IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.10.2018
COM(2018) 676 final
2018/0347(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond għall-2019 u għall-2020
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
L-istokkijiet tal-baħar fond huma stokkijiet tal-ħut li jinqabdu f’ilmijiet ’il barra miż-żoni ewlenin tas-sajd tal-blat kontinentali. Dawn jinsabu mqassmin fuq ix-xaqlibiet kontinentali jew huma assoċjati ma’ muntanji fil-baħar.
Kull sentejn, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (l-ICES) jipprovdi analiżi tal-istat bijoloġiku tal-istokkijiet tal-baħar fond. L-iktar parir riċenti tal-ICES ġie ppubblikat fis-7 ta’ Ġunju 2018. Il-parir tal-ICES jindika li għad hemm wisq pressjoni tas-sajd fuq xi stokkijiet tal-baħar fond imsemmijin f’din il-proposta u li, biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tagħhom, l-opportunitajiet tas-sajd għalihom għandhom jitnaqqsu iktar sakemm l-evoluzzjoni tagħhom turi xejra pożittiva. Dan iservi bħala l-bażi għall-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet tal-baħar fond skont il-prinċipju inkorporat fl-Artikolu 3(c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li, skontu, it-teħid tad-deċiżjonijiet skont il-Politika Komuni tas-Sajd irid ikun iggwidat, fost l-oħrajn, mill-parir xjentifiku.
|
Il-kuntest ġenerali
Fl-UE, is-sajd għall-ispeċijiet tal-baħar fond ilu rregolat mill-2003 f’termini tal-qabdiet totali permissibbli (it-TACs) għal kull speċi u għal kull żona u f’termini tal-kapaċità massima tas-sajd li jista’ jkun hemm fil-Grigal tal-Atlantiku. Għall-2017 u l-2018, il-qabdiet totali permissibbli ta’ ċerti speċijiet tal-baħar fond ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/2285 li jiffissa għall-2017 u l-2018 l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-fond.
L-iffissar u l-qsim tal-opportunitajiet tas-sajd jaqgħu b’mod esklużiv fil-kompetenza tal-Unjoni. L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistabbilixxi l-obbligi marbutin mal-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin. B’mod partikulari, l-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd (kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(8) tiegħu) u jipprevedi li l-Politika Komuni tas-Sajd għandha timmira li terġa’ ġġib lill-istokkijiet tal-ħut fil-livell tar-rendiment massimu sostenibbli (l-MSY) u li żżommhom f’dak il-livell. Skont l-Artikolu 16(4) ta’ dak ir-Regolament, l-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu stabbiliti skont l-għanijiet tal-Artikolu 2(2).
Barra minn hekk, l-opportunitajiet tas-sajd fil-fond għandhom jiġu stabbiliti skont ftehimiet internazzjonali, fost l-oħrajn skont il-ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1995 dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ stokkijiet ta’ ħut transżonali u stokkijiet ta’ ħut li jpassi ħafna (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim tan-NU tal-1995 dwar l-Istokkijiet tal-Ħut”). B’mod partikulari, huwa importanti li wieħed ikun kawt meta ma jkunx ċert mill-informazzjoni jew meta l-informazzjoni ma tkunx affidabbli jew ma tkunx biżżejjed. Skont l-Artikolu 6(2) tal-Ftehim tan-NU tal-1995 dwar l-Istokkijiet tal-Ħut, in-nuqqas ta’ biżżejjed informazzjoni xjentifika ma għandux iservi ta’ raġuni biex jiġu posposti l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni jew biex dawn ma jittiħdux. It-TACs proposti jsegwu wkoll il-Linji Gwida Internazzjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fil-Fond fl-Ibħra Internazzjonali maħruġa mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2008, li kienu kkonfermati minn għadd ta’ Riżoluzzjonijiet suċċessivi tal-Assemblea Ġenerali tan-NU (ir-Riżoluzzjoni 61/105 fl-2007, ir-Riżoluzzjoni 64/72 fl-2009 u, l-iktar riċenti, ir-Riżoluzzjoni 70/235 fl-2015).
