktar minn qatt qabel, huwa imperattiv politiku u morali li ma jistax jinċaħad. U hija kwistjoni urġenti.

    3.2

    L-objettiv ewlieni ta’ din l-Opinjoni huwa li, abbażi ta’ viżjoni ġenerali u fehmiet espressi fl-Opinjonijiet preċedenti tal-KESE, jiġu fformulati proposti li jagħmlu l-ġlieda kontra dawn ir-reati aktar effettiva. Jenħtieġ li jitqiesu r-relazzjonijiet li jeżistu bejn ir-reati tat-taxxa differenti, u bejn dawn ir-reati u l-evitar tat-taxxa, permezz ta’ mezzi komuni li jikkonverġu f’rifuġji fiskali.

    3.3

    Il-KESE jirrikonoxxi r-rieda tal-KE u tal-PE li jippromovu inizjattivi kontra r-reati tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-kompetizzjoni tat-taxxa inġusta, u jesprimi d-dispjaċir tiegħu li wħud mill-inizjattivi ewlenin, bħal dawk li jaffettwaw it-taxxa korporattiva, il-frodi tal-VAT u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, qed jiġu mblukkati jew jistgħu jitnaqqsu minn xi Stati Membri, anke minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejniethom.

    3.4

    Il-KESE jipproponi li jiġi promoss Patt Ewropew biex jiġu miġġielda b’mod effettiv il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tippromovi inizjattiva politika li tinvolvi lill-gvernijiet nazzjonali u lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Patt. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għandha tkun waħda mill-pilastri tal-Patt.

    3.5

    L-implimentazzjoni effettiva tal-Patt għandha tipprovdi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha b’riżorsi addizzjonali għal dawk ipprovduti mit-tkabbir sabiex jiġu ffinanzjati l-pjani ta’ rkupru mill-kriżi pandemika, it-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomiji tagħhom u l-bini ta’ Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali b’saħħtu. Abbażi tar-rispett tas-sovranità tat-taxxa tal-Istati Membri, il-KESE jappella lil dawk li jfasslu l-politika tal-UE u lill-gvernijiet nazzjonali sabiex jiksbu kunsens dwar il-kontenut tal-Patt propost mill-KESE, bir-responsabbiltà u l-ġenerożità li jistħoqqlu l-mument diffiċli li qed ngħixu fih. Fil-fehma tal-KESE, il-ħolqien ta’ kunsens biex jintlaħaq Patt Ewropew kontra r-reati tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu għandu jkun ibbażat fuq:

    a)

    l-impenn tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet Ewropej biex jadottaw il-miżuri leġislattivi u amministrattivi addizzjonali kollha meħtieġa għall-ġlieda b’mod effettiv kontra tali reati u prattiki ħżiena;

    b)

    it-tisħiħ tar-rieda politika għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet tal-UE, sabiex jiġu stabbiliti proċeduri effettivi għal kooperazzjoni amministrattiva, tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarja biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt;

    c)

    l-impenn tal-Istati Membri biex itemmu l-kompetizzjoni tat-taxxa inġusta u jiżblokkaw id-Direttivi relatati mal-għanijiet tal-Patt; u

    d)

    l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Patt.

    3.6

    Il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’dan il-ftehim u fil-ħolqien ta’ kuxjenza soċjali avvanzata fi kwistjonijiet tat-taxxa hija essenzjali. Iċ-ċittadini Ewropej għandhom interess konsiderevoli li jkollhom riżorsi suffiċjenti għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità – illum il-ġurnata, b’mod partikolari, dawk tas-saħħa u r-riċerka – u sistemi ta’ protezzjoni soċjali suffiċjenti. L-intraprendituri li jissodisfaw l-obbligi tat-taxxa tagħhom, il-biċċa l-kbira, jixtiequ jtemmu l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa mwettqa minn xi kumpaniji u li jinvolvu kompetizzjoni inġusta magħhom.

