EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0698

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025

COM/2020/698 final

Brussell, 12.11.2020

COM(2020) 698 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025


LEJN L-UGWALJANZA TAL-LGBTIQ: LIBERU LI TKUN DAK LI INT

M’iniex se nistrieħ fejn jidħol it-tiswir ta’ Unjoni ta’ ugwaljanza. Unjoni fejn inti tista’ tkun dak li int u tħobb lil min trid - mingħajr il-biża’ ta’ kundanni jew diskriminazzjoni.

Għaliex li tgħix ħajtek kif tixtieq mhix l-ideoloġija tiegħek. Hija l-identità tiegħek.

U ħadd ma jista’ qatt jeħodhielek.

Ursula von der Leyen (President tal-Kummissjoni Ewropea)
L-Istat tal-Unjoni 2020

Kulħadd fl-Unjoni Ewropea għandu jkun sigur u ħieles li jkun hu nnifsu. Is-saħħa soċjali, politika u ekonomika tagħna ġejja mill-għaqda tagħna fid-diversità: L-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni huma valuri ewlenin u drittijiet fundamentali fl-UE, minquxa fit-Trattati tagħha u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali 1 . Opportunitajiet indaqs huwa wkoll wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament u l-Kunsill, flimkien mal-Istati Membri, kollha jikkondividu r-responsabbiltà li jipproteġu d-drittijiet fundamentali u jiżguraw trattament ugwali u ugwaljanza għal kulħadd.

F’dawn l-aħħar deċennji, l-iżviluppi leġiżlattivi, il-każistika u l-inizjattivi ta’ politika tejbu l-ħajja ta’ ħafna nies u għenuna nibnu soċjetajiet aktar ugwali u akkoljenti, anki għal persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali, trans, mhux binarji, intersesswali u queer (LGBTIQ 2 ). Fl-2015, il-Kummissjoni ppreżentat il-“Lista ta’ Azzjonijiet biex tiġi Avvanzata l-Ugwaljanza tal-LGBTI” 3 , l-ewwel qafas ta’ politika li speċifikament jiġġieled id-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTI. Fil-livell nazzjonali, 21 Stat Membru 4 rrikonoxxew legalment koppji tal-istess ġeneru, waqt li erbgħa introduċew proċeduri legali tar-rikonoxximent tal-ġeneru mingħajr ebda ħtiġijiet mediċi 5 .

Riċerka reċenti turi wkoll li anke meta jkun hemm aċċettazzjoni soċjali u appoġġ akbar għad-drittijiet ugwali, mhux dejjem isarrfu f’titjib ċar fil-ħajja tal-persuni LGBTIQ.

Fi stħarriġ tal-2019, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) sabet li d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità/ l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess kienet fil-fatt qed tiżdied fl-UE: 43 % tal-persuni LGBT iddikjaraw li ħassewhom diskriminati fl-2019, meta mqabbla ma’ 37 % fl-2012 6 .

Id-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ tippersisti madwar l-UE. Għal diversi persuni LGBTIQ fl-UE, għadu mhux sigur li juru affezzjoni pubblika, li jkunu franki dwar l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess tagħhom (kemm jekk fid-dar kif ukoll fuq il-post tax-xogħol), li sempliċiment ikunu huma stess mingħajr ma jħossuhom mhedda. Għadd importanti ta’ persuni LGBTIQ huma wkoll f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Mhux kollha jħossuhom siguri li jirrapportaw abbużi verbali u vjolenza fiżika lill-pulizija.

Il-kriżi tal-COVID-19 tefgħet pressjoni ġdida fuq l-aktar gruppi vulnerabbli, u l-persuni LGBTIQ mhumiex eċċezzjoni. Ir-restrizzjonijiet tal-konfinament għalqu lil ħafna LGBTIQ, żgħażagħ jew xjuħ, f'ambjenti ostili fejn jistgħu jkunu f'riskju ta’ vjolenza jew livelli dejjem jiżdiedu ta' ansjetà jew depressjoni 7 . Aħbarijiet foloz li nfirxu ma kullimkien saħansitra tefgħu l-ħtija fuq il-persuni LGBTIQ li xerrdu l-virus 8 .

46 % ta’ dawk li wieġbu għal stħarriġ qalu li ma jħossuhomx komdi (totalment jew moderatament) li jkollhom persuna intersesswali eletta fl-ogħla pożizzjoni politika.

57 % ta’ dawk li wieġbu għall-istess stħarriġ qalu li ma jkunux komdi (totalment jew moderatament) dwar it-tfal tagħhom li jkunu f’relazzjoni ma’ persuna trans.

 

62 % ta’ dawk intersesswali li wieġbu għall-istħarriġ ħassew li saret diskriminazzjoni kontrihom f’mill-inqas qasam wieħed tal-ħajja fit-12-il xahar ta’ qabel minħabba li kienu intersesswali.

L-esperjenza ta’ kuljum tal-persuni LGBTIQ tvarja wkoll b’mod sinifikanti madwar l-UE. Għalkemm l-aċċettazzjoni soċjali tal-persuni LGBTI żdiedet minn 71 % fl-2015 għal 76 % fl-2019, fil-fatt kienet naqset f’disa’ Stati Membri 9 .

Hemm ukoll xejra inkwetanti f’partijiet tal-UE ta’ inċidenti aktar frekwenti kontra l-LGBTIQ bħal attakki fuq avvenimenti pubbliċi LGBTIQ inklużi l-parati Pride, l-hekk imsejħa dikjarazzjonijiet ta’ “żona ħielsa mill-ideoloġija LGBTIQ”, u intimidazzjoni omofobika fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-karnival. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jipproteġu u javvanzaw id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ jirrapportaw li aktar ma jmur aktar qed jiffaċċjaw ostilità, li tikkoinċidi maż-żieda tal-moviment kontra l-ġeneru (u kontra l-LGBTIQ) 10 . Huwa imperattiv li l-Istati Membri jirreaġixxu malajr biex ireġġgħu lura dawn l-iżviluppi l-ġodda.

L-Unjoni Ewropea għandha tkun minn ta’ quddiem fl-isforzi biex tipproteġi aħjar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ.

B’din l-ewwel strateġija dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ, il-Kummissjoni tindirizza l-inugwaljanzi u l-isfidi li jaffettwaw lill-persuni LGBTIQ, sabiex tersaq lejn Unjoni ta’ Ugwaljanza. Tagħti attenzjoni partikolari għad-diversità tal-ħtiġijiet tal-persuni LGBTIQ u ta’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli, inklużi dawk li jesperjenzaw diskriminazzjoni intersezzjonali u persuni trans, mhux binarji u intersesswali, li huma fost il-gruppi l-inqas aċċettati fis-soċjetà u, ġeneralment jesperjenzaw aktar diskriminazzjoni u vjolenza minn oħrajn fil-komunitajiet LGBTI. Id-diskriminazzjoni ħafna drabi hija multidimensjonali u approċċ intersezzjonali 11 biss jista’ jwitti t-triq għal bidliet sostenibbli u ta' rispett fis-soċjetà.

40 % ta’ dawk li wieġbu għal stħarriġ indikaw l-oriġini etnika jew l-isfond ta’ immigrazzjoni bħala bażi addizzjonali għal diskriminazzjoni, minbarra li huma LGBTI.

 

Il--pożizzjoni ġeografika remota tista’ tkun fattur ta’ vulnerabbiltà addizzjonali. 47 % tal-persuni LGBTI li wieġbu fil-gruppi kollha fl-UE jgħixu f'belt kbira, 11 % jgħixu fis-subborgi jew fil-periferija ta’ belt kbira, 30 % jgħixu f'raħal jew belt żgħira, u 13 % jgħixu f'żona rurali.

Din l-istrateġija ssegwi s-sejħiet għal azzjoni mill-Istati Membri 12 , il-Parlament Ewropew 13 , bl-appoġġ qawwi mill-Intergrupp għad-Drittijiet tal-LGBTI, u s-soċjetà ċivili. Tistabbilixxi serje ta’ azzjonijiet immirati f’erba’ pilastri:

1.L-indirizzar tad-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ;

2.L-iżgurar tas-sigurtà tal-persuni LGBTIQ;

3.Il-bini tas-soċjetajiet inklużivi għal-LGBTIQ; u

4.It-tmexxija tal-ġlieda għall-ugwaljanza tal-LGBTIQ madwar id-dinja.

Dawn l-azzjonijiet immirati se jiġu kkombinati ma’ attenzjoni għal tħassib speċifiku tal-LGBTIQ fl-integrazzjoni tal-ugwaljanza mtejba fil-politiki, il-leġislazzjoni u l-programmi ta’ finanzjament kollha tal-UE.

Din l-istrateġija għandha l-għan li tgħin biex isemmgħu l-ilħna ta’ persuni LGBTIQ u li tlaqqa’ flimkien l-Istati Membri u l-atturi fil-livelli kollha fi sforz komuni biex jiġġieldu b’mod effikaċji s-sentiment kontra l-ugwaljanza għall-LGBTIQ. Qed tiġi adottata fi żmien fejn qed naraw l-erożjoni tad-drittijiet fundamentali jew ir-rigress tagħhom f’xi Stati Membri. Filwaqt li l-UE għandha standards għoljin ħafna fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, dawn mhux dejjem jiġu applikati b’mod ugwali. Din l-istrateġija tikkumplimenta l-inizjattivi eżistenti u futuri għall-promozzjoni tad-dimensjoni tal-UE tal-ugwaljanza b’mod ġenerali 14 .

1.L-INDIRIZZAR TAD-DISKRIMINAZZJONI KONTRA L-PERSUNI LGBTIQ

19 % tal-persuni leżbjani, omosesswali u bisesswali, 35 % tal-persuni trans u 32 % tal-persuni intersesswali ħassewhom diskriminati fuq il-post tax-xogħol fis-sena ta’ qabel.

46 % tal-persuni LGBTI qatt ma jgħidu lill-persunal mediku jew lill-fornituri tal-kura tas-saħħa li huma LGBTI.

51 % tal-persuni intersesswali u 48 % tal-persuni trans, 35 % tal-leżbjani u 31 % tal-irġiel omosesswali jgħixu f'unitajiet domestiċi li għandhom diffikultajiet finanzjarji.

Id-diskriminazzjoni taffettwa lill-persuni LGBTIQ f’kull stadju tal-ħajja. Minn età żgħira, tfal u żgħażagħ LGBTIQ, u tfal ta’ LGBTIQ jew familji qawsalla, fejn wieħed mill-membri huwa LGBTIQ, huma komunement stigmatizzati, u għaldaqstant fil-mira ta' diskriminazzjoni u bullying, li jaffettwaw il-prestazzjoni edukattiva tagħhom u l-prospetti ta’ impjieg, il-ħajja ta’ kuljum tagħhom u l-benesseri personali u dak tal-familja tagħhom 15 .

Fl-impjieg, il-persuni LGBTIQ qed ikomplu jesperjenzaw diskriminazzjoni waqt ir-reklutaġġ, fuq il-post tax-xogħol u fi tmiem il-karriera tagħhom, kuntrarjament għal-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam. Ħafna jiffaċċjaw ostakli biex isibu impjiegi ġusti u stabbli, li jistgħu jżidu r-riskju tal-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-problema ta’ persuni mingħajr dar. Riċerka reċenti wriet li l-persuni trans jiltaqgħu ma’ ostakli addizzjonali meta jfittxu li jaċċessaw is-suq tax-xogħol 16 .

