This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016IP0478
European Parliament resolution of 1 December 2016 on liability, compensation and financial security for offshore oil and gas operations (2015/2352(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2016 dwar ir-responsabbiltà, il-kumpens u l-garanzija finanzjarja għall-operazzjonijiet taż-żejt u l-gass offshore (2015/2352(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2016 dwar ir-responsabbiltà, il-kumpens u l-garanzija finanzjarja għall-operazzjonijiet taż-żejt u l-gass offshore (2015/2352(INI))
ĠU C 224, 27.6.2018, pp. 157–162
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
27.6.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 224/157 |
P8_TA(2016)0478
Ir-responsabbiltà, il-kumpens u l-garanzija finanzjarja għall-operazzjonijiet taż-żejt u l-gass offshore
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2016 dwar ir-responsabbiltà, il-kumpens u l-garanzija finanzjarja għall-operazzjonijiet taż-żejt u l-gass offshore (2015/2352(INI))
(2018/C 224/25)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-responsabbiltà, il-kumpens u s-sigurtà finanzjarja għal operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2013/30/UE (COM(2015)0422), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat “Liabilty, Compensation and Financial Security for Offshore Accidents in the European Economic Area” (Responsabbiltà, Kumpens u Garanzija Finanzjarja għal Inċidenti Offshore fiż-Żona Ekonomika Ewropea) u r-rapport ta' akkumpanjament tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni (SWD(2015)0167), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (1) (Direttiva dwar is-Sikurezza Offshore – OSD), |
|
— |
wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja d-dokument “Proposal for a regulation of the European Parliament and of the Council on safety of offshore oil and gas prospection, exploration and production activities” (Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-attivitajiet ta' prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni offshore) (SEC(2011)1293), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (2), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (3) (id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali – ELD), |
|
— |
wara li kkunsidra l-acquis internazzjonali u reġjonali dwar talbiet għal danni minn inċident taż-żejt jew tal-gass offshore u b'mod partikolari l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għall-Ħsara mit-Tniġġis taż-Żejt (il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili) tas-27 ta' Novembru 1992, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istabbiliment ta' Fond Internazzjonali għal Kumpens għad-Danni mit-Tniġġis miż-Żejt (il-Konvenzjoni dwar il-Fond) tas-27 ta' Novembru 1992, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għall-Ħsara mit-Tniġġis taż-Żejt tal-Bunker (il-Konvenzjoni dwar il-Bunkers) tat-23 ta' Marzu 2001, il-Konvenzjoni Nordika dwar il-Protezzjoni Ambjentali bejn id-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja u l-Iżvezja u l-Protokoll Offshore għall-Konvenzjoni ta' Barċellona għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (il-Protokoll Offshore), |
|
— |
wara li kkunsidra s-sentenza tat-13 ta' Settembru 2005 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (4), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 83(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (5) (ir-riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (6) (il-Konvenzjoni ta' Lugano tal-2007), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (ir-Regolament Ruma II) (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport finali ppreparat għall-Kummissjoni mill-konsulenza BIO by Deloitte dwar “Civil liabilty, financial security and compensation claims for offshore oil and gas activities in the European Economic Area” (Ir-responsabbiltà ċivili, is-sigurtà finanzjarja u t-talbiet għal kumpens għal attivitajiet taż-żejt u l-gass offshore fiż-Żona Ekonomika Ewropea) (8), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar l-isfida tas-sikurezza tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass offshore (9), |
