Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0424

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

    COM/2017/0424 final - 2017/0190 (COD)

    Brussell, 11.8.2017

    COM(2017) 424 final

    2017/0190(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 1 introduċa l-hekk imsejjaħ obbligu tal-ħatt l-art, jiġifieri l-obbligu progressiv li jinħattu l-art il-qabdiet kollha tal-istokkijiet li għalihom hemm limiti tal-qbid jew daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni. Fil-prinċipju, il-metodi ta’ implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt iridu jiġu ddefiniti fi pjanijiet ta’ ġestjoni reġjonali pluriennali adottati permezz tal-kodeċiżjoni. Madankollu, peress li kien mistenni li l-adozzjoni tal-pjanijiet pluriennali tkun teħtieġ xi żmien, bħala soluzzjoni temporanja, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi l-adozzjoni ta’ atti delegati tal-Kummissjoni li jistabbilixxu pjanijiet għall-iskartar imfassla permezz ta’ rakkomandazzjoni konġunta mill-Istati Membri kkonċernati għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin. Il-pjanijiet tal-iskartar jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sajd jew dwar l-ispeċijiet li huma diġà koperti mill-obbligu ta’ ħatt l-art, jew xi kultant jintroduċu dan l-obbligu qabel l-iskadenza prevista mir-Regolament (UE) Nru 1380/2013, li jipprevedi, fost l-oħrajn, eżenzjonijiet de minimis u ta’ sopravivenza għolja, dispożizzjonijiet dwar id-dokumentazzjoni dwar il-qabdiet u, fejn ikun il-każ, l-iffissar ta’ daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni.

    L-ewwel Regolamenti delegati tal-Kummissjoni li jistabbilixxu l-pjanijiet ta’ skartar daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015 u se jiskadu fi tmiem l-2017. Wara li jiskadi l-perjodu inizjali ta’ tliet snin, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati li jkun fihom esklussivament eżenzjonijiet de minimis, peress li, fil-prinċipju, il-pjanijiet pluriennali għandhom jintużaw biex jinkiseb l-għan ta’ sfruttar sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u għandhom ikunu jirriflettu l-ispeċifiċitajiet ta’ setturi differenti tas-sajd u jkun fihom is-setgħat meħtieġa għall-adozzjoni ta’ atti delegati li jkunu jinkludu l-flessibbiltajiet l-oħra meħtieġa għall-implimentazzjoni bla xkiel tal-obbligu ta’ ħatt l-art.

    Sal-lum, hemm biss fis-seħħ il-pjan pluriennali tal-Baltiku 2 , billi ż-żewġ proposti tal-Kummissjoni għal pjan pluriennali għall-ħut tal-qiegħ fil-Baħar tat-Tramuntana u għall-ħut pelaġiku ż-żgħir fl-Adrijatiku bħalissa qed jiġu nnegozjati bejn il-koleġiżlaturi 3 . F’dan l-isfond, jeħtieġ li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta pjanijiet għall-iskartar għal perjodu totali massimu ta’ tliet snin oħra biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam tal-politika

    Din il-proposta hija marbuta ma’ dispożizzjoni fundamentali tal-Politika Komuni tas-Sajd riformata, jiġifieri l-obbligu ta’ ħatt l-art. Hija maħsuba biex tiffaċilita l-implimentazzjoni mingħajr xkiel tagħha, billi l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta, permezz ta’ att delegat, il-flessibbiltajiet meħtieġa, sakemm ma jkunx hemm fis-seħħ pjanijiet reġjonali pluriennali adottati permezz tal-kodeċiżjoni.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Billi tagħti kontribut għall-implimentazzjoni bla xkiel tal-obbligu ta’ ħatt l-art, li huwa maħsub sabiex tiżdied is-selettività u jitnaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa, il-proposta tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika, li huma l-objettivi ewlenin ta’ bosta politiki tal-Unjoni.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li skontu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Mhux applikabbli, minħabba li din il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE.

    Proporzjonalità

    Il-proposta hija maħsuba biss biex tiġi estiża s-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati li jistabbilixxu pjanijiet ta’ skartar għal perjodu addizzjonali ta’ tliet snin, minħabba dewmien fl-adozzjoni tal-pjanijiet pluriennali. Din l-estensjoni hija neċessarja u xierqa għall-implimentazzjoni bla xkiel tal-obbligu ta’ ħatt l-art. Minħabba l-iskeda ta’ żmien stretta tagħha, ma tqajjem l-ebda kwistjoni ta’ proporzjonalità.

    Għażla tal-istrument

    Huwa biss Regolament li jkun ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill li jista’ jemenda Regolament adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja b’konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhux applikabbli.

    Din hija sempliċi estensjoni temporanja tal-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta pjanijiet għall-iskartar permezz ta’ atti delegati sakemm jidħlu fis-seħħ il-pjanijiet pluriennali li jkopru wkoll l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-livell tal-baċir tal-baħar u l-ispeċijiet b’konformità mal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Għaldaqstant mhix meħtieġa evalwazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd riformata kollha kemm hi.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Għalkemm ma saret l-ebda konsultazzjoni formali, minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, il-Kummissjoni rċeviet diversi ittri kemm mill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll minn partijiet konċernati li jesprimu t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas attwali ta’ għoti ta’ setgħa li jiġġeddu l-pjanijiet għall-iskartar li jiskadu fi tmiem is-sena.

