Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0324

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2018

COM/2019/324 final

Brussell, 8.7.2019

COM(2019) 324 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2018

{SWD(2019) 292 final}


WERREJ

1    Introduzzjoni    

2    Operazzjonijiet ta’ assistenza makrofinanzjarja fl-2018    

2.1    Ħarsa ġenerali    

2.2    Operazzjonijiet individwali tal-AMF fil-pajjiżi benefiċjarji fl-2018    

2.2.1    Il-Georgia    

2.2.2    Il-Ġordan    

2.2.3    Il-Moldova    

2.2.4    It-Tuneżija    

2.2.5    L-Ukrajna    

2.3    Ħarsa ġenerali lejn ir-riformi appoġġjati mill-operazzjonijiet tal-AMF    

3    Niżguraw li l-fondi tal-AMF jintużaw b’mod xieraq: valutazzjonijiet operazzjonali, evalwazzjonijiet ex post u awditi    

3.1    Valutazzjonijiet operazzjonali    

3.2    Evalwazzjonijiet ex post    

3.2.1    AMF I u AMF II tal-Ukrajna    

3.2.2    AMF I għall-Ġordan    

3.2.3    AMF tar-Repubblika Kirgiża    

4    Żviluppi Ġenerali RELATATI MAL-istrument tal-AMF    

4.1    Il-funzjonament tal-istrument tal-AMF    

4.2    Żviluppi futuri: L-AMF fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss    

5    Talbiet ġodda għall-assistenza u proposti futuri tal-Kummissjoni — is-sitwazzjoni baġitarja    

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2018

1Introduzzjoni

L-assistenza makrofinanzjarja, jew l-AMF, hija strument finanzjarju tal-UE 1 mfassal biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet finanzjarji esterni eċċezzjonali ta’ pajjiżi li huma ġeografikament, ekonomikament u politikament qrib tal-UE. L-għan ewlieni tagħha hu li ġġib lura l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja fil-pajjiżi kandidati u f’dawk potenzjali u fil-pajjiżi fil-viċinat Ewropew, filwaqt li tinkoraġġixxi l-aġġustament makroekonomiku u r-riformi strutturali. Din tieħu l-forma jew ta’ self, li għalih il-Kummissjoni tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq tal-kapital u mbagħad issellifhom lill-pajjiż benefiċjarju, jew, f’ċerti ċirkostanzi, ta’ għotjiet iffinanzjati mill-baġit tal-UE.

L-AMF tikkomplementa, u tingħata bil-kundizzjoni li jkun jeżisti, programm ta’ aġġustament u ta’ riforma miftiehem mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). Issir ukoll bil-kundizzjoni li jkun hemm rispett għad-drittijiet tal-bniedem u mekkaniżmi demokratiċi effettivi fil-pajjiż benefiċjarju. Din tingħata f’pagamenti parzjali, li jiddependu strettament fuq l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ miżuri ta’ riforma sodi mmirati biex l-ekonomija tal-pajjiż benefiċjarju titreġġa’ lura lejn is-sostenibbiltà fit-tul. B’dan il-mod, l-AMF tikkomplementa l-assistenza ta’ kooperazzjoni regolari tal-UE, u tikkontribwixxi lejn l-għan usa’ tal-preservazzjoni tal-istabbiltà u t-tkattir tal-prosperità lil hinn mill-UE. F’kuntest ta’ instabbiltà makroekonomika u politika persistenti fil-viċinat tal-UE, l-AMF kienet rikonoxxuta b’mod mifrux bħala strument effettiv ta’ reazzjoni għall-kriżijiet, li jippermetti li l-UE tintervjeni b’mod viżibbli u flessibbli u b’influwenza politika konsiderevoli 2 .

Il-volumi ta’ AMF li saru disponibbli għal pajjiżi terzi kiber minn EUR 1,2 biljun bejn l-2000 u l-2008 għal EUR 6,3 biljun bejn l-2009 u l-2018. It-taqlib politiku u ekonomiku fil-pajjiżi sħab Għarab Mediterranji wassal biex żdiedet id-domanda għall-AMF mill-2012, b’operazzjonijiet implimentati fil-Ġordan u fl-Eġittu. Fl-2014, il-kunflitt fil-lvant tal-Ukrajna u d-deterjorament notevoli tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż wasslu għall-appoġġ permezz tal-AMF f’livell bla preċedent. Bejn l-2014 u l-2018, sar disponibbli total ta’ EUR 4,4 biljun lill-Ukrajna taħt erba’ l-operazzjonijiet ta’ AMF, li jirrappreżenta l-ikbar assistenza finanzjarja qatt mogħtija lil pajjiż terz fi żmien tant qasir.

Biex tiġi indirizzata l-instabbiltà ġeopolitika u ekonomika kontinwa tar-reġjun, il-volum massimu ta’ self għas-self AMF żdied minn EUR 0,5 biljuni għal EUR 2 biljuni fis-sena għall-bqija tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020. Il-Kummissjoni pproponiet li żżomm il-volum ta’ EUR 2 biljun f’self fis-sena fil-qafas finanzjarju pluriennali 2021–2027.

Dan ir-rapport annwali tħejja skont l-obbligi ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni kif stipulati f’diversi deċiżjonijiet tal-Kunsill u deċiżjonijiet konġunti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-operazzjonijiet ta’ AMF. Flimkien mar-rapport hemm dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jipprovdi analiżi iktar dettaljata tal-kuntest makroekonomiku kif ukoll tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet individwali ta’ AMF individwali.

2Operazzjonijiet ta’ assistenza makrofinanzjarja fl-2018

2.1Ħarsa ġenerali

Fl-2018 rajna l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li taw assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Georgia u lill-Ukrajna, u sa tmiem is-sena l-Kummissjoni kienet għamlet l-ewwel pagamenti taż-żewġ programmi. Sar ukoll progress fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ AMF li għaddejjin fil-Ġordan u t-Tuneżija (approvati fl-2016) u fil-Moldova (approvati fl-2017). L-iżborżi ta’ dawn il-programmi ta’ AMF madankollu iddewmu għal raġunijiet barra mill-kontroll tal-UE.

L-istatus tal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ AMF kien kif ġej fi tmiem l-2018:

-AMF II għat-Tuneżija: Fis-6 ta’ Lulju 2016, l-UE approvat aktar assistenza makrofinanzjarja għat-Tuneżija (AMF II) sa EUR 500 miljun fil-forma ta’ self 3 li kellu jiġi żborżat fi tliet pagamenti. Il-memorandum ta’ qbil (MtQ) u l-Ftehim dwar faċilità ta’ self (loan facility agreement, LFA) daħlu fis-seħħ f’Awwissu 2017. L-ewwel pagament ta’ EUR 200 miljun tal-programm ta’ AMF II ġie żborżat fil-25 ta’ Ottubru 2017, it-tieni pagament ta’ EUR 150 miljun inħareġ fl-24 ta’ Ġunju 2019 u l-pagament li jmiss huwa mistenni li jsir disponibbli sa tmiem l-2019, dment li l-kundizzjonijiet ta’ politika li fadal jiġu ssodisfati u li l-programm tal-FMI jkompli miexi mal-pjan.