Il-persuni LGBTI jbatu minn rati għoljin ta’ persuni mingħajr dar 17 . It-tkeċċija mid-dar tal-familja u d-diskriminazzjoni li jesperjenzaw fl-aċċess għall-akkomodazzjoni huma fatturi importanti li jwasslu biex jispiċċaw mingħajr dar, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ LGTBIQ 18 . Huwa stmat li bejn 25 u 40 % taż-żgħażagħ li qed jesperjenzaw il-problema ta’ persuni mingħajr dar huma identifikati bħala LGBTI 19 .

Id-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità/l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristika tas-sess jista’ jkollha wkoll impatt sinifikanti fuq is-saħħa fiżika, mentali u sesswali kif ukoll fuq il-benesseri tal-persuni LGBTIQ. Ir-riċerka tal-UE wriet inugwaljanzi sinifikanti fis-saħħa bejn il-komunità LGBTIQ u l-popolazzjoni kollha kemm hi 20 . Barra minn hekk, il-persuni LGBTIQ ħafna drabi joqogħdu lura milli jfittxu kura tas-saħħa, minħabba li esperjenzaw jew jibżgħu minn reazzjonijiet ostili mill-professjonisti tas-saħħa u għadhom ibatu biex jaċċessaw medikazzjoni u kura ta’ kwalità u bi prezz raġonevoli, inkluża l-kura komunitarja u soċjali. Dawk li għandhom diżabilitajiet, huma anzjani, migranti, jew li ġejjin minn minoranzi etniċi jew reliġjużi huma partikolarment vulnerabbli għad-diskriminazzjoni. Il-kriżi tal-COVID-19 żiedet din il-vulnerabbiltà 21 .

1.1    L-infurzar u t-titjib tal-protezzjoni legali kontra d-diskriminazzjoni

Id-dritt tal-UE li jiżgura protezzjoni legali kontra d-diskriminazzjoni huwa essenzjali għall-avvanz tal-ugwaljanza bejn il-persuni LGBTIQ, kif inhi l-ġurisprudenza tal-QĠUE. Tali protezzjoni taqa’ taħt oqfsa legali differenti skont jekk id-diskriminazzjoni li l-individwi LGBTIQ jistgħu jesperjenzaw hijiex fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali (il-qafas kontra d-diskriminazzjoni) jew is-sess, inkluż il-bidla fis-sess 22 (il-qafas tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri).

Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi 23 tinkorpora d-dritt li wieħed ma jiġix diskriminat, u lanqas ma jkun soġġett għal molestja, f’kuntesti ta’ impjieg abbażi tal-orjentazzjoni sesswali. F’deċiżjoni reċenti, il-QĠUE ċċarat li dikjarazzjoni pubblika ta’ persuna li teskludi r-reklutaġġ ta’ persuna ta’ ċerta orjentazzjoni sesswali tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita. 24 Filwaqt li din id-direttiva tistabbilixxi linja bażi b’saħħitha, l-impatt tad-dispożizzjonijiet tagħha huwa limitat b’żewġ modi: minn sfidi fl-applikazzjoni, u minn limitazzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni, peress li l-leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn mill-impjieg.

Il-Kummissjoni se tiżgura l-applikazzjoni rigoruża mill-Istati Membri tad-drittijiet koperti mid-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi u se tirrapporta dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva fl-2021 25 . Ir-rapport se jeżamina jekk l-Istati Membri segwewx ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex jikkunsidraw li jaħtru korp tal-ugwaljanza biex jindirizza d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali fl-ambitu tal-applikazzjoni tad-Direttiva 26 . Sal-2022, il-Kummissjoni se tressaq kwalunkwe leġiżlazzjoni meħtieġa b’riżultat ta’ dan, b’mod partikolari dwar ir-rwol tal-korpi tal-ugwaljanza.

Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 27 tinkorpora d-dritt li wieħed ma jiġix diskriminat, u lanqas ma jkun soġġett għal molestja, fl-aċċess għall-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol (inkluża l-paga) u l-iskemi okkupazzjonali tas-sigurtà soċjali abbażi tas-sess, inkluż il-bidla fis-sess. Il-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa jipprekludi t-tkeċċija għal raġuni relatata mal-bidla fis-sess 28 . Id-dritt tal-UE kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) jipprovdi wkoll għad-dritt li ma ssirx diskriminazzjoni abbażi tas-sess, inkluż għal darb’oħra l-bidla fis-sess fl-aċċess għall-prodotti u s-servizzi disponibbli għall-pubbliku 29 u fis-sigurtà soċjali statutorja 30 . Dan il-qafas legali għadu ma jsemmix espliċitament il-karatteristiċi tas-sess bħala raġuni pprojbita għad-diskriminazzjoni.

Fl-2008, il-Kummissjoni ħarġet proposta għal Direttiva dwar Trattament Ugwali, li testendi l-protezzjoni legali tal-UE kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta’, fost oħrajn, l-orjentazzjoni sesswali lil hinn mill-qasam tal-impjieg u t-taħriġ vokazzjonali 31 : il-Kummissjoni tappella lill-Kunsill biex jadotta l-proposta sabiex jingħalqu l-lakuni fil-protezzjoni tal-liġi tal-UE kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali.

Ir-riċerka appoġġata mill-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Ewropa u s-soċjetà ċivili 32 wriet li l-Istati Membri għandhom approċċi diverġenti fir-rigward tal-protezzjoni tal-persuni LGBTIQ, speċjalment persuni mhux binarji, intersesswali u queer, kontra d-diskriminazzjoni. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll lill-Istati Membri biex iżidu l-iskambji tagħhom tal-aħjar prattika dwar il-protezzjoni legali kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità/l-espressjoni tal-ġeneru u karatteristiċi tas-sess f'diversi oqsma. Filwaqt li xi Stati Membri żiedu l-karatteristiċi tas-sess bħala raġuni għad-diskriminazzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar l-ugwaljanza, oħrajn taw interpretazzjoni wiesgħa għar-raġuni tas-“sess” 33 . Bl-istess mod, ir-raġunijiet għall-espressjoni tal-ġeneru jidhru fil-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fi ftit Stati Membri biss. Il-Kummissjoni qed teżamina kif persuni mhux binarji, intersesswali u querr jistgħu jiġu protetti aħjar kontra d-diskriminazzjoni.

It-teknoloġiji ġodda jġibu opportunitajiet ġodda biex itejbu l-ħajja tal-Ewropej, iżda jippreżentaw ukoll sfidi ġodda. Filwaqt li l-intelliġenza artifiċjali (IA) tista’ tintuża biex tindirizza ħafna kwistjonijiet tas-soċjetà, tista' wkoll taggrava d-diskriminazzjoni fil-ħajja reali, inkluż kontra persuni LGBTIQ, u l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri. B’mod partikolari, kif enfasizzat f’rieżami reċenti tal-politika tal-Kummissjoni, waħda mill-isfidi emerġenti fil-qasam tar-rikonoxximent tal-wiċċ tas-sistemi tal-IA hija l-identifikazzjoni ta’ uċuħ trans, speċjalment matul perjodi ta’ tranżizzjoni 34 . Il-Kummissjoni qed tippjana li tressaq qafas regolatorju li jindirizza speċifikament il-preġudizzju u d-diskriminazzjoni mhux ġustifikata inerenti fis-sistemi tal-IA b’riskju għoli, inklużi s-sistemi bijometriċi. Se tipproponi rekwiżiti speċifiċi, anki dwar dokumentazzjoni, relatata mal-kwalità tas-settijiet tad-data tat-taħriġ u l-proċeduri tal-ittestjar għad-detezzjoni u l-korrezzjoni tal-preġudizzju. Dawn ir-rekwiżiti jservu biex jipprevjenu effetti diskriminatorji negattivi minn kmieni, u jippermettu monitoraġġ kontinwu u viġilanza għall-konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-ugwaljanza matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-IA.

1.2    Il-promozzjoni tal-inklużjoni u d-diversità fuq il-post tax-xogħol

Lil hinn mill-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, ambjenti tax-xogħol diversi u inklużivi jgħinu biex joħolqu opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol u jtejbu r-riżultati tan-negozju. Id-diversità u l-inklużjoni huma kruċjali biex jiġu stimulati ideat ġodda u titrawwem soċjetà innovattiva u b'saħħitha. Pereżempju, hemm korrelazzjoni ppruvata bejn l-inklużjoni LGBTIQ u r-redditi fuq l-assi, l-innovazzjoni u l-produttività 35 .

Il-Kummissjoni tippromwovi l-ġestjoni tad-diversità permezz tal-Pjattaforma tal-UE tal-Karti dwar id-Diversità 36 . Il-firmatarji adottaw politiki ta’ diversità u inklużjoni, stabbilew networks LGBTIQ interni, ipprovdew taħriġ għall-impjegati tagħhom, iċċelebraw il-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija, il-Bifobija u l-Interfobija (IDAHOT), u pparteċipaw f’avvenimenti “Pride” nazzjonali. L-impjegati LGBTIQ jistgħu jibbenefikaw minn koordinazzjoni mtejba bejn il-Pjattaforma tal-UE, il-karti tad-diversità nazzjonali u negozji individwali. Il-Kummissjoni se tkompli trawwem il-ħolqien ta’ karti tad-diversità nazzjonali u tagħmel sforzi speċifiċi biex tippromwovi l-ugwaljanza tal-LGBTIQ permezz ta’ azzjoni ddedikata fil-qafas tal-Pjattaforma tal-UE tal-Karti dwar id-Diversità.

Il-Kummissjoni se tippromwovi l-użu tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) 37 biex ittejjeb il-pożizzjoni soċjoekonomika tal-persuni LGTBIQ l-aktar emarġinati u tiżviluppa inizjattivi li jiffokaw fuq gruppi speċifiċi, bħas-sottogruppi omosesswali, leżbjani, bisesswali, trans u intersesswali. Il-Kummissjoni se tiġbor evidenza rigward l-ostakli għal ugwaljanza sħiħa esperjenzata fl-impjiegi, iżda wkoll f'oqsma oħra, bħall-protezzjoni soċjali. Dan ix-xogħol se jkun ta’ input għal-linji gwida għall-Istati Membri dwar it-titjib tal-parteċipazzjoni trans u intersesswali fis-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni se trawwem l-iskambju tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri u se tipprovdi data affidabbli u komparabbli f’dan il-qasam bl-appoġġ tal-FRA. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa miżuri fl-istrateġija għall-ugwaljanza bejn il-Ġeneri 38 maħsuba biex ittejjeb il-pożizzjoni soċjoekonomika tan-nisa, inklużi dawk li huma rilevanti għan-nisa LBTIQ 39 .

L-intrapriżi soċjali, u l-ekonomija soċjali inġenerali, jistgħu jkunu fuq quddiem nett fl-indirizzar tad-diskriminazzjoni kontra l-LGBTIQ. Jistgħu jiżviluppaw programmi, taħriġ u skemi speċifiċi li jwasslu għal żieda fl-inklużjoni ta’ persuni LGBTIQ. Fl-2021, il-Kummissjoni se tippubblika pjan ta’ azzjoni Ewropew għall-ekonomija soċjali li se jrawwem l-iżvilupp ta’ dawn l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet, u se jindirizza kif l-aħjar jiġu inklużi gruppi emarġinati speċifiċi fis-soċjetà, inklużi l-persuni LGBTIQ.

