This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017IR2108
Opinion of the European Committee of the Regions — Climate finance: an essential tool for the implementation of the Paris Agreement
Opinjoni tal-Kumitat Eropew tar-Reġjuni — Il-finanzjament tal-azzjoni klimatika: għodda essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi
Opinjoni tal-Kumitat Eropew tar-Reġjuni — Il-finanzjament tal-azzjoni klimatika: għodda essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi
ĠU C 54, 13.2.2018, pp. 9–13
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
13.2.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 54/9 |
Opinjoni tal-Kumitat Eropew tar-Reġjuni — Il-finanzjament tal-azzjoni klimatika: għodda essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi
(2018/C 054/03)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
|
1. |
ifakkar li attwalment teżisti evidenza xjentifika indiskutibbli dwar it-tisħin globali u li dan it-tibdil se jkollu effetti sinifikanti u dejjem jikbru fuq l-ekonomija u fuq is-soċjetà b'mod ġenerali. B’mod partikolari, it-tibdil fil-klima għandu impatt kbir fuq it-territorju mmexxi mill-awtoritajiet lokali u reġjonali. Ħafna drabi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu minn ta' quddiem nett sabiex itaffu l-ħsara kkawżata minn fenomeni naturali li qed isiru dejjem aktar estremi u sabiex jinvestu f'miżuri ta' adattament; |
|
2. |
jinsab imħasseb dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima anke lil hinn mill-konfini tal-UE, fejn ta' spiss huma ftit il-kapaċitajiet sabiex jiġu indirizzati avvenimenti ambjentali estremi u sabiex it-territorju jiġi adattat għat-tibdil attwali, u jfakkar li dan jista' jkollu effetti diretti anke fuq il-fenomeni migratorji; |
|
3. |
iqis li, minkejja xi diffikultajiet marbuta mal-limitazzjonijiet baġitarji, mal-kapaċitajiet ta' ppjanar fit-tul u mal-ġestjoni ta' proġetti kumplessi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE għandhom marġnijiet tajbin sabiex itejbu l-kapaċità tagħhom li jwettqu investimenti (u sabiex jattirawhom minn barra) fil-qasam tat-tibdil fil-klima; Dan l-impenn huwa essenzjali biex titjieb aktar il-prestazzjoni ġenerali tajba tal-UE li bħalissa hija responsabbli għal 9,6 % tal-emissjonijiet globali ta’ CO2; |
|
4. |
jenfasizza li l-investimenti meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-isfidi marbuta mat-tibdil fil-klima huma kbar ħafna u ma jistgħux jiġu koperti b'riżorsi lokali u reġjonali u lanqas b'riżorsi pubbliċi biss. Għaldaqstant jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi internazzjonali, Ewropej u nazzjonali li għandhom l-għan li jimmobilizzaw l-investimenti privati. |
L-azzjonijiet internazzjonali
|
5. |
jisħaq għal darb'oħra, li l-problema tat-tibdil fil-klima hija waħda globali, iżda sabiex tiġi indirizzata bl-aktar mod effettiv huwa meħtieġ approċċ ta' governanza f'diversi livelli u bil-parteċipazzjoni ta' diversi partijiet ikkonċernati. Fid-dawl ta' dan, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda, anke fir-rigward tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġi rikonoxxut u sfruttat sabiex l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi jintlaħqu b'mod aktar effettiv; |
|
6. |
minkejja l-ambizzjonijiet relattivament impressjonanti u l-impenn muri minn xi pajjiżi li qed jiżviluppaw, mhuwiex aktar aċċettabbli l-progress kajman fil-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi min-naħa ta' xi pajjiżi u lanqas mhuwa aċċettabbli li l-Istati Uniti tal-Amerika jirtiraw mill-impenji meħuda. Il-Kumitat tar-Reġjuni jtenni bis-sħiħ li ż-żamma tal-objettivi tal-Ftehim mhijiex għażla iżda bżonn. Għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex l-UE tkun tista' tkun il-mexxej internazzjonali veru fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, filwaqt li tilqa' bis-sħiħ l-opportunitajiet ta' innovazzjoni u żvilupp relatati ma' tranżizzjoni gradwali lejn mudell ekonomiku u finanzjarju ġdid; |
