Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0691

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali stabbilit skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport

COM/2017/0691 final - 2017/0308 (NLE)

Brussell, 22.11.2017

COM(2017) 691 final

2017/0308(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali stabbilit skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IS-SUĠĠETT TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali stabbilit skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“it-TCT”) f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni prevista dwar l-adozzjoni mill-Kunsill Ministerjali tar-Regoli tiegħu ta’ Proċedura.

2.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

2.1It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea

Il-verżjoni Ingliża tat-TCT mal-Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina , il-Kosovo 1* (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Kosovo), l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja) ġiet iffirmata mill-partijiet kollha ħlief mill-Bożnija-Ħerzegovina fil-qafas tas-summit tas-Sitt Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li sar fi Trieste fit-12 ta’ Lulju 2017, filwaqt li l-Bożnja u Ħerzegovina ffirmat it-test fit-18 ta’ Settembru 2017 fi Brussell. Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tat-TCT ġew iffirmati mill-partijiet fid-9 ta’ Ottubru 2017. Wara l-iffirmar, it-TCT ġie applikat b’mod proviżorju skont l-Artikolu 41(3) tiegħu. Għall-Unjoni, l-applikazzjoni proviżorja hija prevista bid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport 2 .

L-Unjoni Ewropea hija parti mit-TCT.

2.2Il-Kunsill Ministerjali

Il-Kunsill Ministerjali ġie stabbilit permezz tal-Artikolu 21 tat-TCT, biex jiżgura li l-għanijiet stipulati fih jinkisbu. Ir-responsabbiltajiet tiegħu huma kif ġej:

(a) jipprovdi linji gwida ġenerali ta’ politika;

(b) jeżamina mill-ġdid il-progress dwar l-implimentazzjoni tat-TCT, inkluż is-segwitu tal-proposti mressqa mill-Forum Soċjali;

(c) jagħti opinjoni dwar il-ħatra tad-Direttur tas-Segretarjat; kif ukoll

(d) jiddeċiedi dwar is-sede tas-Segretarjat.

Il-Kunsill Ministerjali hu magħmul minn rappreżentant ta’ kull Parti Kontraenti. Il-parteċipazzjoni bħala osservatur għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha tal-UE. Sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor, dan jiddeċiedi b’kunsens.

2.3L-Att previst tal-Kunsill Ministerjali

L-abbozz ta’ deċiżjoni jikkonċerna l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Ministerjali biex tiġi assigurata l-eżekuzzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tal-kompiti tagħha skont l-Artikoli 21, 22 u 23 tat-Trattat. L-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura jkopri suġġetti bħall-parteċipazzjoni f’laqgħat tal-Kunsill Ministerjali, il-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali, it-tħejjija tal-laqgħat tal-Kunsill Ministerjali u r-regoli proċedurali applikabbli għal tali laqgħat, il-proċeduri rigward id-diversi tipi ta’ azzjoni li possibbilment jittieħdu mill-Kunsill Ministerjali, l-iżvelar tal-informazzjoni, kif ukoll għadd ta’ dispożizzjonijiet finali. Ir-Regoli ta’ Proċedura se jidħlu fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħhom. Id-deċiżjoni dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Ministerjali ser tkun essenzjali għall-implimentazzjoni f’waqtha tat-TCT.

Id-deċiżjoni prevista ser issir legalment vinkolanti fuq il-partijiet skont l-Artikolu 21 tat-TCT.

3.IL-POŻIZZJONI LI GĦANDHA TIĠI ADOTTATA, F’ISEM L-UNJONI

Huwa essenzjali għall-Kunsill Ministerjali li jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu biex tassigura l-eżekuzzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tal-kompiti tiegħu skont l-Artikoli 21, 22 u 23 tat-Trattat. Peress li l-Unjoni hija parti tat-TCT, hemm bżonn ta’ pożizzjoni tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-TCT hija element wieħed responsabbli biex isaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali fil-Balkani tal-Punent, kif spjegat f’aktar dettall fil-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tat-TCT [COM(2017)324 final, sub “Kuntest Ġenerali”].