Filwaqt li għadd ta’ stokkijiet tal-baħar fond jiġu sfruttati wkoll minn nazzjonijiet oħrajn tas-sajd, b’mod partikulari min-Norveġja, mill-Iżlanda, mill-Gżejjer Faeroe, mir-Russja u mill-Marokk, u filwaqt li jeħtieġ li jintlaħaq ftehim dwar miżuri armonizzati ta’ ġestjoni flimkien ma’ dawk in-nazzjonijiet tas-sajd jew, f’dak li għandu x’jaqsam mal-istokkijiet li jgħammru fl-ilmijiet internazzjonali, fil-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (in-NEAFC), jeħtieġ ikun hemm miżuri unilaterali li japplikaw għall-bastimenti tal-Unjoni Ewropea sakemm jintlaħqu dawk il-ftehimiet.
|
Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/2285 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta, li japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2018. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2016/2336 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal.
Bħalissa, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qed jiddiskutu proposta għal Pjan Pluriennali għall-Ilmijiet tal-Punent li jkopri xi stokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament.
|
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-miżuri proposti huma mfasslin skont l-għanijiet u r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u huma konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikulari mar-Regolament (UE) 2016/2336 li jistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal.
2.
BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 43(3) tat-TFUE jistabbilixxi li l-Kunsill għandu jadotta l-miżuri “dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd” fuq proposta tal-Kummissjoni. Din il-proposta hija limitata għall-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd u tal-kundizzjonijiet li huma marbutin b’mod funzjonali mal-użu ta’ dawk l-opportunitajiet tas-sajd.
Għalhekk, permezz ta’ Regolament tal-Kunsill, din il-proposta tipproponi l-limiti tal-qbid għall-flotot tas-sajd tal-UE għall-ispeċijiet tal-baħar fond l-aktar importanti mil-lat kummerċjali fl-ilmijiet tal-Unjoni u fl-ilmijiet internazzjonali tal-Grigal tal-Atlantiku sabiex jinkiseb l-għan tal-Politika Komuni tas-Sajd li jiġi żgurat li s-sajd isir f’livelli li huma sostenibbli mil-lat ambjentali, mil-lat ekonomiku u mil-lat soċjali. Il-proposta tidħol fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni li ġejja: il-Politika Komuni tas-Sajd hija politika komuni. Skont l-Artikolu 43(3) tat-TFUE, hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jadotta l-miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.
Filwaqt li jqisu l-Artikolu 16(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri huma ħielsa li jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd fost ir-reġjuni jew l-operaturi skont l-Artikolu 16(7) u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17 meta dawk l-opportunitajiet tas-sajd ma jkunux suġġetti għal sistema ta’ konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom fejn jimmanuvraw meta jieħdu d-deċiżjonijiet marbutin mal-mudell soċjali u ekonomiku tal-għażla tagħhom biex jisfruttaw l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom.
3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-proposta ġiet żviluppata abbażi tal-prinċipji u tal-gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar konsultazzjoni b’rabta mal-opportunitajiet tas-sajd għall-2019, li fiha l-Kummissjoni spjegat il-fehmiet u l-intenzjonijiet tagħha b’rabta mal-proposti tagħha għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2019 u, fejn applikabbli, għall-2020, għall-istokkijiet kollha. Fil-kuntest ta’ dik il-Kommunikazzjoni, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati, mas-soċjetà ċivili, mal-Istati Membri u mal-pubbliku inġenerali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja ġdida għall-Istati Membri. Il-Kunsill jadotta dan ir-Regolament kull sentejn u l-mezzi pubbliċi u privati biex ikun implimentat huma diġà fis-seħħ.