    3.7

    Il-KESE jaqbel mal-PE meta jiddikjara li “(…) tassazzjoni ġusta u ġlieda riżoluta kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-ħasil tal-flus għandhom rwol ċentrali x’jiżvolġu fit-tiswir ta’ soċjetà ġusta u ekonomija b’saħħitha, filwaqt li jiddefendu l-kuntratt soċjali u l-istat tad-dritt” (30). Għal din ir-raġuni, iħares bi tħassib lejn id-daqs tad-diskrepanza tat-taxxa li dawn ir-reati u l-prattiki ħżiena jiġġeneraw fid-dħul mit-taxxa, kif ukoll l-evoluzzjoni reċenti tat-tassazzjoni, li ttrasferiet l-impatt tat-taxxa fid-dħul mix-xogħol, u mis-settur finanzjarju għall-ekonomija reali, fejn l-SMEs għandhom pressjoni fiskali ikbar mill-kumpaniji multinazzjonali.

    3.8

    L-introduzzjoni ta’ indikaturi tat-taxxa fir-rapporti skont kull pajjiż tas-Semestru Ewropew kien progress. Madankollu, il-valutazzjoni tar-riżultati tagħhom juru li l-funzjonament tal-UIF, l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa mhumiex sodisfaċenti f’parti tal-Istati Membri tal-UE, kemm fir-rigward tal-ħasil tal-flus kif ukoll tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Il-KESE jipproponi lill-KE biex l-indikaturi tat-taxxa jingħataw l-istess status tal-indikaturi l-oħra fis-Semestru Ewropew u li tistabbilixxi proċedura għall-valutazzjoni tal-effiċjenza, l-ekwità, is-suffiċjenza u l-funzjonament xieraq tas-sistemi tat-taxxa.

    3.9

    Il-KESE jappoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni ġdid għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu u jaħseb li għandu jiġi implimentata b’mod urġenti. Huwa jappoġġja l-ħolqien ta’ korp superviżorju Ewropew li jiżgura kooperazzjoni massima bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-UIF tal-Istati Membri u li jkollu responsabbiltà diretta għall-monitoraġġ u l-investigazzjoni tal-entitajiet marbutin b’obbligu mill-oqsma kollha, u li jkollu biżżejjed riżorsi umani u teknoloġiċi biex jadatta għall-iżviluppi kontinwi fil-kriminalità. Huwa jappella lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, bħala l-aktar formula adatta għal dan, il-ħolqien ta’ Aġenzija Ewropea għall-ġlieda kontra l-kriminalità fiskali, ekonomika u finanzjarja u l-ħasil tal-flus u biex tissorvelja l-konformità mal-leġiżlazzjoni u l-effettività tal-azzjonijiet amministrattivi. Il-KESE jaħseb li huwa neċessarju li l-UE taġixxi bl-istess fehma f’forums internazzjonali bħall-FATF (OECD), il-G20 u n-NU. Il-KESE jqis li l-KE għandha tgħin lill-Istati Membri billi toħloq mekkaniżmi ta’ taħriġ bħall-Akkademja tat-Taxxa tal-UE kif propost fl-Opinjoni tiegħu dwar il-programm Fiscalis (10/2018) (31).

    3.10

    Il-qafas legali kontra l-ħasil tal-flus għandu jippermetti aċċess għall-informazzjoni tad-detenturi tal-kontijiet, kumpaniji u trusts, b’rispett għall-istandards dwar il-protezzjoni tad-data u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għandha tiġi żgurata l-protezzjoni tal-professjonisti li huma obbligati jirrappurtaw il-prattiki suspettużi ta’ ħasil tal-flus. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Pjan ta’ Azzjoni jipproponi skema ġdida għall-protezzjoni tal-informaturi u jitlob li ma jkunx hemm dewmien iktar minn Diċembru 2021. Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-miżuri adottati jinvolvu l-iżgħar piż amministrattiv u finanzjarju addizzjonali possibbli għall-Istati Membri u l-entitajiet marbutin b’obbligu.