-AMF II għall-Ġordan: Fl-14 ta’ Diċembru 2016, il-koleġiżlaturi adottaw deċiżjoni 4 biex jipprovdu AMF addizzjonali lill-Ġordan (AMF II) sa massimu ta’ EUR 200 miljun, magħmula kollha minn self, bħala segwitu tal-operazzjoni ta’ EUR 180 miljun li tlestiet fl-2015. Il-MtQ bejn l-UE u l-Ġordan ġie ffirmat fid-19 ta’ Settembru 2017. L-assistenza ġiet żborżata f’żewġ pagamenti ta’ EUR 100 miljun li saru f’Ottubru 2017 u f’Ġunju 2019.

-AMF għall-Moldova: Fit-13 ta’ Settembru 2017, il-koleġiżlaturi adottaw deċiżjoni biex jipprovdu AMF lill-Moldova sa EUR 100 miljun, li minnhom sa EUR 40 miljun jingħataw f’forma ta’ għotjiet u sa EUR 60 miljun f’self. Il-MtQ, l-LFA u l-Ftehim ta’ Għotja bejn l-UE u l-Moldova daħlu fis-seħħ f’Jannar 2018. L-assistenza se tiġi żborżata fi tliet pagamenti. Fl-2018, ir-rilaxx tal-ewwel pagament ta’ EUR 30 miljun ġie sospiż minħabba li l-prekundizzjonijiet politiċi ma kinux ġew issodisfati. Dan ġie wara għadd ta’ żviluppi ta’ tħassib, inkluż l-invalidazzjoni tar-riżultati tal-elezzjoni tas-sindku f’Chisinau, li indikaw li d-demokrazija fil-Moldova kienet sejra lura. L-iżborż issa huwa mistenni li jsir tul l-2019 u l-2020, dment li l-prekundizzjonijiet politiċi u l-kundizzjonijiet ta’ politika li fadal jiġu ssodisfati u l-programm tal-FMI jibqa’ miexi skont il-pjan.

-AMF III għall-Georgia: Fit-18 ta’ April 2018, il-koleġiżlaturi adottaw deċiżjoni biex tingħata AMF lill-Georgia (AMF III) sa EUR 45 miljun, li minnhom sa EUR 35 miljun jingħataw fil-forma ta’ self u EUR 10 miljun minnhom f’għotjiet. L-AMF daħal fis-seħħ f’Novembru 2018 wara r-ratifika tad-dokumenti legali mill-parlament Georgjan. L-ewwel pagament ta’ EUR 20 miljun inħareġ f’Diċembru 2018 u l-iżborż tat-tieni pagament ta’ EUR 25 miljun (EUR 20 miljun f’self u EUR 5 miljun f’għotjiet) huwa ppjanat għal nofs l-2019, dment li l-kundizzjonijiet ta’ politika li fadal jiġu ssodisfati u l-progamm tal-FMI jibqa’ miexi skont il-pjan.

-AMF IV għall-Ukrajna: Fid-9 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ressqet proposta biex tipprovdi EUR 1 biljun addizzjonali f’AMF lill-Ukrajna fil-forma ta’ self li għandu jiġi żborżat f’żewġ pagamenti bejn l-2018 u l-2019. Il-koleġiżlaturi adottaw id-deċiżjoni fil-4 ta’ Lulju 2018, u l-AMF daħal fis-seħħ wara li l-parlament Ukren irratifika l-MtQ u l-LFA f’Novembru 2018. L-ewwel pagament ta’ EUR 500 miljun ġie żborżat f’Diċembru 2018, u t-tieni wieħed huwa mistenni li jinħareġ fl-ewwel nofs tal-2019, dment li l-kundizzjonijiet ta’ politika li fadal jiġu ssodisfati u l-programm tal-FMI jibqa’ miexi skont il-pjan.


Fl-2018, ġew approvati total ta’ EUR 1 045 miljun ta’ operazzjonijiet tal-AMF ġodda u ġew żborżati EUR 520 miljun. L-Anness 1A u 1B jagħtu aktar dettalji dwar l-istatus tal-iżborż effettiv skont il-pajjiż u r-reġjun fi tmiem l-2018.

2.2Operazzjonijiet individwali tal-AMF fil-pajjiżi benefiċjarji fl-2018

2.2.1Il-Georgia

Il-Georgia għaddiet minn irkupru sod wara t-tnaqqis fir-ritmu bejn l-2015 u l-2016. Madankollu fadal vulnerabbiltajiet esterni persistenti, b’mod partikolari defiċit fil-kont kurrenti kbir u dejn estern kbir. Dawn il-vulnerabbiltajiet huma amplifikati ulterjorment minn fatturi reġjonali u globali, bħar-riskji assoċjati ma’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali.

Fl-2018, il-PDG reali tal-Georgia huwa stmat li żdied b’ 4,8 %, xprunat mid-domanda kemm domestika kif ukoll esterna. Id-defiċit tal-gvern huwa stmat li tnaqqas minn 3,9 % tal-PDG fl-2017 għal 3,3 % tal-PDG fl-2018 bis-saħħa tat-tkabbir ekonomiku u tal-isforzi ta’ konsolidazzjoni. Dan ippermetta wkoll li l-Georgia tnaqqas xi ftit id-dejn pubbliku tagħha għal 43 % tal-PDG fl-2018, tnaqqis minn 45 % tal-PDG fl-2017. Il-bilanċi tal-pagamenti tal-Georgia baqa’ vulnerabbli, madankollu, minħabba defiċit fil-kont kurrenti li minkejja li qed jonqos għadu kbir (6,7 % tal-PDG fl-ewwel tliet trimestri tal-2018, tnaqqis minn 7,5 % tal-PDG fl-istess perjodu tal-2017) u dejn estern għoli (109 % tal-PDG fl-2018, tnaqqis minn 113 % tal-PDG fl-2017). Ir-riżervi internazzjonali tal-Georgia qed jiżdiedu f’dawn l-aħħar snin, u b’kollox kienu jammontaw għal USD 3,3 biljun fi tmiem l-2018 (3,4 xhur ta’ kopertura tal-importazzjonijiet). Madankollu, il-ħtiġijiet ta’ riżerva wkoll kienu qed jiżdiedu, u bħalissa r-riżervi huma taħt il-livell li l-FMI jqis li huwa adegwat.

F’dan il-kuntest, f’April 2017 Georgia u l-FMI qablu dwar arranġament estiż ta’ tliet snin (2017–2020) ta’ USD 285 miljun taħt il-Faċilità ta’ Fond Estiża (Extended Fund Facility — EFF). Il-programm EFF jinsab fit-triq it-tajba. L-ewwel tliet rieżamijiet tal-programm tlestew kif ippjanat f’Diċembru 2017, Ġunju 2018 u Diċembru 2018. Il-Georgia laħqet il-miri kollha ta’ dawn ir-rieżamijiet. Il-FMI u l-awtoritajiet Georgjani laħqu ftehim fil-livell tal-persunal dwar ir-raba’ rieżami tal-programm f’Mejju 2019. It-tlestija tar-rieżami se tagħmel madwar USD 41,6 miljun disponibbli għall-Georgia. 

Il-Georgia talbet AMF addizzjonali mill-UE 5 f’Ġunju 2017. F’Settembru 2017, il-Kummissjoni ppreżentat proposta lill-koleġiżlaturi tal-UE għal massimu ta’ EUR 45 miljun (EUR 10 miljun f’għotjiet u EUR 35 miljun f’self) f’AMF addizzjonali lill-Georgia. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-deċiżjoni f’April 2018. Il-MtQ, il-Ftehim ta’ Għotja u l-LFA relatati mal-operazzjoni ta’ AMF attwali ġew iffirmati permezz ta’ skambju ta’ ittri f’Awwissu 2018.