5.ELEMENTI OĦRA
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Għall-istokkijiet kollha koperti minn din il-proposta, l-informazzjoni disponibbli ma tippermettix lix-xjenzati jevalwaw bis-sħiħ l-istat tal-istokk, la f’termini tad-daqs tal-popolazzjoni tal-ħut u lanqas f’termini tar-rata tal-mortalità mis-sajd. Hemm diversi raġunijiet għal dan: dawn l-ispeċijiet ta’ sikwit jgħixu fit-tul u jikbru bil-mod ħafna, ħaġa li tagħmilha diffiċli ħafna biex l-istokk jitqassam fi klassijiet skont l-età u biex jiġi vvalutat l-effett tas-sajd fuq l-istokk permezz ta’ bidliet fit-tul tal-qabdiet jew fl-istruttura tal-età tagħhom. Mhix magħrufa l-frekwenza tar-reklutaġġ tal-ħut ta’ età żgħira fl-istokkijiet. L-istokkijiet huma mifruxin ħafna f’fond ta’ baħar li diffiċli wieħed jistudjah, għal raġunijiet prattiċi. Minħabba li dawn l-istokkijiet mhumiex daqshekk importanti mil-lat kummerċjali, id-data dwarhom mill-istħarriġ xjentifiku ta’ sikwit ma tkunx disponibbli jew inkella ma tkunx tkopri ż-żona kollha ta’ fejn huma mifruxin l-istokkijiet. L-attivitajiet tas-sajd xi kultant jikkonċentraw biss b’mod parzjali fuq dawn l-ispeċijiet, u xi wħud minnhom huma relattivament riċenti.
Il-limiti tal-qbid proposti jaqblu mal-prinċipji stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar konsultazzjoni b’rabta mal-opportunitajiet tas-sajd għall-2019 imsemmija hawn fuq. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-fehmiet tal-Kummissjoni dwar kif għandhom jiġu ffissati l-opportunitajiet tas-sajd, u dawn ir-regoli ġew segwiti fl-iżvilupp ta’ din il-proposta b’rabta mal-entrati tat-TACs. Il-proposta fiha dan li ġej:
·kunsiderazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art, meta dan ikun rilevanti;
·delega lill-Portugall b’rabta maċ-ċinturin l-iswed fiż-żona tas-CECAF, minħabba li dan il-pajjiż huwa l-uniku detentur tat-TAC;
·meta mqabbel mar-Regolament tal-Kunsill għall-2017 u għall-2018, jenħtieġ li ma tiġi stabbilita l-ebda TAC għaċ-ċinturin l-iswed fis-subżoni 1 sa 4 tal-ICES (fil-Baħar tat-Tramuntana u fi Skagerrak), minħabba l-livell baxx ta’ adozzjoni tal-kwota u minħabba l-fatt li mhu qed isir l-ebda sajd li għandu fil-mira lil dan l-istokk;
·meta mqabbel mar-Regolament tal-Kunsill għall-2017 u għall-2018, jenħtieġ li, abbażi tal-parir xjentifiku, ma jiġu stabbiliti l-ebda TACs għall-grenadier imnieħru tond fis-subżoni 1, 2 u 4 tal-ICES (fil-Baħar tat-Tramuntana) u għal-lipp l-abjad fis-subżoni 1 sa 10 u 12 u 14 tal-ICES. Skont il-parir tal-ICES, it-tneħħija tat-TACs mhu se twassal għall-ebda riskju ta’ sfruttament mhux sostenibbli jew se twassal għal riskju baxx ħafna ta’ dan;
·meta jingħata parir xjentifiku indikattiv abbażi ta’ analiżi kwalitattiva tal-informazzjoni disponibbli (anke jekk din ma tkunx sħiħa jew ikun fiha ġudizzju espert), dan għandu jintuża bħala bażi għad-deċiżjonijiet dwar it-TACs. Għalhekk, il-proposta fiha żewġ każijiet ta’ TACs li qed jiżdiedu għall-2019 bi trasferiment għall-2020, sitt każijiet ta’ TACs li qed jitnaqqsu għall-2019 bi trasferiment għall-2020, u każ wieħed ta’ TAC li għaliha qed jiġi propost tnaqqis kemm għall-2019 kif ukoll għall-2020;
·fid-dawl tal-parir tal-ICES li jitnaqqsu l-opportunitajiet tas-sajd, flimkien mal-livell għoli ta’ adozzjoni u mal-introduzzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fl-2019, huwa xieraq li t-TAC għall-fonsa l-ħamra fil-Grigal tal-Atlantiku tinbidel għal TAC għall-qabdiet aċċessorji biss;
