Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE5078

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Ir-Reżiljenza tal-Materja Prima Kritika: It-Twittija tat-Triq lejn Sigurtà u Sostenibbiltà Akbar” (COM(2020) 474 final)

EESC 2020/05078

ĠU C 220, 9.6.2021, p. 118–127 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 220/118


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Ir-Reżiljenza tal-Materja Prima Kritika: It-Twittija tat-Triq lejn Sigurtà u Sostenibbiltà Akbar”

(COM(2020) 474 final)

(2021/C 220/17)

Relatur:

Dumitru FORNEA

Korelatur:

Michal PINTÉR

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 23.9.2020

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

28.10.2020

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-sezzjoni

5.3.2021

Adottata fil-plenarja

25.3.2021

Sessjoni plenarja Nru

559

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

258/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tirrappreżenta pass ’il quddiem, billi tipprovdi pjan direzzjonali ċar b’inizjattivi u azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell tal-UE, u għaldaqstant il-KESE jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jappoġġjaw dan l-approċċ għat-titjib tar-Reżiljenza tal-Materja Prima Kritika fil-livell tal-UE.

1.2.

Il-KESE huwa konvint li l-miżuri proposti mill-KE jistgħu jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima kritika, u b’hekk iżommu u jiżviluppaw bażi industrijali u teknoloġika fl-UE. Huma jistgħu jippromovu wkoll kapaċitajiet essenzjali ta’ riċerka u żvilupp, li jippermettulna nimplimentaw l-għanijiet ambizzjużi tal-Patt Ekoloġiku tal-UE filwaqt li niżguraw impjiegi ġodda permanenti u deċenti u, fl-istess ħin, tranżizzjoni ġusta fil-komunitajiet affettwati mill-bidla industrijali.

1.3.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ it-tranżizzjoni ekoloġika tas-settur tal-enerġija u jqis l-estrazzjoni tal-materja prima meħtieġa għall-użu tat-teknoloġiji ekoloġiċi bħala pass fundamentali. Din il-materja prima, li tinkludi l-metalli u l-minerali, hija l-element bażiku tal-ħolqien ta’ infrastruttura soda għall-forniment tal-idroġenu jew l-elettriku ekoloġiku. Il-ġenerazzjoni ta’ enerġiji ekoloġiċi u vetturi tal-enerġija ekoloġika se tippermetti d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija estrattiva u tal-ipproċessar, u b’hekk toħloq sitwazzjoni fejn kulħadd jirbaħ.

1.4.

L-esplorazzjoni hija attività ta’ riskju għoli li żżid il-kostijiet kapitali b’mod sinifikanti. It-tnaqqis tar-riskju permezz ta’ garanziji għal self u reġimi ta’ deprezzament jista’ jgħin ħafna lill-investimenti. Inċentivi fiskali oħra jinkludu krediti tat-taxxa u għajnuna mill-Istat. Dawn il-mekkaniżmi jintużaw b’mod wiesa’ fuq livell globali għall-estrazzjoni u l-ipproċessar, iżda mhux b’mod ġenerali fl-UE. Madankollu, fl-Ewropa hemm eċċezzjoni (il-Finlandja) li stabbiliet appoġġ nazzjonali fil-forma ta’ fondi tar-riskju. Inizjattivi simili għandhom jinbdew fuq livell Ewropew.

1.5.

Il-KESE, filwaqt li jqis l-aħjar prattika, teknika u teknoloġija attwali bħala linja bażi, jipproponi li l-UE tiżviluppa proċess ta’ awtorizzazzjoni aktar sempliċi għall-attivitajiet ta’ estrazzjoni. Pereżempju, l-eżempju ta’ infrastruttura kritika oħra, bħall-grilji tal-enerġija rinnovabbli u infrastruttura kritika oħra, witta t-triq għal fiduċja akbar fi proċessi semplifikati. Proċess semplifikat ma jippreġudikax l-eżitu ta’ kwalunkwe proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, iżda huwa maħsub biex itejjeb il-puntwalità, il-prevedibbiltà u t-trasparenza tal-proċessi ta’ reviżjoni ambjentali u ta’ awtorizzazzjoni għall-proġetti ta’ infrastruttura implimentati permezz ta’ dan il-metodu.

1.6.

Il-KESE jqis li l-eżistenza ta’ strumenti ta’ finanzjament adegwati li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni ekoloġika għas-setturi tal-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-minerali hija ta’ importanza kbira. Fl-istess ħin, huwa kruċjali li jsir investiment (eż. permezz ta’ Orizzont 2020) fir-riċiklaġġ ta’ materja prima kritika u strateġika.

1.7.

Il-KESE diġà ħaddan l-importanza taċ-ċirkolarità għall-ekonomija tal-UE. Huwa essenzjali li l-ekonomija ċirkolari tagħlaq iċ-ċirku tal-materjali fl-Ewropa. Konsegwentement, l-esportazzjoni ta’ skart li jkun fih materjali ta’ valur li l-ipproċessar tiegħu fl-UE jista’ jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE, għandha tiġi vvalutata bir-reqqa u sseħħ biss meta tkun utli f’termini ta’ sostenibbiltà. Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja reviżjoni rapida u effettiva tal-istrumenti eżistenti bħar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart.

1.8.

Il-KESE jqis il-proposta li tiġi mmappjata l-provvista potenzjali ta’ materja prima kritika sekondarja mill-istokkijiet u l-iskart tal-UE bħala azzjoni ewlenija fit-titjib tar-reżiljenza tal-materja prima tal-UE. Għalhekk, aħna nappellaw lill-Kummissjoni biex tipprijoritizza dan l-eżerċizzju ta’ mmappjar u twettqu sal-aħħar tal-2021 minflok sal-iskadenza attwalment prevista tal-2022.

1.9.

Il-KESE jqis li hemm bżonn li jitneħħew l-ostakli fil-leġiżlazzjoni u r-regolamenti dwar l-użu domestiku u l-vjeġġi ta’ materja prima sekondarja. Madankollu, il-kwistjonijiet ambjentali u tas-saħħa u s-sikurezza li jikkonċernaw il-kummerċ fi flussi perikolużi ta’ materjali bħal dawn għandhom jiġu mmonitorjati u implimentati bir-reqqa. Irid jinstab bilanċ bejn proċeduri stretti u rapidi sabiex il-vjeġġi domestiċi, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid ta’ materja prima sekondarja ma jkunux imxekkla. Hemm ħafna eżempji fejn l-opportunitajiet ta’ riċiklaġġ jinħonqu minħabba l-formalitajiet (1).