|
— |
wara li kkunsidra d-diżastru tad-Deepwater Horizon fil-Golf tal-Messiku f'April 2010, |
|
— |
wara li kkunsidra l-inċidenti relatati mal-pjattaforma Castor li tinsab lil hinn mix-xtut tal-provinċji fi Spanja Castellón u Tarragona, fosthom aktar minn 500 terremot li laqtu direttament lil eluf ta' ċittadini Ewropej; |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0308/2016), |
|
A. |
billi l-Artikolu 194 TFUE espliċitament isostni d-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta' enerġija tiegħu, filwaqt li jkompli jħares is-solidarjetà u l-protezzjoni ambjentali; |
|
B. |
billi sorsi indiġeni ta' żejt u gass jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-ħtiġijiet attwali ta' enerġija tal-Ewropa u huma partikolarment importanti għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversità tal-enerġija; |
|
C. |
billi l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore qegħdin progressivament jitwettqu f'ambjenti dejjem aktar estremi u jistgħu potenzjalment iwasslu għal konsegwenzi kbar u devastanti għall-ambjent u għall-ekonomija tal-baħar u tal-inħawi tax-xtut; |
|
D. |
billi, għalkemm il-produzzjoni taż-żejt u l-gass fil-Baħar tat-Tramuntana kienet qed tonqos matul l-aħħar snin, l-għadd ta' faċilitajiet offshore x'aktarx li jiżdied fl-Ewropa fil-futur, b'mod partikolari fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed; |
|
E. |
billi l-inċidenti kkawżati minn pjattaformi għall-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass offshore iwasslu għal konsegwenzi ta' ħsara transfruntiera u l-azzjoni tal-UE biex tipprevjeni u timmitiga l-konsegwenzi ta' tali inċidenti, kif ukoll it-tentattiv biex dawn jiġu miġġielda, hija għalhekk meħtieġa u proporzjonata; |
|
F. |
billi huwa importanti li jfakkar it-telfa traġika ta' 167 ħaddiem taż-żejt li mietu fid-diżastru ta' Piper Alpha lil hinn mill-kosta ta' Aberdeen, l-Iskozja, fis-6 ta' Lulju 1988; |
|
G. |
billi għadd ta' studji, inkluż wieħed mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew u wieħed miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, jikkalkolaw li kien hemm bosta eluf ta' inċidenti (aktar preċiżament 9 700, bejn l-1990 u l-2007) fis-settur taż-żejt u tal-gass tal-UE; billi, wkoll, l-impatt kumulattiv ta' dawn l-inċidenti, inklużi dawk ta' daqs żgħir, għandu riperkussjonijiet serji u fit-tul fuq l-ambjent tal-baħar u għandu jiġi kkunsidrat fid-direttiva; |
|
H. |
billi, skont l-Artikolu 191 tat-TFUE, l-azzjoni kollha tal-UE f'dan il-qasam għandha tkun appoġġjata minn livell għoli ta' protezzjoni bbażata, inter alia, fuq azzjoni ta' prekawzjoni u prevenzjoni, kif ukoll fuq il-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” u prinċipji ta' sostenibbiltà; |
|
I. |
billi mill-1988 'l hawn, ma kienx hemm inċidenti kbar offshore fl-UE u billi 73 % tal-produzzjoni taż-żejt u tal-gass fl-UE tiġi mill-Istati Membri tal-Baħar tat-Tramuntana, li diġà huma rikonoxxuti li għandhom l-aqwa sistemi ta' sikurezza offshore fid-dinja; billi huwa importanti li jissottolinja li l-UE għandha madwar 68 000 km ta' kosta u li l-għadd ta' faċilitajiet offshore x'aktarx li jiżdied b'mod sinifikanti fil-futur, b'mod speċjali fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed, u dan jagħmilha kwistjoni ta' urġenza li tiġi implimentata u infurzata bis-sħiħ id-Direttiva 2013/30/UE u li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ qafas legali xieraq li jirregola l-attivitajiet kollha offshore qabel ma jseħħ inċident gravi; billi, skont l-Artikolu 191 tat-TFUE, il-politika ambjentali tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju ta' azzjoni preventiva; |
|
J. |
billi r-reġimi ta' responsabbiltà jikkostitwixxu l-mezzi prinċipali li permezz tagħhom jiġi applikat il-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas”, li jiżgura li d-ditti jinżammu responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat matul in-negozju u jinċentivahom biex jadottaw miżuri preventivi, jiżviluppaw prattiki u jwettqu azzjonijiet li jnaqqsu r-riskji ta' tali dannu; |