·fil-każ tal-paġella l-ħamra fis-subżoni 6, 7 u 8 tal-ICES (fl-ilmijiet tal-Majjistral u fil-Golf tal-Biskalja), il-parir tal-ICES huwa li fl-2019 u fl-2020 ma tinqabad l-ebda waħda minħabba li l-indikazzjonijiet juru li dan l-istokk naqas ferm. Billi mhux dejjem jistgħu jiġu evitati l-qabdiet aċċessorji, jenħtieġ li tiġi stabbilita TAC bħala TAC għall-qabdiet aċċessorji biss;
·fil-każ tal-paġella l-ħamra fis-subżona 10 tal-ICES, l-ICES ma ta l-ebda parir għall-2020. Filwaqt li ġiet inkluża proposta għal TAC għall-2020, meta tirċievi l-parir tal-ICES għall-2020, il-Kummissjoni se tqis jekk il-proposta għall-2020 għandhiex tiġi emendata skont il-parir tal-ICES jew le;
·il-miżuri għall-klieb il-baħar tal-fond se jiġu stabbiliti skont il-parir xjentifiku tal-ICES wara li dan il-parir ikun ġie analizzat bis-sħiħ. Il-parir xjentifiku dwar il-klieb il-baħar tal-fond se jinħareġ fil-5 ta’ Ottubru 2018;
·is-sajd għall-mera tal-Atlantiku, iż-żamma abbord tagħha, it-trażbord tagħha u l-ħatt l-art tagħha għandhom jibqgħu pprojbiti. L-istokk naqas ferm u mhux qed jirkupra. Skont l-ICES, mill-2010 ’l hawn ma sar l-ebda sajd dirett għal dan l-istokk fil-Grigal tal-Atlantiku min-naħa tal-UE.
2018/0347 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond għall-2019 u għall-2020
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Artikolu 43(3) tat-Trattat jistipula li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, irid jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.
(2)Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jeżiġi li jiġu adottati miżuri ta’ konservazzjoni filwaqt li jitqies il-parir xjentifiku, tekniku u ekonomiku disponibbli, inkluż, fejn rilevanti, ir-rapporti mfasslin mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (is-STECF).
(3)Hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, fosthom ċerti kundizzjonijiet li huma marbutin magħhom mil-lat funzjonali, kif xieraq. Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd jitqassmu fost l-Istati Membri b’mod li tkun żgurata l-istabbiltà relattiva għal kull Stat Membru fl-attivitajiet tas-sajd għal kull stokk jew għal kull tip ta’ sajd u billi jitqiesu kif imiss l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd (il-PKS) stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
(4)Jenħtieġ li l-qabdiet totali permissibbli (“it-TACs”) jiġu stabbiliti abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli, filwaqt li jitqiesu l-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi, u filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, kif ukoll fid-dawl tal-opinjonijiet li jkunu ngħadu waqt il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikulari mal-kunsilli konsultattivi kkonċernati.
(5)Meta TAC marbuta ma’ stokk partikulari tiġi allokata lil Stat Membru wieħed biss, ikun xieraq li dak l-Istat Membru jingħata s-setgħa jiddeċiedi l-livell tat-tali TAC skont l-Artikolu 2(1) tat-Trattat. Jenħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet biex ikun żgurat li, meta jkun qed jistabbilixxi dak il-livell tat-TAC, l-Istat Membru kkonċernat jaġixxi b’mod li jkun konsistenti għalkollox mal-prinċipji u mar-regoli tal-PKS.