4.BAŻI ĠURIDIKA

4.1Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1 Il-Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp (“sede”) inkwistjoni. Jinkludi strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 3 .

4.1.2 Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kunsill Ministerjali huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri t-TCT.

L-att li l-Kunsill Ministerjali qed jiġi msejjaħ biex jadotta, jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. Bħala korp stabbilit mit-TCT u li għandu s-setgħa li jieħu azzjoni skont l-Artikolu 21 TCT, il-Kunsill Ministerjali għandu jitqies li għandu s-setgħa li jadotta regoli ta’ proċedura biex ikun jista’ jaqdi b’mod xieraq il-funzjonijiet mogħtija lilu. Min-natura tagħhom, u bħala kwistjoni ta’ dritt internazzjonali li jirregolaw il-Kunsill Ministerjali, dawk ir-regoli jinkludu elementi li huma legalment vinkolanti fuq il-membri tal-Kunsill Ministerjali u għaldaqstant anke fuq ir-rappreżentant tal-Unjoni. Għaldaqstant, huma għandhom jiġu kkunsidrati li għandhom effetti legali.

L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala l-ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

Fir-rigward ta’ att previst li jkollu għadd ta’ objettivi f’daqqa, jew li jkollu diversi komponenti, li jkunu marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE jkollha tinkludi, b’mod eċċezzjonali, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-att previst huwa meħtieġ għall-funzjonament xieraq tat-TCT. Min-naħa l-oħra, it-TCT isegwi l-għanijiet u għandu komponenti fl-oqsma tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija u bl-ilmijiet navigabbli interni, li huma mezzi koperti mill-Artikolu 91 tat-TFUE kif ukoll fil-qasam tat-trasport marittimu, mezz kopert mill-Artikolu 100(2) tat-TFUE Minħabba n-natura orizzontali tiegħu, l-att previst jirreferi għal dawn l-elementi kollha. Dawn l-aspetti kollha huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma’ wieħed ikun inċidentali għall-ieħor.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija magħmula mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: L-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE.

4.3    Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.



2017/0308 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali stabbilit skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91 u 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“it-TCT”) ġie ffirmat mill-Unjoni skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport 4 .

(2)B’konformità mal-Artikolu 41(3) tat-TCT, it-TCT jiġi applikat fuq bażi proviżorja minn [XXX] bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija, l-il-Bożnija-Ħerzegovina u r-Repubblika tas-Serbja.

(3)Huwa essenzjali għall-Kunsill Ministerjali li jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu sabiex jassigura l-eżekuzzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tal-kompiti tiegħu skont l-Artikoli 21, 22 u 23 TCT.

(4)Il-Kunsill Ministerjali, fit-tieni laqgħa skedata li sseħħ sa mhux aktar tard minn tmiem l-2018, għandu jadotta deċiżjoni dwar ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali, peress li d-deċiżjoni dwar ir-Regoli ta’ Proċedura ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fit-tieni laqgħa tal-Kunsill Ministerjali għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Tibdil minuri fl-abbozz tad-Deċiżjoni jista’ jiġi miftiehem mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) *    Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244(1999) u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(2)    ĠU L 278, 27.10.2017, p. 1.
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 64 sa 61.
(4)    ĠU L 278, 27.10.2017, p. 1.
Top

Brussell, 22.11.2017

COM(2017) 691 final

ANNESS

ta' [...]

Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali stabbilit skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport


ANNESS

DEĊIŻJONI Nru 2018/1

TAL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA

D/2018/1/MC-TC ta’ … 2018: Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Ministerjali

IL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport, u b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22 u 23 tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill Ministerjali, mehmużin ma’ din id-Deċiżjoni, huma b’dan adottati.

Magħmul fi [...], fi [...] 2018

Għall-Kunsill Ministerjali

……………………………



DOKUMENT MEHMUŻ IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAT-TRASPORT

I.    ĠENERALI

1.    Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistabbilixxu proċeduri interni għat-tħaddim tal-Kunsill Ministerjali bħala istituzzjoni skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“it-Trattat”).