|
K. |
billi, għalkemm l-OSD tagħmel lid-detenturi ta' liċenzji offshore strettament responsabbli għall-prevenzjoni u r-rimedju ta' kull dannu ambjentali li jirriżulta mill-operazzjonijiet tagħhom (l-Artikolu 7 moqri flimkien mal-Artikolu 38 – li jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-ELD għall-blat kontinentali tal-Istati Membri), ma ppermettitx li jiġi stabbilit qafas komprensiv tal-UE għar-responsabbiltà; |
|
L. |
billi huwa tal-akbar importanza li jkun hemm mekkaniżmi ta' kumpens effikaċi u xierqa u mekkaniżmi ta' trattament xieraq u fil-pront għal talbiet għad-danni kkawżati minn operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore lill-vittmi u għall-annimali u l-ambjent, kif ukoll li jkollhom biżżejjed riżorsi biex jirrestawraw ekosistemi ewlenin; |
|
M. |
billi l-OSD ma pprevedietx armonizzazzjoni fir-rigward tad-danni ċivili minn inċidenti offshore, u l-qafas legali internazzjonali eżistenti jagħmilha diffiċli biex it-talbiet għal danni ċivili transfruntiera jirnexxu; |
|
N. |
billi l-OSD tistabbilixxi prekundizzjonijiet għal-liċenzjar bl-għan li jiġi żgurat li d-detenturi tal-liċenzji qatt ma jsibu ruħhom teknikament jew finanzjarjament inkapaċi li jittrattaw il-konsegwenzi tal-operazzjonijiet offshore tagħhom, u li jeħtieġu wkoll li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri għal trattament fil-pront u adegwat ta' talbiet ta' kumpens, inkluż għal inċidenti transfruntiera, u li jiġi faċilitat l-użu ta' strumenti finanzjarji sostenibbli (l-Artikolu 4); |
|
1. |
Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva 2013/30/UE dwar is-Sikurezza Offshore (OSD), li tikkumplimenta d-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (ELD) u d-Direttiva 2011/92/UE dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, kif ukoll ir-ratifika tal-Protokoll Offshore tal-Konvenzjoni ta' Barċellona mill-Kunsill, bħala l-ewwel passi għall-protezzjoni tal-ambjent u s-sikurezza tal-ħaddiema; jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma wettqux it-traspożizzjoni tad-Direttivi msemmija hawn fuq fil-liġijiet nazzjonali tagħhom biex jagħmlu dan malajr kemm jista' jkun; jistieden ukoll lill-Istati Membri jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtoritajiet kompetenti kif previst mill-Artikolu 8 tal-OSD, u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-adegwatezza tal-introduzzjoni ta' regoli armonizzati ulterjuri dwar ir-responsabbiltà, il-kumpens u s-sigurtà finanzjarja bl-għan li jiġu evitati inċidenti ulterjuri b'implikazzjonijiet transfruntiera; |
|
2. |
Jiddeplora l-fatt li skont l-OSD u l-ELD, l-inċidenti jiġu definiti bħala “serji” biss jekk iwasslu għal imwiet jew korrimenti serji, mingħajr ebda referenza għall-konsegwenzi ambjentali; jenfasizza li anke jekk ma jwassalx għal imwiet jew korrimenti serji, inċident jista' jkollu impatt serju fuq l-ambjent, minħabba l-iskala tiegħu jew minħabba li jaffettwa, pereżempju, żoni protetti, speċijiet protetti jew ħabitats partikolarment vulnerabbli; |
|
3. |
Jenfasizza li l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” għal operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore għandha tiġi estiża mhux biss għall-ispejjeż tal-prevenzjoni u r-rimedju tad-danni ambjentali – kif sa ċertu punt huwa miksub fil-preżent permezz tal-OSD u l-ELD – iżda wkoll għall-ispejjeż tar-rimedju ta' talbiet ta' danni tradizzjonali, b'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju ta' żvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tikkunsidra l-istabbiliment ta' mekkaniżmu leġiżlattiv ta' kumpens f'każ ta' inċidenti offshore, simili għal dak previst mill-Att dwar l-Attivitajiet taż-Żejt fin-Norveġja, għallinqas għas-setturi li jistgħu jintlaqtu serjament, bħalma huma s-sajd u t-turiżmu kostali u setturi oħra tal-ekonomija blu; jirrakkomanda f'dan il-kuntest li l-abbużi u l-inċidenti li jirriżultaw mill-attivitajiet imwettqa minn kumpaniji għandhom jiġu vvalutati b'mod kwantitattiv u kwalitattiv b'tali mod li jiġu koperti l-effetti sekondarji kollha għall-komunitajiet; jissottolinja wkoll, fir-rigward tar-responsabbiltà ambjentali, id-diverġenzi u n-nuqqasijiet fit-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-ELD, kif deskritt ukoll fit-tieni rapport ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ELD tiġi implimentata b'mod effettiv u li r-responsabbiltà għad-danni ambjentali f'każ ta' inċidenti offshore tkun tapplika għal firxa adegwata madwar l-UE; |