(6)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 daħħal kundizzjonijiet addizzjonali għall-ġestjoni tat-TACs minn sena għall-oħra li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà għat-TACs prekawzjonarji u analitiċi skont l-Artikolu 3 u 4 tiegħu. Skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, meta jiġu stabbiliti t-TACs, il-Kunsill irid jiddeċiedi liema huma l-istokkijiet li għalihom ma għandhomx japplikaw l-Artikoli 3 u 4 ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikulari abbażi tal-istat bijoloġiku tal-istokkijiet. Iktar reċentement, l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 daħħal mekkaniżmu ta’ flessibbiltà ieħor minn sena għall-oħra għall-istokkijiet kollha li għalihom japplika l-obbligu ta’ ħatt l-art. Għalhekk, sabiex tiġi evitata flessibbiltà eċċessiva li ddgħajjef il-prinċipju ta’ sfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, li xxekkel il-kisba tal-għanijiet tal-PKS u li twassal biex tmur għall-agħar il-qagħda bijoloġika tal-istokkijiet, jenħtieġ li jiġi stabbilit li l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplikaw għat-TACs analitiċi biss meta ma tintużax il-flessibbiltà minn sena għall-oħra prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
(7)L-obbligu tal-ħatt l-art imsemmi fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 qed jiddaħħal bil-mod il-mod għat-tipi ta’ sajd differenti. Fir-reġjuni koperti minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li mill-1 ta’ Jannar 2019 ’il quddiem jinħattu l-art il-qabdiet kollha tal-ispeċijiet li għalihom hemm limiti tal-qbid. L-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi li, meta jiddaħħal l-obbligu ta’ ħatt l-art għal stokk ta’ ħut partikulari, l-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu stabbiliti billi titqies il-bidla mill-istabbiliment ta’ opportunitajiet tas-sajd li jirriflettu l-ħatt l-art għall-istabbiliment ta’ opportunitajiet tas-sajd li jirriflettu l-qabdiet. Madankollu, jingħataw eżenzjonijiet speċifiċi mill-obbligu ta’ ħatt l-art skont l-Artikolu 15(4) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti li ppreżentaw l-Istati Membri u skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-Kummissjoni adottat għadd ta’ Regolamenti delegati li jistabbilixxu pjanijiet speċifiċi għall-iskartar tal-ħut applikabbli għal perjodu inizjali ta’ mhux aktar minn tliet snin li jista’ jiġġedded bi tliet snin oħra, u li jimplimentaw l-obbligu tal-ħatt l-art.
(8)Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd ikunu skont il-ftehimiet u l-prinċipji internazzjonali bħall-ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1995 dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ stokkijiet ta’ ħut transżonali u stokkijiet ta’ ħut li jpassi ħafna, u skont il-prinċipji ddettaljati ta’ ġestjoni stabbiliti fil-Linji Gwida Internazzjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fil-Fond fl-Ibħra Internazzjonali maħruġa mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2008, li skonthom, b’mod partikulari, jenħtieġ li regolatur ikun iktar kawt meta ma jkunx ċert mill-informazzjoni jew meta l-informazzjoni ma tkunx affidabbli jew ma tkunx biżżejjed. Jenħtieġ li n-nuqqas ta’ biżżejjed informazzjoni xjentifika ma jservix ta’ raġuni biex jiġu posposti l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni jew biex dawn ma jittiħdux.
(9)Fid-dawl tal-parir tal-ICES li jitnaqqsu l-opportunitajiet tas-sajd, flimkien mal-livell għoli ta’ adozzjoni tal-kwota u mal-introduzzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fl-2019, huwa xieraq li t-TAC għall-fonsa l-ħamra fis-subżoni 3 sa 10 u 12 u 14 (fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet tal-Majjistral u tal-Lbiċ) tinbidel għal TAC għall-qabdiet aċċessorji biss.