1.10.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu integrati dimensjonijiet ġodda fil-metodoloġija użata għall-valutazzjoni regolari tal-lista tal-minerali kritiċi. Għandhom jiġu definiti kriterji adatti biex jiġi vverifikat jekk il-ktajjen tal-provvista globali ta’ dan it-tip ta’ materja prima jikkonformawx mal-prinċipji etiċi sabiex tiġi vvalutata d-“dimensjoni etika”. Dawn il-prinċipji għandhom jikkunsidraw il-UDHR (2), il-UNGP (3), inklużi d-drittijiet fundamentali tax-xogħol tal-ILO, id-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol, li tinkludi l-Istandards Fundamentali tax-Xogħol u d-Dikjarazzjoni MNE (4), kif ukoll l-SDGs tan-NU (5). Barra minn hekk, għandha titqies is-sitwazzjoni kummerċjali u tas-suq globali tal-materja prima, u tittejjeb il-valutazzjoni tal-kondizzjonijiet kummerċjali assoċjati ma’ kull materja prima. L-approċċ attwali tal-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-ostakli kummerċjali huwa indikatur approssimattiv ħafna. L-eżistenza ta’ ostakli kummerċjali u oligopolji għandha titqies aħjar.

1.11.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni bejn is-sistemi nazzjonali edukattivi u tat-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid u ċ-ċertifikazzjoni, bil-għan li tiġi riżervata u allokata kapaċità suffiċjenti biex jitħarrġu speċjalisti fl-oqsma li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-reżiljenza kritika u strateġika tal-materja prima. L-UE għandha ttejjeb it-taħriġ tal-ispeċjalisti f’konformità mal-evoluzzjonijiet aċċellerati tar-rivoluzzjoni diġitali u tipprovdi opportunitajiet professjonali għal dawk li huma involuti fl-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista u l-ipproċessar ta’ dawn il-minerali essenzjali fil-funzjonament tal-ekonomiji avvanzati.

1.12.

Il-KESE, fil-kuntest tal-politiki biex tissaħħaħ ir-reżiljenza kritika u strateġika tal-materja prima, jinnota l-importanza tad-disponibbiltà tal-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali fl-UE biex jissostitwixxu dawn il-minerali f’każ ta’ skarsezza persistenti. Jeħtieġ li jiżdied ir-rwol tal-istituzzjonijiet Ewropej rilevanti fl-ippjanar ta’ investimenti sinifikanti u kostanti fil-programmi ta’ R&Ż biex jiġu skoperti materjali u proċessi ġodda u b’hekk tiġi garantita sostituzzjoni ġustifikata.

1.13.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tqis, b’mod konvinċenti u rispettuż, il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jfornu l-materja prima billi tinkoraġġixxi u tappoġġja kumpaniji li fl-operat tagħhom jirrispettaw b’mod ċar l-interessi ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi ta’ dawn il-pajjiżi u l-popolazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni għandha toħloq formula ta’ “sħubija ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti” li tippromovi l-fiduċja, id-durabbiltà, is-sigurtà, l-affidabbiltà u r-rispett reċiproku fl-interess komuni tal-imsieħba kummerċjali.

1.14.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jitwessgħu d-definizzjoni u l-paradigma tal-materja prima kritika. Konvenzjonalment, il-materja prima kritika ġiet mifhuma bħala materja prima li ġejja prinċipalment mis-settur tal-minjieri. Dan huwa kamp ta’ applikazzjoni dejjaq wisq u jillimita t-tkabbir tal-enerġiji ekoloġiċi. Illum, il-materjali bbażati fuq l-injam jistgħu jintużaw b’mod effiċjenti f’ħafna aktar applikazzjonijiet milli fl-imgħoddi. Mit-tessuti għal teknoloġiji ġodda tal-batteriji eħfef u aktar ekoloġiċi, dan huwa qasam li qed javvanza b’pass mgħaġġel ħafna. Il-bijoekonomija għandha l-possibbiltajiet uniċi li żżid ir-reżiljenza lill-ekonomija tal-UE u l-istabbiltà ġeopolitika għall-kontinent tagħna. L-użu ta’ materjali rinnovabbli fl-istess ħin jgħin ukoll biex jittaffa t-tibdil fil-klima peress li jippermetti li l-emissjonijiet fossili jinżammu fl-art.

2.   Sfond

2.1.

Is-settur tal-materja prima jipprovdi madwar 350 000 impjieg fi ħdan l-UE, iżda hemm aktar minn 30 miljun impjieg fl-industriji tal-manifattura downstream li jiddependu minn aċċess affidabbli u bla xkiel għal materja prima minerali. Fl-2018, id-dipendenza tal-UE mill-importazzjonijiet tal-metalli kienet tvarja bejn 75 % u 100 % skont il-metall, u aktar minn nofs il-ħtiġijiet tal-enerġija tal-UE kienu ssodisfati mill-importazzjonijiet netti. Il-prezzijiet għall-materja prima huma estremament volatili u r-riżorsi jikkostitwixxu l-akbar sehem tal-ispejjeż tal-input tal-industrija (6). Madankollu, l-industriji fl-UE li jiddependu mill-materja prima pprovdew EUR 206 biljun ta’ valur miżjud (7).

2.2.

Il-Bank Dinji jipproġetta li d-domanda għall-metalli u l-minerali se tiżdied proporzjonalment skont l-ambizzjoni klimatika. L-OECD tbassar li l-użu globali tal-materjali se jirdoppja sal-2060. L-użu tal-metalli huwa mistenni li jikber b’150 %, minn 8 biljun tunnellata tal-lum għal 20 biljun tunnellata sal-2060. L-OECD tipprevedi wkoll li t-tkabbir fl-użu tal-materjali u l-proċessi tal-estrazzjoni u l-ipproċessar tagħhom x’aktarx li se jżid il-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-pjaneta u jipperikola l-kisbiet fil-benesseri. Dan jista’ jikkawża problemi ambjentali u soċjali, tniġġis, telf tal-bijodiversità u tal-art, eċċ.

2.3.

L-UE tipproduċi inqas minn 5 % tal-produzzjoni dinjija ta’ materja prima minerali. Iċ-Ċina waħedha tipprovdi 66 % tal-batteriji tal-litju lesti. L-UE tipprovdi inqas minn 1 %. L-UE tipproduċi inqas minn 1 % taċ-ċelloli tal-fjuwil fid-dinja u 1 % tal-materja prima għall-enerġija mir-riħ (8). Iċ-Ċina għandha pożizzjoni kważi monopolistika f’termini ta’ komponenti għall-fotovoltajċi (PV). L-UE tipprovdi 1 % tal-assemblaġġi PV ibbażati fuq is-siliċju. 44 materjal huma rilevanti għall-industrija tar-robotika, li l-UE tipproduċi biss 2 % minnhom u ċ-Ċina tforni 52 %.

