Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE5345

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Rapport tal-Prospettiva Strateġika tal-2020 — Prospettiva strateġika Inwittu t-triq lejn Ewropa iktar reżiljenti” [COM(2020) 493 final]

    EESC 2020/05345

    ĠU C 220, 9.6.2021, p. 67–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.6.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 220/67


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Rapport tal-Prospettiva Strateġika tal-2020 — Prospettiva strateġika Inwittu t-triq lejn Ewropa iktar reżiljenti”

    [COM(2020) 493 final]

    (2021/C 220/09)

    Relatur:

    Sandra PARTHIE

    Konsultazzjoni

    Ittra mill-Kummissjoni, 11.11.2020

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottata fis-sezzjoni

    2.3.2021

    Adottata fil-plenarja

    24.3.2021

    Sessjoni plenarja Nru

    559

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    270/0/5

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-inklużjoni ppjanata tal-metodoloġija tal-prospettiva fil-proċess futur tat-tfassil tal-politika tal-UE. Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon kbir id-deċiżjoni li l-“Prospettiva” tiġi inkluża b’mod espliċitu fl-oqsma ta’ responsabbiltà tal-Viċi President tal-Kummissjoni li huwa inkarigat ukoll mir-Relazzjonijiet Interistituzzjonali. Huwa jistenna li s-sinerġiji kif ukoll l-involviment strutturali tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE, inkluż il-KESE, jirnexxu fuq din il-bażi.

    1.2.

    L-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq il-prospettiva strateġika bħala proċess annwali, ċikliku u kontinwu huwa milqugħ b’ħafna sodisfazzjon mill-KESE. Ir-reżiljenza tal-UE ntgħażlet bħala l-ewwel suġġett fl-eżerċizzju ta’ prospettiva. Din saret punt ta’ riferiment ġdid għall-politiki tal-UE bil-kriżi tal-COVID-19. Ir-reżiljenza hija l-kapaċità li wieħed mhux biss jirreżisti u jlaħħaq mal-isfidi iżda jwettaq ukoll tranżizzjonijiet b’mod sostenibbli, ġust u demokratiku.

    1.3.

    L-erba’ dimensjonijiet tas-suġġett tar-reżiljenza, jiġifieri “soċjali u ekonomika”, “ġeopolitika”, “ekoloġika” u “diġitali” huma, mill-perspettiva tagħna, magħżula u żviluppati sew. Dawn jirrappreżentaw l-akbar suġġetti ċentrali ta’ żmienna, li se jkomplu jkunu ta’ importanza kbira għat-tfassil tal-politika Ewropea. Il-KESE jappoġġja ħafna l-għażla ta’ dan is-suġġett peress li huwa tassew l-aktar rilevanti fil-ħidma konġunta tagħna li noħolqu l-kundizzjonijiet ta’ qafas it-tajbin għall-ħruġ mill-kriżi tal-pandemija u biex nindirizzaw l-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima. Il-Kumitat ipprovda analiżi dettaljata tas-suġġett fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu Lejn ekonomija Ewropea aktar reżiljenti u sostenibbli (1), u permezz tar-Riżoluzzjoni tiegħu dwar L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza X’jaħdem u x’ma jaħdimx? (2)

    1.4.

    Il-prospettiva strateġika hija kkaratterizzata minn analiżi u perspettiva ta’ azzjoni mmirata lejn il-futur. Fid-dawl ta’ dan, dawn l-attivitajiet għandhom jissodisfaw tliet elementi bażiċi sabiex jagħtu riżultati ta’ kwalità għolja. L-ewwel nett, l-analiżijiet iridu jipprovdu riżultati li huma xierqa għas-sitwazzjoni futura li qed tiġi investigata. It-tieni, dawn għandhom ikunu bbażati fuq metodi u proċessi xjentifiċi, filwaqt li jitqies il-fatt li l-futur la jista’ jiġi osservat u lanqas jista’ jitkejjel b’mod empiriku. It-tielet, għandhom ikunu effettivi fis-sens li jipprovdu orjentazzjoni utli għal prattika politika.

    1.5.