    3.11

    Il-miżuri ta’ kontroll ta’ partijiet terzi inklużi fil-ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus se jkunu effettivi biss b’lista realistika tal-pajjiżi b’riskju għoli. Il-KESE huwa favur metodoloġija trasparenti u ċara u skadenzi iqsar għall-valutazzjoni. Jemmen li l-lista l-ġdida, b’għoxrin pajjiż u territorju biss, għandha tiġi approvata mill-aktar fis possibbli b’xi pajjiżi oħra, bħal dawk li kienu l-protagonisti fl-iskandli reċenti. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu rigward l-ostakli mqiegħda minn xi pajjiżi tal-UE għall-aċċess għal informazzjoni dwar tranżazzjonijiet għal rifuġji fiskali.

    3.12

    Il-lista tal-Ecofin (2017) ta’ rifuġji fiskali b’rabta mal-evażjoni u l-evitar ġiet aġġornata fi Frar li għadda. Għall-kuntrarju tal-listi l-oħra, din għandha l-vantaġġ li tkopri kemm dawk li ma jaċċettawx skambju awtomatiku ta’ informazzjoni kif ukoll dawk li joffru skemi tat-taxxa speċjali lill-kumpaniji. Il-fatt li l-lista Ewropea teskludi l-eżistenza ta’ rifuġji fiskali fil-komunità għandu jiġi kkritikat. Madankollu, fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew, il-KE indikat lil ċerti Stati Membri bħala li qed idgħajfu l-bażijiet tat-taxxa tal-imsieħba komunitarji tagħhom. Għalkemm it-theddida li tkun fuq il-lista s-sewda għandha effett dissważiv minħabba r-reputazzjoni, is-sanzjonijiet mhumiex effettivi biżżejjed.

    3.13

    Sabiex il-ġurisdizzjonijiet fil-lista jwettqu r-riformi meħtieġa, il-KESE jipproponi li, wara l-valutazzjoni li jmiss, ir-Regolament jiġi riformat sabiex jipprojbixxi lil dawk li ma għamlux tali rifomi milli jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji mal-UE. Il-miżuri għandhom jaffettwaw ukoll lill-kumpaniji li jevitaw li jħallsu t-taxxi. Miżura effettiva tkun li ma tingħatax għajnuna pubblika għall-COVID-19 lil kumpaniji li jwettqu tranżazzjonijiet mhux ġustifikati mal-ġurisdizzjonijiet fil-lista, kif approvaw uħud mill-Istati Membri. Il-KESE jappella wkoll biex jiġi kkunsidrat li dawn il-kumpaniji jiġu esklużi mill-proċeduri ta’ akkwist pubbliku.

    3.14

    Il-kumpaniji multinazzjonali joperaw globalment u taħt tmexxija komuni, iżda r-regoli tat-taxxa huma adottati fil-livelli nazzjonali mingħajr ma titqies l-interazzjoni tagħhom mal-iskemi ta’ pajjiżi oħra, jekk ma jkunux f’kompetizzjoni fiskali sinċiera magħhom. Ċerti ġurisdizzjonijiet jadottaw skemi tat-taxxa li jdgħajfu l-bażijiet tat-taxxa ta’ territorji oħra. Dan, flimkien ma’ tnaqqis ġeneralizzat fir-rati, wassal lill-pajjiżi għal tellieqa fil-qasam tat-tassazzjoni lejn il-qiegħ biex jattiraw l-investiment dirett barrani u wassal għal lakuni u nuqqas ta’ qbil legali. Ħafna intrapriżi multinazzjonali jirristrutturaw in-negozju tagħhom sabiex inaqqsu b’mod sinifikanti l-kont tat-taxxa tagħhom. Għal dan il-għan, jużaw ċerti operazzjonijiet fi ħdan il-grupp biex jittrasferixxu artifiċjalment parti kbira tal-ispejjeż fit-territorji b’tassazzjoni medja jew għolja, waqt li l-profitti jiġu ddikjarati f’ġurisdizzjonijiet b’taxxa baxxa jew mingħajr taxxa, fejn jaslu għal deċiżjonijiet sigrieti tat-taxxa mal-gvernijiet. It-trasferiment tal-profitti mill-kumpaniji kbar fl-ekonomija diġitali huwa partikolarment faċli f’dan l-ambjent. Il-KESE jittama li l-applikazzjoni tal-istandards BEPS u tad-Direttivi kontra l-Evitar tat-Taxxa jippermettu li din is-sitwazzjoni tinbidel. Għadu kmieni wisq biex jiġu evalwati r-riżultati. Sabiex ikunu effettivi, il-kooperazzjoni tal-Istati Membri kollha, l-objettiv ewlieni tal-Patt Ewropew, hija essenzjali.