|
7. |
iqis neċessarju li l-COP23 li jmiss f' Bonn ma tillimitax ruħha sabiex tkun laqgħa bejn esperti iżda li tkun tista' tikkonkludi bi progress sostanzjali lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Pariġi, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-aspetti relatati mal-finanzjamenti għall-azzjoni klimatika (il-bżonn li jiġi stimolat il-finanzjament għall-klima fit-tul, reviżjoni tal-mekkaniżmu finanzjarju, eċċ.); |
|
8. |
jipproponi li matul il-perkors ta’ aġġustament lejn il-COP24 futura f’Katowice, tinbeda diskussjoni internazzjonali fi ħdan l-UNFCCC dwar liema indikaturi jistgħu eventwalment jintrabtu mal-kunċett tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra sabiex titressaq azzjoni kontra t-tibdil fil-klima li tkun aktar effikaċi; |
|
9. |
iqis li, f'kuntest internazzjonali fejn xi pajjiżi diġà wrew ambizzjoni limitata, ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa fundamentali biex jinvolvu u jagħmlu l-popolazzjoni konxja dwar is-suġġett tat-tibdil fil-klima, sabiex jiġi attirat l-investiment kif ukoll sabiex jiġu implimentati proġetti konkreti. Madankollu, sabiex dan l-impenn jitwettaq, huwa meħtieġ li jkun hemm għarfien, disponibbiltà u kapaċità ta' ġestjoni finanzjarja diretta min-naħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. F'dan ir-rigward, il-Kumitat jenfasizza r-riżultati tajbin li qed jikseb il-Patt tas-Sindki u l-ftuħ riċenti tiegħu lil hinn mill-konfini tal-UE. Għalhekk il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ l-inizjattiva u tippromovi kemm jista' jkun il-Patt Globali tas-Sindki, billi tipprovdi assistenza finanzjarja u teknika, speċjalment fil-pajjiżi li fihom jidher ċar li l-ambizzjoni nazzjonali mhix biżżejjed; |
|
10. |
jirrikonoxxi li parti mis-soluzzjoni hija marbuta ma' funzjonament aktar effiċjenti tas-swieq finanzjarji globali. Għalhekk iqis li hija prijorità li l-investituri jkunu jafu aħjar ir-riskji u l-opportunitajiet marbuta mat-tibdil fil-klima, b'mod li jkunu jistgħu jindirizzaw ruħhom lejn investimenti aktar sostenibbli, u jilqa' bi pjaċir ir-rakkomandazzjonijiet finali tal-grupp ta' ħidma għat-trasparenza tal-informazzjoni dwar l-espożizzjoni finanzjarja relatata mat-tibdil fil-klima tal-Kunsill għall-istabbiltà finanzjarja. Madankollu, il-Kumitat tar-Reġjuni jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-effetti tal-iżvelar tar-riskji tal-klima sabiex f'dan il-qasam tkun tista' tintuża għodda ta' mitigazzjoni tal-ispejjeż għall-awtoritajiet lokali u reġjonali pereżempju, fil-każ li l-ispejjeż tal-assigurazzjoni jiżdiedu b'rata mgħaġġla; |
|
11. |
jilqa' l-inizjattiva tal-OECD li tibni s-Centre on Green Finance and Investment (Ċentru dwar il-Finanzi u l-Investimenti Ekoloġiċi) bl-objettiv li tappoġġja t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, b'livell baxx ta' emissjonijiet u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, u jistenna bil-ħerqa koordinazzjoni bejn l-inizjattivi internazzjonali u l-inizjattivi Ewropej. |
L-azzjonijiet Ewropej
|
12. |