Il-Kummissjoni se tmexxi bl-eżempju bħala impjegatur. Fil-qafas tal-istrateġija l-ġdida tagħha dwar ir-riżorsi umani, hija se tkompli tistinka għal ambjent tax-xogħol kompletament inklużiv, billi tipprovdi b’mod partikolari appoġġ u gwida aktar immirati għall-persunal LGBTIQ, kif ukoll ittejjeb b’mod sinifikanti l-użu ta’ lingwaġġ li juża ġens newtrali fil-komunikazzjoni kollha. Il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jieħdu passi biex irawmu d-diversità u l-inklużjoni fil-postijiet tax-xogħol rispettivi tagħhom.

1.3    Il-ġlieda kontra l-inugwaljanza fl-edukazzjoni, is-saħħa, il-kultura u l-isport

Il-Kummissjoni se tappoġġa t-trawwim tal-iskambji tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri u l-esperti dwar l-iżgurar ta’ edukazzjoni sigura u inklużiva għat-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti kollha. Pereżempju, grupp ġdid ta’ esperti 40 li jiżviluppa proposti dwar strateġiji għall-ħolqien ta’ ambjenti ta’ tagħlim ta’ appoġġ għal gruppi f’riskju ta’ nuqqas ta’ kisba u għall-appoġġ tal-benesseri fl-iskola, se jindirizza l-istereotipi tal-ġeneru fl-edukazzjoni, il-bullying u l-fastidju sesswali. Barra minn hekk, l-Istrateġija komprensiva li jmiss tal-Kummissjoni għad-drittijiet tat-tfal, se tiżgura aċċess indiskriminat għad-drittijiet, il-protezzjoni u s-servizzi anke għat-tfal LGBTIQ. Il-promozzjoni ta’ edukazzjoni aktar inklużiva hija fl-interess tal-istudenti u ċ-ċittadini kollha, billi tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-istereotipi u għall-bini ta' soċjetà aktar ġusta għal kulħadd.

Ir-riċerka dwar l-esperjenzi intersezzjonali ta’ persuni LGBTIQ, bħal dawk li huma anzjani jew għandhom diżabbiltà, spiss hija nieqsa. Orizzont Ewropa se tappoġġa studji dwar il-ġeneri u riċerka intersezzjonali rilevanti għal persuni LGBTIQ, inkluża wkoll dwar is-saħħa. Il-Kummissjoni se xxerred ir-riżultati tar-riċerka, inklużi r-rakkomandazzjonijiet u l-gwida politika tagħhom, u torganizza konferenza mal-UE kollha permezz tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa tal-UE. Se tipproponi wkoll li l-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni u l-Prevenzjoni (SGPP) jikkunsidra prattika tajba vvalidata relatata mas-saħħa f'dan il-qasam li tista' tiġi implimentata mill-Istati Membri.

L-Istati Membri se jkunu mħeġġa jorganizzaw taħriġ għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa biex iqajmu kuxjenza dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa tal-irġiel omosesswali u bisesswali; nisa leżbjani u bisesswali; persuni intersesswali; u persuni trans u biex jiġu evitati d-diskriminazzjoni u l-istigmatizzazzjoni fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa. Il-materjal ta’ taħriġ mill-proġett HEALTH4LGBTI 41 se jkun disseminat aktar u offrut lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-iskambji tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri dwar l-indirizzar tal-isfidi tas-saħħa mentali li jiffaċċjaw għadd sinifikanti ta’ persuni LGBTIQ.

Il-preġudizzji tal-ġeneru u stereotipi oħra huma fost il-muturi ewlenin ta’ attitudnijiet negattivi jew ostili lejn persuni LGBTIQ f'ħafna komunitajiet. B’mod partikolari, dawn jistgħu jwasslu għall-esklużjoni u l-istigmatizzazzjoni ta’ kull min ma jikkonformax ma’ normi/immaġni fissi ta’ nisa u rġiel, bħall-persuni mhux binarji u queer. Is-setturi tal-media, tal-kultura u tal-isport huma għodod b’saħħithom li jibdlu l-attitudnijiet u jisfidaw il-preġudizzji bejn il-ġeneri u stereotipi oħra.

Il-Kummissjoni se tappoġġa proġetti li jużaw l-espressjoni kulturali biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni, jibnu fiduċja u aċċettazzjoni, u jippromwovu l-inklużjoni sħiħa tal-persuni LGBTIQ. Il-Kummissjoni se ttejjeb l-integrazzjoni tal-ugwaljanza tal-LGBTIQ fl-inizjattivi relevanti kollha dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni u s-saħħa (b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw inizjattivi dwar is-saħħa mentali u l-prevenzjoni tal-HIV/AIDS) u programmi ta’ finanzjament tal-UE (eż. EU4Health u Erasmus+). Il-Pjan futur tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer se jqis is-sitwazzjoni tal-gruppi vulnerabbli, inklużi l-persuni LGBTIQ. Proġetti li jindirizzaw diskriminazzjoni intersezzjonali u inugwaljanza esperjenzati minn persuni LGBTIQ, preġudizzji tal-ġeneru u stereotipi oħra jistgħu jkunu ffinanzjati permezz tal-programm “Ċittadini, Ugwaljanza, Drittijiet u Valuri” 42 . 

Erasmus+ jiffinanzja proġetti li jgħinu u jagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ li qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni minħabba l-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom u ostakli soċjali oħra. Bl-istess mod, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jista’ jippromwovi attivitajiet ta’ solidarjetà mmirati lejn il-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni, u li fl-istess waqt jiffavorixxu aktar parteċipazzjoni. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid, se tingħata attenzjoni partikolari għall-inklużjoni, l-ugwaljanza u d-diversità fil-Programmi tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Se jistabbilixxi approċċ multidimensjonali biex il-programm isir aktar inklużiv u biex jintlaħqu aktar persuni b’inqas opportunitajiet, anki permezz tal-introduzzjoni ta’ formati aktar flessibbli u aċċessibbli; miżuri ta’ appoġġ biex jgħinu fit-tħejjija u fl-akkumpanjament tal-parteċipanti; u miżuri finanzjarji biex jindirizzaw l-ostakli li jiffaċċjaw gruppi sottorappreżentati biex jieħdu sehem fil-programmi. 

1.4    Il-ħarsien tad-drittijiet tal-applikanti LGBTIQ għal protezzjoni internazzjonali

Is-sistema komuni Ewropea tal-ażil tindirizza s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ applikanti vulnerabbli (inklużi persuni LGBTIQ) għall-protezzjoni internazzjonali 43 . Il-Kummissjoni għamlet proposti biex issir riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil biex billi tagħmilha aktar reżiljenti u effettiva filwaqt li tirrispetta l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni ta’ applikanti bħal dawn 44 .

Il-Kummissjoni se trawwem skambji ta’ prattika tajba bejn l-Istati Membri dwar l-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ applikanti LGBTIQ għal protezzjoni internazzjonali, billi tiffoka fuq:

-kif tiggarantixxi kundizzjonijiet ta’ akkoljenza siguri u xierqa, inkluża l-akkomodazzjoni, għal persuni LGBTIQ li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali;

-standards ta’ protezzjoni li japplikaw fir-rigward tad-detenzjoni tagħhom (fejn applikabbli); u

-kif tipprevjeni l-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet tagħhom milli jkunu influwenzati minn diskriminazzjoni kontra persuni LGBTIQ u/jew stereotipi.

L-Uffiċċju Ewropew ta’Appoġġ fil-qasam tal-Ażil se jtejjeb it-taħriġ għall-uffiċjali ta’ protezzjoni u l-interpreti biex jiżgura li l-eżami tal-applikazzjonijiet ta’ persuni LGBTIQ għal protezzjoni internazzjonali ma jiġux influwenzati minn stereotipi u jkunu konformi mal-liġi internazzjonali/tal-UE u strumenti rilevanti oħra 45 .

Fid-diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar il-prijoritajiet tal-finanzjament tal-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Kummissjoni se tenfasizza l-ħtieġa li tinbena l-kapaċità għar-rispett tad-drittijiet tal-persuni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u migranti oħra.

Il-Kummissjoni Ewropea se tiżgura sinerġija fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Ugwaljanza tal-LGBTIQ u l-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni. Wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-pjan ta’ azzjoni l-ġdid se jkun “Inklużjoni għal kulħadd”. Se tqis l-isfidi li jirriżultaw mill-intersezzjoni bejn l-istatus ta’ migrant u fatturi oħra ta’ diskriminazzjoni, bħall-orjentazzjoni sesswali u l-ġeneru.

Azzjonijiet ewlenin mill-Kummissjoni Ewropea:

üsal-2022 tipproponi kull leġiżlazzjoni li ssegwi r-rapport li jmiss dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi, b’mod partikolari biex jissaħħaħ ir-rwol tal-korpi tal-ugwaljanza;

ütiżgura protezzjoni xierqa ta’ applikanti vulnerabbli (inkluż LGBTIQ) fil-kuntest tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil u r-riforma tagħha;

ütiżgura appoġġ għall-effettività tal-ugwaljanza tal-LGBTIQ fil-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil;

ütappoġġa riċerka dwar is-saħħa ta’ rilevanza għall-persuni LGBTIQ, inklużi l-komunitajiet trans u intersesswali, permezz ta' Orizzont Ewropa.

Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri biex:

üjiżguraw protezzjoni legali kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità/l-espressjoni tal-ġeneru u karatteristiċi tas-sess f'diversi oqsma;

üitejbu edukazzjoni sigura u inklużiva għat-tfal u ż-żgħażagħ LGBTIQ;

üjindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi tal-applikanti LGBTIQ għal protezzjoni internazzjonali filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, detenzjoni u akkomodazzjoni siguri;

üitejbu t-taħriġ tal-uffiċjali tal-protezzjoni u l-interpreti li jittrattaw it-talbiet għall-ażil minn persuni LGBTIQ.



2.TIĠI ŻGURATA S-SIGURTÀ TAL-PERSUNI LGBTIQ

38 % tal-persuni LGBTI esperjenzaw fastidju motivat mill-mibegħda talli kienu LGBTI fit-12-il xahar qabel l-istħarriġ.

22 % tal-persuni intersesswali esperjenzaw attakk fiżiku u/jew sesswali talli kienu intersesswali, fl-aħħar 5 snin.

21 % biss mill-vittmi LGBTI ta’ vjolenza fiżika jew sesswali motivata mill-mibegħda fl-aħħar 5 snin għamlu rapport lil xi organizzazzjoni, inklużi l-pulizija u l-korpi tal-ugwaljanza.

Kulħadd għandu d-dritt li jgħix b'mod sigur, kemm jekk ikun id-dar, fil-pubbliku jew online. Il-persuni LGBTIQ ibatu b’mod sproporzjonat minn reati ta’ mibegħda, diskors ta’ mibegħda u vjolenza 46 . Biex tiġġieled id-diskors ta’ mibegħda online, fl-2016, il-Kummissjoni laħqet ftehim ma’ kumpaniji tal-IT dwar kodiċi ta’ kondotta volontarju 47 . L-evalwazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-kodiċi juru li l-orjentazzjoni sesswali hija l-aktar raġuni komunement irrappurtata għad-diskors ta’ mibegħda (33,1 %) 48 . Il-kriżi tal-COVID-19 wasslet għal livelli saħansitra ogħla ta’ mibegħda, vjolenza u diskriminazzjoni kontra persuni LGBTIQ, u l-polarizzazzjoni tas-soċjetà kollha kemm hi 49 .

Fl-istess ħin, in-nuqqas ta’ rappurtar ta’ reati ta’ mibegħda lill-pulizija jew organizzazzjonijiet oħra jibqa’ problema serja, li ġejja minn nuqqas ta’ fiduċja fl-infurzar tal-liġi, biża’ ta’ reazzjonijiet LGBTIQ-fobiċi 50 jew it-trasferiment tal-ħtija fuq il-vittmi, esperjenzi negattivi preċedenti f’kuntatti mal-pulizija jew li l-istennija li dawn ma jagħmlu xejn.