    3.15

    L-UE hija żona vulnerabbli għall-evitar tat-taxxa (32). Il-moviment tal-kapital, tal-merkanzija u tal-persuni fis-suq intern jikkuntrasta man-nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-politiki tat-tassazzjoni. Wara l-kriżi tal-2008, il-progress fil-governanza ekonomika ffoka fuq il-kontroll tal-infiq. Is-sitwazzjoni nbidlet f’dawn l-aħħar snin, iżda l-koordinazzjoni tal-politiki tat-tassazzjoni għadha mhix biżżejjed. L-introduzzjoni ta’ indikaturi tat-taxxa fis-Semestru Ewropew hija avvanz li ppermetta li s-sistemi tat-taxxa ta’ ċerti Stati Membri jiġu identifikati bħala dannużi.

    3.16

    Fl-2009, il-G20 beda proċess ta’ kooperazzjoni għall-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. L-OECD approvat standard globali ġdid għall-iskambju ta’ informazzjoni – l-Istandard Komuni ta’ Rappurtar (CRS), ibbażat fuq l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni (AEOI). Il-biċċa l-kbira tal-ġurisdizzjonijiet fil-komunità internazzjonali impenjaw ruħhom li jimplimentawh minn Jannar 2018. Valutazzjoni ġenerali tal-konformità tinsab pendenti.

    3.17

    Fl-UE, l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni huwa rregolat mid-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, li ġiet irriformata għadd ta’ drabi sabiex tkun allinjata mal-l-Istandard Komuni ta’ Rappurtar. Id-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva estendiet l-obbligu tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi u t-tipi ewlenin ta’ dħul, iżda hemm lakuni li għad iridu jiġu indirizzati. L-informazzjoni dwar id-detentur reali ta’ assi u fondi, ta’ strumenti intermedji opaki (ċerti trusts, kumpaniji intermedjarji, fondazzjonijiet, eċċ.) għadha mhix solvuta, kif intwera fl-iskandlu tal-“Panama Papers”. Lanqas l-anonimità tal-“ishma anonomi”, mingħajr detentur magħruf pubblikament, li għadha permessa f’ċerti pajjiżi, ma ġiet solvuta. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva għandu jiġi estiż għal xogħlijiet tal-arti u assi oħra ta’ valur għoli li jinsabu f’portijiet ħielsa u mħażen doganali. Għandha tiġi indirizzata wkoll il-problema tal-iskemi taċ-ċittadinanza jew ta’ residenza minħabba investiment offruti minn 19-il Stat Membru u li f’ħafna każijiet dawn jintużaw sabiex jitwettqu reati tat-taxxa.

    3.18

    Il-Pjan ta’ Azzjoni BEPS tal-OECD huwa l-inizjattiva globali għall-ġlieda kontra l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitt. Ir-rapporti ta’ żvilupp ta’ kull waħda mill-15-il azzjoni huma ta’ natura legali differenti. Uħud huma l-aħjar prattiki u oħrajn għandhom l-istatus ta’ standards minimi, bil-kapaċità li jġiegħlu lill-Istati jinkorporaw il-kontenut tagħhom fil-leġislazzjoni dwar il-kumpaniji. Xi kwistjonijiet fundamentali, bħat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitalizzata jew id-distribuzzjoni tad-drittijiet tat-tassazzjoni skont il-pajjiż, għadhom ma ġewx riżolti fil-livell globali. Xi pajjiżi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kkritikaw il-proċess tal-BEPS u talbu li r-riforma tal-arkitettura tat-taxxa internazzjonali tiġi ttrasferita lill-Kumitat tal-Esperti tan-NU dwar Kwistjonijiet tat-Taxxa. Il-KESE jemmen li l-OECD trid tlesti x-xogħol tagħha u tikkollabora mal-Kumitat tan-NU sabiex il-konklużjonijiet tiegħu jiġu kondiviżi u universalizzati.