    L-ewwel rapport ta’ prospettiva strateġika tal-Kummissjoni għall-2020 għadu nieqes miċ-ċiklu ta’ prospettiva sħiħ previst u ma jispjegax kif dan jista’ jingħaqad mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-proċess tas-Semestru Ewropew. Dan lanqas ma jispjega liema mill-megatendenzi li jidentifika huma l-aktar probabbli u l-aktar rilevanti għall-UE, u għalhekk ma jippermettix lil dawk li jfasslu l-politika jagħtu prijorità. Dan jeħtieġ li jittejjeb fir-rapporti li jmiss. Il-prospettiva se tilħaq l-objettivi ddikjarati tagħha biss jekk tkun eżerċizzju miftuħ u pluralistiku kif ukoll varjat u transdixxiplinarju, li jinvolvi l-imsieħba soċjali organizzati u s-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-KESE, fl-istadji kollha tal-proċess ta’ prospettiva u d-definizzjoni tax-xenarji ta’ referenza u l-użu ta’ sett ta’ metodi u għodod biex tidderieġi perspettivi differenti lejn il-futur.

    1.6.

    Għalhekk, filwaqt li l-aspirazzjoni hija milqugħa bis-sħiħ, naraw xi oqsma li fihom għandu jsir titjib fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-prospettiva fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet:

    il-modalitajiet konkreti għall-integrazzjoni sħiħa tal-prospettiva fl-ippjanar pluriennali u l-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar kif ukoll l-Ekosistema tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ewropea (3) jew il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa għadhom mhux ċari,

    ir-rapport tal-2020 jonqos milli jagħti valutazzjoni kwantitattiva meħtieġa tal-klassifikazzjoni ta’ megatendenzi u s-suġġetti strateġiċi identifikati fil-firxa ta’ probabbiltà u rilevanza, u b’hekk għamilha aktar diffiċli biex l-azzjoni tingħata prijorità,

    il-proċess ta’ prospettiva għandu joffri mekkaniżmu permanenti ta’ monitoraġġ u kontroll, li se jippermetti għal affarijiet bħal evalwazzjonijiet ex post mis-soċjetà ċivili,

    ir-rapport diġà jipproponi s-suġġetti għar-rapporti tal-prospettiva li jmiss iżda ma jispjegax kif il-proċess tal-prospettiva fil-fatt intuża biex wieħed jasal għal dawn is-suġġetti, u b’hekk jidher li jikkontradixxi l-għan tiegħu stess.

    1.7.

    Il-livell ta’ impenn biex tintuża l-prospettiva biex tissaħħaħ ir-reżiljenza Ewropea huwa pjuttost limitat. Fil-biċċa l-kbira tiegħu, ir-rapport tal-Kummissjoni jiddikjara li “jista’” minflok li “se” jagħmel użu mill-prospettiva fil-livell tal-UE. Minflok ma jiġu spjegati l-modi konkreti ta’ kif tintuża l-prospettiva fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi, l-istrumenti ta’ prospettiva qed jitnaqqsu għal għażliet, li jistgħu jew ma jistgħux jintużaw mill-partijiet ikkonċernati rilevanti u fil-każ konkret tal-implimentazzjoni.

    1.8.

    Fir-rigward tad-dimensjonijiet tar-reżiljenza, jiġifieri s-suġġett tar-rapport tal-2020,

    l-aspett futur attwali f’ħafna każijiet mhuwiex żviluppat b’mod komprensiv iżda jiffoka wisq fuq id-deskrizzjoni tas-sitwazzjoni preżenti,

    huwa nieqes minn viżjoni orjentata lejn il-futur dwar liema progress għandu jsir u f’liema perjodu ta’ żmien, inkluż l-iżvilupp ta’ indikaturi ġodda tal-benesseri, bħal dawk li jmorru lil hinn mill-PDG,

    il-metodu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati mhuwiex dettaljat u ma jinkludix soluzzjonijiet immirati biex jiġi evitat id-deterjorament tal-kundizzjonijiet ta’ persuni f’riskju ta’ esklużjoni, bħall-persuni b’diżabilità u l-anzjani.

    1.9.