Wara d-dħul fis-seħħ tal-MtQ u l-ftehimiet li akkumpanjawh f’Novembru 2018, l-ewwel pagament ta’ EUR 20 miljun (EUR 5 miljun f’għotjiet u EUR 15-il miljun f’self) ġew żborżati lill-Ġeorġja f’Diċembru 2018. Il-pass li jmiss fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ AMF se jkun l-iżborż tat-tieni u l-aħħar pagament ta’ EUR 25 miljun (EUR 5 miljun f’għotjiet u EUR 20 miljun f’self), ippjanat għal nofs l-2019. Flimkien mal-prekundizzjonijiet politiċi u l-progress tajjeb fil-programm tal-FMI, it-tieni pagament se jkun ukoll soġġett għal kundizzjonijiet ta’ politika speċifiċi maqbula bejn il-Georgia u l-UE fil-MtQ. Dawn il-kundizzjonijiet ta’ politika għandhom l-għan li jsaħħu l-ekonomija tal-Georgia fil-ġestjoni finanzjarja pubblika, is-settur finanzjarju, il-politiki soċjali u tas-suq tax-xogħol, u l-ambjent tan-negozju.

2.2.2Il-Ġordan

Il-kriżi Sirjana kompliet ixxekkel l-ekonomija tal-Ġordan u taffettwa l-pożizzjonijiet esterni u fiskali tiegħu. Il-PDG fi prezzijiet kostanti kien stmat li kellu żieda modesta ta’ 2,1 % fl-2018, effettivament l-istess rata mill-2016. It-tkabbir ekonomiku baqa’ ma kienx biżżejjed biex irażżan il-qgħad, li żdied ftit għal 18,7 % fil-Q4 2018 minn 18,5 % fil-Q4 2017 u 15,3 % fl-2016. Id-defiċit baġitarju kumplessiv (inkluż l-għotjiet) naqas għal 2,4 % tal-PDG fl-2018, megħjun minn miżuri fiskali li l-awtoritajiet ħadu fil-bidu tas-sena. Il-pożizzjoni fiskali għadha tiddependi fuq l-għotjiet barranin, li ammontaw għal 3 % tal-PDG fl-2018. Id-dejn pubbliku gross totali tnaqqas bi ftit għal 94 % tal-PDG minn 94,3 % fi tmiem l-2017. Minħabba t-tkabbir baxx u l-kundizzjonijiet esterni sfavorevoli, il-Ġordan għandu bżonn li jattira aktar appoġġ mill-komunità ta’ donaturi internazzjonali u reġjonali biex iżomm id-dejn pubbliku fit-triq tan-niżla. B’mod simili, minkejja l-aġġustament fi snin riċenti, id-defiċit fil-kont kurrenti għadu kbir ħafna (madwar 10,2 % tal-PDG fl-ewwel 9 xhur tal-2018, esklużi għotjiet barranin).

Fl-24 ta’ Awwissu 2016, il-Bord tal-FMI approva programm ta’ EFF ta’ tliet snin ta’ USD 723 miljun (150 % tal-kwota). L-ewwel rieżami tal-programm tal-FMI ġie approvat mill-Bord tal-FMI f’Ġunju 2017. B’riżultat tad-dewmien fl-implimentazzjoni tar-riformi tat-taxxa maqbula, it-tieni rieżami tal-programm ħa aktar żmien milli kien mistenni, u fl-aħħar ġie approvat fis-6 ta’ Mejju 2019 mill-Bord Eżekuttiv tal-FMI.

Fl-14 ta’ Diċembru 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw deċiżjoni dwar it-tieni programm ta’ assistenza makrofinanzjarja (AMF-II) ta’ EUR 200 miljun f’self. Il-programm AMF-II, li jżid mal-EUR 180 miljun tal-AMF-I li ġew żborżati fl-2015, għandu l-għan li jgħin lill-Ġordan biex jaffaċċja il-ħtiġijiet ta’ finanzjament esterni u fiskali akbar tiegħu li huma parzjalment relatati mal-instabbiltà reġjonali, inkluża l-preżenza ta’ għadd kbir ta’ refuġjati Sirjani fil-Ġordan.

Il-MtQ u l-LFA tal-AMF-II ġew iffirmati fid-19 ta’ Settembru 2017. Il-MtQ jistabbilixxi programm ambizzjuż ta’ riforma marbut ma’ kull wieħed miż-żewġ pagamenti parzjali li għandhom jiġu żborżati taħt l-AMF. Il-kundizzjonijiet jinkludu riformi biex (i) jagħmlu s-sistema fiskali aktar trasparenti u jiżdied il-ġbir tat-taxxa, (ii) tissaħħaħ il-ġestjoni finanzjarja pubblika, ix-xibka ta’ sikurezza soċjali u s-suq tax-xogħol, (iii) jiġu ffaċilitati l-investiment u l-kummerċ u (iv) tittejjeb il-prestazzjoni tas-settur tal-ilma.

Il-Kummissjoni ħarġet l-ewwel pagament ta’ EUR 100 miljun fil-25 ta’ Ottubru 2017. It-tieni u l-aħħar pagament ta’ EUR 100 miljun ġie żborżat f’Ġunju 2019.

2.2.3Il-Moldova

Il-Moldova għaddiet minn perjodu relattivament stabbli fl-aħħar snin hija u kompliet tirkupra mill-kriżi bankarja tal-2014 u l-2015. It-tkabbir ekonomiku, mirfud mill-irkupru tal-investiment u tkabbir b’saħħtu fil-kummerċ domestiku, l-industrija u l-kostruzzjoni, kien ta’ 4,0 % fl-2018 (tnaqqis minn 4,7 % fl-2017). Il-prestazzjoni ekonomika hija mistennija li tibqa’ soda fit-terminu medju, bi tkabbir stabbli, inflazzjoni moderata u qagħda fiskali soda.

Fl-2018, l-inflazzjoni annwali kienet baxxa u niżlet sa 0.9 % f’xi punti (taħt fil-mira ta’ 5 % ± 1,5 punt perċentwali) minħabba l-effett ikkombinat tal-prezzijiet irregolati u l-apprezzament qawwi tal-munita. Fit-terminu medju, l-inflazzjoni hija mistennija li timxi lejn il-parti l-baxxa tal-kuritur fil-mira. Is-sitwazzjoni fiskali kienet qed titjieb b’mod sinifikanti fl-aħħar snin. Id-defiċit fiskali ta’ 0,9 % tal-PDG għall-2018 kien ferm taħt il-mira ta’ 2,9 % tal-PDG, wara prestazzjoni tad-dħul aħjar milli mistenni, u dewmien fl-infiq.

Id-defiċit fil-kont kurrenti kompla jikber fl-2018 għal 10,5 % tal-PDG minħabba t-tkabbir f’importazzjonijiet mhux tal-enerġija motivati minn irkupru fid-domanda domestika. L-esportazzjonijiet, b’mod partikolari lejn l-UE wara d-dħul tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv, ukoll qed juru tkabbir qawwi. Ir-remissi reġgħu qabdu r-ritmu fl-aħħar snin, iżda għadhom taħt il-livelli tal-2014.