(10)Skont il-parir tal-ICES, l-osservazzjonijiet limitati abbord juru li l-grenadier rasu raffa kien jammonta għal inqas minn 1 % mill-qabdiet irrappurtati tal-grenadier imnieħru tond. Abbażi ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, l-ICES huwa tal-parir li ma għandu jkun hemm l-ebda sajd dirett għall-grenadier rasu raffa u li l-qabdiet aċċessorji tiegħu għandhom jingħaddu mat-TAC għall-grenadier imnieħru tond sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-potenzjal li jkun hemm irrappurtar żbaljat tal-ispeċijiet. L-ICES jindika li hemm differenzi konsiderevoli, li jmorru lil hinn minn ordni ta’ kobor (jiġifieri ta’ iktar minn għaxar darbiet), bejn il-proporzjonijiet relattivi tal-grenadier imnieħru tond u tal-grenadier rasu raffa rrappurtati fil-ħatt l-art uffiċjali u fil-qabdiet osservati u fl-istħarriġ xjentifiku fiż-żoni fejn bħalissa jsir is-sajd għall-grenadier rasu raffa. Id-data disponibbli għal din l-ispeċi hija limitata ħafna, u l-ICES iqis li xi data tal-ħatt l-art irrappurtata kienet każ ta’ rrappurtar żbaljat tal-ispeċijiet. Minħabba f’hekk, ma jistax jiġi stabbilit rekord storiku preċiż tal-qabdiet tal-grenadier rasu raffa. Għalhekk, skont il-parir xjentifiku, jenħtieġ li l-qabdiet aċċessorji tal-grenadier rasu raffa jkunu limitati għal 1 % mill-kwota ta’ kull Stat Membru għall-grenadier imnieħru tond u li dawn il-qabdiet jingħaddu ma’ dik il-kwota. Jekk il-grenadier rasu raffa jitqies biss bħala qabda aċċessorja tal-qabdiet tal-grenadier imnieħru tond u jitqies li jifforma parti mill-istess TAC, ma jkunx hemm iktar żbalji fir-rappurtar tiegħu.
(11)Fid-dawl tal-parir tal-ICES, huwa xieraq li t-TAC għall-paġella l-ħamra fis-subżoni 6, 7 u 8 tal-ICES (fl-ilmijiet tal-Majjistral) tinżamm bħala TAC għall-qabdiet aċċessorji biss.
(12)Il-paġella l-ħamra tinqabad fiż-żoni rilevanti tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (is-CECAF) u tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (il-GFCM), li l-konfini tagħhom imissu mas-subżona 9 tal-ICES. Minħabba li d-data tal-ICES għal dawn is-subżoni li jmissu ma’ dik is-subżona mhix kompluta, jenħtieġ li l-ambitu tat-TAC jibqa’ limitat għas-subżona 9 tal-ICES. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni jissejsu fuq l-aqwa bażi disponibbli, saru dispożizzjonijiet għar-rappurtar tad-data b’rabta ma’ dawn is-subżoni li jmissu ma’ dik is-subżona.
(13)Fil-każ tal-paġella l-ħamra fis-subżona 10 tal-ICES, l-ICES ma ta l-ebda parir għall-2020. Madankollu, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd kemm għall-2019 u kemm għall-2020. Jista’ jkun li, meta jinħareġ il-parir xjentifiku għall-2020, ikun hemm bżonn jiġu emendati kif xieraq l-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti minn dan ir-Regolament.
(14)Jenħtieġ li ma tkomplix tiġi stabbilita t-TAC għaċ-ċinturin l-iswed fis-subżoni 1 sa 4 tal-ICES (fil-Baħar tat-Tramuntana u fi Skagerrak), minħabba l-livell baxx ta’ adozzjoni tal-kwota u minħabba l-fatt li mhu qed isir l-ebda sajd li għandu fil-mira lil dan l-istokk.