L-avukati tad-drittijiet jiffaċċjaw it-theddid u l-marċi paċifiċi jintlaqgħu bil-mibegħda. Ħafna drabi, il-persuni LGBTIQ jiġu abbużati bħala filagi fid-diskors politiku, inkluż waqt kampanji elettorali. Ir-riżoluzzjonijiet dwar “żona ħielsa mil-LGBT” għandhom l-għan li jiċħdu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali lill-komunità LGBTIQ. It-tikkettar tal-LGBTIQ bħala “ideoloġija” qed jinfirex fil-komunikazzjoni online u offline 51 u l-istess jgħodd fir-rigward tal-kampanja li għaddejja kontra l-hekk imsejħa “ideoloġija tal-ġeneru”. Iż-żoni ħielsa mil-LGBTIQ huma żoni ħielsa mill-umanità, u ma għandhomx post fl-Unjoni tagħna.

2.1    It-tisħiħ tal-protezzjoni legali għal persuni LGBTIQ kontra reati ta’ mibegħda, diskors ta’ mibegħda u vjolenza

Il-protezzjoni legali kontra reati ta’ mibegħda u diskors ta’ mibegħda kontra l-persuni LGBTIQ tvarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri 52 . Permezz tal-Grupp ta’ Livell Għoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta’ intolleranza, il-Kummissjoni se torganizza diskussjonijiet immirati mal-awtoritajiet nazzjonali u s-soċjetà ċivili biex tikkondividi l-aħjar prattika dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dawn l-oqsma.

Fil-livell Ewropew, filwaqt li l-UE adottat leġiżlazzjoni sekondarja li tikkriminalizza reati ta’ mibegħda u diskors ta’ mibegħda bbażati fuq ir-razziżmu u l-ksenofobija 53 , ma hemm l-ebda sanzjoni speċifika fil-livell tal-UE għal diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda kontra l-persuni LGBTIQ. Bħala l-ewwel pass importanti, fl-2021, il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva biex testendi l-lista ta’ “reati tal-UE” skont l-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) biex tkopri reati ta' mibegħda u diskors ta’ mibegħda, inkluż meta dawn ikunu mmirati lejn persuni LGBTIQ.

Il-Kummissjoni se tieħu azzjoni wkoll biex tindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kif imħabbar fl-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Il-programm dwar “Iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri” huwa mistenni jiffinanzja proġetti li għandhom l-għan li jipprevjenu u jiġġieldu kontra r-reati ta’ mibegħda, id-diskors ta' mibegħda u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTIQ, filwaqt li l-programm tal-Ġustizzja se jipprovdi opportunitajiet ta’ finanzjament biex jippromwovi d-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità, inklużi l-persuni LGBTIQ.

2.2    Tisħiħ tal-miżuri għall-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u , id-diżinformazzjoni kontra l-LGBTIQ online

Il-Kummissjoni se tipproponi Att dwar is-Servizzi Diġitali qabel tmiem l-2020. Filwaqt li l-proposta mhux se tiddefinixxi dak li huwa meqjus bħala diskors illegali, se jkollha l-għan li tindirizza b’mod aktar effettiv it-tipi kollha ta’ kontenut illegali ospitat fuq diversi tipi ta’ pjattaformi, waqt li tiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni. Il-Kummissjoni se tespandi wkoll l-impenn u l-kooperazzjoni tagħha ma’ kumpaniji u pjattaformi tal-IT, anki fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-kodiċi ta' kondotta.

Il-Kummissjoni se tiżgura t-traspożizzjoni korretta u l-applikazzjoni rigoruża tad-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, li ssaħħaħ il-protezzjoni kontra l-kontenut li jinċita l-mibegħda jew il-vjolenza u tipprojbixxi l-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi milli jinkludu jew jippromwovu d-diskriminazzjoni, inkluż fuq il-bażi tas-sess u tal-orjentazzjoni sesswali. Fl-2020, il-Kummissjoni se tadotta Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea biex tindirizza sfidi ewlenin, inkluża l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, il-protezzjoni minn interferenza esterna u l-manipulazzjoni fl-elezzjonijiet, il-libertà tal-media u l-pluraliżmu.

2.3    Rappurtar ta’ reati ta' mibegħda kontra l-persuni LGBTIQ u skambji ta’ prattiki tajbin

Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi ambjent sigur li fih il-vittmi LGBTIQ jistgħu jirrapportaw ir-reati, u protezzjoni u appoġġ aħjar għall-vittmi tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, tal-vjolenza domestika u ta’ reati ta’ mibegħda kontra l-LGBTIQ. Skont l-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) 54 , se tgħin lill-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi, inklużi djar siguri, ikunu disponibbli u aċċessibbli għal persuni LGBTIQ. Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll appoġġ integrat u mmirat għall-vittmi bi bżonnijiet speċjali, inklużi l-vittmi LGBTIQ ta’ reati ta’ mibegħda, permezz tal-possibbiltajiet ta’ finanzjament mill-UE.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, b’segwitu għar-rapport ta’ implimentazzjoni ta’ Mejju 2020 55 . Il-Kummissjoni se tqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet tal-vittmi permezz ta’ kampanja ta’ komunikazzjoni mal-UE kollha u tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajbin (bħat-twaqqif ta’ “desk qawsalla” fl-għases tal-pulizija lokali 56 ).

Permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Aġenzija tal-UE għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), u mal-Kunsill tal-Ewropa, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili, fi grupp ta’ ħidma ġdid dwar taħriġ fuq ir-reati ta' mibegħda u l-bini ta’ kapaċità għall-infurzar tal-liġi, il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġa taħriġ biex tgħin lill-persunal tal-infurzar jidentifika u jirreġistra preġudizzju LGBTIQ-fobiku u jżid ir-rapportar tar-reati.

2.4Il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-dritt tal-persuni LGBTIQ għas-saħħa fiżika u mentali

Prattiki ta’ ħsara bħal kirurġija mhux vitali jew intervent mediku fuq tfal u adolexxenti intersesswali mingħajr il-kunsens personali u kompletament infurmat tagħhom (mutilazzjoni ġenitali intersesswali) 57 , il-medikalizzazzjoni furzata ta’ persuni trans u prattiċi ta’ konverżjoni mmirati lejn persuni LGBTIQ 58 , jista’ jkollhom riperkussjonijiet serji fuq is-saħħa. Il-Kummissjoni se trawwem l-iskambju ta’ prattika tajba mill-Istati Membri dwar it-tmiem ta’ dawn il-prattiki. L-abort furzat u l-isterilizzazzjoni furzata u prattiki dannużi oħra kontra n-nisa u l-bniet huma forom ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru u ksur serju tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal. Il-Kummissjoni se tinkludi wkoll perspettiva intersezzjonali fir-Rakkomandazzjoni dwar prattiki dannużi kontra n-nisa u l-bniet imħabbra fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025.

Azzjonijiet ewlenin mill-Kummissjoni Ewropea:

ütippreżenta inizjattiva fl-2021 biex testendi l-lista ta’ “reati tal-UE” (l-Artikolu 83 tat-TFUE) biex tkopri reati ta’ mibegħda u diskors ta’ mibegħda, inkluż meta dawn ikunu mmirati lejn persuni LGBTIQ;

ütipprovdi opportunitajiet ta’ finanzjament għal inizjattivi li għandhom l-għan li jiġġieldu r-reati ta’ mibegħda, diskors ta’ mibegħda, vjolenza u prattiki ta’ ħsara kontra persuni LGBTIQ (programm “Ċittadini, Ugwaljanza, Drittijiet u Valuri”) u tippromwovi d-drittijiet tal-vittmi ta’ reati, inklużi persuni LGBTIQ (il-programm “Ġustizzja”);

ütressaq Rakkomandazzjoni dwar il-prevenzjoni ta’ prattiki dannużi kontra n-nisa u l-bniet.

Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri biex:

üjiskambjaw l-aħjar prattiki dwar il-protezzjoni kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda kontra persuni LGBTIQ;

üjippromwovu ambjent sigur u ta’ appoġġ għall-vittmi LGBTIQ ta’ reati; 

üitejbu t-taħriġ u l-bini tal-kapaċità għall-infurzar tal-liġi biex jidentifikaw u jirreġistraw aħjar il-preġudizzju fobiku kontra l-persuni LGBTIQ u jżidu r-rappurtar tar-reati.

3.IL-BINI TAS-SOĊJETAJIET INKLUŻIVI GĦAL-LGBTIQ

53 % tal-persuni LGBTI kważi qatt jew rarament jiftħu qalbhom dwar il-fatt li jkunu LGBTI.

21 Stat Membru jirrikonoxxu l-unjoni bejn koppji tal-istess ġeneru, filwaqt li 15-il Stat Membru jipprevedu l-adozzjoni minn koppji tal-istess ġeneru.

Ir-rikonoxximent legali tal-ġeneru bbażat fuq l-awtodeterminazzjoni japplika biss f'4 Stati Membri.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tinkorpora d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, kif ukoll id-dritt tat-tfal għall-protezzjoni u l-kura kif meħtieġ għall-benesseri tagħhom . Hemm firxa wiesgħa ta’ mudelli tal-familja fl-UE, inklużi l-familji qawsalla b’membru wieħed jew aktar li jkun LGBTIQ. Minħabba differenzi fil-liġi tal-familja bejn l-Istati Membri, ir-relazzjonijiet familjali jistgħu ma jkunux rikonoxxuti meta familji qawsalla jaqsmu l-fruntieri interni tal-UE. Din is-sitwazzjoni ġiet aggravata bil-miżuri ta’ konfinament minħabba l-COVID-19. Id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom xi familji qawsalla biex ikollhom id-dokumenti u r-relazzjonijiet tagħhom rikonoxxuti legalment, wasslu għal problemi addizzjonali matul il-pandemija, hekk kif il-pajjiżi għalqu l-fruntieri tagħhom. F’xi każijiet, persuni ġew imblukkati fil-fruntieri u ma tħallewx jingħaqdu mal-familji tagħhom waqt il-konfinament 59 .

Persuni trans, mhux binarji u intersesswali spiss mhumiex rikonoxxuti fil-liġi jew fil-prattika, u dan jirriżulta f’diffikultajiet legali kemm għall-ħajja privata tagħhom kif ukoll għall-ħajja familjali tagħhom, inkluż f’sitwazzjonijiet transfruntiera.

3.1    L-Iżgurar tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ f’sitwazzjonijiet transfruntiera

Il-liġi tal-UE dwar il-moviment liberu, b’mod partikolari d-Direttiva dwar il-Moviment Liberu 60 , tirrikonoxxi d-dritt taċ-ċittadini kollha tal-UE u tal-membri tal-familja tagħhom, inklużi partners reġistrati u familji qawsalla, li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fl-UE 61 .

Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar il-moviment liberu, anki biex tindirizza diffikultajiet speċifiċi li jipprevjenu lill-persuni LGBTIQ u lill-familji tagħhom milli jgawdu d-drittijiet tagħhom. Dan jinkludi djalogi ddedikati mal-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-sentenza Coman, li fiha l-QĠUE ċċarat li t-terminu “konjugi” kif użat fid-Direttiva dwar il-Moviment Liberu japplika wkoll għal sħab tal-istess sess 62 . Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se tieħu azzjoni legali.