    L-erba’ dimensjonijiet iservu bħala bażi għall-bini ta’ aġenda għal attivitajiet futuri ta’ prospettiva. Għalhekk nagħtu parir li l-erba’ dimensjonijiet ta’ reżiljenza jingħataw miri sekondarji speċifiċi li jistgħu jitħaddmu u għalhekk ikunu soġġetti għal valutazzjoni regolari fil-futur. Is-suġġetti li jmiss dwar l-aġenda ta’ prospettiva diġà huma proposti, jiġifieri awtonomija strateġika miftuħa, il-futur tal-impjiegi u l-ħiliet, u t-tisħiħ tal-ġemellaġġ tat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika. Dawn is-suġġetti joriġinaw minn tlieta mill-erba’ dimensjonijiet ta’ reżiljenza. Madankollu, għadu mhux ċar kif il-Kummissjoni waslet għal dawn is-suġġetti u f’liema ordni u forma se jiġu indirizzati. Għaldaqstant, mhuwiex komprensibbli biżżejjed għaliex intgħażlu dawn is-suġġetti minflok oħrajn, pereżempju viżjoni interna lejn l-iżvilupp tal-UE, iż-żieda fin-nazzjonaliżmu, il-kooperazzjoni futura bejn l-Istati Membri, jew kwistjonijiet ta’ sigurtà. Hawnhekk, tista’ tinkiseb ukoll trasparenza akbar bl-għajnuna ta’ prospettiva strateġika.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    L-istrument tal-prospettiva strateġika, jiġifieri l-antiċipazzjoni tat-tendenzi u l-iżviluppi huwa indispensabbli fil-formulazzjoni ta’ politiki responsabbli. Il-prospettiva strateġika se jkollha rwol ewlieni biex tgħin biex it-tfassil tal-politika tal-UE jibqa’ validu fil-futur, billi tiżgura li l-inizjattivi fuq terminu qasir ta’ żmien ikunu msejsa fuq perspettiva aktar fit-tul. Dan huwa vitali, hekk kif deħlin f’era ġdida, fejn il-prospettiva orjentata lejn l-azzjoni se tistimula l-ħsieb strateġiku u ssawwar il-politiki u l-inizjattivi tal-UE, inklużi programmi ta’ ħidma futuri tal-Kummissjoni.

    2.2.

    Filwaqt li mhux kollox jista’ jiġi previst u l-avvenimenti se jkomplu jissorprenduna, hemm lok biżżejjed biex tittieħed azzjoni. Dan jinkludi l-immappjar tal-probabbiltajiet u t-tħejjija ta’ dawk li qegħdin f’pożizzjonijiet li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jeżaminaw, jifhmu u jirrikonoxxu s-sinjali, speċjalment ta’ avvenimenti li jfixklu, kemm jista’ jkun malajr. Dan ifisser ukoll it-tħejjija ta’ pjani ta’ azzjoni, l-istabbiliment ta’ linji ta’ kmand u mezzi ta’ komunikazzjoni, id-definizzjoni ta’ oqsma ċari ta’ responsabbiltajiet u kompiti f’każ li jseħħ l-avveniment. Il-previżuri spiss jużaw il-metafori ta’ “ċinju iswed” (avveniment kompletament mhux mistenni mill-kategorija “il-mhux magħruf li mhuwiex magħruf”) u ta’ “rinoċeronti griż” (avveniment magħruf fuq skala kbira li jkollu impatt massiv, iżda li jiġi injorat). Il-pandemija tal-COVID-19 kienet “rinoċeronti griż”, peress li kien hemm sinjali ta’ twissija ta’ żieda fir-riskji ta’ pandemija globali, minħabba taħlita ta’ degradazzjoni ambjentali, globalizzazzjoni u konnettività akbar. Jeħtieġ li jintużaw tekniki ta’ tbassir u ppjanar b’separazzjoni ċara ta’ dawk iż-żewġ tipi differenti ta’ xokkijiet b’impatt massiv. B’rabta ma’ dan, tekniki ta’ bini ta’ xenarji transsettorjali u mhux lineari, l-identifikazzjoni ta’ riskji kbar emerġenti u r-rikonoxximent ta’ xejriet bikrija għandhom jittejbu fl-istituzzjonijiet tar-riċerka tal-UE.