|
4. |
Jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li l-OSD ma tittrattax ir-responsabbiltà għal danni ċivili kkawżati direttament jew indirettament lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, kemm għal offiża fuq il-persuna, danni lill-proprjetà jew telf ekonomiku; |
|
5. |
Jiddispjaċih ukoll mill-fatt li l-mod li r-responsabbiltà ċivili hija ttrattata jvarja b'mod konsiderevoli minn Stat Membru għall-ieħor; jenfasizza li f'ħafna Stati Membri m'hemmx responsabbiltà b'rabta mal-attivitajiet offshore u tal-gass għall-maġġoranza tat-talbiet ta' parti terza għall-kumpens relatati ma' dannu tradizzjonali kkawżat minn inċident, m'hemm l-ebda reġim għal pagamenti ta' kumpens fil-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri, u f'ħafna Stati Membri, l-ebda assigurazzjoni li operaturi jew persuni responsabbli jkollhom assi finanzjarji adegwati biex jissodisfaw it-talbiet; jenfasizza, barra minn hekk, li ħafna drabi hemm inċertezza dwar il-mod li bih is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri jittrattaw id-diversità tat-talbiet ċivili li jistgħu jirriżultaw minn inċidenti taż-żejt u tal-gass offshore; jemmen, għalhekk, li huwa meħtieġ qafas Ewropew, li għandu jkun ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni mill-aktar Stati Membri avvanzati, li għandu jkopri mhux biss korriment fiżiku u ħsara lill-proprjetà iżda wkoll telf purament ekonomiku, u għandhom jiġu żgurati mekkaniżmi ta' kumpens effettivi għall-vittmi u għas-setturi li jistgħu jkunu affettwati serjament (eż. it-turiżmu kostali u tas-sajd); f'dan ir-rigward jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk qafas orizzontali Ewropew għal rimedju kollettiv jistax ikun soluzzjoni possibbli, u biex tagħti attenzjoni partikolari lil dan fit-tfassil tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-OSD; |
|
6. |
Jenfasizza, f'din il-perspettiva, li t-talbiet għal kumpens u rimedju għal danni tradizzjonali huma ostakolati wkoll mir-regoli ta' proċedura ċivili dwar il-limitazzjonijiet taż-żmien, l-ispejjeż finanzjarji, in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' litigazzjoni ta' interess pubbliku u ta' talbiet rigward delitti kollettivi, u minn dispożizzjonijiet dwar l-evidenza, li jvarjaw b'mod konsiderevoli minn Stat Membru għall-ieħor; |
|
7. |
Jenfasizza li r-reġimi ta' kumpens għandhom ikunu jistgħu jindirizzaw talbiet transfruntiera b'mod effettiv, rapidu u fi żmien raġonevoli u mingħajr diskriminazzjoni bejn rikorrenti ta' pajjiżi differenti taż-ŻEE; jirrakkomanda li għandhom ikopru kemm id-danni primarji kif ukoll dawk sekondarji fiż-żoni affettwati kollha, peress li tali inċidenti jaffettwaw żoni akbar u jaf ikollhom impatt fuq żmien twil; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati ġirien, li mhumiex membri taż-ŻEE, jirrispettaw id-dritt internazzjonali pubbliku; |
|
8. |
Huwa tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti regoli stretti dwar ir-responsabbiltà ċivili għal inċidenti offshore sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi (kemm persuni ġuridiċi kif ukoll fiżiċi) ta' inċidenti offshore, peress li dan jista' jagħti inċentiv lill-operaturi offshore biex jiġġestixxu b'mod xieraq ir-riskji tal-operazzjonijiet; jemmen li l-limiti finanzjarji fuq ir-responsabbiltà għandhom jiġu evitati; |
|
9. |
Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw is-sitwazzjoni speċjali ta' ħaddiema u impjegati fl-industrija taż-żejt u l-gass offshore, speċjalment tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); jinnota li l-inċidenti taż-żejt u tal-gass offshore jista' jkollhom implikazzjonijiet partikolarment serji għall-industriji tas-sajd u t-turiżmu, kif ukoll għal setturi oħra li jiddependu fuq il-kundizzjoni tajba tal-ambjent tal-baħar kondiviż biex jagħmlu n-negozju, minħabba li dawn is-setturi, li jinkludu ħafna SMEs, jistgħu jsofru telf ekonomiku sinifikanti fil-każ ta' inċident kbir offshore; |