jirrikonoxxi li l-UE tat bidu għal bosta inizjattivi xierqa dwar is-suġġett tal-finanzjamenti għall-klima bħat-tnedija min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea tal-grupp ta' esperti ta' livell għoli rigward il-finanzi sostenibbli, il-Fond Ewropew għall-effiċjenza fl-enerġija, l-obbligi ekoloġiċi (Bond għal Kuxjenza Dwar il-Klima) tal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-mekkaniżmu ta' assistenza Ewropea għall-Enerġija lokali (ELENA), iddedikat sabiex jipprovdi assistenza teknika, l-istrumenti finanzjarji tal-programm LIFE, u ħafna oħrajn. B'mod partikolari, il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon ir-referenzi għas-suġġett tas-sostenibbiltà ambjentali fil-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU); Filwaqt li dawn l-inizjattivi kollha huma valutati b’mod pożittiv ħafna, il-KtR jirrakkomanda li tiġi evitata kull sovrappożizzjoni u li jittieħed kont sħiħ tal-koordinazzjoni bejn il-politiki u l-inizjattivi kollha fil-livell Ewropew; |
|
13. |
b'mod partikolari, sabiex ikun hemm titjib fil-koordinazzjoni tal-inizjattivi attwali u biex tiġi ggarantita aktar koerenza tal-politiki Ewropej, jagħti parir lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tivvaluta s-sinerġiji possibbli bejn il-grupp ta' esperti ta' livell għoli dwar il-finanzi sostenibbli u l-grupp ta' esperti ta' livell għoli li nħoloq reċentament “Support to Circular Economy Financing” (Appoġġ għall-Finanzjament tal-Ekonomija Ċirkolari); |
|
14. |
jipproponi, fid-dawl tad-diskussjoni dwar il-qafas finanzjarju pluriennali ġdid (QFP) tal-UE li se jibda jopera wara l-2020, li s-suġġetti tat-tibdil fil-klima u tas-sostenibbiltà jsiru karatteristika dominanti trasversali għall-programmi kollha ta' finanzjament, b'objettivi ta' livelli ta' allokazzjonijiet minimi li huma indirizzati għall-klima kemm għall-QFP fl-intier tiegħu kif ukoll għall-programmi ewlenin ta' finanzjament (mill-fondi strutturali sal-programm qafas ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni) u jappella sabiex dawn il-prijoritajiet ikunu konformi mal-għanijiet tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE; |
|
15. |
jissuġġerixxi li l-valutazzjoni ta' impatt ex-ante tal-proposti leġislattivi tal-UE tkun dejjem akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt klimatiku u tal-kontribut sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi. Din l-attività għandha tkun il-prekursur għall-iżvilupp ta’ strateġija għal perjodu fit-tul omoġena u sostenibbli rigward il-klima li tippermetti aktar investiment fl-adattament għall-klima, kif innotat ukoll reċentement il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (1); |
|
16. |
jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tagħti mandat lill-Awtorità Bankarja Ewropea sabiex fl-iqsar żmien possibbli (iżda wara l-konsultazzjoni adegwata tal-partijiet interessati rilevanti u jiġi inkluż is-settur privat kif xieraq) tħejji klassifikazzjoni preċiża ta' assi sostenibbli li tkun tinkludi definizzjonijiet ċari u vinkolanti ta' “finanzi għall-klima”, “finanzi ekoloġiċi”, “finanzi sostenibbli” u “finanzi ċirkolari”, fejn il-punt tat-tluq ikunu l-inizjattivi eżistenti (bħal, pereżempju l-obbligi ekoloġiċi tal-BEI). Barra minn hekk, tassonomija komuni Ewropea, għandha tkun akkumpanjata minn linji gwida għall-investituri u minn tikkettar adatt, abbażi ta' indikaturi xierqa ta' prestazzjoni, sabiex b'hekk tista' tingħata valutazzjoni sintetika u sempliċi tal-kwalità tal-assi; |
|
17. |
jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, biex joħolqu sistema regolatorja stabbli u prevedibbli għal investimenti relatati mat-tibdil fil-klima. Dan huwa ta’ importanza kbira biex jitrawwem l-involviment tas-settur privat fil-finanzjament għall-klima; |
|
18. |
iħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex, meta jirrevedu r-regolamentazzjoni prudenzjali bankarja, iqisu serjament il-possibbiltà li jinkludu “fattur ta' sostenn ekoloġiku” fuq il-mudell tal-fattur ta' sostenn infrastrutturali propost mill-Kummissjoni Ewropea fir-reviżjoni attwali tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRR), sabiex ir-riżorsi jkunu jistgħu jintużaw għall-investimenti privati bi tnaqqis fl-obbligi tal-kapital għal istituzzjonijiet li jippermettu self għall-investimenti sostenibbli u għall-klima; |
|
19. |
jirrikonoxxi li suq effikaċi u effiċjenti tal-permessi ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra, u li jkun regolat mill-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS), huwa parti mis-soluzzjoni għall-problema tat-tibdil fil-klima, jekk jiġi implimentat flimkien ma’ politika ambizzjuża dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli. Għalhekk jiddispjaċih li l-proposta biex tiġi emendata l-iskema ETS ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fl-2015 għadha ma kisbitx l-approvazzjoni finali, filwaqt li l-prezzijiet għall-permessi ta' emissjonijiet għadhom baxxi wisq. Il-kumitat itenni li perċentwal minimu ta’ dħul mill-irkant tal-ETS għandu jiġi amministrat direttament mill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jinvestu fit-titjib tar-reżiljenza lokali. Il-Kumitat jistieden ukoll lill-Kummissjoni tivvaluta miżuri eċċezzjonali, bħal pereżempju tistabbilixxi livell minimu tal-prezzijiet tal-karbonju jew terġa' tivvaluta taxxa Ewropea fuq il-karbonju; |
|
20. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiċċara l-inċertezzi rigward l-investiment fil-bijokarburanti – minħabba l-fatt li għal dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni tat biss derogi temporanji mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat f’dak li għandu x’jaqsam ma’ taxxi fuq l-enerġija u taxxi fuq il-karbonju – u huwa daqstant importanti li jitnaqqas il-piż amministrattiv relatat mal-enerġija rinnovabbli, sabiex jiġi evitat li dawn huma ogħla minn dawk għal karburanti fossili; |
|
21. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ il-kwota tal-baġit immirata għall-azzjonijiet tal-klima u għas-sostenibbiltà ambjentali fil-programmi tagħha ta' għajnuna għall-iżvilupp u li huma mmirati għall-pajjiżi terzi, fuq il-bażi ta' dak li ġie approvat reċentament mill-Parlament Ewropew fir-Regolament li jwaqqaf il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) li stabbilixxa mira ta' 28 % tal-baġit totali għall-investimenti klimatiċi. Barra minn hekk, jitlob li l-proġetti jipprevedu parteċipazzjoni akbar min-naħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE bl-għan li dawn jikkondividu l-esperjenzi tagħhom ta' suċċess mal-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' pajjiżi terzi u, fl-istess waqt, iżidu l-għarfien. Il-prinċipji tal-“ġustizzja klimatika” għandhom ikunu fil-qalba tal-impenji li jsiru f’livell internazzjonali sabiex jiġi żgurat li l-investimenti jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jgħinu l-komunitajiet l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, anke billi tinħoloq klima ta’ kooperazzjoni bejn atturi pubbliċi u privati, f’konformità ma’ dak li hemm stabbilit fl-Objettiv 17 tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (2); |
|
22. |
jenfasizza li, xi minn daqqiet, il-leġislazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u/jew l-istandards Ewropej tal-Kontabbiltà għall-awtoritajiet pubbliċi, li ta' spiss huma stretti, jistgħu jikkumplikaw aktar l-investimenti ambjentali u dawk relatati mal-klima. Għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tivverifika jekk hemmx spazju għall-immanuvrar sabiex dawn l-investimenti jsiru aktar favorevoli mil-lat tal-kontabbiltà; |
|
23. |