Sabiex titjieb iċ-ċertezza legali għaċ-ċittadini tal-UE li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu, u biex tiġi żgurata applikazzjoni aktar effettiva u uniformi tal-leġiżlazzjoni dwar il-moviment liberu madwar l-UE, il-Kummissjoni se tirrieżamina l-linji gwida tal-2009 dwar il-moviment liberu, fl-2022. Il-linji gwida rieżaminati se jirriflettu d-diversità tal-familji, u b’hekk jikkontribwixxu għall-iffaċilitar tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-moviment liberu għall-familji kollha, inklużi l-familji qawsalla 63 . Il-Kummissjoni se tkompli tiġbor evidenza tal-kwistjonijiet esperjenzati fir-realtà minn persuni LGBTIQ u mill-familji tagħhom f’sitwazzjonijiet transfruntiera.

Il-liġi sostantiva tal-familja taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-liġi tal-familja tapplika f’każijiet transfruntiera jew f’każ ta’ implikazzjonijiet transfruntiera u tkopri l-persuni LGBTIQ. Din tinkludi regoli li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent mill-Istati Membri tas-sentenzi ta’ xulxin dwar id-divorzju, ir-responsabbiltajiet u d-drittijiet tal-ġenituri (inklużi l-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta' żjara), il-manteniment (għal koppji u tfal), il-proprjetà li tkun fil-kuntest ta’ żwieġ u sħubijiet reġistrati, u kwistjonijiet ta’ suċċessjoni (għal koppji u tfal).

Il-Kummissjoni se tiżgura l-applikazzjoni rigoruża tal-liġi transfruntiera tal-familja fil-konfront tal-familji qawsalla billi ssaħħaħ l-enfażi tagħha fuq dan il-grupp fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha.

3.2    It-titjib tal-protezzjoni legali għall-familji qawsalla f'sitwazzjonijiet transfruntiera

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali f’aktar minn nofs l-Istati Membri fiha dispożizzjonijiet li japplikaw għall-ġenituri qawsalla. Madankollu, u minkejja l-liġi eżistenti tal-UE kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, meta dawn il-familji jivvjaġġaw jew jiċċaqilqu lejn Stati Membri oħra, xi drabi jkun hemm riskju li r-rabta tat-tfal mal-ġenitur (i) LGBTIQ tagħhom tinqata’, li jista’ jkollu impatt fuq id-drittijiet tat-tfal 64 . Is-sħab miżżewġin u rreġistrati jistgħu jesperjenzaw ukoll diffikultajiet biex jivvjaġġaw u jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor.

Il-Kummissjoni se tinsisti għar-rikonoxximent reċiproku tar-relazzjonijiet tal-familja fl-UE. Jekk xi ħadd huwa ġenitur f’pajjiż, huwa ġenitur f’kull pajjiż. Fl-2022, il-Kummissjoni se tipproponi inizjattiva leġiżlattiva orizzontali biex tappoġġa r-rikonoxximent reċiproku tal-paternità bejn l-Istati Membri, pereżempju, ir-rikonoxximent fi Stat Membru wieħed tal-paternità attribwit b'mod validu fi Stat Membru ieħor.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jirrispettaw id-drittijiet tal-familji qawsalla kif inkorporati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja u d-drittijiet tat-tfal), li tapplika meta tkun implimentata l-liġi tal-UE. Hija se tesplora miżuri possibbli biex tappoġġa r-rikonoxximent reċiproku tal-istatus legali tal-konjugi tal-istess ġeneru u tas-sħab reġistrati f’sitwazzjonijiet transfruntiera.

3.3    It-titjib tar-rikonoxximent ta’ identitajiet trans u mhux binarji, u ta’ persuni intersesswali

Ir-rekwiżiti li japplikaw għal individwi li jixtiequ jbiddlu l-ġeneru legali tagħhom ivarjaw sostanzjalment skont l-Istat Membru. F’dawn l-aħħar snin, għadd dejjem jikber ta’ Stati Membri biddlu b’mod sinifikanti l-leġiżlazzjoni tagħhom dwar ir-rikonoxximent tal-ġeneru lejn mudell ta’ awtodeterminazzjoni personali. Oħrajn iżommu għadd ta’ rekwiżiti għall-fini tar-rikonoxximent tal-ġeneru ta’ persuni trans u mhux binarji. Dawn jistgħu ma jkunux proporzjonati, u jistgħu jiksru l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem, kif deċiż mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’każ ta’ rekwiżiti ta’ kirurġija 65 u sterilizzazzjoni 66 .

Il-Kummissjoni se trawwem skambji tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri dwar kif jistabbilixxu leġiżlazzjoni u proċeduri legali ta’ rikonoxximent tal-ġeneru aċċessibbli u proċeduri bbażati fuq il-prinċipju tal-awtodeterminazzjoni u mingħajr limiti ta’ età.

Il-Kummissjoni se tniedi djalogu transsettorjali ma’ diversi partijiet ikkonċernati, inklużi l-Istati Membri, negozji u professjonisti fil-kura medika, biex tqajjem kuxjenza dwar identitajiet trans u mhux binarji, u persuni intersesswali, u tinkoraġġixxi l-inklużività fl-azzjonijiet u l-proċeduri rilevanti kollha, inkluż fil-Kummissjoni.

3.4    It-trawwim ta’ ambjent abilitanti għas-soċjetà ċivili

Il-Kummissjoni se tipprovdi finanzjament biex trawwem ambjent utli, sostenibbli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili LGBTIQ. Din l-istrateġija tirreferi għall-programmi ta’ finanzjament rilevanti tal-UE u l-prijoritajiet ta’ finanzjament tagħhom għall-ugwaljanza tal-LGBTIQ. Minbarra l-finanzjament ibbażat fuq proġetti, il-programm 2021-2027 “Ċittadini, Ugwaljanza, Drittijiet u Valuri” se jżid l-opportunitajiet ta’ finanzjament għal organizzazzjonijiet żgħar u ta’ daqs medju u jagħmel għotjiet operazzjonali disponibbli għan-networks li jippromwovu l-ugwaljanza tal-LGBTIQ. Il-fondi tal-UE jeħtieġ li jikkontribwixxu għall-bini ta’ soċjetà nondiskriminatorja u jappoġġaw l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura Unjoni ta’ Ugwaljanza.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se żżomm u tinkoraġġixxi djalogu strutturat u miftuħ u konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili fil-liġi u fit-tfassil tal-politika, b’mod partikolari biex tiddiskuti l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Se tippromwovi djalogu mal-Istati Membri, l-aġenziji tal-UE, is-sħab soċjali u s-settur privat biex tgħin fl-informazzjoni dwar l-iżvilupp ulterjuri ta’ politiki biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTIQ. Il-Kummissjoni se tkompli tqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni tal-LGBTIQ, u tipparteċipa f'avvenimenti pubbliċi li jikkostitwixxu tragwardi għall-komunità LGBTIQ.

Iż-żgħażagħ għandhom rwol kritiku fil-bini ta’ soċjetajiet inklużivi. Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni ġabret l-opinjoni tagħhom permezz tal-proċess tad-djalogu tal-UE maż-żagħżagħ, li wassal għal 11-il għan Ewropew dwar iż-żgħażagħ 67 li (fost oħrajn) sejħu għall-ugwaljanza tal-ġeneri kollha u għal soċjetajiet inklużivi. Dawn l-għanijiet dwar iż-żgħażagħ jirriflettu l-opinjonijiet taż-żgħażagħ Ewropej u jippreżentaw viżjoni għal Ewropa li tippermetti liż-żgħażagħ jirrealizzaw il-potenzjal sħiħ tagħhom u tgħin biex tnaqqas l-ostakli għaż-żgħażagħ b’anqas opportunitajiet biex jipparteċipaw fil-ħajja soċjali u ekonomika.

Azzjonijiet ewlenin mill-Kummissjoni Ewropea:

ütirrieżamina l-linji gwida tal-2009 dwar il-moviment liberu fl-2022 biex tirrifletti d-diversità tal-familji u tikkontribwixxi għall-iffaċilitar tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-moviment liberu għall-familji kollha, inklużi l-familji qawsalla;

ütipproponi inizjattiva leġiżlattiva orizzontali dwar ir-rikonoxximent tal-paternità bejn l-Istati Membri;

ütesplora miżuri possibbli biex jappoġġaw ir-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri tas-sħubija bejn l-istess ġeneru;

ütagħmel disponibbli opportunitajiet ta’ finanzjament, b’mod partikolari permezz tal-programm “Ċittadini, Ugwaljanza, Drittijiet u Valuri”.

Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri biex:

üjistabbilixxu leġiżlazzjoni u proċeduri aċċessibbli dwar ir-rikonoxximent legali tal-ġeneru;

üitejbu l-inklużjoni ta’ persuni trans, mhux binarji u intersesswali f'dokumentazzjoni, applikazzjonijiet, stħarriġ u proċessi rilevanti;

üjapplikaw b’mod rigoruż id-dritt għall-moviment liberu u r-regoli tal-UE dwar il-liġi tal-familja.

4.IT-TMEXXIJ TAS-SEJĦA GĦALL-UGWALJANZA TAL-LGBTIQ MADWAR ID-DINJA

Id-drittijiet LGBTIQ huma drittijiet tal-bniedem u l-persuni LGBTIQ għandhom ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom kullimkien, dejjem.

Madankollu, f’partijiet differenti tad-dinja, is-sitwazzjoni ta’ persuni LGBTIQ għadha prekarja ħafna, għax jesperjenzaw ksur serju tad-drittijiet u abbużi mingħajr aċċess għall-ġustizzja. Ħafna jiffaċċjaw diskriminazzjoni, molestja, persekuzzjoni, inkarċerazzjoni jew saħansitra qtil jew il-piena tal-mewt 68 - sempliċement għax huma min huma. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) huma impenjati li jipproteġuhom u jabilitawhom biex jasserixxu d-drittijiet tagħhom. Is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTIQ tvarja wkoll konsiderevolment bejn il-pajjiżi. Huwa meħtieġ approċċ imfassal apposta biex jimmassimizza l-impatt tal-appoġġ tal-UE, bl-użu tal-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħna. L-UE tmexxi djalogi politiċi ma’ pajjiżi sħab biex tindirizza liġijiet, politiki u prattiċi diskriminatorji kontra persuni LGBTIQ u tiddikriminalizza r-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess ġeneru u l-identitajiet trans. Se tmexxi bl-eżempju, turi solidarjetà u tibni reżiljenza fil-protezzjoni u l-avvanz tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ madwar id-dinja, u tikkontribwixxi għal irkupru globali li jagħti s-setgħa lil kulħadd biex jirnexxi soċjalment, ekonomikament u politikament u ma jħalli lil ħadd l-art.

Dejjem aktar, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed jirriskjaw ħajjithom biex javvanzaw l-ugwaljanza tal-LGBTIQ. Sitwazzjonijiet ostili jew ta’ theddida għall-ħajja spiss iġiegħlu lill-persuni LGBTIQ jaħarbu mill-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Impenn qawwi għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jinsab fil-qalba tal-attivitajiet kollha tal-UE. Huwa importanti li l-azzjonijiet interni u esterni tal-UE f’dan il-qasam ikunu konsistenti u jsaħħu lil xulxin. L-UE se tavvanza t-tmexxija globali tagħha fil-protezzjoni tal-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd, inklużi l-persuni LGBTIQ.

Irrispettivament mill-motivi għat-talba tagħhom għall-ażil, il-persuni LGBTIQ li jfittxu l-ażil huma ta’ spiss esposti għal perikli addizzjonali mal-wasla fl-UE u għandhom bżonnijiet li jistgħu jkunu differenti minn dawk ta’ persuni oħra li jfittxu l-ażil 69 .