2.4.

Is-suċċess fit-trasformazzjoni tal-ekonomija tal-UE u l-ilħuq tal-għanijiet tal-UE dwar il-klima sal-2030 u l-2050 jiddependi mill-iżgurar ta’ provvista sostenibbli ta’ materja prima kritika u strateġika. Il-minerali, il-metalli u l-materjali avvanzati huma kruċjali għall-enerġija nadifa, it-teknoloġiji ekoloġiċi u l-mobilità. Mingħajrhom, se jkun hemm dewmien fl-implimentazzjoni u l-progress ta’ teknoloġiji nodfa u diġitali, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. L-UE għandha taġixxi sabiex tnaqqas id-dipendenza esterna, biex tiddiversifika l-ktajjen ta’ provvista u tinvesti fil-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ. Jekk dan ma jirnexxix, tiġi pperikolata s-sopravivenza tal-impjiegi u l-industriji Ewropej.

3.   L-azzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-materja prima

3.1.

Fit-3 ta’ Settembru 2020, il-Komunikazzjoni tal-KE dwar Ir-Reżiljenza tal-Materja Prima Kritika: It-Twittija tat-Triq lejn Sigurtà u Sostenibbiltà Akbar ippreżentat għaxar azzjonijiet għall-appoġġ ta’ provvista sigura u sostenibbli ta’ materja prima. Il-Komunikazzjoni tisħaq fuq l-importanza li tinkiseb awtonomija strateġika miftuħa fl-UE, permezz tal-elementi li ġejjin: id-diversifikazzjoni tal-fornituri barra l-UE; it-tnaqqis tad-dipendenza estrema permezz taċ-ċirkolarità u l-effiċjenza tar-riżorsi u l-estrazzjoni u l-ipproċessar domestiċi; iż-żieda tal-kapaċità tal-provvista domestika; l-istabbiliment ta’ ktajjen tal-provvista reżiljenti għall-ekosistemi industrijali tal-UE; it-tisħiħ tal-provvista sostenibbli u responsabbli; il-ħolqien ta’ Alleanza dwar il-Materja Prima u programmi ta’ R&Ż; żieda fl-opportunitajiet ta’ finanzjament; tisħiħ tal-ħiliet fl-estrazzjoni; żieda fil-kapaċità tal-esplorazzjoni; valutazzjoni tal-impatti ambjentali; il-promozzjoni tal-kummerċ internazzjonali u s-sħubijiet.

3.2.

Fil-11 ta’ Marzu 2020, il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-KE Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u aktar kompetittiva enfasizzat l-importanza li jinħoloq suq għall-materja prima sekondarja u li jitqies il-forniment etiku tal-materja prima u s-sigurtà tal-provvista.

3.3.

Fl-10 ta’ Marzu 2020, il-Komunikazzjoni tal-KE dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa saħqet fuq l-importanza tal-ktajjen ta’ valur industrijali kollha fl-UE. Provvista sigura ta’ enerġija u materja prima nodfa u affordabbli hija pass ewlieni lejn it-tnaqqis tal-marki tal-karbonju industrijali, u b’hekk titħaffef it-tranżizzjoni.

3.4.

Fil-11 ta’ Diċembru 2019, il-KE żvelat il-Komunikazzjoni tagħha dwar Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li hija l-istrateġija l-ġdida għat-tkabbir tal-UE biex l-ekonomija attwali tiġi ttrasformata f’waħda li hija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, kompetittiva u newtrali għall-klima. Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-importanza ta’ sigurtà strateġika tal-aċċess għar-riżorsi sabiex jiġi implimentat il-Patt Ekoloġiku. It-tranżizzjoni se teħtieġ provvista sostenibbli tal-materja prima kollha li hija meħtieġa għal teknoloġiji nodfa u diġitali.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jilqa’ u jappoġġja l-isforzi u l-azzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea biex issaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-materja prima. L-Opinjonijiet adottati matul dawn l-aħħar 15-il sena mill-Kumitat Konsultattiv tal-KESE dwar il-Bidliet Industrijali, kif ukoll ħidma konġunta mal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni, jikkonfermaw l-interess u l-impenn tas-soċjetà ċivili organizzata tal-UE fl-iżvilupp kontinwu tas-Sħubija Ewropea dwar il-Materja Prima.

4.2.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġu żviluppati proposti u azzjonijiet aktar konkreti biex tiġi żgurata t-triq lejn sigurtà u sostenibbiltà akbar maħsuba mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Materja Prima Kritika. Barra minn hekk, nappellaw lill-Kummissjoni biex tikkunsidra azzjoni adatta dwar il-materja prima kollha li hija rilevanti għall-industrija u l-ekonomija tal-UE, sabiex jiġu evitati aktar dipendenzi.

4.3.

L-Inizjattiva dwar il-Materja Prima, imnedija mill-Kummissjoni Ewropea fl-2008, wittiet it-triq għal azzjoni strutturata u koordinata fil-livell ta’ istituzzjonijiet Ewropej rilevanti, kemm biex tqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini Ewropej dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima kritika u strateġika għall-industriji Ewropej, kif ukoll għal azzjonijiet konkreti f’dan ir-rigward fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri.

4.4.

Il-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għar-Riżorsi Minerali Sostenibbl (rikonoxxuta uffiċjalment fl-2008), is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima (2012), l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija – Materja Prima (2015), l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji (2017), l-Alleanza Ewropea dwar il-Materja Prima (Settembru 2020) jew l-attivitajiet annwali fil-qafas tal-Ġimgħa tal-UE dwar il-Materja Prima rrappreżentaw inizjattivi ta’ suċċess tal-Kummissjoni u għodod ta’ ħidma importanti tal-Unjoni Ewropea fl-isforzi sostnuti tagħha biex tidentifika s-soluzzjonijiet teknoloġiċi, leġiżlattivi u amministrattivi meħtieġa biex jiġi adottat Pjan ta’ Azzjoni koerenti tal-UE dwar il-materja prima. Madankollu, dawn l-inizjattivi setgħu ġew intensifikati u l-KESE jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet stretti dwar il-ħidma, ir-riżultati u l-effettività ta’ dawn il-pjattaformi ta’ alleanza u tipprovdi r-riżultati lill-KESE fuq bażi (annwali) regolari. Aħna, bħala rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, jeħtieġ li nkunu infurmati dwar jekk dan l-approċċ tabilħaqq jagħtix riżultati tanġibbli biex l-għan ta’ reżiljenza għall-materja prima jiġi avvanzat u jintlaħaq.