2.    Fil-każ ta’ kwalunkwe kontradizzjoni bejn dawn ir-Regoli ta’ Proċedura u tat-Trattat, id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat japplikaw.

II.    IL-PARTIJIET, L-OSSERVATURI U PARTEĊIPANTI OĦRA

1.    Fil-prinċipju, il-partijiet għandhom ikunu rrappreżentati fuq il-Kunsill Ministerjali f’livell ministerjali jew ekwivalenti.

2.    Mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Osservaturi skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 22 tat-Trattat, il-Presidenza u Viċi Presidenza kif imsemmija fil-paragrafu 2 tat-Taqsima III jistgħu, fejn hu xieraq, jaqblu li jistiednu rappreżentanti ta’ stati oħra, organizzazzjonijiet internazzjonali jew korpi oħrajn, inklużi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, fuq bażi ad hoc, biex jattendu laqgħat speċifiċi tal-Kunsill Ministerjali jew parti jew aktar minnhom.

3.    Meta l-Presidenza u l-Viċi Presidenza jaqblu li jistiednu rappreżentanti ta’ stati oħra, organizzazzjonijiet internazzjonali jew korpi oħrajn, il-Presidenza għandha tgħarraf lill-Partijiet u lis-Segretarjat Permanenti dwar Komunità tat-Trasport (“is-Segretarjat”) mill-inqas tliet ġimgħat qabel il-laqgħa. Il-partijiet u s-Segretarjat jistgħu jissottomettu l-fehmiet tagħhom lill-Presidenza fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta jirċievu din l-informazzjoni.

III.    IL-PRESIDENZA

1.    Il-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali għandha tinżamm mill-istess Parti tal-Ewropa tax-Xlokk li tippresiedi l-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali skont l-Artikolu 24(6) tat-Trattat u skont l-arranġamenti stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali.

2.    Il-Presidenza għandha tippresiedi l-Kunsill Ministerjali Hija għandha tkun assistita minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentant wieħed mill-Presidenza li jmiss, li flimkien jissejħu l-Viċi-Presidenza.

3.    Jekk il-Presidenza ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq id-dmirijiet tagħha għal laqgħa partikolari, din il-laqgħa ser tiġi ppreseduta mir-rappreżentant tal-Unjoni Ewropea bħala Viċi Presidenza.

IV.    IT-TĦEJJIJA TAL-LAQGĦAT

1.    Minbarra laqgħat miżmumin abbażi annwali skont l-Artikolu 23 tat-Trattat, il-Kunsill Ministerjali jista’ jorganizza laqgħat oħra f’każ ta’ bżonn. Laqgħat għal tali għanijiet għandhom jitlaqqgħu mill-Presidenza, wara li jkun hemm qbil dwar dan mal-Viċi Presidenza.

2.    Il-post tal-laqgħat tal-Kunsill Ministerjali jiġu deċiżi mill-Presidenza wara konsultazzjonijiet mal-Viċi Presidenza u s-Segretarjat. Dik id-deċiżjoni għandha ssir mill-inqas xahrejn qabel il-laqgħa rilevanti. Il-kontribut mis-Segretarjat għall-ispejjeż tal-organizzazzjoni tal-laqgħat barra s-sede tas-Segretarjat għandu jkun soġġett għar-regoli baġitarji interni tiegħu.

3.    Id-dati tal-laqgħat għandhom jinqablu bejn il-Presidenza, il-Viċi Presidenza u s-Segretarjat. Fil-prinċipju, dik id-deċiżjoni għandha ssir mill-inqas xahrejn qabel il-laqgħa rilevanti.

4.    L-abbozz tal-aġenda tal-laqgħa għandu jinqabel mill-Presidenza u mill-Viċi Presidenza. L-abbozz tal-aġenda u kwalunkwe dokument relatat miegħu għandhom jitqassmu lill-Partijiet u l-Osservaturi tal-anqas xahrejn qabel il-laqgħa rilevanti. Il-partijiet jistgħu jagħmlu kummenti u jipproponu entrati ġodda biex jiżdiedu. Il-materjal ta’ interess għalihom għandu wkoll jitqassam fost ir-rappreżentanti mistiedna skont il-paragrafu 2 tat-Taqsima II.