4.1    It-tisħiħ tal-impenn tal-UE dwar kwistjonijiet LGBTIQ fir-relazzjonijiet esterni kollha tagħha

L-UE se ssaħħaħ l-impenn tagħha dwar kwistjonijiet LGBTIQ fir-relazzjonijiet esterni tagħha kemm fuq livell politiku kif ukoll tekniku. Se tagħmel sforzi speċifiċi biex tiġġieled il-vjolenza, il-mibegħda u d-diskriminazzjoni u tiżgura li d-drittijiet LGBTIQ jiġu mħarsa fil-pajjiżi sħab.

Fir-rigward tal-pajjiżi kandidati, u kandidati potenzjali inkluż fil-kuntest tan-negozjati tal-adeżjoni u l-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni, il-Kummissjoni se tinsisti fuq l-ugwaljanza tal-LGBTIQ fid-djalogu politiku u tappoġġa miżuri biex jiġu indirizzati l-vjolenza, il-mibegħda u d-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTIQ inkluż appoġġ lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA). Se tappoġġa wkoll il-monitoraġġ u l-ġbir tad-data dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTIQ fir-reġjun u tkompli timmonitorja u tirrapporta dwar is-sitwazzjoni tagħhom fil-pakkett annwali għat-tkabbir tar-rapporti tal-pajjiżi.

Il-Kummissjoni se tikkondividi l-aħjar prattiki dwar l-indirizzar tad-diskriminazzjoni u l-avvanz tad-drittijiet LGBTIQ lil hinn mill-konfini tal-UE permezz tal-kooperazzjoni u l-impenn tagħha mal-Kunsill tal-Ewropa, man-Nazzjonijiet Uniti, u ma’ korpi internazzjonali rilevanti oħra.

Il-Pjan ta’ Azzjoni 2020-2024 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija 70 jġedded l-impenn tagħha u jsejjaħ għal azzjoni biex jkunu miġġielda l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, b’enfażi speċifika fuq forom multipli u ta’ intersezzjoni ta’ diskriminazzjoni. Jikkundanna l-liġijiet, il-politiki u l-prattiki diskriminatorji, inkluża l-kriminalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess ġeneru. L-UE se tieħu azzjoni dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ f'fora internazzjonali, tibni sħubijiet internazzjonali abbażi tal-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni u tieħu sehem regolarment ma’ pajjiżi sħab f'djalogi politiċi u dwar id-drittijiet tal-bniedem skont il-linji gwida tagħha biex tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI 71 skont il-linji gwida tagħha tad-drittijiet tal-bniedem dwar in-nondiskriminazzjoni f'azzjoni esterna 72 .

L-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq quddiem biex jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ se jkunu appoġġati minn finanzjament mill-UE.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa programmi nazzjonali, reġjonali u globali favur id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTIQ u l-organizzazzjonijiet tagħhom. Pereżempju, qed jingħata appoġġ biex jiżdiedu l-kapaċitajiet għal:

-bini ta’ movimenti qawwija madwar id-dinja;

-it-tisħiħ tal-inizjattivi lokali, nazzjonali u reġjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; u

-l-iffurmar ta’ alleanzi reġjonali fir-reġjuni tat-tkabbir u tal-viċinat, l-Afrika, l-Ażja u l-Paċifiku u l-Amerika Latina u l-Karibew.

L-UE se tkompli toffri rispons rapidu biex tipproteġi d-difensuri individwali tad-drittijiet LGBTIQ. Il-Kummissjoni se tkompli tistinka biex tiżgura li l-għajnuna umanitarja tibqa’ sensittiva għall-ġeneru u l-età, tkun adattata għall-ħtiġijiet ta' ġeneri u gruppi ta’ etajiet differenti (inklużi komunitajiet/individwi LGBTIQ) u tkun konformi mal-prinċipji umanitarji, inkluż dak tal-imparzjalità (nondiskriminazzjoni). Fl-aħħarnett, il-Pjan ta’ Azzjoni 2021-2025 tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa fir-relazzjonijiet esterni (GAP III) se jinbena, inter alia, fuq il-prinċipju tal-intersezzjonalità u jippromwovi l-ugwaljanza għan-nisa u l-irġiel fid-diversità kollha tagħhom.

Il-kriżi tal-COVID-19 aggravat ukoll id-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTIQ lil hinn mill-fruntieri tal-Ewropa. Fir-Rispons Globali tagħha ta’ “Tim Ewropa” għall-COVID-19 tat-8 ta’ April 2020, l-UE ħadet approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, immirat biex “nibnu mill-ġdid aħjar” u nappoġġaw soċjetajiet aktar ġusti, aktar inklużivi u sostenibbli u nimplimentaw l-Aġenda 2030, ankrata fuq il-prinċipju li ħadd ma jitħalla barra 73 . L-UE kienet qed tagħti prijorità lill-miżuri soċjoekonomiċi u tas-saħħa, pereżempju tiżgura li s-servizzi ta’ appoġġ u s-servizzi soċjali essenzjali jibqgħu disponibbli għal kulħadd, u se tkompli tippromwovi u tħares id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, il-ġlieda kontra l-vjolenza, u kif ukoll il-valuri fundamentali f'dan il-kuntest.

Azzjonijiet ewlenin mill-Kummissjoni Ewropea:

ütimplimenta azzjonijiet li jappoġġaw id-drittijiet LGBTIQ f'konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni 2020-2024 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u mal-Linji Gwida tal-UE biex jippromwovu u jipproteġu t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni LGBTI;

ütiżgura appoġġ għall-ugwaljanza tal-LGBTIQ f'azzjonijiet taħt l-NDICI u l-fondi IPA.

5.TWETTIQ TAL-ISTRATEĠIJA: NAGĦMLU UŻU SĦIĦ MILL-INIZJATTIVI TAL-UE

Biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-istrateġija, il-Kummissjoni se tgħaqqad l-azzjonijiet immirati deskritti hawn fuq, ma’ integrazzjoni mtejba tal-ugwaljanza. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni li taffettwa lill-persuni LGBTIQ flimkien mal-promozzjoni tal-ugwaljanza jkunu integrati fil-politiki, fil-leġiżlazzjoni u fil-programmi ta’ finanzjament kollha tal-UE, kemm interni kif ukoll esterni. Dan se jiġi ffaċilitat mill-ewwel Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza li qatt sar u mit-Task Force għall-Ugwaljanza ddedikata .

Din l-istrateġija se tiġi implimentata bl-użu tal-intersezzjonalità bħala prinċipju trasversali: l-orjentazzjoni sesswali, l-identità/l-espressjoni tal-ġeneru u/jew il-karatteristiċi tas-sess se jitqiesu flimkien ma’ karatteristiċi jew identitajiet personali oħra, bħas-sess, l-oriġini razzjali/etnika, ir-reliġjon/twemmin, id-diżabbiltà u l-età. Dan il-prinċipju jservi biex jispjega r-rwol ta’ dawk l-intersezzjonijiet fl-esperjenzi tal-individwi ta’ diskriminazzjoni u vulnerabbiltà. In-nisa LBTIQ jistgħu jesperjenzaw diskriminazzjoni kemm bħala nisa kif ukoll bħala persuni LBTIQ. Il-persuni LGBTIQ b’diżabbiltà jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet addizzjonali biex jiksbu appoġġ u informazzjoni, u biex jipparteċipaw bis-sħiħ fil-komunità LGBTIQ u fis-soċjetà inġenerali, minħabba nuqqas ta’ aċċessibbiltà, u b’hekk iżidu l-esklużjoni tagħhom 74 . Il-persuni LGBTIQ b’diżabbiltà jeħtieġu l-aċċessibbiltà għall-informazzjoni dwar l-appoġġ u d-drittijiet f’formati aċċessibbli u alternattivi, kif ukoll l-aċċessibbiltà għal spazji, postijiet u netwerks ta’ appoġġ LGBTIQ.

L-istrateġija tindirizza wkoll l-inugwaljanzi enfasizzati mill-kriżi tal-COVID-19, li affettwat b'mod sproporzjonat persuni vulnerabbli LGBTIQ. Bħala parti minn din il-ħidma, il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet offruti minn Next Generation EU biex itaffu l-impatt sproporzjonat tal-kriżi u javvanzaw l-ugwaljanza LGBGTIQ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea se tkun lesta biex tgħin lill-Istati Membri jintegraw l-ugwaljanza fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku 75 .

Il-finanzjament tal-UE huwa essenzjali biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE fl-Istati Membri. Il-fondi tal-UE ġestiti mill-Istati Membri għandhom ikunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini kollha tal-UE mingħajr ebda forma ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età u orjentazzjoni sesswali. Permezz ta’ monitoraġġ rigoruż, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li l-fondi tal-UE jikkontribwixxu għall-ugwaljanza u li l-proġetti kollha ffinanzjati mill-UE jikkonformaw mad-dritt tal-UE, inklużi t-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Jekk il-proġetti jiksru r-regoli tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, il-finanzjament jista’ jiġi sospiż jew irtirat. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament ġdid dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) 76 li jistabbilixxi regoli għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027 fiha “kundizzjoni abilitanti” 77 relatata mal-Karta. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu u japplikaw kriterji u proċeduri għall-għażla ta’ proġetti li ma jkunux diskriminatorji u li jqisu l-Karta.

Data dwar l-ugwaljanza li tkun affidabbli u komparabbli se tkun kruċjali għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ta' persuni LGBTIQ u biex tindirizza l-inugwaljanzi b’mod effettiv. Il-Kummissjoni se tistieden lill-aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (Fundamental Rights Agency, FRA) u lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (European Institute for Gender Equality, EIGE) biex ikomplu jipprovdu lill-Istati Membri b’assistenza teknika u appoġġ metodoloġiku dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ eżerċizzji ta’ ġbir ta’ data dwar persuni LGBTIQ kemm dwar aspett uniku jew dwar aspetti multipli. Se tappoġġa wkoll il-ġbir ta’ data intersezzjonali dettaljata mill-FRA, l-EIGE u l-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tas-sottogrupp tad-data dwar l-ugwaljanza tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar in-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza u d-diversità.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se torganizza diskussjoni madwar mejda dwar id-data dwar l-ugwaljanza li tlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati ewlenin biex teżamina l-ostakli għall-ġbir ta’ data relatata mal-oriġini razzjali jew etnika u tidentifika mogħdijiet għal approċċ aktar armonizzat, inkluż dwar data intersezzjonali fir-rigward, pereżempju, tal-oriġini razzjali jew etnika u tal-orjentazzjoni sesswali.

Il-Kummissjoni (Eurostat) se tkompli l-ħidma tagħha dwar id-data dwar l-ugwaljanza b’mod ġenerali billi tindirizza l-kwistjoni direttament mal-Istati Membri f’laqgħat tekniċi mal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika, meta dan ikun rilevanti. L-Eurostat se jipprovdi lis-servizzi tal-Kummissjoni b’appoġġ metodoloġiku għall-valutazzjoni tal-possibbiltà li tinġabar data statistika dwar persuni LGBTIQ li tkun disponibbli fuq bażi volontarja mill-Istati Membri.

Ewrobarometru ġdid dwar id-diskriminazzjoni fl-UE se jiġi ppubblikat fl-2023. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ ukoll lill-FRA biex twettaq stħarriġ komprensiv dwar l-LGBTIQ fl-2024.