4.5.

Il-Komunikazzjoni tal-KE għandha primarjament perspettiva Ewropea, li huwa kompletament komprensibbli, peress li l-kwistjoni ċentrali hija l-provvista ta’ materja prima għall-ekonomija tal-Ewropa. Madankollu, il-KESE jemmen li l-KE għandha tqis il-ħtiġijiet u l-interessi tan-nies u tal-ekonomiji fil-pajjiżi li minnhom il-materja prima għandha tiġi esportata lejn l-Ewropa, speċjalment meta tikkomunika ta’ spiss dwar il-“valuri Ewropej”, ir-“responsabbiltà globali” u l-“għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli” globali. Huwa importanti wkoll li jitqies li l-pajjiżi li mhumiex fl-UE miż-Żona Ekonomika Ewropea huma għonja fir-riżorsi minerali, u l-istrateġiji dwar il-materja prima, is-sħubijiet strateġiċi u l-aċċess għall-istrumenti finanzjarji għat-tranżizzjoni ekoloġika tas-settur tal-minjieri għandhom ikunu disponibbli għal dawn il-pajjiżi wkoll.

4.6.

L-għan li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE fuq materja prima kritika u strateġika huwa marbut b’mod inseparabbli mal-isforzi tal-UE biex iżżomm bażi industrijali u teknoloġika b’saħħitha li żżomm il-pass mar-rivoluzzjoni diġitali u l-isfidi globali tat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni ambjentali. Huwa kruċjali li l-UE tirnexxi f’dan il-proċess. Il-KESE diġà enfasizza li “l-pannelli solari, il-parks eoliċi u l-batteriji huma kruċjali għall-paradigma industrijali l-ġdida tagħna. Madankollu, dawn jirrikjedu wkoll materja prima li hija kkontrollata mill-kompetituri bejn il-pari tagħna fix-xena internazzjonali. Il-politika industrijali trid timxi id f’id ma’ politika kummerċjali u barranija soda li min-naħa tagħha trid tiżgura aċċess għal dawn ir-riżorsi” (9).

4.7.

Il-politiki dwar il-materja prima għandhom jikkontribwixxu b’mod pożittiv, flimkien ma’ politiki oħra, biex tiġi żgurata l-provvista lill-industriji Ewropej, tintlaħaq id-domanda għall-prodotti u s-servizzi tal-UE, biex jiġi rispettat l-ambjent u jiġi limitat l-impatt tal-attivitajiet tal-bniedem fuq il-klima, u biex jinħolqu impjiegi deċenti. Dawn il-benefiċċji – ekonomiċi, ambjentali u soċjali – għandhom jitqassmu b’mod ugwali fl-UE kollha. Huwa importanti li wieħed jiffoka mhux biss fuq materja prima li hija kklassifikata bħala “kritika” skont il-metodoloġija proposta mill-Kummissjoni tal-UE. Il-materja prima li hija parti essenzjali minn ħafna ktajjen tal-valur tal-provvista u li l-attività minerarja u l-estrazzjoni tagħha hija wkoll trasportatur ta’ materja prima kritika għandha tiġi rikonoxxuta bħala waħda ta’ importanza strateġika.

4.8.

Id-domanda kostanti u prevedibbli tal-UE għal materja prima kritika u strateġika hija kondizzjoni bażika għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali domestiċi u globali u l-ktajjen tal-provvista. Peress li d-domanda għall-materja prima qed tiżdied b’mod kostanti, l-UE għandha wkoll tkompli ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tixtri lokalment u internazzjonalment. L-affidabbiltà u l-prevedibbiltà fil-ktajjen tal-provvista huma indispensabbli għaż-żamma tal-produzzjoni industrijali u l-infrastruttura relatata fl-Istati Membri, iżda huma wkoll prekondizzjoni meħtieġa għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE fir-rigward tal-materja prima kritika.

4.9.

Il-ħtieġa ta’ materja prima kritika u strateġika hija waħda mill-indikaturi li tippermettilna nivvalutaw u nistabbilixxu t-tip ta’ kapaċità ta’ produzzjoni industrijali tal-UE, kif ukoll il-ħtiġijiet ta’ edukazzjoni, u taħriġ, taħriġ mill-ġdid, tagħlim tul il-ħajja u ċertifikazzjoni, li għandna nżommu fl-UE sabiex inlaħħqu mal-kompetizzjoni globali, u biex nevitaw mhux biss id-dipendenza minn ċerta materja prima, iżda wkoll is-subordinazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku.

4.10.

Il-kapaċità teknoloġika u industrijali biex tiġi ssostitwita materja prima kritika hija kkunsidrata essenzjali għat-tisħiħ tar-reżiljenza, iżda mhuwiex possibbli li din tinkiseb fi żmien qasir u mingħajr investiment sinifikanti u kostanti fir-riċerka u l-iżvilupp biex jiġu skoperti materjali ġodda. Meta mqabbla mal-iżviluppi dinamiċi fiċ-Ċina, wieħed jista’ jgħid li r-reżiljenza tal-UE fir-rigward tal-materja prima kritika tista’ tissaħħaħ billi jiġu implimentati proġetti ambizzjużi biex jiġu interkonnessi u modernizzati l-infrastrutturi trans-Ewropej tat-trasport, l-enerġija u l-ICT. Dan kollu jista’ jsir fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku tal-UE, u b’hekk tinżamm domanda għolja biżżejjed għal materja prima bħal din fl-UE, domanda li tistabbilizza l-ktajjen tal-provvista globali, li twassal għal influss ta’ investimenti ġodda, mhux biss fl-industriji li jipproċessaw din il-materja, iżda wkoll fil-programmi tar-R&Ż għas-sostituzzjoni kritika tal-materja prima.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Il-Komunikazzjoni tal-KE tirrappreżenta pass ’il quddiem, billi tipprovdi pjan direzzjonali ċar b’inizjattivi u azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell Ewropew, u għaldaqstant il-KESE jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jappoġġjaw dan l-approċċ għat-titjib tar-Reżiljenza tal-Materja Prima Kritika fil-livell tal-UE.

5.2.

Filwaqt li l-investiment fl-estrazzjoni sostenibbli joħloq il-provvista, l-impjiegi u l-progress ekonomiku, għandu jiżgura wkoll titjib soċjoekonomiku u ambjentali abbażi tar-responsabbiltà soċjali korporattiva. It-tħassib ewlieni huwa kif jista’ jintlaħaq bilanċ bejn il-promozzjoni ta’ estrazzjoni sostenibbli fl-Ewropa u l-iżgurar tal-aċċettazzjoni pubblika. Huwa ta’ importanza kbira li ċ-ċittadini jiġu sensibilizzati.