    3.19

    Id-Direttivi kontra l-Evitar tat-Taxxa huma l-qofol tal-istrateġija tal-UE kontra l-evitar tat-taxxa. Huma jiggarantixxu li l-Istati Membri jimplimentaw ir-rapporti tal-BEPS b’mod ikkoordinat u jsaħħu l-valur ġuridiku tagħhom billi jissottomettu l-konformità tagħhom għall-kontroll tal-QĠUE. F’xi każijiet, l-istandards tagħhom kontra l-abbuż imorru lil hinn mill-BEPS, pereżempju fit-“taxxi tal-ħruġ”, standards dwar “kumpaniji barranin ikkontrollati”, standards kontra l-ibridi jew l-istabbiliment ta’ Klawżola Ġenerali Kontra l-Abbuż. Madankollu, il-klawżoli ta’ investiment ma ġewx inklużi minħabba oppożizzjoni minn xi pajjiżi, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni u l-maġġoranza tal-Istati Membri ddefendewhom.

    3.20

    L-investigazzjonijiet mill-KE dwar deċiżjonijiet sigrieti tat-taxxa ffirmati minn xi intrapriżi multinazzjonali kbar u l-gvernijiet ta’ xi Stati Membri tal-UE wrew l-importanza tal-proċessi ta’ evitar tat-taxxa ffaċilitati: rati tat-taxxa bejn 0,05 % u 2 % fuq il-profitti ttrasferiti minn pajjiżi oħra Ewropej. Bħala risposta, l-UE rriformat id-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva biex tagħmel il-komunikazzjoni awtomatika ta’ kwalunkwe deċiżjoni tat-taxxa transkonfinali ffirmata minn Stat Membru obbligatorja.

    3.21

    Riforma aktar reċenti tad-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva estendiet l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni bażika dwar kumpaniji kbar (33), imqassma pajjiż b’pajjiż (rapporti għal kull pajjiż, CBCR (34)), skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-Azzjoni 13 tal-BEPS. Iżda l-aċċess pubbliku għal din l-informazzjoni għadu mhuwiex permess. Il-KE pproponiet r-riforma tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35) dwar il-Kontabilità biex tippermetti l-pubblikazzjoni tar-rapporti għal kull pajjiż. Il-KESE jqis li tal-anqas għandha tapplika għall-intrapriżi li jirċievu għajnuna pubblika.

    3.22

    Proposta importanti ħafna tal-KE dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi hija li tiġi armonizzata l-bażi tat-taxxa korporattiva. Fl-ewwel fażi tagħha – il-BKTK –, il-bażi tat-taxxa tiġi kkalkulata skont regoli komuni. Fit-tieni fażi – il-BKKTK –, il-profitti u t-telf li d-diversi sussidjarji ta’ kumpanija jew grupp multinazzjonali kellhom f’kull Stat Membru jiġu kkonsolidati fl-UE kollha. Il-bilanċ nett riżultanti jitqassam fost id-diversi pajjiżi li fihom il-kumpanija tkun wettqet attività, billi tiġi imposta taxxa f’kull wieħed skont formula stabbilita minn qabel (assi, bejgħ u impjieg). Hemm tama li permezz ta’ din il-konsolidazzjoni, parti kbira mill-operazzjonijiet ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa tkun diżattivata. Il-KESE jaqbel li t-tassazzjoni għandha tkun ibbażata fuq formula b’piż divrenzjat li tqis il-post tal-bejgħ, l-impjieg u l-assi. Il-valur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, id-data u assi intanġibbli oħra jridu jiġu vvalutati b’mod rigoruż.