iqis utli l-ħolqien ta' għodda ad hoc biex ittejjeb il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jindirizzaw l-inizjattivi eżistenti diversi, jaċċessaw finanzjamenti għall-klima u jiksbu assistenza teknika xierqa. Għalhekk, il-KtR joffri l-appoġġ xieraq tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea għat-tfassil ta' manwal operattiv li joffri mmappjar sempliċi u komplut tal-opportunitajiet ta' finanzjament fil-livell Ewropew u internazzjonali mmirat għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. jissuġġerixxi wkoll li sinteżi tal-immappjar tista' tkun disponibbli għall-partijiet interessati kollha permezz ta' portal web, b'mod li tkun tista' toffri sors ta' informazzjoni uniku li jiġbor fil-qosor il-fondi disponibbli kollha sabiex jiġu ffinanzjati azzjonijiet għall-klima; |
L-azzjonijiet nazzjonali u lokali
|
24. |
jitlob lill-Istati Membri jinvolvu aktar l-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-definizzjoni tal-pjani nazzjonali għall-enerġija u l-klima bl-għan li tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn il-pjani nazzjonali u dawk lokali u reġjonali, f'konformità mal-Artikolu 4 tal-Ftehim ta' Pariġi li jirregola l-kontributi ddeterminati fil-livell nazzjonali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra; |
|
25. |
ifakkar fil-proposta tiegħu biex jittejjeb l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li hija indikata fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “It-twassil tal-benefiċċji tal-politiki ambjentali tal-UE permezz ta’ Analiżi regolari tal-Implimentazzjoni Ambjentali – COM(2016)316 (3)” li fiha jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkollabora mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kompetenti, mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni nnifsu, mal-Patt tas-Sindki tal-UE, mal-Patt Globali tas-Sindki għall-klima u l-enerġija u mal-Kunsill Internazzjonali għall-Inizjattivi Ambjentali Lokali (ICLEI) fir-rigward tal-iżvilupp tal-kunċett ta' “kontributi stabbiliti fil-livell lokali u reġjonali” u tal-metodi sabiex jiġu introdotti dawn il-kontributi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali pijunieri f'dan il-qasam jiġu involuti fuq bażi volontarja ta' “prova tal-validità tal-kunċett”. |
|
26. |
jissuġġerixxi li l-pjani nazzjonali għall-enerġija u l-klima jinkludu programmi ta' investimenti klimatiċi fuq medda ta' żmien medju dwar l-azzjonijiet ewlenin ippjanati, identifikati skont il-livell (nazzjonali jew sottonazzjonali) u skont l-appoġġ meħtieġ sabiex tiġi indirizzata kull lakuna fil-finanzjament, anke sabiex għal dan il-għan jiġu vvalutat l-użu ta' għodod finanzjarji innovattivi; |
|
27. |
fid-dawl tal-importanza tal-pjani ta' azzjoni għall-enerġija sostenibbli sabiex jintlaħqu l-kontributi ddeterminati fil-livell nazzjonali u tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, jipproponi li wieħed jipprova jinvolvi b'mod effettiv l-awtoritajiet lokali u reġjonali filwaqt li jiġu ssemplifikati l-implimentazzjoni ta' dawn il-pjani, il-proċess ta' rappurtar u s-sistema ta' monitoraġġ tagħhom; L-allinjament bejn strateġiji nazzjonali u l-Pjani ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli u l-Klima (SECAP) tal-awtoritajiet lokali għandu jitqies f’dan ir-rigward. Ir-riżorsi għal SECAPs, f’konformità mal-metodoloġija tal-Patt tas-Sindki, għandhom jiġu promossi aktar mill-Kummissjoni u appoġġjati mill-gvernijiet nazzjonali; |
|
28. |
jirrikonoxxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu megħjuna sabiex ikollhom fehim ċar tar-riskji klimatiċi fit-territorju tagħhom sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet bl-aħjar mod possibbli. Li jittejbu l-valutazzjoni soċjoekonomika, ir-rappurtar u l-komunikazzjoni jgħin biex jiġi artikolat l-impatt tal-azzjoni klimatika fuq is-soċjetà, l-informazzjoni għat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-allokazzjoni tar-riżorsi. L-immappjar tar-riskji ambjentali disponibbli permezz tal-pjattaforma Ewropea dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (Climate-ADAPT) (4) hija inizjattiva pożittiva u utli, minkejja li mhijiex daqstant magħrufa u, f'dak li għandu x'jaqsam mad-data reġjonali u lokali, hija magħmula minn informazzjoni frammentata. Hemm bżonn ġenerali biex titqajjem kuxjenza dwar l-azzjoni tal-UE u l-għodod għall-adattament tal-klima fil-livell lokali. Għalhekk il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni Ewropea żżid l-appoġġ għall-pjattaforma sabiex tikkompleta d-data u xxerred ir-riżultati b’aktar attenzjoni mogħtija lil-livell reġjonali u dak lokali bħala l-ewwel intervent fi kriżi; |
|
29. |
jixtieq jenfasizza wkoll l-importanza li jiġu żviluppati strumenti bħalma huma l-bonds ekoloġiċi u l-garanziji kollettivi sabiex jiġi ffaċilitat il-finanzjament. Dawn jistgħu jiġu żviluppati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali bil-kooperazzjoni jew bl-appoġġ ta’ istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej. Bħalissa hemm bosta eżempji tajbin ta’ dan; |
|
30. |
jistieden lill-Istati Membri jippremjaw l-azzjonijiet ta' finanzjament għall-klima mmexxija mill-awtoritajiet lokali permezz ta' programmi speċifiċi (kif previst pereżempju mill-Patt dwar il-Klima tal-Lussemburgu (5), li jiggarantixxi riżorsi addizzjonali għall-awtoritajiet lokali li qed jimpenjaw ruħhom sabiex jimplimentaw ċerti azzjonijiet ta' effiċjenza fl-enerġija), jew itaffu restrizzjonijiet interni li jista' jkun hemm rigward finanzi pubbliċi, jew, aktar minn hekk, jagħtu forom oħra ta' appoġġ; |
|
31. |
iħeġġeġ lil dawk kollha li jfasslu l-politika u b'mod partikolari 'l-gvernijiet nazzjonali jipproponu u jimplimentaw miżuri kuraġġużi, li fl-ewwel lok ma jħarsux lejn il-gwadann elettorali ta' qasir żmien iżda lejn il-konsegwenzi tal-azzjonijiet (jew in-nuqqas ta' azzjonijiet) għall-ġenerazzjonijiet futuri, kemm f'termini ta' saħħa u kwalità ambjentali kif ukoll f'termini ekonomiċi. Għaldaqstant jissuġġerixxi li s-sussidji għall-attivitajiet ekonomiċi b'impatt ambjentali għoli (u b'hekk ikkaratterizzati minn emissjonijiet għoljin) u filwaqt li jitqiesu r-riskji ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, jitnaqqsu gradwalment sal-punt li jispiċċaw għalkollox fi żmien raġonevolment qasir u fi kwalunkwe każ sal-2035. |
|
32. |
jirrakkomanda li jiġu żviluppati pakketti ta’ miżuri ġenerali komuni u integrati fil-qasam tat-titjib tal-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis tal-marka tal-karbonju kemm għal binjiet antiki kif ukoll għal dawk ġodda, jiġi applikat rekwiżit minimu ta’ effiċjenza u ta’ prestazzjoni tal-enerġija għal bini ġdid, kif ukoll jiġu mmobilizzati l-finanzjamenti meħtieġa biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini eżistenti. |
Brussell, l-10 ta' Ottubru 2017.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Karl-Heinz LAMBERTZ
(1) “Landscape review: EU action on energy and climate change 2017.” http://www.eca.europa.eu/en/Pages/DocItem.aspx?did=41824
(2) Goal 17: Revitalize the global partnership for sustainable development: http://www.un.org/sustainabledevelopment/globalpartnerships/
(3) Abbozz ta' Opinjoni ENVE-VI/021, li se tiġi vvutata fil-plenarja ta' Ottubru 2017, bit-titolu Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR).
(4) http://climate-adapt.eea.europa.eu/
(5) http://www.pacteclimat.lu/fr