Il-Patt Ekoloġiku tal-UE, l-għanijiet dwar il-klima tal-2030 u l-2050 u d-domanda għall-materja prima

5.3.

Ekonomija nadifa u ċirkolari twiegħed li tnaqqas id-dipendenza tagħna minn materjali u enerġija importati, biex jitnaqqas l-impatt negattiv tal-UE fuq is-saħħa u l-ambjent, jiġu żviluppati mudelli ekonomiċi futuri u jinħolqu aktar impjiegi lokali. Se tgħin ukoll biex ittejjeb l-awtosuffiċjenza u tindirizza l-kwistjonijiet ta’ reżiljenza esposti mill-COVID-19 fir-rigward tal-ktajjen tal-provvista globali. Il-KESE diġà talab strateġija ċara sabiex l-UE “tkun fuq quddiem nett fid-dinja fl-ekonomija ċirkolari u t-teknoloġiji nodfa. Hija għandha taħdem biex tiddekarbonizza l-industriji intensivi fl-enerġija” (10).

5.4.

Il Komunikazzjoni tal-KE ma ssemmix jew ma tiddiskutix l-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar (11) jew tgħin biex tbiddel il-perċezzjoni li l-industriji tal-estrazzjoni mhuwiex favur l-ambjent. Hemm każijiet fejn dawn huma “favur l-ambjent” permezz ta’ prattiki sostenibbli ta’ estrazzjoni.

5.5.

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li skart mill-estrazzjoni huwa rikk fil-materja prima kritika u jista’ joħloq attivitajiet ekonomiċi ġodda. Madankollu, il-livell ta’ investiment meħtieġ mhuwiex ċar, u l-istess jgħodd għal-livell ta’ aċċettazzjoni pubblika għal azzjoni bħal din. L-opportunitajiet ekonomiċi li jirriżultaw minn materja prima kritika fl-iskart mill-estrazzjoni huma assoċjati mhux biss ma’ siti tal-estrazzjoni tal-faħam iżda wkoll minerali oħra bħall-ħadid, iż-żingu jew in-nikil.

5.6.

Iż-żieda fil-kapaċità tar-riċiklaġġ, l-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-metalli hija essenzjali għall-iżvilupp tat-teknoloġiji ekoloġiċi u nodfa meħtieġa għat-tranżizzjoni lejn l-enerġija ekoloġika u, b’mod usa’, għat-tranżizzjoni industrijali ekoloġika wkoll. L-irkupru ta’ materjali strateġiċi u kritiċi huwa kruċjali, u għalhekk għandhom jintużaw teknoloġiji innovattivi għall-separazzjoni u t-trattament tal-iskart. Iż-żewġ rotot tal-UE għall-forniment domestiku – l-estrazzjoni u l-użu mill-ġdid – għandhom jiġu promossi kif xieraq u appoġġati finanzjarjament.

Il-Lista ta’ Materja Prima Kritika tal-UE – il-metodoloġija tal-valutazzjoni

5.7.

Abbażi tal-iżviluppi teknoloġiċi l-ġodda, għandha ssir reviżjoni kull sentejn tal-lista ta’ materja prima kritika fl-UE. Il-Kummissjoni Ewropea ssemmi l-monitoraġġ tal-azzjonijiet ippreżentati fil-proposta attwali. Fi stadju jew ieħor, huma meħtieġa valutazzjonijiet tal-impatt flimkien mal-possibbiltà li dawn jinbidlu/jiġu rregolati.

5.8.

F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li l-lista ta’ materja prima kritika vvalutata perjodikament hija rilevanti wkoll fil-promozzjoni ta’ forniment sostenibbli u responsabbli. Dawn il-prinċipji għandhom jikkunsidraw il-UDHR (12), il-UNGP (13), inklużi d-drittijiet fundamentali tax-xogħol tal-ILO, id-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol, li tinkludi l-Istandards Fundamentali tax-Xogħol u d-Dikjarazzjoni MNE (14), kif ukoll l-SDGs tan-NU (15).

5.9.

Ir-riskji ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-GVCs (16) jew il-qerda ambjentali fil-pajjiżi produtturi prospettivi għandhom jitqiesu b’mod effettiv fil-metodoloġija tal-valutazzjoni perjodika tal-lista ta’ materja prima kritika. Għalhekk għandhom jinstabu kriterji adatti u dawn għandhom jiġu inklużi fil-metodoloġija ta’ valutazzjoni. Dan huwa ta’ importanza kbira, peress li l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja qed jaħdem fuq direttiva obbligatorja dwar id-diliġenza dovuta li għandha tiġi ppreżentata fl-ewwel nofs tal-2021.

5.10.

Il-materja prima kritika ġeneralment tinftiehem bħala materjal li ġej mis-settur tal-minjieri, iżda dan jinkludi xi ħaġa ferm usa’ minn dak. Pereżempju, il-materjal ibbażat fuq l-injam jista’ jintuża b’mod effiċjenti f’ħafna aktar applikazzjonijiet milli fil-passat: mit-tessuti sa teknoloġiji ġodda tal-batteriji eħfef u aktar ekoloġiċi, dan huwa qasam li qed javvanza b’pass mgħaġġel ħafna. Barra minn hekk, il-bijoekonomija għandha l-possibbiltajiet uniċi li żżid ir-reżiljenza lill-ekonomija tal-UE u l-istabbiltà ġeopolitika għall-kontinent tagħna. L-użu ta’ materjali rinnovabbli fl-istess ħin jgħin ukoll biex jittaffa t-tibdil fil-klima u għandu jippermetti li l-emissjonijiet fossili jinżammu fl-art, u b’hekk tinħoloq reżiljenza ekoloġika għas-setturi fossili.

L-immappjar tal-materja prima tal-UE

5.11.

Il-proposta li tiġi mmappjata l-provvista potenzjali ta’ materja prima kritika sekondarja mill-istokkijiet u l-iskart tal-UE hija azzjoni ewlenija fit-titjib tar-reżiljenza tal-materja prima tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tagħmel dan l-eżerċizzju ta’ mmappjar prijorità u twettqu sa tmiem l-2021 minflok sal-iskadenza tal-2022 attwalment prevista, u b’hekk id-data disponibbli ssir magħrufa sew mill-partijiet ikkonċernati u ċ-ċittadini.

5.12.

Minħabba n-nuqqas attwali ta’ deskrizzjoni ġenerali u informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ materja prima sekondarja fl-UE, it-traċċar ta’ materjali strateġiċi u kritiċi, kemm dak speċifiku għas-settur kif ukoll dak transsettorjali, għandu jitwettaq bħala azzjoni ta’ prijorità, inkluż bl-użu ta’ għodod diġitali u tal-big data.