    3.23

    Skont il-KE u l-OECD, id-diffikultà tal-istandards tat-taxxa fis-seħħ biex iħaddnu d-dħul tal-mudelli ta’ negozju ġodda tal-ekonomija diġitali f’sitwazzjonijiet u pajjiżi differenti wasslet għal tassazzjoni baxxa tal-intrapriżi diġitali fir-rigward ta’ dawk tradizzjonali. F’Marzu 2018, il-KE approvat żewġ proposti għal Direttiva għat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali (36), f’konformità mal-ħidma tal-OECD li għandha tintemm fl-2020. Waħda b’soluzzjoni proviżorja u oħra b’soluzzjoni finali. Is-soluzzjoni proviżorja tistabbilixxi taxxa ta’ 3 % fuq il-bejgħ ta’ servizzi diġitali minn intrapriżi kbar (u mhux fuq il-profitti jew fejn jinħoloq il-valur). Din tinsab imblukkata fil-Kunsill. Il-Kummissjoni issa qed tappoġġja soluzzjoni komprensiva fil-qafas tal-ħidma tal-OECD imma, jekk ma jintlaħaqx ftehim qabel l-aħħar tal-2020, hija terġa’ tibda l-inizjattiva tagħha ta’ tassazzjoni fuq l-intrapriżi diġitalizzati kbar.

    3.24

    Kemm il-KE kif ukoll il-KESE (37) ddeċidew fuq il-ħtieġa li jinbeda dibattitu u jiġu diskussi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex wieħed jgħaddi gradwalment mill-unanimità għal votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata fil-kwistjonijiet tat-taxxa. L-iskadenzi għat-twettiq ta’ din il-bidla jistgħu jkunu iqsar jew itwal, skont is-sensittività tal-Istati Membri fil-konfront tal-qasam tat-taxxa li jkun hemm bżonn li tittieħed azzjoni fih.

    3.25

    Il-KESE jqis li l-isfidi enormi maħluqa mill-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19 għall-UE u għall-Istati kollha tagħha huma inkompatibbli ma’ kwalunkwe tip ta’ laxkezza fir-rigward ta’ reati li jfixklu t-tkabbir ekonomiku u l-finanzi pubbliċi. Bl-istess mod, huwa jsostni li hemm bżonn li jissaħħu l-kooperazzjoni u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE u s-setturi tas-soċjetà ċivili Ewropea.

    4.   Kummenti u rakkomandazzjonijiet speċifiċi

    4.1

    Il-KESE jirrakkomanda li s-soluzzjoni kkontemplata fil-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus tiġi estiża għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-evażjoni tat-taxxa biex iġġiegħel lill-pajjiżi jistabbilixxu reġistru ċentralizzat u pubbliku ta’ detenturi reali ta’ kumpaniji u trusts. Għandha tiġi stabbilita wkoll proċedura adatta biex jiġi identifikat is-sid reali ta’ intrapriżi bbażati barra mill-UE. Ir-reġistri kollha għandhom jiffunzjonaw b’mod xieraq u proporzjonat, biex jiffaċilitaw il-ħidma għal intrapriżi li għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti. Dan japplika b’mod partikolari għall-SMEs, li għandu jkollhom servizzi ta’ appoġġ.

    4.2

    Il-ħtieġa tal-għarfien tad-detenturi reali tal-kumpaniji u t-trusts kollha għandha tkun estiża għall-għarfien tad-detenturi tal-ishma anonimi. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-possibbiltà li tiġi stabbilita proċedura li tippermetti dan u, jekk ma jkunx possibbli, tipproċedi biex tipprojbixxihom fl-UE.

    4.3

    In-nuqqasijiet li għad hemm fit-test tad-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva għandhom jitneħħew biex jiġi estiż l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni għal xogħlijiet tal-arti u assi oħra ta’ valur għoli li jinsabu f’portijiet ħielsa, imħażen doganali u żoni ekonomiċi speċjali.