(15)Jenħtieġ li, abbażi tal-parir xjentifiku, ma jkomplux jiġu stabbiliti t-TACs għall-grenadier imnieħru tond fis-subżoni 1, 2 u 4 tal-ICES (fil-Baħar tat-Tramuntana) u għal-lipp l-abjad fis-subżoni 1 sa 10 u 12 u 14 tal-ICES. Skont il-parir tal-ICES, il-fatt li ma jkunx hemm TACs mhu se jwassal għall-ebda riskju ta’ sfruttament mhux sostenibbli jew se jwassal għal riskju baxx ħafna ta’ dan.
(16)L-ICES jagħti parir li l-mera tal-Atlantiku ma tinqabadx qabel l-2020. Huwa xieraq li jkunu pprojbiti s-sajd, iż-żamma abbord, it-trażbord u l-ħatt l-art ta’ dik l-ispeċi minħabba li l-istokk tagħha naqas ferm u mhux qed jirkupra. Skont l-ICES, mill-2010 ’l hawn ma sar l-ebda sajd dirett għall-mera tal-Atlantiku fil-Grigal tal-Atlantiku min-naħa tal-Unjoni.
(17)Biex jiġi evitat li jiġu interrotti l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2019. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiżguraw l-applikazzjoni fil-ħin ta’ dan ir-Regolament, huwa għandu jidħol fis-seħħ mill-ewwel malli jiġi ppubblikat,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd annwali għall-2019 u għall-2020 li huma disponibbli għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għall-istokkijiet tal-ħut ta’ ċerti speċijiet tal-baħar fond fl-ilmijiet tal-Unjoni u f’ċerti ilmijiet li mhumiex tal-Unjoni fejn huma meħtieġa limiti tal-qbid.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1.
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Barra minn hekk, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)“qabda totali permissibbli” (TAC) tfisser:
(i) fil-każ tal-attivitajiet tas-sajd li għalihom tapplika l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art imsemmija fl-Artikolu 15(4) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-ammont ta’ ħut li jista’ jinħatt l-art minn kull stokk kull sena;
(ii) fil-każ tal-attivitajiet l-oħrajn kollha tas-sajd, l-ammont ta’ ħut li jista’ jinqabad minn kull stokk kull sena;
(b)“kwota” tfisser proporzjon mit-TAC allokata lill-Unjoni jew lil Stat Membru;
(c)“ilmijiet internazzjonali” tfisser ilmijiet li ma jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tal-ebda Stat;
(d)“valutazzjoni analitika” tfisser evalwazzjonijiet kwantitattivi tax-xejriet fi stokk partikulari, abbażi ta’ data dwar il-bijoloġija u l-isfruttament ta’ dak l-istokk, li l-analiżi xjentifika tkun indikat li hija ta’ kwalità biżżejjed biex abbażi tagħha jingħataw pariri xjentifiċi dwar l-għażliet għall-qabdiet fil-ġejjieni.
2.
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet taż-żoni li ġejjin:
(a)iż-żoni tal-ICES (il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar) huma ż-żoni ġeografiċi speċifikati fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(b)iż-żoni tas-CECAF (il-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant) huma ż-żoni ġeografiċi speċifikati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 216/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Artikolu 3
TACs u allokazzjonijiet
It-TACs għall-ispeċijiet tal-baħar fond li jinqabdu mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tal-Unjoni jew f’ċerti ilmijiet li mhumiex tal-Unjoni, l-allokazzjoni tat-tali TACs fost l-Istati Membri u l-kundizzjonijiet li huma marbutin magħhom mil-lat funzjonali, fejn hu xieraq, huma stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 4
TACs li jridu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri
1.