    L-obbligu tal-ħatt l-art huwa bidla fundamentali u importanti, u bħala tali, l-implimentazzjoni tiegħu hija sfida kbira għas-settur. F’dan l-isfond, jeħtieġ li tiġi żgurata l-possibbiltà li jiddaħħlu fis-seħħ il-flessibilitajiet meħtieġa li jiffaċilitaw l-introduzzjoni gradwali tal-obbligu tal-ħatt l-art.

    Qabel l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd riformata, saret konsultazzjoni pubblika estensiva u mal-esperti, li kienet tinkludi d-dispożizzjonijiet relatati mal-obbligu tal-ħatt l-art.

    Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi

    Mhux applikabbli.

    Din hija sempliċi estensjoni temporanja tal-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta pjanijiet għall-iskartar permezz ta’ atti delegati sakemm jidħlu fis-seħħ il-pjanijiet pluriennali li jkopru wkoll l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-livell tal-baċir tal-baħar. Qabel l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd riformata, saret konsultazzjoni pubblika estensiva u mal-esperti, li kienet tinkludi d-dispożizzjonijiet relatati mal-obbligu tal-ħatt l-art.

    Il-valutazzjoni tal-impatt

    Mhux applikabbli.

    Din hija sempliċi estensjoni temporanja tal-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta pjanijiet għall-iskartar permezz ta’ atti delegati sakemm jidħlu fis-seħħ il-pjanijiet pluriennali li jkopru wkoll l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-livell tal-baċir tal-baħar. Peress li l-impatt ekonomiku, ambjentali jew soċjali tal-proposta mhuwiex sinifikanti, valutazzjoni tal-impatt ġdida mhijiex meħtieġa.

    Qabel l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd riformata, saret valutazzjoni sħiħa tal-impatt, li kienet tinkludi d-dispożizzjonijiet relatati mal-obbligu tal-ħatt l-art.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Mhux applikabbli.

    Drittijiet fundamentali

    Mhux applikabbli.

    Din hija sempliċement estensjoni temporanja tal-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta pjanijiet għall-iskartar permezz ta’ atti delegati. Ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Mhux applikabbli.

    Din hija sempliċement estensjoni temporanja tal-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta pjanijiet għall-iskartar permezz ta’ atti delegati. Hija ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    B’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment dwar l-eżerċizzju tas-setgħat iddelegati tagħha. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu, fi kwalunkwe waqt, jirrevokaw l-għoti tas-setgħa.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Mhux applikabbli.

    Din hija proposta għal regolament.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Il-proposta tinkludi dispożizzjoni sostantiva waħda biss, li temenda l-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 bl-għan li testendi l-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta pjanijiet għall-iskartar permezz ta’ atti delegati għal perjodu addizzjonali ta’ tliet snin, sakemm ma jkunx hemm pjanijiet pluriennali fis-seħħ għall-baċiri tal-baħar ikkonċernati.

    2017/0190 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 4 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 jistabbilixxi l-obbligu tal-ħatt l-art tal-qabdiet kollha tal-ispeċijiet li huma soġġetti għal limiti tal-qbid u, fil-Mediterran, anki l-ħatt l-art tal-qabdiet ta’ ċerti speċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi (“l-obbligu ta’ ħatt l-art”).

    (2)Il-pjanijiet pluriennali msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u l-pjanijiet ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 6 (minn hawn ’il quddiem imsejħin il-“pjanijiet għall-iskartar”) għandhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati maħsuba biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art.

    (3)L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi li, fin-nuqqas ta’ pjanijiet pluriennali jew ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta pjanijiet għall-iskartar tal-ħut fuq bażi temporanja u għal perjodu ta’ mhux iżjed minn tliet snin.

    (4)L-esperjenza wriet li l-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet pluriennali jew ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni li jinkludu pjanijiet ta’ skartar jieħdu iktar żmien milli kien previst fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    (5)Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit il-perjodu li matulu l-Kummissjoni tista’ tadotta pjanijiet għall-iskartar fin-nuqqas ta’ pjanijiet pluriennali jew ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni.

    (6)Jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 qed jinbidel b’dan li ġej:

    “6. Fejn ma jiġi adottat l-ebda pjan pluriennali jew l-ebda pjan ta’ ġestjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 għat-tip ta’ sajd inkwistjoni, il-Kummissjoni b’dan għandha s-setgħa tadotta, f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament, atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 46 ta’ dan ir-Regolament, li jistabbilixxu, fuq bażi temporanja, pjanijiet ta’ skartar speċifiċi li jkun fihom l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu għal perjodu inizjali ta’ mhux aktar minn tliet snin li jista’ jiġġedded għal perjodu totali ieħor ta’ tliet snin. L-Istati Membri jistgħu jikkooperaw, f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament, fit-tfassil tat-tali pjan bil-ħsieb li l-Kummissjoni tadotta t-tali atti jew li din tippreżenta proposta skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
    (2) Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1).
    (3) COM/2016/0493 final - 2016/0238 (COD) u COM/2017/097 final - 2017/043 (COD).
    (4) ĠU C , , p. .
    (5) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
    (6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).
    Top