    4.4

    L-Istati Membri għandhom jintalbu jeliminaw gradwalment l-iskemi taċ-ċittadinanza jew residenza minħabba investiment li jiffaċilitaw ir-reati tat-taxxa. Din hija l-pożizzjoni tal-PE u tal-KESE fl-Opinjoni tiegħu SOC/618 (38). Sakemm dawn jibqgħu jeżistu, għandhom jittieħdu l-miżuri ta’ kontroll meħtieġa biex jiġi żgurat li l-investituri jikkonformaw mal-obbligi tat-taxxa tagħhom.

    4.5

    Għandhom jiġu introdotti miżuri miftiehma fl-OECD u l-Qafas Integrat għall-Assistenza Teknika b’rabta mal-allokazzjoni tad-dħul mit-taxxa lil ġurisdizzjonijiet tas-suq bħall-Indja u ċ-Ċina. Id-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa għandha tiġi riformata sabiex tinkludi standards għat-trattament tat-taxxa f’relazzjoni ma’ ġurisdizzjonijiet ta’ tassazzjoni baxxa, b’mod partikolari dwar ir-ripatrijazzjoni ta’ dividendi jew qligħ kapitali minn sussidjarji barra l-pajjiż, jekk dawn ma jkunux ġew intaxxati b’mod minimu barra mill-pajjiż.

    4.6

    F’konformità mal-petizzjoni inkluża fir-Riżoluzzjoni tal-PE ta’ Marzu 2019 (39), il-KESE jistieden lill-KE u lill-Istati Membri biex jistudjaw il-kunċett ta’ tassazzjoni minima effettiva tal-profitti tal-intrapriżi u l-applikazzjoni possibbli tagħha.

    4.7

    Il-kooperazzjoni bejn il-korpi superviżorji u l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri għandha tiżdied, b’mod partikolari fil-qasam tar-reati tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, kif ukoll il-promozzjoni tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Europol u l-pulizija nazzjonali.

    4.8

    Il-UIF nazzjonali għandhom ikunu appoġġjati finanzjarjament u teknikament biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv.

    4.9

    L-ammont kbir ta’ flus li jgħaddu minn kumpaniji fantażma li huma bbażati fl-UE jeħtieġ reazzjoni qawwija minn dawk li jfasslu l-politika. Il-KESE jistieden lill-KE biex twettaq studju dwar ir-rwol tal-“kumpaniji fantażma” fir-rigward tal-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa (wara l-applikazzjoni tad-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa 1 u 2) u l-ħasil tal-flus u li, fid-dawl tal-konklużjonijiet tiegħu, jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi evitat li jitwettqu r-reati u l-prattiki ħżiena msemmija hawn fuq permezz ta’ dawn it-tipi ta’ kumpaniji. Id-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa (ATAD), id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital u d-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus għandhom, fejn meħtieġ, jiġu emendati.

    4.10

    Il-KESE jipproponi li, fil-ftehimiet ta’ kummerċ, investiment jew assoċjazzjoni ekonomika li jmiss tal-UE, jew fir-reviżjoni ta’ dawk attwali, skont il-prinċipji u r-regoli tad-WTO, jiġi inkluż kapitolu tat-taxxa li jinkludi r-riżultati tal-programm BEPS/OECD bi klawżoli rigward il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa.

    Brussell, it-18 ta’ Settembru 2020.

    Luca JAHIER

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Fid-dokument kollu jintużaw l-akronimi bl-Ingliż.

    (2)  ĠU C 353, 18.10.2019, p. 90.

    (3)  C(2020) 2800 final.

    (4)  Fil-FATF High-Risk Jurisdictions hemm żewġ Stati biss (il-Korea ta’ Fuq u l-Iran) Fil-FATF Jurisdictions under Increased Monitoring hemm 18-il pajjiż. It-tnejn ġew aġġornati fil-21 ta’ Frar 2020.