Wara l-kriżi tal-2014, il-Moldova talbet appoġġ mill-FMI, u l-ftehim ECF/EFF ta’ tliet snin ta’ USD 183 miljun ġie approvat mill-FMI f’Novembru 2016. Wara li lesta t-tielet rieżami tal-programm f’Lulju 2018, il-FMI kkonferma li b’mod ġenerali l-programm ġeneralment jinsab fit-triq it-tajba. Madankollu, wara l-introduzzjoni ta’ pakkett ta’ riformi tal-politika fiskali f’Lulju 2018, ġie espress tħassib, b’mod partikolari b’rabta ma’ amnestija fiskali u tal-kapital. Il-FMI jqis li huma meħtieġa miżuri addizzjonali biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-governanza u dwar it-taxxa li din il-liġi tqajjem. Ir-raba’ rieżami tal-programm ġie pospost sakemm jiġi ffurmat il-gvern il-ġdid.

F’Settembru 2017, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw deċiżjoni biex jagħtu AMF lill-Moldova. MtQ mal-awtoritajiet Moldovani li jindika sett ta’ kundizzjonijiet ta’ politika ekonomika ġie ffirmat fi Brussell f’Novembru 2017, u daħal fis-seħħ f’Jannar 2018. Il-MtQ jinkludi 28 kundizzjoni ta’ politika li jiffukaw fuq ħames oqsma ta’ riforma: il-governanza tas-settur pubbliku, il-governanza u s-superviżjoni tas-settur finanzjarju, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, ir-riformi fis-settur tal-enerġija u t-titjib tal-klima kummerċjali, u l-implimentazzjoni tad-DCFTA.

F’Ġunju 2018, ir-rilaxx tal-ewwel pagament AMF minn tlieta ta’ EUR 30 miljun (li minnhom EUR 20 miljun huma self, u EUR 10 miljun huma għotjiet) ġie sospiż. Dan sar minħabba li l-prekundizzjonijiet ta’ politika ma ġewx issodisfati, wara għadd ta’ żviluppi ta’ tħassib, inkluż l-invalidazzjoni tar-riżultati tal-elezzjoni tas-sindku f’Chisinau, li indikaw li d-demokrazija fil-Moldova kienet sejra lura. Għall-istess raġuni, il-pagamenti lill-Moldova taħt l-Istrument tal-Appoġġ Baġitarju Dirett ukoll ġew sospiżi fl-2018. L-UE appellat biex l-elezzjonijiet parlamentari li saru fi Frar 2019 isiru b’mod kredibbli, inklużiv u trasparenti, u biex il-formazzjoni u l-programm tal-gvern il-ġdid ikunu jirrappreżenta r-riżultati tal-elezzjonijiet. L-iżborż tal-ewwel pagament ta’ AMF se jibqa’ sospiż sakemm jitqies li l-prekundizjonnijiet politiċi jkunu ssodisfati. L-UE hija impenjata li taħdem ma’ dawk li fir-Repubblika tal-Moldova jappoġġaw il-proċess ta’ riforma li huwa fil-qalba tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tagħna, b’mod partikolari rigward il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-iżgurar tal-indipendenza tal-ġudikatura u d-depolitiċizzazzjoni tal-istituzzjonijiet statali.

2.2.4It-Tuneżija

It-Tuneżija għaddiet minn tnaqqis imdewwem fir-ritmu ekonomiku tul l-aħħar tmien snin minħabba t-tranżizzjoni politika u ekonomika kumplessa li seħħet wara r-revoluzzjoni u l-bidla fir-reġim fl-2011. Il-pajjiż huwa wkoll affettwat mill-instabbiltà u l-kunflitt fir-reġjun (b’mod partikolari fil-Libja). Għadd ta’ attakki terroristiċi fl-2015 ipparalizzaw is-settur tat-turiżmu tal-pajjiż temporanjament.

L-ekonomija Tuneżina esperjenzat titjib żgħir fl-2018 fejn it-tkabbir tal-PDG kien stmat għal 2,5 % kumplessivament, wara espansjoni ta’ 1,9 % fl-2017 u tkabbir ta’ kważi xejn fl-2015 u l-2016. Il-qgħad qiegħed stabbli f’15,5 %, u f’Ġunju 2018 l-inflazzjoni laħqet 7,8 %, l-ogħla livell f’deċennju, biex imbagħad l-inflazzjoni fi tmiem is-sena kienet ta’ 7,5 %. L-irkupru tat-turiżmu u prestazzjoni tajba fl-esportazzjoni ġew kompletament imxejna miż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt u d-deprezzament tad-Dinar Tuneżin, biex id-defiċit fil-kont kurrenti tela għal 11,2 % tal-PDG fi tmiem l-2018 (imqabbel ma’ 10,2 % fi tmiem l-2017). Id-dejn estern huwa mistenni li se jkun laħaq 85 % kumplessivament fl-2018. Ir-riżervi internazzjonali laħqu l-aktar livell baxx ta’ 69 jum ta’ importazzjonijiet f’Settembru, biex imbagħad żdiedu marġinalment għal madwar 80 jum ta’ importazzjonijiet aktar tard fis-sena wara l-ħruġ ta’ bonds internazzjonali u l-iżborż ta’ self minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Id-defiċit fiskali fl-2018 ġie stmat għal madwar 5,3 %, li qabeż il-mira inizjali antiċipata mill-awtoritajiet ta’ 4,9 %, filwaqt li d-dejn pubbliku huwa mistenni li jkun laħaq madwar 72 % tal-PDG.

It-Tuneżija l-ewwel daħlet f’Arranġament ta’ Riżerva ta’ USD 1,75 biljun mal-FHMI f’Ġunju 2013. L-arranġament intemm f’Diċembru 2015. F’Mejju 2016, il-Bord tal-FMI approva programm EFF ta’ 48 xahar għat-Tuneżija ta’ USD 2,9 biljun (375 % tal-kwota) biex jappoġġa l-programm ta’ riforma ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż. Sa issa, madwar USD 1,5 biljun ġew żborżati wara l-approvazzjoni tal-programm (Ġunju 2016) u l-ewwel erba’ rieżamijiet tal-programm (Ġunju 2017, Marzu 2018, Lulju 2018 u Settembru 2018). Il-FMI u l-awtoritajiet Tuneżini laħqu ftehim fil-livell tal-persunal dwar il-ħames rieżami tal-programm f’April 2019. It-Tuneżija se tibbenefika mis-sitt żborż ta’ USD 247 miljun wara l-approvazzjoni mill-Bord Eżekuttiv tal-FMI tat-12 ta’ Ġunju 2019.

L-UE pprovdiet lit-Tuneżija bl-ewwel operazzjoni AMF (AMF I) ta’ EUR 300 miljun f’self bejn l-2014 u l-2017. It-tieni operazzjoni AMF (AMF II) intalbet mill-awtoritajiet Tuneżini f’Awwissu 2015, approvata mill-koleġiżlaturi f’Lulju 2016, u varata f’Ottubru 2017, bl-ewwel żborż ta’ EUR 200 miljun (minn EUR 500 miljun f’self b’kollox). It-tieni u t-tielet pagamenti (EUR 150 miljun ’il wieħed) huma kundizzjonali fuq l-implimentazzjoni ta’ għadd ta’ miżuri ekonomiċi u ta’ politika soċjali li għandhom il-mira li jtejbu l-effiċjenza u l-ġustizzja tas-sistema fiskali, isaħħu s-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż, irawmu l-impjiegi u jħeġġu l-investiment tas-settur privat. Sussegwentement, it-tieni pagament sar f’Ġunju 2019 u t-tielet pagament huwa mistenni li jinħareġ sa tmiem l-2019.