Estrazzjoni, ħiliet relatati u l-liċenzja soċjali għall-operat

5.13.

L-attivitajiet ta’ estrazzjoni u tħaffir tal-materja prima huma essenzjali f’termini ta’ mitigazzjoni tar-riskju tal-provvista, eż. il-provvista ta’ materjali għall-varar ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju u l-agrikoltura, u ż-żieda tar-reżiljenza tal-ktajjen tal-valur. Is-settur Ewropew tal-minerali jista’ jiżgura d-disponibbiltà ta’ materjali essenzjali meħtieġa għat-teknoloġiji attwali u futuri biex tinħoloq ekonomija newtrali għall-klima, orjentata lejn is-servizzi u l-benessri, ċirkolari u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi filwaqt li tikseb il-materja prima b’mod sostenibbli u responsabbli.

5.14.

Barra minn hekk, l-estrazzjoni fl-Ewropa qed topera bl-ogħla standards ambjentali u soċjali meta mqabbla ma’ pajjiżi mhux tal-UE. L-industrija fl-Ewropa hija impenjata li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima: mhux biss tesplora kontinwament il-metodi tad-dekarbonizzazzjoni sabiex tissodisfa b’mod effiċjenti u effettiv id-domanda dejjem akbar għar-riżorsi, iżda wkoll tippermetti attivitajiet ekonomiċi oħra biex ittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tagħhom.

5.15.

Il-fatt huwa li ftit li xejn hemm eżempji ta’ esportazzjonijiet ta’ materja prima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jwasslu għal żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli li minnu setgħu jibbenefikaw sezzjonijiet wesgħin tal-popolazzjoni. Pjuttost, is-sitwazzjoni spiss tinvolvi sfruttament soċjali u tniġġis ambjentali. Is-soltu huma biss ftit dawk li jibbenefikaw fuq in-naħa rebbieħa, u ħafna drabi dawn ikunu wkoll korporazzjonijiet multinazzjonali.

5.16.

Il-materja prima għandha sservi mhux biss biex tiggarantixxi l-prosperità ekonomika fl-Ewropa, iżda għandha tkun ukoll il-bażi għal żvilupp ekonomiku sostenibbli, jiġifieri kompatibbli soċjalment u ambjentalment, fil-pajjiżi ta’ oriġini. F’dan ir-rigward, l-UE għandha ssir proattiva u tappoġġja b’mod ċar l-isforzi konċepibbli kollha minn kumpaniji li jaqilbu mill-politika preċedenti fejn jiżguraw b’mod unilaterali l-irħas materja prima possibbli għal approċċ ġdid ta’ “sħubija strateġika”. Sħubija strateġika bħal din għandha tqis, b’mod ġust, il-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi u l-interessi kemm tal-pajjiżi fornituri kif ukoll tal-pajjiżi riċevituri tal-materja prima u tappoġġja u tippromovi żvilupp soċjoekonomiku awtodeterminat fil-pajjiżi ta’ oriġini. Bil-ħolqien ta’ “kondizzjonijiet ta’ sħubija”, jista’ jinkiseb livell għoli ta’ fiduċja, durabbiltà, sigurtà u affidabbiltà fir-relazzjonijiet kummerċjali fl-interess komuni u abbażi tar-rispett reċiproku.

5.17.

Dejjem hemm il-ħtieġa li l-problemi ambjentali lokali jitqabblu mal-benefiċċji li proġetti bħal dawn jistgħu jġibu biex jissolvew kwistjonijiet Ewropej u globali usa’ dwar is-CO2, bħal pereżempju d-domanda għal aktar ram. Dan l-ibbilanċjar għandu jkun parti mill-prijoritizzazzjoni tal-proġetti tal-estrazzjoni fl-Ewropa. Din il-prijoritizzazzjoni għandha tinkludi wkoll kunsiderazzjonijiet ekonomiċi reġjonali.

5.18.

Mhuwiex biżżejjed li jkun hemm aċċess għal materja prima, jekk l-UE ma jkollhiex faċilitajiet ta’ pproċessar ta’ teknoloġija għolja. Il-Kummissarju Breton qal li “għall-materja prima kritika, l-għan huwa li l-kapaċità Ewropea ta’ estrazzjoni u rfinar tkun operattiva sal-bidu tad-deċennju li ġej.” Dan mhuwiex ambizzjuż biżżejjed. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-UE tippromovi investiment immedjat u inċentivi regolati komuni għall-investituri. Biex tiġi aċċellerata l-‘awtonomija strateġika’ tal-Ewropa fir-rigward tal-materja prima kritika għandu jiġi kkunsidrat li jinħolqu Sħubija Ewropea jew ta’ IPCEI (proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni). IPCEI bħal dan għandu jkopri l-katina tal-provvista kollha tal-materja prima kritika: b’valutazzjoni tas-sitwazzjoni domestika fir-rigward tas-sorsi minerali, l-estrazzjoni mill-minjieri, l-ipproċessar, ir-raffinar, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid. Tabilħaqq, fir-rigward tal-batteriji, l-istabbiliment ta’ katina ta’ valur domestika kompletament integrata għall-materjali tal-art rari ser ikun ta’ importanza ewlenija biex tinkiseb it-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika.

5.19.

Bħalissa hemm għaddejjin fl-Ewropa erba’ proġetti industrijali ewlenin fl-estrazzjoni u l-ipproċessar sostenibbli, li jammontaw għal kważi EUR 2 biljun. Huma mistennija li jkopru 80 % tal-ħtiġijiet tagħna tal-litju fis-settur tal-batteriji sal-2025. Dawn il-proġetti jistgħu jipprovdu ispirazzjoni f’termini ta’ kopertura ta’ materja prima oħra essenzjali għal ktajjen ta’ valur Ewropej f’ħafna aktar setturi strateġiċi.

5.20.

L-industrija diġà qed tuża l-awtomatizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, it-teknoloġija blockchain u l-intelliġenza artifiċjali, iżda l-użu tal-Programm Copernicus għandu jiġi esplorat, biex jiġu identifikati siti ġodda tal-materja prima u jiġi mmonitorjat l-impatt ambjentali. Barra minn hekk, il-KESE digà rrakkomanda “l-iżvilupp ta’ pjan direzzjonali regolatorju tal-UE li jindirizza l-isfidi maħluqa mit-trasformazzjoni diġitali tas-settur tal-materja prima, li jittratta suġġetti bħaċ-ċibersigurtà, l-intelliġenza artifiċjali, l-awtomatizzazzjoni, il-governanza f’diversi livelli u l-estrazzjoni mill-baħar u l-ispazju” (17).