L-Istati Membri huma mħeġġa jibnu fuq l-aħjar prattika eżistenti 78 u jiżviluppaw il-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom stess dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ. L-objettiv se jkun li tiżdied il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni kontra l-LGBTIQ, biex jiġi żgurat is-segwitu fil-livell nazzjonali tal-objettivi u l-azzjonijiet stabbiliti f’din l-istrateġija u biex jiġu kkumplimentati b'miżuri li javvanzaw l-ugwaljanza tal-LGBTIQ f'oqsma ta’ kompetenza tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tappoġġa u tagħmel viżibbli l-isforzi tal-bliet biex jistabbilixxu politiki ta’ inklużjoni robusti fil-livell lokali, anki permezz ta’ deżinjazzjoni annwali tal-Kapitali Ewropea/Ewropej tal-inklużjoni u d-diversità.

Lil hinn milli twettaq l-azzjonijiet ewlenin stabbiliti f'din l-istrateġija, il-Kummissjoni twaqqaf sottogrupp għall-ugwaljanza tal-LGBTIQ taħt il-Grupp ta' Livell Għoli dwar in-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza u d-diversità biex tappoġġa u tissorvelja l-progress fl-Istati Membri, anki fir-rigward tal-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ. Se torganizza laqgħat regolari, fil-livell politiku u tal-esperti, mas-soċjetà ċivili, u mal-Istati Membri u se tieħu sehem fix-xogħol tan-network governattiv tal-punti fokali LGBTI tal-Kunsill tal-Ewropa. Se timmonitorja regolarment l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ippreżentati f’din l-istrateġija u tippreżenta rieżami ta’ nofs it-terminu fl-2023.

Azzjonijiet ewlenin mill-Kummissjoni Ewropea:

ütivvaluta u timmonitorja l-issodisfar tal-kundizzjoni abilitanti relatata mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif provdut fil-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) ġdid;

ütimmonitorja l-implimentazzjoni ta’ programmi ffinanzjati mill-UE biex tiżgura li dawn jirrispettaw il-prinċipji tal-ugwaljanza u jikkonformaw mal-liġi tal-UE, inklużi t-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

ütistieden lill-FRA u lill-EIGE biex ikomplu jipprovdu assistenza teknika u appoġġ metodoloġiku lill-Istati Membri dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ eżerċizzji ta’ ġbir ta’ data dwar persuni LGBTIQ.

Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri biex:

üjiġu żviluppati pjanijiet nazzjonali dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ.

6.    KONKLUŻJONI: NAĦDMU FLIMKIEN GĦALL-UGWALJANZA TAL- LGBTIQ

Din l-Istrateġija hija bbażata fuq viżjoni ta’ Ewropa fejn in-nies, fid-diversità kollha tagħhom, huma ugwali - fejn huma ħielsa li jgħixu ħajjithom irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali, l-identità/ l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess tagħhom.

Filwaqt li l-Ewropa pass wara pass għamlet progress matul dawn l-aħħar snin, din l-istrateġija tal-ugwaljanza tal-LGBTIQ timmarka fażi ġdida fl-isforzi tagħna biex nippromwovu l-ugwaljanza għal persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali, trans, mhux binarji, intersesswali u queer filwaqt li nkomplu niffukaw fuq oqsma ta’ prijorità. Barra minn hekk, hija tenfasizza l-ħtieġa biex tiġi integrata perspettiva ta’ ugwaljanza tal-LGBTIQ fil-politiki kollha tal-UE kif ukoll fil-programmi ta’ finanzjament tal-UE.

Il-ġlieda kontra l-inugwaljanza fl-UE hija responsabbiltà kondiviża u teħtieġ sforzi konġunti u azzjoni f’kull livell. L-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, l-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali, il-korpi tal-ugwaljanza, is-soċjetà ċivili, u n-negozji għandhom isaħħu l-impenn tagħhom biex jiksbu l-objettivi tal-istrateġija.

L-istituzzjonijiet kollha għandhom jistabbilixxu impenn ċar biex isegwu strateġija komuni. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew iġedded l-impenn tiegħu u jappoġġa l-implimentazzjoni tal-istrateġija u lill-Kunsill jadotta Konklużjonijiet bħala segwitu għall-istrateġija. Titlob lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jippromwovu djalogu mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u mas-soċjetà ċivili, inklużi s-sħab soċjali, dwar kif titmexxa 'l quddiem l-ugwaljanza tal-LGBTIQ. Permezz ta’ stħarriġ regolari, assistenza teknika u appoġġ metodoloġiku lill-Istati Membri, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri se jkomplu jappoġġaw l-ugwaljanza tal-LGBTIQ.

Id-diskriminazzjoni, il-vjolenza u l-mibegħda kontra persuni LGBTIQ imorru kontra l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u għandhom ikunu eliminati. Flimkien, nistgħu nkissru l-ostakli għall-ugwaljanza tal-LGBTIQ u nagħmlu progress ċar sal-2025 lejn UE fejn il-persuni LGBTIQ, fid-diversità kollha tagħhom, ikunu siguri u jkollhom opportunitajiet indaqs biex jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà u b’hekk jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

 

(1)

     B’mod partikolari, ara l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Din tal-aħħar kienet l-ewwel karta internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li espliċitament tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tal-“orjentazzjoni sesswali”.

(2)

     Il-persuni LGBTIQ huma persuni:

-li huma attirati minn persuni oħrajn tal-ġeneru tagħhom stess (leżbjani, omosesswali) jew kwalunkwe ġeneru (bisesswali);

-li l-identità tal-ġeneru u/jew l-espressjoni tagħhom ma jikkorrispondux għas-sess li ġew assenjati mat-twelid (trans, mhux binarju);

-li jitwieldu b’karatteristiċi tas-sess li ma jaqblux mad-definizzjoni tipika ta’ raġel jew mara (intersesswali); u

-li l-identità tagħhom ma tidħolx fi klassifikazzjoni binarja ta’ sesswalità u/jew ġeneru (queer).

(3)

     Il-Kummissjoni Ewropea, Final Report 2015-2019 on the List of actions to advance LGBTI equality (il-15 ta’ Mejju 2020).

(4)

     l-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja.

(5)

     Id-Danimarka, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta.

(6)

     FRA, EU-LGBTI II - A long way to go for LGBTI equality (l-14 ta’ Mejju 2020) (FRA, it-tieni stħarriġ dwar l-LGBTI).

(7)

     ILGA-Europe sabet li l-miżuri ta’ konfinament ipoġġu lill-persuni LGBTIQ f’riskju ogħla ta’ vjolenza domestika jew abbuż, u s-sitwazzjoni prekarja ta’ xogħol u akkomodazzjoni u riżultati aktar baxxi fil-qasam tas-saħħa għal ħafna persuni LGBTIQ jagħmluhom aktar vulnerabbli għall-COVID-19 u l-impatt soċjoekonomiku tiegħu ( COVID-19 and specific impact on LGBTI people and what authorities should be doing to mitigate impact , 2020).

(8)

     L-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, COVID-19 and the human rights of LGBTI people .

(9)

     L-Ewrobarometru Speċjali 493: Discrimination in the European Union , Ottubru 2019.

(10)

     FRA,  Challenges facing civil society organisations working on human rights in the EU (id-29 ta’ Jannar 2018).

(11)

     Skont l-Artikolu 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), “fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali”. L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri jiddefinixxi “l-intersezzjonalità” bħala “għodda analitika għall-istudju, għall-fehim u għar-rispons għall-modi li bihom is-sess u l-ġeneru jikkoinċidu ma’ karatteristiċi personali/identitajiet oħra, u kif dawn l-intersezzjonijiet jikkontribwixxu għal esperjenzi uniċi ta’ diskriminazzjoni”. Din id-definizzjoni tapplika b’mod ugwali għal kull forma ta’ diskriminazzjoni.

(12)

      Joint Non-Paper of 19 Member States (Diċembru 2018).

(13)

      Rapport dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru (2013/2183(INI)) (it-8 ta’ Jannar 2014).

(14)

     Dawn l-inizjattivi jinkludu: l-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (COM (2020) 258), l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020–2025 (COM (2020) 152), Il-qafas strateġiku tal-UE dwar ir-Rom għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni (COM (620) 2020), il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ; il-pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025 (COM (2020) 565), l-Istrateġija dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità (ippjanata għall-ewwel trimestru tal-2021), l-Istrateġija dwar id-drittijiet tat-tfal (ippjanata għall-ewwel trimestru tal-2021) u l-Istrateġija dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu (ippjanata għar-raba trimestru tal-2021).

(15)

     UNESCO, Out in the open: education sector responses to violence based on sexual orientation and gender identity/expression (2016); NESET II, How to prevent and tackle bullying and school violence (2016).

(16)

     Kummissjoni Ewropea, Legal gender recognition in the EU: The journeys of trans people towards full equality (Ġunju 2020).

(17)

     Il-persuni LGBTI huma partikolarment f’riskju li jisfaw mingħajr dar, peress li 4 % tar-rispondenti trans u intersesswali indikaw li kienu raqdu barra jew fi spazju pubbliku mill-inqas darba (FRA, it-tieni stħarriġ LGBTI).

(18)

     Ara, pereżempju: https://www.feantsa.org/en/newsletter/2017/09/28/autumn-2017?bcParent=27  

(19)

      https://www.ilga-europe.org/sites/default/files/COVID19%20_Impact%20LGBTI%20people.pdf

(20)

     Il-persuni LGBTIQ huma f'riskju ogħla li jiżviluppaw ċerti tipi ta’ kanċer f'età iżgħar jew li jesperjenzaw taqlib mentali, inklużi ideat ta' suwiċidju u suwiċidju, u huma aktar probabbli li ma jkunux sodisfatti bil-kura tas-saħħa li jirċievu ( il-Kummissjoni Ewropea, Ġunju 2017 )

(21)

     Pereżempju, meta mqabbla mal-popolazzjoni kollha kemm hi, hemm proporzjonijiet ogħla ta’ persuni LGBTIQ li huma qiegħda u f'impjiegi prekarji, u għandhom aċċess għal riżorsi finanzjarji limitati u instabbli ħafna. Il-kriżi aggravat is-sitwazzjoni, u tefgħet dawl fuq il-vulnerabbiltà tan-nies f'impjiegi u kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni prekarji. Minħabba d-diskriminazzjoni, l-istigma u dan l-istatus soċjoekonomiku aktar baxx, il-persuni LGBTIQ għandhom riżultati ta’ saħħa sinifikament aktar baxxi, ta’ spiss marbuta ma’ aċċess aktar baxx għal assigurazzjoni tas-saħħa komprensiva, u għalhekk huma aktar vulnerabbli għall-virus (ILGA-Europe, impatt tal-COVID-19).    

(22)

     “Bidla fis-sess” huwa t-terminu li kien jintuża meta kienu kkomunikati id-deċiżjonijiet f’P., Richards , u l-Kawża C-117/01, K.B. v National Health Service Pensions Agency u Secretary of State for Health, 07.01.2004, ECLI:EU:C:2004:7.

(23)

     Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u x-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).

(24)

     Il-Kawża tal-QĠUE C-507/18, NH v Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI — Rete Lenford, 23.04.2020, ECLI:EU:C:2020:289.

(25)

     Dan ir-rapport se jiġi ppreżentat b’mod konġunt mar-rapport dwar id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità.

(26)

     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/951 dwar standards għall-korpi għall-ugwaljanza (ĠU L 167, 04.07.2018, p. 28).

(27)

     Id-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).

(28)

     Il-Kawża tal-QĠUE C-13/94, P v S and Cornwall County Council, 30.04.1996, ECLI:EU:C:1996:170.