2.2.5L-Ukrajna

L-ekonomija Ukrena reġgħet lura għat-tkabbir wara r-reċessjoni profonda fl-2014 u l-2015. It-tkabbir tal-PDG fi prezzijiet kostanti fl-2018 huwa stmat għal 3,2 sa 3.3 %. L-inflazzjoni battiet minn 13,7 % f’Diċembru 2017 għal 9,8 % f’Diċembru 2018, prinċipalment minħabba l-politika monetarja restrittiva tal-bank ċentrali. Il-bilanċ tal-kont kurrenti Ukren kiber fl-2018 għal 3,6 % tal-PDG, xprunat minn importazzjonijiet u pagamenti tal-imgħax li żdiedu malajr, li kienu kontrobilanċjati parzjalment minn rimessi li qed jiżdiedu minn Ukreni li jaħdmu barra mill-pajjiż. Il-finanzi pubbliċi ġew ikkonsolidati f’dawn l-aħħar snin: id-defiċit tal-gvern ġenerali fl-2018 kien ta’ 2 % tal-PDG, u l-proporzjon tad-dejn pubbliku niżel għal 61 % tal-PDG fi tmiem is-sena. Madankollu, ir-ripagament tad-dejn pubbliku għadha l-isfida ewlenija fit-terminu qasir għall-ekonomija Ukrena.

Bejn l-2014 u l-2017, l-UE żborżat total ta’ EUR 2,8 biljun permezz ta’ tliet programmi AMF konsekuttivi għall-Ukrajna fil-forma ta’ self b’imgħax baxx. L-aħħar pagament tat-tielet programm ta’ AMF tħassar f’Jannar 2018 minħabba li l-Ukrajna ma kinitx issodisfat il-kundizzjonijiet kollha qabel skada l-programm. Wara talba ġdida min-naħa tal-awtoritajiet Ukreni, il-Kummissjoni pproponiet ir-raba programm ta’ AMF ta’ massimu ta’ EUR 1 biljun f’Marzu 2018, minħabba li l-Ukrajna ssodisfat il-kriterji ekonomiċi u politiċi meħtieġa biex tibbenefika minn programm tal-AMF, inkluż l-eżistenza ta’ diskrepanza fil-finanzjament estern u sfida għar-ripagament tad-dejn pubbliku. Tqies ukoll li AMF ġdida sservi ta’ inċentiv biex l-Ukrajna żżomm ir-rankatura ta’ riforma li qabdet, minħabba li l-iżborżi huma marbutin mal-implimentazzjoni tar-riformi.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw din il-propost f’Lulju 2018. Il-Kummissjoni u l-Ukrajna ffirmaw il-MtQ li jistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ politika speċifiċi għall-programm ta’ AMF u l-LFA f’Settembru 2018. L-ewwel żborż ta’ EUR 500 miljun sar f’Diċembru 2018 wara li l-Ukrajna ssodisfat il-kundizzjonijiet ta’ politika, li koprew il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ġestjoni finanzjarja pubblika, il-governanza tal-kumpaniji tal-istat u l-privatizzazzjoni ta’ kumpaniji iżgħar. It-tieni pagament (EUR 500 miljun ulterjuri) huwa mistenni li jinħareġ fl-2019, jekk il-kundizzjonijiet rilevanti jiġu ssodisfati.

L-appoġġ tal-UE lill-Ukraina huwa parti integrali mill-pakkett finanzjarju internazzjonali. B’mod parallel għall-programm ta’ AMF tal-UE l-ġdid, il-FMI nnegozja, u lejn l-aħħar tal-2018 iffirma, programm ġdid (arranġament ta’ riżerva ta’ 14-il xahar) ta’ USD 3,9 biljun għall-Ukrajna, soġġett għal għadd ta’ kundizzjonijiet. L-ewwel żborż ta’ USD 1,4 biljun sar f’Diċembru 2018. Fl-istess ħin, il-Bank Dinji approva garanzija bbażata fuq il-politika li se tippermetti lill-Ukrajna tissellef sa massimu ta’ USD 1 biljun fis-swieq internazzjonali. Minn dan l-ammont, l-Ukrajna ġabret USD 400 miljun f’Diċembru 2018.

2.3Ħarsa ġenerali lejn ir-riformi appoġġjati mill-operazzjonijiet tal-AMF

Il-kriterji tar-riforma strutturali fil-MtQ jindikaw liema miżuri l-pajjiż benefiċjarju jeħtieġ jieħu biex isaħħaħ l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja tiegħu u biex jagħmel il-bilanċ tal-pożizzjoni tal-pagamenti tiegħu aktar sostenibbli.

Għall-programmi tal-AMF implimentati fl-2018, il-kundizzjonijiet miftiehma kienu jvarjaw fl-għadd u t-tip għal pajjiżi ġirien fil-lvant u fin-nofsinhar. Fil-viċinat tal-lvant, l-aktar kundizzjonijiet frekwenti kienu jirrigwardaw it-titjib tal-governanza tas-settur pubbliku, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, u t-titjib tal-klima kummerċjali. Fil-pajjiżi tal-viċinat tan-nofsinhar kien hemm anqas kundizzjonijiet tal-MtQ, u kellhom tendenza li jiffokaw fuq il-governanza tas-settur pubbliku u fuq il-protezzjoni soċjali, ix-xibka tas-sikurezza soċjali, s-suq tax-xogħol. It-Tabella 1 tagħti aktar dettalji.

Tabella 1: Ħarsa kumplessiva lejn ir-riformi appoġġati minn operazzjonijiet tal-AMF li hemm għaddejjin [iċ-ċifri jirreferu għall-għadd ta’ kundizzjonijiet]

 

Il-governanza tas-settur pubbliku

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus

Is-settur tal-enerġija

Il-klima kummerċjali

Is-settur finanzjarju

Ix-xibka tas-sikurezza soċjali u s-suq tax-xogħol

Oħrajn

It-Tuneżija II

5

0

0

2

1

6

1

Il-Ġordan II

6

0

0

0

0

4

1

Il-Moldova

5

6

5

7

5

0

0

Il-Georgia III

3

0

0

3

2

3

0

L-Ukrajna IV

4

6

1

2

2

3

0

Viċinat tan-Nofsinhar

11

0

0

2

1

10

2

Il-viċinat tal-Lvant

12

12

6

12

9

6

0

3Niżguraw li l-fondi tal-AMF jintużaw b’mod xieraq: valutazzjonijiet operazzjonali, evalwazzjonijiet ex post u awditi

3.1Valutazzjonijiet operazzjonali

F’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju tal-UE, il-Kummissjoni, bl-għajnuna ta’ konsulenti esterni, twettaq valutazzjonijiet operazzjonali bil-għan li tikseb aċċertamenti raġonevoli dwar il-funzjonament tal-proċeduri amministrattivi u taċ-ċirkwiti finanzjarji fil-pajjiżi benefiċjarji.