Il-Portugall għandu jistabbilixxi t-TAC għaċ-ċinturin l-iswed fiż-żona 34.1.2 tas-CECAF.
2.
It-TAC li l-Portugall irid jistabbilixxi għandha:
(a)tkun konsistenti mal-prinċipji u mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, b’mod partikulari mal-prinċipju tal-isfruttament sostenibbli tal-istokk; u
(b)twassal għal dan li ġej:
(i) jekk tkun disponibbli valutazzjoni analitika, għall-isfruttament tal-istokk b’mod konsistenti mar-rendiment massimu sostenibbli mill-2019 ’il quddiem, bl-ogħla probabbiltà possibbli li dan iseħħ; jew
(ii) jekk ma tkunx disponibbli valutazzjoni analitika jew jekk din ma tkunx kompluta, għall-isfruttament tal-istokk b’mod konsistenti mal-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd.
3.
Sal-15 ta’ Marzu ta’ kull sena li matulha jkun japplika dan ir-Regolament, il-Portugall għandu jibgħat lill-Kummissjoni t-tagħrif li ġej:
(a) it-TAC li jkun adotta;
(b) id-data li jkun ġabar u jkun ivvaluta u li fuqha jkun sejjes it-TAC li jkun adotta;
(c) id-dettalji dwar kif it-TAC li jkun adotta tkun tikkonforma mal-paragrafu 2.
Artikolu 5
Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd
1.
L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stabbilit f’dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-affarijiet li ġejjin:
(a)għall-iskambji li jsiru skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(b)għat-tnaqqis u għar-riallokazzjonijiet li jsiru skont l-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009;
(c)għar-riallokazzjonijiet li jsiru skont l-Artikolu 12(7) tar-Regolament (UE) 2017/2403;
(d)għall-ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(e)għall-kwantitajiet miżmumin skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(f)għat-tnaqqis li jsir skont l-Artikoli 105, 106 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
2.
L-Anness ta’ dan ir-Regolament jidentifika l-istokkijiet li għalihom hemm TACs prekawzjonarji jew analitiċi għall-finijiet tal-ġestjoni tat-TACs u tal-kwoti previsti fir-Regolament (KE) Nru 847/96 minn sena għall-oħra.
3.
L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għandu japplika għall-istokkijiet li għalihom hemm TACs prekawzjonarji, filwaqt li l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament għandhom japplikaw għall-istokkijiet li għalihom hemm TACs analitiċi, ħlief fejn hu speċifikat mod ieħor fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
4.
L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandhomx japplikaw meta Stat Membru juża l-flessibbiltà minn sena għall-oħra prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
Artikolu 6
Kundizzjonijiet biex jinħattu l-art il-qabdiet u l-qabdiet aċċessorji
1.
Il-qabdiet li għalihom ma japplikax l-obbligu tal-ħatt l-art stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandhom jinżammu abbord jew jinħattu l-art biss jekk dawn:
(a)ikunu saru minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru li jkollu kwota għalihom u dik il-kwota ma tkunx ġiet eżawrita; jew
(b)ikunu jikkonsistu f’sehem minn kwota tal-Unjoni li ma tkunx ġiet allokata fost l-Istati Membri fil-forma ta’ kwoti, u dik il-kwota tal-Unjoni ma tkunx ġiet eżawrita.
Artikolu 7
Projbizzjoni
Għandu jkun ipprojbit li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jistadu għall-mera tal-Atlantiku (Hoplostethus atlanticus) fl-ilmijiet tal-Unjoni u f’dawk internazzjonali tas-subżoni 1 sa 10 u 12 u 14 tal-ICES u li dawn iżommu abbord, jittrażbordaw jew iħottu l-art il-mera tal-Atlantiku maqbuda f’dawk iż-żoni.
Artikolu 8
Trażmissjoni tad-data
Meta l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni d-data marbuta mal-ħatt l-art tal-kwantitajiet tal-istokkijiet li jkunu qabdu skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President