(29)

     Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta' trattament indaqs bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (L 373, 21.12.2004, p. 37).

(30)

     Il-Kawża C-423/04 Sarah Margaret Richards vs Segretarju tal-Istat għax-Xogħol u l-Pensjonijiet, 27.04.2006, ECLI:EU:C:2006:256.

(31)

     Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali COM/2008/0426 final.

(32)

     Ara ILGA-Europe Rainbow Map and Index 2020 .

(33)

     Il-Kummissjoni Ewropea, Trans and intersex equality rights in Europe – a comparative analysis (Novembru 2018); Il-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem, Human rights and intersex people (April 2015).

(34)

     Keyes, O. (2018), “The misgendering machines: trans/HCI implications of automatic gender recognition”, Proceedings of the ACM on Human–Computer Interaction, 2(CSCW), 88. https://doi.org/10.1145/3274357 , kif iċċitat fil-pubblikazzjoni li jmiss: Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2020) Gendered Innovations: How inclusive analysis contributes to research and innovation.

(35)

     Ara, per eżempju, Li, F., Nagar, V. (2013), ‘Diversity and performance’, Management Science 59, pp. 529-544; Shan, L., Fu, S., Zheng, L. (2016), ‘Corporate sexual equality and firm performance’, Strategic Management Journal 38(9), pp. 1812–1826; (2016), ‘Employment non-discrimination acts and corporate innovation’, Management Science 63(9), pp. 2982–2999.

(36)

     Bħalissa huwa magħmul minn 26 karta nazzjonali dwar id-diversità li jirrappreżentaw netwerk ta’ madwar 12 000 organizzazzjoni b’aktar minn 16-il miljun impjegat.

(37)

     Opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni għandhom jiġu promossi taħt il-Fond Soċjali Ewropew Plus matul il-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw ukoll azzjonijiet speċifiċi mmirati biex jippromwovu dawn il-prinċipji.

(38)

     Il-Kummissjoni Ewropea,  Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025 , 5.3.2020, COM(2020) 152 final

(39)

     Azzjoni biex tiġi indirizzata d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi tista’ tkun partikolarment rilevanti għall-unitajiet domestiċi tal-LBTIQ.

(40)

     Dan il-grupp ta’ esperti huwa inizjattiva inkluża fil-Komunikazzjoni dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (COM (2020) 625 final).

(41)

      https://ec.europa.eu/health/social_determinants/projects/ep_funded_projects_en#fragment2   

(42)

     Programmi oħra tal-UE, bħall-Programm ta’ Għajnuna għall-Komunità Ċiprijotta Torka, qed jappoġġaw ukoll b’mod attiv proġetti li jindirizzaw id-diskriminazzjoni u l-isfruttament ta’ persuni LGBTIQ.

(43)

     Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9); Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60); u d-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96).

(44)

      Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, COM (2020) 609 final .

(45)

     “F’ħafna partijiet tad-dinja, individwi jesperjenzaw abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u forom oħra ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali reali jew perċepita tagħhom u/jew l-identità tal-ġeneru. Filwaqt li l-persekuzzjoni ta’ individwi [LGBTI] u dawk meqjusa bħala LGBTI mhix fenomenu ġdid, hemm kuxjenza akbar f'ħafna pajjiżi ta' ażil li persuni li jaħarbu mill-persekuzzjoni għal raġunijiet tal-orjentazzjoni sesswali u/jew tal-identità tal-ġeneru tagħhom jistgħu jikkwalifikaw bħala refuġjati taħt l-Artikolu 1A(2) tal-[il-Konvenzjoni tal-1951] u/jew il-Protokoll tagħha tal-1967 ... Madankollu, l-applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ refuġjat tibqa’ inkonsistenti f'dan il-qasam”. (UNHCR, Guidelines on international protection No 9: Claims to refugee status based on sexual orientation and/or gender identity within the context of Article 1A(2) of the 1951 Convention and/or its 1967 Protocol relating to the status of refugees, HCR/GIP/12/09, it-23 ta’ Ottubru 2012).

(46)

     FRA, it-tieni stħarriġ LGBTI. Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna.

(47)

      Code of conduct on countering illegal hate speech online, it-30 ta’ Ġunju 2016 .

(48)

     Il-Kummissjoni Ewropea,Countering illegal hate speech online: 5th evaluation of the Code of Conduct, it-22 ta’ Ġunju 2020.

(49)

     Fis-snin reċenti, ir-retorika tal-mibegħda fid-diskors pubbliku kienet qed tiżdied, u tissarraf f 'mibegħda vera fit-triq, inkluż kontra persuni LGBTIQ. Pereżempju, ILGA-Europe rċeviet rapporti minn mill-inqas erba' Stati Membri tal-UE ta’ mexxejja reliġjużi li waħħlu fil-komunitajiet LGBTI għall-pandemija. (ILGA-Europe, COVID-19 impacts on LGBTI communities in Europe and Central Asia: A rapid assessment report, Ġunju 2020)    

(50)

     FRA, it-tieni stħarriġ LGBTI, p. 49. Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna.

(51)

     Ara, pereżempju, FRA, Fundamental rights report 2019 (id-29 ta’ Mejju 2019) u ILGA-Europe, Annual review of the human rights situation of lesbian, gay, bisexual, trans and intersex people 2019 (Frar 2019).

(52)

     Fil-preżent, seba’ Stati Membri ma jinkludux espressament l-orjentazzjoni sesswali fid-diskors ta' mibegħda u/jew leġiżlazzjoni dwar il-kriminalità bħala fattur aggravanti, 15 ma jinkludux l-identità tal-ġeneru u 25 ma jkoprux il-karatteristiċi tas-sess.

(53)

     Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/JHA tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali ma tkoprix espliċitament reati ta’ mibegħda u diskors ta’ mibegħda kontra l-LGBTIQ, u ma tinkludix l-immirar tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru fost il-karatteristiċi li jiddefinixxu r-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda. (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55).

(54)

     Il-Kummissjoni Ewropea, Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) , 24.6.2020, COM(2020) 258 final

(55)

     Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI, (COM(2020)188 final), il-11 ta’ Mejju 2020.

(56)

     It-twaqqif ta’ desks qawsalla huwa propost fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Vittmi (COM (2020) 258 final).

(57)

     62 % tal-persuni intersesswali li għamlu operazzjoni jgħidu li la huma u lanqas il-ġenituri tagħhom ma taw kunsens kompletament infurmat qabel l-ewwel trattament jew intervent mediku biex jimmodifikaw il-karatteristiċi tas-sess tagħhom (FRA, it-tieni stħarriġ LGBTI, p. 54).

(58)

     Prattiki ta’ konverżjoni “huma interventi ta’ ħsara kbira li jiddependu fuq l-idea medikament falza li l-persuni LGBT u persuni oħra ta’ ġeneru differenti huma morda, u jikkawżaw uġigħ kbir u tbatija qawwija, li jirriżultaw fi ħsara psikoloġika u fiżika fit-tul”; (Espert Indipendenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-Orjentazzjoni Sesswali u l-Identità tal-Ġeneru,  Report on conversion therapy , l-1 ta' Mejju 2020.

(59)

     ILGA-Europe, COVID-19 impact.

(60)

     Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE. (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(61)

     Soġġett għat-termini tat-Trattati u l-miżuri adottati biex jagħtuhom effett.

(62)

     Kawża tal-QĠUE, C‑673/16, Coman, 5.6.2018, ECLI:EU:C:2018:385. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-terminu “konjuġi” (kif użat fid-Direttiva dwar il-Moviment Ħieles) japplika wkoll għal persuna tal-istess sess bħal ċittadin tal-UE li magħha huwa/hija ikun/tkun miżżeweġ/miżżewġa.

(63)

     Aktar dettalji se jitħabbru fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza li jmiss.

(64)

     In-nuqqas ta’ rikonoxximent reċiproku tar-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal jista’ jwassal biex it-tfal jiġu mċaħħda miċ-ċittadinanza, l-isem jew id-drittijiet ta’ suċċessjoni. Barra minn hekk, ġenituri mhux rikonoxxuti jistgħu ma jkunux jistgħu jaġixxu bħala r-rappreżentanti legali tat-tfal tagħhom, jivvjaġġaw waħedhom magħhom, jirreġistrawhom fl-iskejjel, jipprovdu assigurazzjoni tas-saħħa, jiftħu kont bankarju jew jagħtu l-kunsens tagħhom għal interventi mediċi.

(65)

     S.V. v. l-Italja, l-Applikazzjoni nru. 55216/08, il-11 ta’ Ottubru 2018

(66)

     A.P., Garçon u Nicot v. Franza, l-Applikazzjonijiet nri 79885/12, 52471/13 u 52596/13, is-6 ta’ April 2017

(67)

      https://ec.europa.eu/youth/policy/youth-strategy/youthgoals_en ; dawn huma inklużi fl-istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ 2019-2027.

(68)

     Ir-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess ġeneru għadhom kriminalizzati fi 72 pajjiż. (Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,  Report of the Independent Expert on protection against violence and discrimination based on sexual orientation and gender identit, il-11 ta’ Mejju 2018 )

(69)

     Il-persuni LGBTIQ li jfittxu l-ażil huma f'riskju partikolari ta’ diskriminazzjoni, esklużjoni, fastidju u vjolenza, inkluża vjolenza sesswali, f'ċentri ta' akkoljenza u detenzjoni, u meta jkunu intervistati. Jistgħu jiġu mċaħħda minn assistenza legali xierqa jew kura tas-saħħa vitali, bħal trattament kontinwu bl-ormoni. Ara, pereżempju, UNCHR, Protecting persons with diverse sexual orientations and gender identities: a global report on UNHCR’s efforts to protect lesbian, gay, bisexual, transgender, and intersex asylum-seekers and refugees, (Diċembru 2015).

(70)

     Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024, JOIN(2020) 5 final.

(71)

     Il-Kunsill, Il-Linji gwida għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) (l-24 ta’ Ġunju 2013).

(72)

     Il-Kunsill, Il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għan-Nondiskriminazzjoni fl-Azzjoni Esterna, (6337/19, it-18 ta’ Marzu 2019).

(73)

     Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Komunikazzjoni dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19, 8.4.2020, JOIN (2020) 11 final: https://ec.europa.eu/international-partnerships/system/files/joint-comm-2020-eu-global-response_mt.pdf

(74)

     Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b'diżabbiltà, li jiffurmaw parti minnha l-UE u l-Istati Membri kollha, tistabbilixxi prinċipji ġenerali li jinkludu d-drittijiet ta' persuni b'diżabilitajiet biex tiġi rispettata d-dinjità inerenti tagħhom, l-awtonomija individwali (inkluża l-libertà li jagħmlu l-għażliet tagħhom stess), aċċessibbiltà, il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva u l-inklużjoni fis-soċjetà.

(75)

     L-istabbiliment tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku huwa soġġett għall-ftehim tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-proposta għal Regolament li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku, COM (2020) 409 final.

(76)

      COM(2018)375 final .

(77)

     Fl-Anness III tar-RDK.

(78)

     Kif rifless fir- rapporti annwali tal-Lista ta’ azzjonijiet tal-2015-2019 mill-Kummissjoni tavvanza l-ugwaljanza tal-LGBTI, l-Istati Membri rrappurtaw dwar l-iżvilupp tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom favur l-ugwaljanza tal-LGBTIQ. Dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni huma ta' valur peress li jikkostitwixxu impenn politiku biex tkun indirizzata d-diskriminazzjoni kontra l-LGBTIQ, akkumpanjat minn azzjonijiet konkreti biex l-ugwaljanza titmexxa ’l-quddiem.

Top