Il-valutazzjonijiet operazzjonali jiffukaw fuq is-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, b’mod partikolari fuq kif inhuma organizzati l-ministeri għall-finanzi u l-banek ċentrali u liema proċeduri jimplimentaw u, b’mod aktar speċifiku, kif jiġu ġestiti l-kontijiet li jirċievu fondi tal-UE. Tingħata wkoll attenzjoni speċjali għall-funzjonament, l-indipendenza u l-programmi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-awditjar esterni, u kemm huma effettivi l-kontrolli tagħhom. Jiġu eżaminati wkoll il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti fil-livell ċentrali.

Fl-2018, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni operazzjonali tal-Ukrajna, bi tħejjija għall-operazzjoni ta’ AMF il-ġdida. Il-valutazzjoni tlestiet f’Settembru 2018, u kkonkludiet li l-proċeduri fl-Ukrajna jipprovdu biżżejjed garanziji biex jippermettu lill-operazzjoni tal-AMF ippjanata ssir. Il-valutazzjoni operazzjonali li tippreċedi l-operazzjoni ta’ AMF il-ġdida fil-Georgia, li saret f’Settembru 2017, ikkonkludiet li minkejja li għad fadal xi dgħufijiet, l-istatus attwali taċ-ċirkwiti amministrattivi u finanzjarji tal-Georgia huma adegwati għall-ġestjoni ta’ operazzjoni ta’ AMF.

3.2Evalwazzjonijiet ex post

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju tal-UE u d-deċiżjonijiet korrispondenti ta’ AMF, il-Kummissjoni twettaq evalwazzjonijiet ex post 6 wara t-tlestija tal-programmi tal-AMF sabiex tivvaluta l-impatt tagħhom. L-għanijiet ewlenin ta’ dawn l-evalwazzjonijiet huma:

I.li jiġi analizzat l-impatt fuq l-ekonomija tal-pajjiż benefiċjarju u b’mod partikolari fuq is-sostenibbiltà tal-pożizzjoni esterna tiegħu;

II.li jiġi vvalutat il-valur miżjud tal-intervent tal-UE.

Id-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjonijiet ex post tal-operazzjonijiet tal-AMF I u tal-AMF II għall-Ukrajna u l-operazzjoni tal-AMF I għall-Ġordan tlestew u ġew ippubblikati f’Awwissu 2018. Fl-2018, il-Kummissjoni tat bidu wkoll għall-evalwazzjoni ex post għall-operazzjoni ta’ AMF ipprovduta lir-Repubblika Kirgiża fl-2015–2016. Ir-rapport tal-kuntratturi esterni tlesta fi Frar 2019, u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, li tħejja mid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, se jitlesta u jiġi ppubblikat sa nofs l-2019.

Fl-aħħar, fl-2018, il-Kummissjoni bdiet ukoll l-evalwazzjonijiet ex post tal-operazzjonijiet ta’ AMF fil-Georgia II u t-Tuneżija I. Ir-rapporti tal-kuntratturi esterni dwar dawn l-evalwazzjonijiet ex post u d-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjawhom huma mistennija li jiġu ffinalizzati u ppubblikati matul l-2019.

3.2.1AMF I u AMF II tal-Ukrajna

L-evalwazzjoni ex post tal-operazzjonijiet AMF I u II fl-Ukrajna 7 kkonkludew li l-valur miżjud ewlieni taż-żewġ programmi kien il-mobilizzazzjoni ta’ assistenza finanzjarja sinifikanti, meħtieġa urġentement mill-pajjiż, b’ħeffa u fuq skala li ma setgħetx tiġi replikata mill-Istati Membri individwali.

L-assistenza makrofinanzjarja kienet ta’ importanza kritika biex tiġi evitata reċessjoni ulterjuri, u fl-aħħar mill-aħħar wittiet it-triq għall-istabilizzazzjoni ekonomika tal-Ukrajna, inkluż billi ppromoviet riformi strutturali importanti fil-ġestjoni finanzjarja pubblika, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-politika dwar l-enerġija, ir-ristrutturar tas-settur finanzjarju, u l-politika soċjali. Il-programmi AMF żiedu wkoll il-valur permezz tas-sinjal li taw lill-popolazzjoni u lis-soċjetà ċivili, kif ukoll billi żiedu l-fiduċja tas-settur privat. L-operazzjonijiet, kemm direttament kif ukoll indirettament, għenu biex titjieb is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku Ukren, minħabba l-maturità itwal u r-rati tal-imgħax aktar baxxi tal-AMF. L-operazzjonijiet servew ta’ katalizzatur għal appoġġ ta’ donaturi bilaterali addizzjonali u żiedu l-fiduċja tal-investituri. L-AMF kellha wkoll impatt soċjali pożittiv fl-Ukrajna billi saħħaħ ix-xibka ta’ sikurezza soċjali, u b’mod aktar ġenerali, billi rażżnet il-kriżi u b’hekk ipprevjeniet li l-qgħad ikompli jikber u aktar telf fid-dħul tal-unitajiet domestiċi.

B’mod ġenerali, ġie konstatat li din l-operazzjoni ta’ AMF kienet kompletament allinjata mal-prinċipji ewlenin u l-miżuri meħuda fl-azzjonijiet esterni tal-UE fir-rigward tal-Ukrajna. Skont l-evalwazzjoni, il-viżibilità pubblika u l-kuxjenza dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi marbutin mal-programmi ta’ AMF jistgħu jittejbu.

3.2.2AMF I għall-Ġordan 

L-evalwazzjoni ex post 8 ikkonkludiet li l-programm kien rilevanti għall-isfidi ekonomiċi tal-Ġordan u kien jimxi mal-prijoritajiet tal-UE. Huwa għen lill-pajjiż jindirizza ħtiġijiet immedjati ta’ finanzjament estern u fiskali, u għen biex isostni l-istabbiltà ekonomika billi jindirizza dgħufijiet strutturali. Wera wkoll li l-AMF I kien effettiv biex jikseb l-għanijiet tiegħu: meta tlesta l-programm, id-defiċits tal-kont kurrenti u fiskali kienu ferm iżgħar, filwaqt li r-riżervi barranin kienu riforniti, li għenu biex il-pożizzjoni esterna u fiskali tal-Ġordan tiġi stabbilizzata. Madankollu, minkejja dawn ir-riżultati, fl-2016 il-pajjiż fittex programmi ġodda tal-FMI u ta’ AMF u applika wkoll għand kredituri oħrajn biex ikopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament esterni tiegħu, li kibru wara li fl-2016 il-kunflitti fis-Sirja u l-Iraq eskalaw u minħabba li l-kriżi tar-refuġjati baqgħet għaddejja. 

L-operazzjoni AMF I kienet implimentata b’mod effiċjenti u b’koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Ġordanjani, il-FMI u l-Bank Dinji, li ppermettew lill-UE li tuża l-għarfien espert tal-istituzzjonijiet imsieħba. Instab ukoll li l-operazzjoni kienet konsistenti ma’ politiki jew strumenti oħra tal-UE, partikolarment l-Istrument ta’ Appoġġ għall-Baġit. Ipprovdiet valur miżjud għall-UE, minħabba li ppermettiet lil pajjiż tal-Viċinat Ewropew b’importanza ġeopolitika li qed tikber biex jindirizza b’mod ordnat kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali pressanti bħall-flussi tar-refuġjati. Minħabba l-maturità itwal u r-rati tal-imgħax aktar baxxi, l-AMF I għamlet kontribuzzjoni ċara għas-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku tal-Ġordan u saħħet il-fiduċja fl-ekonomija tal-pajjiż.