5.21.

Għandhom jiġu żviluppati metodi ġodda għall-estrazzjoni, l-irkupru u l-produzzjoni. Għandhom jilħqu l-ogħla standards ambjentali u soċjali. L-isfruttament tar-riżorsi fil-landfills tal-UE u r-residwi ta’ skart mill-estrazzjoni fil-minjieri jirrappreżenta sors potenzjali ta’ materja prima kritika. Sadanittant, l-ispeċjalisti ambjentali qed iħeġġu li l-komunitajiet lokali għandhom ikunu involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar siti tal-estrazzjoni futuri.

5.22.

Il-ħiliet ta’ estrazzjoni jistgħu jiġu trasferiti għall-isfruttament tal-metall u l-minerali, possibbilment fl-istess reġjuni. Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta se jgħin lir-reġjuni li jużaw il-faħam u l-karbonju b’mod intensiv, permezz tal-finanzjament tal-infrastruttura sostenibbli disponibbli fl-ambitu ta’ Invest EU. Madankollu, hemm bżonn ta’ żmien u inċentivi għall-investituri, bħalma hija l-leġiżlazzjoni dwar proċeduri ta’ awtorizzazzjoni aktar rapidi (regolament tal-UE jista’ jkun soluzzjoni). L-istandards soċjali, ambjentali u tas-sostenibbiltà huma rekwiżiti ewlenin għall-proġetti futuri kollha tal-UE.

5.23.

Wieħed mill-prerekwiżiti ewlenin għal politiki effettivi dwar il-kontenut lokali rigward il-ħolqien ta’ aktar impjiegi li jkunu aktar ekoloġiċi u mħallsa aħjar f’pajjiżi għonja fil-minerali hija d-disponibbiltà tal-ħiliet u l-kapaċitajiet meħtieġa biex jintlaħqu d-domandi tal-industrija tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ minjiera. Huwa wkoll kruċjali li jiġu żviluppati settijiet ta’ ħiliet ġodda u li dawk eżistenti jiġu adattati biex jirrispondu b’mod rapidu għall-bidliet teknoloġiċi. Studji reċenti kkonfermaw l-impatt probabbli tat-teknoloġiji ġodda fuq in-natura tal-impjiegi, li jenfasizzaw kif, fis-settur tal-estrazzjoni, se jkunu meħtieġa settijiet ta’ ħiliet ġodda mhux biss għal impjiegi ġodda, iżda wkoll għal dawk eżistenti, peress li l-impjiegi operazzjonali attwali x’aktarx ikollhom jadattaw għall-awtomatizzazzjoni. L-għoti ta’ sensji għandu jiġi evitat permezz tad-djalogu soċjali billi l-ħaddiema jitħarrġu mill-ġdid u jiġi żgurat li jkollhom aċċess għall-pożizzjonijiet u l-impjiegi l-ġodda maħluqa minn teknoloġiji ġodda u proċessi ta’ riċiklaġġ.

5.24.

L-edukazzjoni, it-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid u ċ-ċertifikazzjoni huma importanti ħafna, u huwa importanti li dawn iseħħu permezz tad-djalogu soċjali għall-ġejjieni tal-industrija u l-kisba tal-ħiliet meħtieġa tirrikjedi ż-żmien u l-finanzjament. Dixxiplini speċjali bħall-ġeoloġija, il-metallurġija u l-estrazzjoni jistgħu jiġu mgħallma anke fil-livell universitarju.

Investimenti

5.25.

L-esplorazzjoni hija attività ta’ riskju għoli li żżid il-kostijiet kapitali b’mod sinifikanti. It-tnaqqis tar-riskju permezz ta’ garanziji għal self u reġimi ta’ deprezzament jista’ jgħin ħafna lill-investimenti. Inċentivi fiskali oħra jinkludu krediti tat-taxxa u għajnuna mill-Istat. Dawn il-mekkaniżmi jintużaw b’mod wiesa’ fuq livell globali għall-estrazzjoni u l-ipproċessar, iżda mhux fl-UE.

5.26.

Għandha tiġi żviluppata u mfassla sistema effiċjenti ta’ inċentivi finanzjarji sabiex jiġu appoġġjati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi fl-industrija tal-iskart. Barra minn hekk, għandhom jiġu applikati penali għall-abbuż tar-riżorsi prezzjużi tal-iskart.

5.27.

It-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE biex tindirizza b’mod effettiv l-ostakli kummerċjali tariffarji u mhux tariffarji, inkluż fil-qasam tad-dumping u l-akkwist pubbliku, implimentati mill-imsieħba internazzjonali tagħna huwa essenzjali biex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi fil-qasam tal-kummerċ tal-materja prima.

5.28.

Hemm bżonn ta’ investiment sinifikanti fir-R&Ż għall-Ewropa sabiex tinżamm it-tmexxija fil-ktajjen tal-valur mondjali. Huwa importanti li nlaħħqu ma’ setgħat ekonomiċi oħra u dan jeħtieġ il-koordinazzjoni mill-qrib ta’ strumenti taħt politiki differenti, inkluża l-istrateġija industrijali l-ġdida, u l-politika kummerċjali tal-UE. L-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-Investimenti Diretti Barranin qed issir dejjem aktar importanti sabiex jiġu protetti l-ktajjen tal-valur strateġiċi tal-UE.

5.29.

Jeħtieġ li l-UE tagħti attenzjoni speċjali lill-monitoraġġ tas-swieq globali tal-materja prima kif ukoll l-evoluzzjoni ta’ ktajjen strateġiċi tal-provvista. Jeħtieġ li informazzjoni affidabbli u sħiħa tiġi mill-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati kollha permezz ta’ formati standardizzati ta’ data ta’ rapportar.

5.30.

L-investimenti relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika mill-kumpaniji tal-UE fis-settur tal-estrazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ jeħtieġ li jappoġġjaw l-isforzi industrijali biex jinvolvu ruħhom fit-tranżizzjoni u l-progress lejn l-objettivi tan-newtralità klimatika (18). Is-settur għandu jibbenefika minn aċċess faċli għal finanzjament sostenibbli, iżda biss meta l-investimenti ppjanati tiegħu, il-pjani tar-R&Ż u l-proġetti tat-trasformazzjoni industrijali juru biċ-ċar li jaderixxi mal-objettivi tal-klima, tal-impjieg sħiħ u produttiv, tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u tax-xogħol deċenti għal kulħadd. Il-KESE diġà semma f’Opinjoni preċedenti li “t-tkabbir sostenibbli għandu jirreferi għal dimensjonijiet ambjentali, ekonomiċi, soċjali u ta’ governanza f’approċċ ibbilanċjat, globali u komprensiv allinjat mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli kollha u mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, li jistabbilixxi kundizzjonijiet trasversali minimi li ma jistgħux jiġu ssostitwiti.” (19).