    (5)  Fil-lista tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/855 tas-7 ta' Mejju 2020 (ĠU L 195, 19.6.2020, p. 1) hemm għoxrin territorju ta’ riskju għoli elenkati b’rabta mal-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Il-lista riveduta ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx b’rabta mal-evażjoni u l-evitar telenka tnax, li magħhom huma miżjuda għoxrin oħra soġġetti għal sorveljanza.

    (6)  Lipton, D, Shining a Light, p. 4; u Shaxson, N, Tackling Tax Havens, p. 7, b’referenza għal Zucman, G (2017). FMI, F&D, Settembru 2019.

    (7)  Bhatt, G.: Editor's Letter. FMI. Ibidem, p. 2.

    (8)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 dwar reati finanzjarji u evażjoni u evitar tat-taxxa, punt 24..

    (9)  PE, Ibid, punti 142 u 143.

    (10)  Shaxson, N. Tackling Tax Havens. FMI, Ibid, p. 7.

    (11)  PE, Ibid, punt 19.

    (12)  PE, Ibid, punt 328.

    (13)  Damgaard, J., Elkjaer, T. Johannesen, N. The Rise of Phantom Investments, pp 11-13. FMI, F&D, Settembru 2019.

    (14)  UN: UNODC Money-Laundering and Globalization.

    (15)  PE, Ibid, punti 236 u 237.

    (16)  PE, Ibid, punt 235. Financial Times, 23 ta’ Marzu 2020.

    (17)  COM(2019) 360 final, 370 final, 371 final u 372 final tal-24 ta’ Lulju 2019. Huwa ta’ interess partikolari d-dokument COM(2019) 373 final – Rapport dwar l-evalwazzjoni ta’ każijiet reċenti allegati ta’ ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE.

    (18)  11 ta’ Ġunju 2020: https://www.eca.europa.eu/en/Pages/DocItem.aspx?did=53979

    (19)  2 ta’ Lulju 2020: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_20_1228

    (20)  C(2020) 2800.

    (21)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/855 tas-7 ta' Mejju 2020.

    (22)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 (Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa) (ĠU L 193, 19.7.2016, p. 1), daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2020 fl-Istati Membri li ma kellhomx leġislazzjoni tagħhom stess (fl-2024 għall-oħrajn). Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/952 (Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa 2) (ĠU L 144, 7.6.2017, p. 1) ser tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2022.

    (23)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/1852 (ĠU L 265, 14.10.2017, p. 1).

    (24)  Ir-Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 6).

    (25)  Automatic exchange of information – AEOI.

    (26)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).

    (27)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2018/822 (ĠU L 139, 5.6.2018, p. 1).

    (28)  Country by country reporting – CBCR.

    (29)  ĠU L 186, 11.7.2019, p. 122.

    (30)  PE, Ibid, punt 328.

    (31)  Opinjoni tal-KESE dwar Fiscalis 2021-2027 ECO/470 (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 118).

    (32)  Cobham A. and Garcia-Bernardo J, Time for the EU to close its own tax havens, Tax Justice Network, 4 April 2020.

    (33)  Fejn jinsabu l-impjegati tagħhom, il-bejgħ, il-profitti ddikjarati u t-taxxi mħallsa.

    (34)  Country by country reporting – CBCR.

    (35)  ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.

    (36)  COM(2018) 147 final, Proposta għal Direttiva li tistabbilixxi r-regoli dwar it-tassazzjoni korporattiva ta’ preżenza diġitali sinifikanti; u COM(2018) 148 final, Proposta għal Direttiva dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq is-servizzi diġitali fir-rigward tad-dħul li jirriżulta mill-provvista ta’ ċerti servizzi diġitali.

    (37)  COM(2019) 8 final, Lejn teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE.

    (38)  Opinjoni tal-KESE dwar Skemi ta’ Ċittadinanza u ta’ Residenza b’Investiment fl-Unjoni Ewropea, SOC/618 (ĠU C 47, 11.2.2020, p. 81).

    (39)  PE, Ibid, punti 78 u 85.


    Top