5.    Is-Segretarjat għandu jkun responsabbli mit-tħejjija tal-laqgħat. Huwa għandu jinforma lill-Presidenza u lill-Viċi Presidenza perjodikament u, fuq talba, dwar il-proċess tal-preparazzjoni u jsegwi t-talbiet u gwida tagħhom f’dan ir-rigward.

V.    LAQGĦAT TAL-KUNSILL MINISTERJALI — REGOLI PROĊEDURALI

1.    Il-laqgħat tal-Kunsill Ministerjali ma għandhomx ikunu pubbliċi sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Kunsill Ministerjali.

2.    Kull Parti jew parteċipant ieħor tal-laqgħa jista’ jkun akkumpanjat mill-uffiċjali li jassistuh. L-ismijiet u l-funzjonijiet ta' dawk l-uffiċjali għandhom ikunu notifikati bil-quddiem lis-Segretarjat. Bħala prinċipju, dawn l-uffiċjali ma għandhomx ikunu aktar minn tlieta għal kull Parti, u mhux iktar minn tnejn għal kull parteċipant ieħor waqt il-laqgħa. Madankollu, il-Presidenza tista’ tagħti parir ieħor fuq l-għadd massimu ta’ rappreżentanti għal kull delegazzjoni.

3.    Il-Kunsill Ministerjali għandu jitqies li laħaq il-kworum meħtieġ biss jekk l-erba’ Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea jkunu rappreżentati.

4.    Il-Kunsill Ministerjali għandu jaġixxi b’kunsens. Astensjoni minn Parti ma għandhiex iżżomm lill-Kunsill Ministerjali milli jieħu azzjoni sakemm ikun hemm kworum, kif meħtieġ mill-paragrafu 3 ta’ din it-Taqsima.

5.    L-aġenda tal-laqgħa għandha tiġi approvata fil-bidu tal-laqgħa. F’ċirkustanzi urġenti, jistgħu jiġu inklużi entrati ġodda matul il-laqgħa sakemm ikun hemm qbil bejn il-Presidenza u l-Viċi Presidenza.

6.    L-osservaturi jistgħu jagħmlu dikjarazzjonijiet fuq il-permess jew meta jiġu mistiedna mill-Presidenza.

7.    Il-persuni mistiedna skont il-paragrafu 2 tat-Taqsima II jistgħu jieħdu sehem fid-diskussjonijiet iżda ma għandhomx jipparteċipaw fil-Kunsill Ministerjali meta jkun qed jieħu azzjoni ta’ kwalunkwe tip.

8.    Il-konklużjonijiet ta’ kull laqgħa għandhom jitħejjew bl-assistenza tas-Segretarjat. Dawn għandhom jiġu ffirmati mill-Presidenza u mqassma lill-Partijiet u l-Osservaturi. F’każ li ma jkunx possibbli li jiġi ffinalizzat l-abbozz tal-Konklużjonjiet sal-aħħar tal-laqgħa rilevanti, il-Presidenza għandha tiżgura li dawn jiġu ffinalizzati u mqassma fi żmien sebat ijiem kalendarji wara l-laqgħa. Kwalunkwe Parti tista’ titlob korrezzjonijiet fi żmien sebat ijiem kalendarji minn meta tirċievi l-abbozz tal-Konklużjonijiet. Il-Presidenza għandha tagħmel arranġamenti biex il-verżjoni finali titqassam fi żmien sebat ijiem wara l-iskadenza għal kummenti.

9.    Kwalunkwe Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika jew Miżuri adottati fil-laqgħa għandhom jiġi rreġistrati fil-Konklużjonijiet.

10.    Il-konklużjonijiet tal-laqgħat bl-ebda mod ma jistgħu jillimitaw l-ambitu jew l-effetti tal-atti legali jew tat-Trattat. M’għandha ssir l-ebda dikjarazzjoni jew konklużjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet legali vinkolanti. Il-Konklużjonijiet tal-laqgħat ma għandhomx jiffurmaw parti mill-atti legali, u lanqas ma għandhom ikollhom xi effett normattiv.