    2.3.

    Ir-reżiljenza hija l-kapaċità li wieħed mhux biss jirreżisti u jlaħħaq mal-isfidi iżda jwettaq ukoll tranżizzjonijiet b’mod sostenibbli, ġust, inklużiv u demokratiku. L-erba’ dimensjonijiet tas-suġġett tar-reżiljenza, jiġifieri “soċjali u ekonomika”, “ġeopolitika”, “ekoloġika” u “diġitali” huma, mill-perspettiva tagħna, magħżula u żviluppati sew. Il-Kumitat jenfasizza, madankollu, li l-interazzjonijiet multipli tal-erba’ dimensjonijiet ma jistgħux jitqiesu b’mod separat minn xulxin iżda għandhom fil-fatt jiġu indirizzati kollettivament fl-analiżijiet u l-miżuri li jirriżultaw minnhom.

    2.4.

    Il-KESE jilqa’ l-proposta għall-ħolqien ta’ “dashboards tar-reżiljenza” b’indikaturi rilevanti li jissorveljaw l-istatus quo u d-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi, ġeopolitiċi, ekoloġiċi u diġitali tal-iżviluppi fl-UE u fl-Istati Membri. Madankollu, dashboard li tistabbilixxi l-istatus quo biss u tiddeskrivi l-preżent, fiha nnifsha, mhijiex prospettiva. Issir hekk biss hekk kif jiġu inklużi miri li jħarsu ’l quddiem. Ninsabu lesti li nappoġġjaw lill-Kummissjoni f’dan il-proċess diffiċli u kumpless, pereżempju billi niżviluppaw l-għarfien espert u l-ħidma tal-KESE.

    2.5.

    Jidher ċar li d-dashboards jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar. Bħalissa, huma jagħtu stampa tal-preżent u tal-istatus quo. Sabiex ikunu strumenti utli fil-proċess tal-prospettiva, għandha tiġi introdotta rabta ma’ perspettiva li tħares ’il quddiem. Id-dashboards isiru ta’ importanza sinifikanti biss fil-proċess tat-tbassir jekk jinkludu miri, preferibbilment iddefiniti għal kull Stat Membru. Imbagħad ikun possibbli li jintużaw dawn id-dashboards biex jiġi vvalutat il-progress fid-dawl ta’ objettiv partikolari u biex dawn isiru għodda ta’ monitoraġġ. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li tiġi stabbilita rabta bejn id-dashboards mal-indikaturi eżistenti tal-kompetittività użati fil-proċess tas-Semestru Ewropew u għall-governanza ekonomika Ewropea kif ukoll mat-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

    2.6.

    Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-Kummissjoni dwar ir-rwol kritiku li qed jaqdu l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali waqt il-pandemija u r-rilevanza tagħhom fil-bini ta’ Ewropa reżiljenti li timxi ’l quddiem. F’dan is-sens, il-KESE jistenna bil-ħerqa l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Promozzjoni tal-Ekonomija Soċjali li ġej, u jappella lill-Kummissjoni biex tkun ambizzjuża u kuraġġuża fil-proposti tagħha.

    2.7.

    Madankollu, filwaqt li l-aspirazzjoni lejn governanza antiċipatorja bl-istrumenti offruti mill-prospettiva strateġika hija tajba u tinkludi ħafna mill-elementi t-tajba, jiġifieri l-parteċipazzjoni, l-interdixxiplinarjetà, u t-tfassil tagħha bħala proċess kontinwu, din issir ħafna inqas eċċellenti u saħansitra dgħajfa fir-rigward ta’ kemm dan l-approċċ konness jew allinjat se jitħaddem u jiġi implimentat b’mod speċifiku. Bħalissa, ir-rapport fih għadd ta’ stqarrijiet ta’ intenzjoni dwar l-inklużjoni ta’ metodi ta’ prospettiva fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi. Sabiex jiġi żgurat lill-partijiet kkonċernati li l-punti ta’ għarfien li jittieħdu mill-proċess ta’ prospettiva tabilħaqq jiġu implimentati u użati b’mod effettiv, il-KESE jemmen li l-proċess ta’ prospettiva għandu joffri mekkaniżmu ta’ kontroll li jippermetti, fost l-oħrajn, evalwazzjonijiet ex post mis-soċjetà ċivili. Dan se jgħin biex tinbena l-fiduċja, kemm fil-proċess kif ukoll fl-intenzjonijiet u jillimita r-riskji minn theddid moħbi.