L-evalwazzjoni indikat li l-programm AMF I kellu impatt soċjali pożittiv. Għen biex jippreżerva l-istabbiltà makroekonomika u appoġġa l-munita tal-Ġordan u r-irbit tagħha mad-Dollaru Amerikan, biex b’hekk ġie protett l-istandard tal-għajxien tal-Ġordanjani. Saħħaħ ukoll ix-xibka ta’ sikurezza soċjali u ħares dawk l-aktar vulnerabbli mill-impatt tal-abolizzjoni tas-sussidji tal-enerġija.

L-evalwazzjoni indikat ukoll il-ħtieġa għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-awtoritajiet, u gwida ulterjuri dwar kwistjonijiet operazzjonali biex jiġi eliminat ir-riskju ta’ dewmien. F’dan il-kuntest, u jekk il-pajjiż jitlob dan, l-għoti ta’ assistenza teknika biex tiġi ffaċilitata u l-implimentazzjoni tar-riformi tiġi ggwidata b’mod aktar effettiv tkun ħaġa ta’ min jixtieqha. Finalment, il-viżibilità u l-perċezzjoni pubblika ta’ dan l-intervent tal-UE jistgħu jittejbu permezz ta’ sforzi proattivi biex issir komunikazzjoni ma’ udjenza akbar dwar il-benefiċċji potenzjali tar-riformi speċifiċi appoġġati permezz tal-programm ta’ AMF.

3.2.3AMF tar-Repubblika Kirgiża

L-evalwazzjoni ex post, li saret minn kuntratturi esterni, tal-AMF eċċezzjonali tal-UE lir-Repubblika Kirgiża fl-2015 u l-2016 ikkonkludiet li l-AMF tal-UE kollox ma’ kollox kienet rilevanti, koerenti, effettiva u implimentata b’mod effiċjenti.

Il-valur miżjud tal-UE deher l-aktar fil-promozzjoni msaħħa ta’ riformi strutturali f’diversi oqsma ta’ prijorità. Il-kundizzjonijiet tal-AMF ġeneralment kienu jikkomplementaw il-bosta azzjonijiet li diġà saru minn donaturi internazzjonali ewlenin bħall-FMI, li saħħew ir-raġunament għal ċerti miżuri ta’ aġġustament u l-ħtieġa biex ir-riformi f’setturi speċifiċi jiġu avvanzati bil-ħeffa. Instab ukoll li l-operazzjoni ta’ AMF kienet koerenti ma’ azzjonijiet esterni oħrajn tal-UE favuri il-Kirgiżistan, inklużi programmi ta’ appoġġ baġitarju. Hija serviet ukoll għanijiet politiċi importanti fil-kuntest tal-Kirgiżistan, u l-iżborż innifsu tal-AMF aktarx li kellu impatt pożittiv sinifikanti fuq ir-relazzjonijiet politiċi bilaterali. Ir-rapport jikkonkludi li d-daqs u l-forma tal-assistenza kienu adegwati. Attribut importanti tal-AMF tal-UE meta mqabbel ma’ sorsi alternattivi ta’ finanzjament huwa t-termini ferm konċessjonarji tagħha, li jinvolvu element ta’ għotja u self b’maturità kbira u rati tal-imgħax baxxi ħafna. Finalment, ir-rapport jirrikonoxxi li minkejja li l-operazzjoni ta’ AMF ma kinitx imfassla biex tippromwovi r-riforma soċjali direttament, hija tat lill-UE (aktar) influwenza biex tipprevjeni l-promulgazzjoni ta’ diversi liġijiet kontestati, b’mod partikolari l-liġijiet kontra l-LGBTI u dwar “aġenti barranin”.

Fl-istess waqt, ir-rapport jargumenta li l-karatteristika ta’ proċess ta’ negozjar twil ta’ dan l-istrument ta’ AMF 9 ittardja l-iżborżi u aktarx naqqas il-valur miżjud tal-UE. Huwa maħsub li dan id-dewmien affettwa ħażin kemm l-operazzjoni kien hemm kuxjenza dwarha u kemm kellha viżibilità. Madankollu, it-twaqqit tal-iżborżi bejn Ġunju 2015 u April 2016 xorta kien rilevanti, minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi affaċċjati mir-Repubblika Kirgiża fil-waqt, b’konsegwenza tal-kriżi Russa.

4Żviluppi Ġenerali RELATATI MAL-istrument tal-AMF

4.1Il-funzjonament tal-istrument tal-AMF

Id-Dikjarazzjoni Konġunta 2013 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-AMF 10 tippreżenta l-assistenza bħala waħda ta’ natura makroekonomika u finanzjarja u tiddikjara b’mod ċar li għandha l-għan li “timmira lejn ir-ristabbiliment tas-sostenibilità tas-sitwazzjoni finanzjarja esterna tal-pajjiżi u tat-territorji eleġibbli li jinsabu quddiem diffikultajiet ta’ finanzjament esterni. Għandha tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ politika li jkun fih miżuri ta’ aġġustament u ta’ riforma strutturali b’saħħithom intiżi li jtejbu s-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti, partikolarment fil-perjodu ta’ applikazzjoni tal-programm, u jsaħħu l-implimentazzjoni tal-ftehimiet u tal-programmi rilevanti mal-Unjoni”.

F’konformità mal-prinċipju 6(a) tal-istess Dikjarazzjoni Konġunta, “il-konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun subordinata għar-rispett min-naħa tal-pajjiż jew tat-territorju eliġibbli ta’ mekkaniżmi demokratiċi effikaċi, inklużi sistema parlamentari multipartitika u l-istat tad-dritt, kif ukoll għall-garanziji tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem”. Matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-operazzjoni tal-AMF, il-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, timmonitorja t-twettiq ta’ dawn il-prekundizzjonijiet politiċi, u kull żborż jiddependi mill-issodisfar tagħhom.

Fl-2018, bħala parti mill-proċess leġiżlattiv għall-proposti l-ġodda għall-AMF III tal-Georgia u l-AMF IV tal-Ukrajna (u tul il-proċess tal-approvazzjoni għall-proposta għall-Moldova fl-2017), il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Barranin (AFET) ippropona għadd ta’ emendi għall-proposta tal-Kummissjoni li wasslu għal proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet aktar fit-tul kemm għall-Georgia kif ukoll għall-Ukrajna. Din it-tendenza li jiġu introdotti emendi għall-mudell miftiehem tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-2013 tista’ tipperikola l-għan ewlieni tal-AMF, li huwa li jagħti appoġġ għall-bilanċ tal-pagamenti f’sitwazzjoni ta’ kriżi meta l-aktar ikun meħtieġ (ħaġa li qalet ukoll il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) fir-rapport speċjali tagħha dwar l-assistenza tal-UE lit-Tuneżija fl-2016).

B’segwitu għall-konstatazzjonijiet tal-QEA, il-Kummissjoni, bħal fi snin preċedenti, kompliet taħdem mal-koleġiżlaturi biex tesplora modi biex il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet attwali aktar effettiv u effiċjenti.