VI.    FOROM TA’ AZZJONI U L-PROĊEDURA LI GĦANDHA TIĠI SEGWITA MILL-KUNSILL MINISTERJALI

1.    Il-Kunsill Ministerjali jaġixxi billi jadotta, skont il-każ:

- Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika u

- Deċiżjonijiet, Rakkomandazzjonijiet jew Opinjonijiet (flimkien imsejħa “Miżuri”).

L-adozzjoni tar-regoli maħsuba biex jiżguraw il-funzjonament tal-Kunsill Ministerjali kif ukoll l-adozzjoni ta’ rapporti li għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-adozzjoni ta’ Deċiżjonijiet.

2.    Hekk kif il-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika jew Miżuri jiġu adottati jew emendati, huma għandhom jiġu ffirmati minnufih mill-Presidenza u mbagħad ċċirkolati mis-Segretarjat lill-Partijiet kollha.

3.    Il-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika u Miżuri għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħhom, sakemm ma jipprevedux mod ieħor.

Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika

4.    Kwalunkwe Parti jew is-Segretarjat jista’ jitlob l-adozzjoni jew l-emendar tal-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika. It-talba għandha ssir bil-miktub, u għandu jkollha biżżejjed tagħrif li jispjega l-ħtieġa tal-adozzjoni jew l-emenda tal-Linji Gwida proposti mill-Kunsill Ministerjali.

5.    It-talba bil-miktub għandha titressaq mill-Parti li qed tagħmel it-talba lill-Presidenza b’kopja lill-Viċi Presidenza u lis-Segretarjat. Il-Presidenza għandha tinnotifika lill-Partijiet l-oħra kollha fi żmien sebat ijiem kalendarji wara li tkun ġiet waslet it-talba. Fejn meħtieġ, il-pożizzjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali għandu jintalab mill-Parti jew mis-Segretarjat li jagħmel it-talba rilevanti.

6.    Il-Presidenza, f’konsultazzjoni u bi qbil Viċi Presidenza, għandha torganizza t-tħejjija ta’ abbozz ta’ pożizzjoni tal-Kunsill Ministerjali, li għandha titressaq għad-diskussjoni fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ministerjali. L-abbozz tal-pożizzjoni għandu jintbagħat lill-Partijiet mill-anqas 30 jum kalendarju qabel il-laqgħa.

7.    F’każijiet debitament ġustifikati, jistgħu jiġu adottati jew emendati l-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika mingħajr ma jiġu rrispettati l-forom u l-proċeduri stipulati fil-paragrafi 4 sa 6 ta’ din it-Taqsima.

Miżuri

9.    Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jew regoli oħra stabbiliti mill-Kunsill Ministerjali għal każijiet speċifiċi, l-adozzjoni jew l-emendar tal-Miżuri għandu jsegwi l-istess proċedura.

10.    Kull talba għall-adozzjoni jew l-emendar ta’ Miżura minn Parti jew mis-Segretarjat għandha ssir bil-miktub mill-inqas 60 jum kalendarju qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali li fiha għandhom jiġu diskussi.

11.    It-talba għandha tintbagħat lill-Presidenza b’kopja lill-Partijiet kollha u lis-Segretarjat. Din għandha tkun akkumpanjata bi spjega rilevanti. Fejn meħtieġ, il-pożizzjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali għandu jintalab mill-Parti jew mis-Segretarjat li jagħmel it-talba rilevanti.

12.    F’każijiet debitament ġustifikati, jistgħu jiġu adottati jew emendati il-Miżuri mingħajr ma jiġu rrispettati l-forom u l-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 10 u 11 ta’ din it-Taqsima.