    2.8.

    Din il-ħtieġa għal mekkaniżmi ta’ kontroll u verifika hija wkoll reali fir-rigward tal-kontroll tal-kwalità, jiġifieri jekk l-approċċ magħżul huwiex adegwat biex jintlaħqu l-għanijiet iddikjarati. Dan il-mekkaniżmu ta’ kontroll jeħtieġ li jkun jista’ jinftiehem, jipprovdi kriterji li permezz tagħhom jitkejjel jekk l-istandards bl-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u ta’ kwalità għolja ta’ tbassir humiex qed jiġu rrispettati.

    2.9.

    Fir-rigward tal-kontenut fis-suġġetti magħżula, ikun mixtieq li ssir separazzjoni ċara bejn l-analiżi tas-sitwazzjoni attwali u l-projezzjoni mistennija jew ippreferuta fil-futur. B’dan il-mod, il-kwistjonijiet diversi u kumplessi ħafna jistgħu jsiru aktar trasparenti u komprensibbli. L-għarfien miksub dwar l-iżviluppi futuri jista’ mbagħad jiġi integrat fil-proċessi tat-tfassil tal-politika b’mod immirat, speċjalment fir-rigward tal-inċertezzi u r-riskji eżistenti li huma dejjem inerenti fl-analiżijiet attwali tal-futur.

    2.10.

    Qabel ma l-proċess potenzjalment jissarraf f’domandi konkreti jew saħansitra proposti leġiżlattivi, il-Kumitat iħeġġeġ li ssir valutazzjoni bilanċjata, permezz ta’ approċċ kwalitattiv b’diversi kriterji, li jinkorpora rispettivament il-benefiċċji mistennija, il-piżijiet addizzjonali potenzjali għan-negozji, il-ħaddiema u l-partijiet ikkonċernati involuti, u l-effetti fuqhom, filwaqt li jiġu kkunsidrati b’mod realistiku l-livelli ta’ kapaċità rispettivi tagħhom (4).

    2.11.

    L-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea biex tibda twettaq il-prospettiva strateġika bħala proċess annwali, ċikliku u kontinwu huwa milqugħ b’ħafna sodisfazzjon mill-KESE. Madankollu, l-UE mhijiex l-ewwel attur f’dan il-qasam u għalhekk għandha titgħallem mill-eżempji eżistenti u mill-prattiki tajbin u ħżiena. Din ma għandhiex tiffoka biss fuq metodu wieħed, jiġifieri l-analiżi tal-prospettivi, iżda għandha tuża bosta mill-metodoloġiji eżistenti, bħall-“metodu Delphi”, analiżi tal-impatt tax-xejriet, prospettiva normattiva jew esploratorja, kif ukoll prospettiva kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva jew l-approċċ tal-“Wild Card”, b’mod individwali jew flimkien. Il-kapaċitajiet tal-Big Data u l-Intelliġenza Artifiċjali għandhom jintużaw ukoll b’mod aktar prominenti fl-identifikazzjoni ta’ xejriet u fl-iżvilupp ta’ xenarji.

    2.12.

    Madankollu, l-approċċ li bħalissa huwa spjegat għat-twettiq ta’ prospettiva strateġika mill-Kummissjoni huwa wisq “minn fuq għal isfel”. Ma joħloqx is-sens meħtieġ ta’ sensibilità u sjieda fost l-atturi kkonċernati. Dan irid jiġi rimedjat, eż. billi l-imsieħba soċjali u atturi oħra fil-proċess jiġu inklużi strutturalment, fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali, pereżempju permezz tal-bini fuq il-proċess tas-Semestru Ewropew. Il-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, l-oqsma ta’ applikazzjoni diversi u dawk intertematiċi, u l-involviment kontinwu ma’ kwistjonijiet rilevanti tal-futur huma kriterji ewlenin biex jiġi stabbilit b’suċċess programm effettiv ta’ prospettiva strateġika.