5.31.

Barra minn hekk, il-proġetti tal-minjieri li juru l-istess impenji għandhom jiġu appoġġjati u inċentivati fl-oqfsa tal-IPCEI (proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni) u tal-PCI (proġetti ta’ interess komuni) ukoll. L-evalwazzjoni tal-kontribut ta’ tali investimenti u proġetti għandha tiffoka wkoll fuq l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe attività ta’ “greenwashing” jew informazzjoni qarrieqa.

Il-kummerċ u d-dimensjoni internazzjonali

5.32.

Fil-preżent, iċ-Ċina qed tipprovdi 98 % tal-provvista tal-UE ta’ elementi tal-materjali tal-art rari (REE). Deħlin fi żmien ta’ kompetizzjoni ġeopolitika kbira, u għalhekk l-iżvilupp ta’ diplomazija ekonomika effettiva fil-livell tal-UE huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat l-aċċess għal fornituri diversifikati, filwaqt li ninvestu fil-kapaċitajiet ta’ użu mill-ġdid u ta’ riċiklaġġ. F’dan ir-rigward, il-KESE jinsisti li jinħolqu sħubijiet strateġiċi ma’ nazzjonijiet tal-istess fehma f’qafas plurilaterali bħala mod kif jiġi evitat li l-interruzzjonijiet fil-provvista (xi kultant ispirati politikament) joħolqu waqfien fil-ktajjen tal-valur industrijali sofistikati fl-UE.

5.33.

It-tisħiħ tar-rwol tal-euro bħala munita internazzjonali u ta’ referenza huwa vitali fil-prevenzjoni tal-volatilità tal-prezzijiet u fit-tnaqqis tad-dipendenza tal-partijiet ikkonċernati tal-UE md-dollaru Amerikan. Il-KE għandha tfittex modi biex tinkoraġġixxi l-kummerċ ta’ materja prima kritika f’euro, bl-użu tad-diplomazija ekonomika u l-istrumenti tal-politika kummerċjali disponibbli. F’dan ir-rigward, nilqgħu l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar Is-sistema ekonomika u finanzjarja Ewropea: it-trawwim tal-ftuħ, tas-saħħa u tar-reżiljenza (20).

5.34.

L-esportazzjoni ta’ materja prima sekondarja għandha tkun permessa biss meta tagħmel sens f’termini ta’ sostenibbiltà. Madankollu, l-UE għandha taħdem biex tbiddel ir-regoli tal-logħba u tippermetti l-esportazzjoni ta’ skart li jkun fih materjali ta’ valur biss meta dan ikun utli f’termini ta’ sostenibbiltà. B’mod aktar preċiż, l-esportazzjoni ta’ dan it-tip ta’ skart għandha sseħħ biss meta, fid-destinazzjoni, l-istandards ambjentali u soċjali u l-miżuri għall-mitigazzjoni tal-effetti fuq il-klima jkunu ekwivalenti għall-istandards tal-UE.

5.35.

Il-kooperazzjoni internazzjonali fi ħdan l-OECD, in-Nazzjonijiet Uniti, id-WTO u l-G20 għandha tissaħħaħ, filwaqt li titqies is-sostenibbiltà futura tal-industrija u l-interess tal-UE fl-iżgurar ta’ aċċess għal materja prima kritika. L-iżgurar ta’ kondizzjonijiet ekwi ma’ partijiet oħra tad-dinja huwa essenzjali għall-partijiet ikkonċernati Ewropej. L-UE għandha tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi l-ftehimiet kummerċjali u s-sħubijiet strateġiċi, sabiex jinħolqu l-kondizzjonijiet biex jiġu ffaċilitati l-impriżi konġunti tal-UE f’pajjiżi terzi li għandhom ħafna riżorsi, speċjalment mill-Afrika u l-Amerka t’Isfel, filwaqt li dejjem jitqiesu l-provenjenza responsabbli u l-aħjar prattika dwar l-imġiba kummerċjali. L-integrazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-katina tal-provvista tal-UE hija vitali wkoll.

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Pereżempju, Stati Membri differenti japplikaw metodi differenti ta’ klassifikazzjoni biex jivvalutaw jekk il-proprjetajiet tal-iskart humiex perikolużi jew le. Dan joħloq burokrazija żejda – wisq dokumenti; proċessi twal; allinjament ħażin bejn l-awtoritajiet – u piż bla bżonn minħabba l-garanzija finanzjarja assoċjata mal-vjeġġi tal-iskart li tiddependi mill-klassifikazzjoni tal-iskart.

(2)  Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(3)  Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem.

(4)  Dikjarazzjoni Tripartitika dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali.

(5)  Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(6)  It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Materja Prima tal-UE tal-2018.

(7)  Euromines.

(8)  UNEP IRP.

(9)  ĠU C 364, 28.10.2020, p. 108.

(10)  ĠU C 364, 28.10.2020, p. 108

(11)  L-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar għandha l-kompitu li tagħmel l-estrazzjoni minerarja mill-baħar legalment u prattikament possibbli.

(12)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(13)  https://www.ohchr.org/Documents/Publications/GuidingPrinciplesBusinessHR_EN.pdf.

(14)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(15)  Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.

(16)  Ktajjen ta’ Valur Mondjali.

(17)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 37.

(18)  Fir-Rapport McKinsey How the European Union could achieve net-żero emissions at net-żero cost, 3 ta’ Diċembru 2020, jingħad li l-kisba tan-newtralità karbonika tkun teħtieġ investiment stmat ta’ EUR 28 triljun f’teknoloġiji u tekniki nodfa matul it-30 sena li ġejjin. Mill-EUR 5,4 triljun iddedikati għat-teknoloġji nodfa u t-teknika, madwar EUR 1,5 triljun se jiġu investiti fis-settur tal-bini (29 fil-mija), EUR 1,8 triljun se jintużaw għall-enerġija (33 fil-mija), EUR 410 biljun għall-industrija (8 fil-mija), EUR 76 biljun għall-agrikoltura (madwar 1 fil-mija), u EUR 32 biljun fit-trasport (inqas minn 1 fil-mija). Madwar EUR 1,5 triljun (28 fil-mija) jiffinanzjaw l-infrastruttura biex itejbu t-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija fis-setturi kollha.

(19)  Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 73).

(20)  COM(2021) 32 final, 19.1.2021, Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni;

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:52021DC0032


Top