Adozzjoni il-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika u Miżuri bil-Korrispondenza

13.    Il-Kunsill Ministerjali jista’, fl-intervalli bejn il-laqgħat tiegħu, jadotta jew jemenda l-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika jew l-Miżuri bil-korrispondenza. Il-Presidenza, fuq talba minn Parti jew mis-Segretarjat biex il-Linji Gwida Ġenerali ta’ Politika jew il-Miżura li għandha tittieħed permezz tal-korrispondenza, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, għandha tiddeċiedi, b’konsultazzjoni u bi qbil mal-Viċi Presidenza, jekk is-suġġett jiġġustifikax li għandha tiġi segwita proċedura permezz ta’ korrispondenza.

14.    Fejn il-Presidenza ddeċidiet li għandha tiġi segwita proċedura bil-korrispondenza, għandha tagħti struzzjonijiet lis-Segretarjat biex jibgħat it-talba lil kull Parti flimkien ma’ din l-informazzjoni kif il-Presidenza, b’konsultazzjoni u bi qbil mal-Viċi-Presidenza, tqis li jkun meħtieġ. Il-Presidenza, f’konsultazzjoni u bi qbil mal-Viċi Presidenza, għandha tispeċifikaa wkoll jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet, jistgħu jsiru emendi fit-talba magħmula mill-Partijiet.

15.    Il-Presidenza, b’konsultazzjoni u bi qbil mal-Viċi Presidenza, għandha tiddetermina sa liema data u siegħa t-tweġibiet għandhom jaslu, li fl-ebda każ ma għandha tkun aktar kmieni minn 10 ijiem kalendarji mid-data tat-trażmissjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punt 14 ta’ din it-Taqsima. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, fuq talba jew fid-diskrezzjoni tagħha stess, il-Presidenza tista’, f’konsultazzjoni u bi qbil mal-Viċi Presidenza, testendi l-limitu ta’ żmien biex jintlaqgħu tweġibiet. Kwalunkwe Parti li ma tirrispondix bil-miktub (inkluż bl-email) fil-limitu ta’ żmien partikolari għandha titqies li astjeniet.

VII.    ŻVELAR TA’ INFORMAZZJONI

1.    Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, id-dokumenti ffinalizzati tal-il-laqgħat (aġenda, Konklużjonijiet, eċċ.) għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tas-Segretarjat.

2.    Id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Kunsill Ministerjali għandu jiġi stabbilit mill-Kumitat tat-Tmexxija Reġjonali skont l-Artikolu 38(2) u (3) tat-Trattat.

VIII.    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

1.    Osservaturi u persuni mistiedna skont il-paragrafu 2 tat-Taqsima II għandhom isegwu kull rekwiżit ta’ kunfidenzjalità li japplikaw għall-Partijiet. Tali rekwiżiti għandhom ikunu riflessi fil-Konklużjonijiet tal-laqgħa rilevanti.

2.    Persuni mistiedna skont il-paragrafu 2 tat-Taqsima II għandhom, qabel ma jattendu d-diskussjonijiet rilevanti, jintalbu jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità. Din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi impenn biex jiġu rrispettati r-regoli dwar il-kunfidenzjalità msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ din it-Taqsima. Huma għandhom jiġu esklużi minn dawn id-diskussjonijiet f’każ li jirrifjutaw li jiffirmaw din id-dikjarazzjoni.

3.    L-atti kollha tal-Kunsill Ministerjali għandhom jiġu ffirmati mill-Presidenza.

4.    Kwalunkwe emenda f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom ikunu adottati b’Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali.

5.    Jekk l-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għal sitwazzjoni speċifika tagħti lok għal diffikultà ta’ interpretazzjoni, il-Presidenza, f’konsultazzjoni u bi qbil mal-Viċi Presidenza, għandha tipprovdi parir biex issolvi s-sitwazzjoni.

6.    Wara sena mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, abbażi tal-esperjenza prattika tal-applikazzjoni tagħhom, is-Segretarjat jista’ jipproponi emendi f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura li huwa jqis utli jew meħtieġa. Meta Parti tkun tixtieq tipproponi emenda bħal din, hi għandha l-ewwel tikkonsulta lis-Segretarjat.

Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħhom mill-Kunsill Ministerjali.

Top