    2.13.

    Programmi ta’ prospettiva se jirnexxu biss jekk jinkludu rabtiet ċari bejn it-temi ta’ prospettiva u l-aġenda politika tal-lum sabiex dawk li jipprovdu l-kontribut jaraw li dan qed jintuża u li tabilħaqq qed jagħmel differenza. Fuq din il-bażi, tista’ tiġi żviluppata viżjoni konġunta tar-riskji u l-isfidi, filwaqt li jsir evidenti x’għandu jsir u jkun jista’ jiġi organizzat it-trasferiment meħtieġ tal-kompetenzi u r-responsabbiltajiet. Immappjar konġunt tar-riskji minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-politika fl-UE, b’ċirkwiti ta’ feedback u aġġustamenti hekk kif jiżviluppaw l-avvenimenti, se jagħti tifsira lill-proċess u jħalli impatt fuqu. Għalhekk nitolbu lill-Kummissjoni tiżgura t-trasparenza, il-komprensibbiltà u l-verifikabbiltà tar-riżultati tal-prospettiva.

    2.14.

    Bħalissa, mhux l-Istati Membri kollha jagħmlu użu mill-prospettiva biex jiżviluppaw il-politiki nazzjonali tagħhom. Għalhekk huwa essenzjali li l-Kummissjoni Ewropea tiżgura li tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi għad-dispożizzjoni tagħha. Għalhekk, il-KESE jista’ jipprovdi kontribut u informazzjoni importanti għall-proċess ta’ prospettiva bbażat fuq l-għarfien tal-membri tiegħu, li jirrappreżentaw varjetà wiesgħa ta’ fehmiet u vuċijiet mill-Istati Membri kollha. Permezz tal-Opinjonijiet tiegħu, il-KESE huwa kapaċi jidentifika u javża dwar riskji sistemiċi. Il-membri tiegħu huma wkoll f’pożizzjoni tajba biex jikkomunikaw dwar l-attivitajiet ta’ prospettiva fil-komunitajiet tagħhom u biex jgħinu fil-komunikazzjoni tar-riżultati liċ-ċittadini. B’riżultat ta’ dan, il-KESE jista’ wkoll jagħti kontribut sinifikanti lill-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar.

    2.15.

    Aħna nitolbu lill-Kummissjoni tiżviluppa l-proposti u l-għarfien tagħha stess u tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jsiru utenti tal-approċċ tal-prospettiva u biex dan isir element obbligatorju fil-formulazzjoni tal-politiki għal Ewropa reżiljenti.

    2.16.

    Fil-kuntest istituzzjonali tal-UE, is-Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġiji u l-Politiki (ESPAS) saret punt ta’ referenza u element kostitwenti għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-prospettiva. Il-KESE diġà għandu status ta’ osservatur fl-ESPAS, li hija prattika li għandha titkompla, u li għandha tiġi kkomplementata billi jiġi żgurat l-involviment attiv ta’ rappreżentant(i) ta’ livell għoli tal-KESE fil-konferenza annwali tal-ESPAS.

    2.17.

    Sabiex il-membri tal-KESE jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod aktar sinifikanti għall-attivitajiet ta’ prospettiva tal-Kummissjoni Ewropea, nappellaw għall-forniment ta’ informazzjoni f’waqtha dwar il-proċess ta’ prospettiva, l-iskeda u l-pjan ta’ ħidma speċifiku tiegħu, kif ukoll l-involviment tal-membri tal-KESE f’dawn.

    Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  ĠU C 353, 18.10.2019, p. 23 kif ukoll is-seduta pubblika tal-KESE dwar Lejn ekonomija Ewropea aktar reżiljenti u sostenibbli b’viżjoni għat-tlestija tal-UEM, 12/04/2019.

    (2)  Ir-Riżoluzzjoni tal-KESE L-Involviment tas-Soċjetà Ċivili Organizzata fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza – X’jaħdem u x’ma jaħdimx? (ĠU C 155, 30.4.2021, p. 1).

    (3)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 11.

    (4)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 11.


    Top