Il-Kummissjoni tqis li huwa importanti li l-istituzzjonijiet kollha jkomplu jimxu mal-prinċipji u t-testi legali stabbiliti bbażati fuq id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-AMF.

Fl-2018, il-Kummissjoni baqgħet impenjata bis-sħiħ li tagħti effett prattiku lill-prinċipju ta’ trattament indaqs tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea billi qasmet informazzjoni dwar l-AMF mal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (il-Kumitat INTA) taħt l-arranġament ta’ skambju ta’ informazzjoni tal-2017 bejn l-INTA u d-DĠ ECFIN.

4.2Żviluppi futuri: L-AMF fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss

Minħabba li l-pajjiżi tal-viċinat tal-UE qed ikomplu jġarrbu instabbiltà ġeopolitika u ekonomika, il-ħtieġa għal appoġġ makrofinanzjarju tal-UE aktarx se tibqa’ għolja fis-snin li ġejjin. Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014–2020, il-Kummissjoni pproponiet li l-AMF jissaħħaħ bħala strument ta’ appoġġ makrofinanzjarju u li għalhekk tiżdied il-kapaċità ta’ self annwali tal-AMF minn EUR 500 miljun għal EUR 2 000 miljun. Dan ġie approvat mill-koleġiżlaturi.

Fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) lil hinn mill-2020. Għall-azzjoni esterna tal-UE, hemm pjanijiet biex jiġu ssimplifikati l-istrumenti eżistenti b’mod sinifikanti sabiex jiġi kkomunikat aħjar dak li tagħmel l-UE, jiġi evitat it-trikkib, il-proċessi isiru anqas ikkumplikati, jiżdiedu l-effiċjenza u l-komplementarjetà u jintwera aħjar il-valur miżjud tal-UE. Qed jiġi propost li diversi strumenti taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 jiġu integrati fl-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI). L-operazzjonijiet speċifiċi tal-AMF madankollu se jibqgħu jiġu attivati abbażi ta’ deċiżjonijiet separati ad hoc kif meħtieġ, peress li huwa rikonoxxut li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-operazzjonijiet tal-AMF għandu jibqa’ distint. L-AMF għalhekk se tibqa’ regolata bi proċedura leġiżlattiva ordinarja, li teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal kull operazzjoni speċifika.

Fl-istess waqt, l-għoti ta’ garanzija għal self tal-AMF se jkun kopert mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna l-ġdida li għandha tinħoloq fi ħdan l-NDICI, u li hija maħsuba biex tinkorpora l-Fond ta’ Garanzija eżistenti għal azzjonijiet esterni. Il-Kummissjoni pproponiet li l-volum totali tal-operazzjonijiet taħt il-Garanzija għall-Azzjoni Esterna għandu jammonta għal massimu ta’ EUR 60 biljun, li minnhom EUR 14-il biljun huma allokati għal self tal-AMF li għandhom jiġu provduti bir-rata ta’ 9 %, kif inhu l-każ bħalissa. Dan huwa konsistenti mal-volum ta’ self annwali ta’ EUR 2 biljun għal AMF miftiehm fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP 2014–2020, li jikkonferma l-valur miżjud qawwi Ewropew u l-ingranaġġ għoli tal-istrument. Barra minn hekk, l-għotjiet tal-AMF se jkomplu jingħataw lil pajjiżi eliġibbli b’vulnerabbiltajiet għoljin ħafna.

5Talbiet ġodda għall-assistenza u proposti futuri tal-Kummissjoni — is-sitwazzjoni baġitarja

L-2019 se tkun ikkaratterizzata mill-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ AMF li għaddejjin, kif inhu deskritt aktar ’il fuq. Dawn jinkludu l-iżborż tal-pagamenti finali tal-AMF II lill-Ġordan u lit-Tuneżija, lill-AMF III tal-Georgia u l-AMF IV tal-Ukrajna, kif ukoll il-bidu tal-iżborż tal-operazzjoni tal-Moldova, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa.

L-iżborż totali tas-self ta’ AMF huma mistennija li jammontaw għal EUR 960 miljun fl-2019, żieda minn EUR 515 biljun fl-2018. It-tabella 2 taħt tagħti ħarsa ġenerali lejn l-impenji u l-pagamenti tal-għotjiet tal-AMF għall-2017, l-2018 u, b’mod proviżorju, l-2019. Il-previżjoni għall-2019 hija preliminari u tinkludi biss dawk l-operazzjonijiet tal-AMF li dwarhom ġiet approvata deċiżjoni mill-koleġiżlaturi.

Fl-aħħar nett, f’konformità ma’ impenji preċedenti, fl-2019 l-Kummissjoni se tkompli tinvestiga l-ħtiġijiet finanzjarji ta’ pajjiżi eliġibbli li bħalissa qed jibbenefikaw minn programm tal-FMI (b’mod partikolari l-Ġordan, it-Tuneżija, u l-Ukrajna) u jekk ikun xieraq, se tipproponi operazzjonijiet addizzjonali tal-AMF għal dawn il-pajjiżi.

(1)

Il-bażi ġuridika għall-assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi li mhumiex pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp hija l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(2)

L-AMF tikkomplementa wkoll azzjonijiet u strumenti esterni tal-UE oħrajn indirizzati lill-viċinat, inkluż appoġġ baġitarju dirett. Ir-rapport dwar l-appoġġ dirett tal-baġit tal-2018 jinsab fuq: https://ec.europa.eu/europeaid/sites/devco/files/budget_support_-_trends_results_2018_final_1.pdf

(3)

Id-Direttiva (UE) 2016/1112 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar l-għoti ta’ assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lit-Tuneżija (ĠU L 186, 9.7.2016, p. 1).

(4)

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 li tipprevedi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (ĠU L 352, 23.12.2016, p. 18).

(5)

L-ewwel u t-tieni operazzjonijiet ta’ AMF għall-Georgia ġew imwiegħda fil-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi fi Brussell f’Ottubru 2008. Dawn l-operazzjonijiet ta’ EUR 46 miljun il-waħda ġew implimentati bejn l-2009 u l-2010 u l-2015 u l-2017.

(6)

L-evalwazzjonijiet ex post kollha jinsabu fuq is-sit web tal-Kummissjoni: https://ec.europa.eu/info/evaluation-reports-economic-and-financial-affairs-policies-and-spending-activities_en

(7)

  https://ec.europa.eu/info/evaluation-reports-economic-and-financial-affairs-policies-and-spending-activities/ex-post-evaluation-mfa-operations-ukraine_en

(8)

  https://ec.europa.eu/info/evaluation-reports-economic-and-financial-affairs-policies-and-spending-activities/ex-post-evaluation-mfa-operations-jordan_en

(9)

Il-Kummissjoni adottat il-proposta f’Diċembru 2011, iżda l-approvazzjoni mill-koleġiżlaturi ġiet ittardjata sa Ottubru 2013. L-operazzjoni ġiet żborżata għalkollox, f’żewġ pagamenti, fl-2015 u fl-2016, minħabba dewmien fil-biċċa l-kbira lil hinn mill-kontroll tal-UE.

(10)

Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata flimkien mad-deċiżjoni li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Georgia (Deċiżjoni (UE) 2013/778 tat-12 ta’ Awwissu 2013). Disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32013D0778&from=EN

Top