|
10. |
Jenfasizza, għaldaqstant, li huwa ta' importanza kbira li jiġu aġġornati s-sistemi ta' responsabbiltà eżistenti fl-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li jekk iseħħ inċident fl-ibħra ta' dawn l-istati, dan ma jaffettwax ħażin il-futur tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore tal-istat ikkonċernat, lanqas dak tal-UE kollha, jekk l-inċident kellu jseħħ f'żona li tiddependi ħafna fuq it-turiżmu għad-dħul; jistieden, għalhekk lill-Kummissjoni tirrevedi l-ħtieġa li jiġu introdotti standards tal-UE komuni għal sistemi ta' talba ta' rimedju u kumpens; |
|
11. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi l-vittmi ta' danni kollaterali b'rabta mal-ipprospettar, l-istħarriġ u l-operat ta' faċilitajiet offshore, bħala persuni li jistgħu jkunu eliġibbli għall-kumpens previst; |
|
12. |
Jinnota li l-Kummissjoni biħsiebha tagħmel ġbir sistematiku ta' data permezz tal-Grupp ta' Awtoritajiet tal-UE Responsabbli għall-Attivitajiet taż-Żejt u tal-Gass Offshore (EUOAG), sabiex twettaq analiżi aktar komprensiva dwar l-effikaċja u l-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà; |
|
13. |
Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni twettaq verifiki ta' konformità regolari kemm tas-sistemi legali nazzjonali kif ukoll ta' intrapriżi b'dispożizzjonijiet ta' responsabbiltà u kumpens rilevanti fl-OSD, inkluża l-verifika tar-rapporti finanzjarji tal-kumpaniji offshore, u biex tieħu azzjoni f'każ ta' ksur ta' konformità, bl-għan li jiġu evitati inċidenti serji u li jiġi limitat l-impatt tagħhom fuq il-persuni u fuq l-ambjent; jirrakkomanda l-ħolqien ta' mekkaniżmu komuni fil-livell Ewropew biex jiġu ttrattati l-inċidenti u l-abbużi; |
|
14. |
Jissottolinja li huwa meħtieġ li jinstab bilanċ bejn il-kumpens rapidu u xieraq tal-vittmi u l-prevenzjoni tal-ħlas ta' talbiet illeġittimi (magħrufa wkoll bħala l-problema tal-“floodgates”), permezz taż-żieda fiċ-ċertezza rigward il-livelli ta' responsabbiltà finanzjarja ta' ħafna ditti offshore u l-evitar ta' proċedimenti twal u għaljin quddiem il-qrati; |
|
15. |
Jiddispjaċih mill-fatt li l-ebda Stat Membru ma stabbilixxa espliċitament firxa wiesgħa ta' strumenti ta' garanzija finanzjarja li jikkonċernaw il-kumpens ta' talbiet għal danni tradizzjonali minn inċidenti taż-żejt u tal-gass offshore; jissottolinja f'dan il-kuntest li d-dipendenza żejda fuq l-assigurazzjoni tista' potenzjalment tirriżulta f'suq magħluq għal strumenti ta' garanzija finanzjarja, bil-konsengwenza potenzjali ta' nuqqas ta' kompetizzjoni u żieda fl-ispejjeż; |
|
16. |
Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' użu ta' strumenti ta' garanzija finanzjarja fl-UE biex jiġu koperti d-danni kkawżati mill-inċidenti offshore l-aktar għaljin; jinnota li waħda mir-raġunijiet tista' tkun li l-kamp ta' applikazzjoni tar-responsabbiltà għad-danni jista' ma jagħmilx tali strumenti meħtieġa f'ċerti Stati Membri; |
|
17. |
Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu data dettaljata dwar l-użu ta' strumenti finanzjarji u kopertura adegwata għall-inċidenti offshore, inklużi dawk l-aktar għaljin; |
|
18. |
Iqis li l-każijiet kollha ta' responsabbiltà ppruvata, kif ukoll id-dettalji tal-penali applikati, għandhom isiru pubbliċi sabiex il-kost reali tad-dannu ambjentali jkun trasparenti għal kulħadd; |
|
19. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw strumenti ta' garanzija finanzjarja li jikkonċernaw il-kumpens għal talbiet ta' danni tradizzjonali minn inċidenti marbuta mal-attivitajiet ġenerali relatati maż-żejt u l-gass offshore, inkluż f'każijiet ta' insolvenza; jemmen li dan jista' jillimita l-esternalizzazzjoni tar-responsabbiltà tal-operaturi għal tniġġis inċidentali fil-fondi pubbliċi, li kieku jkunu meħtieġa jġarrbu l-ispejjeż ta' kumpens jekk ir-regoli kellhom jibqgħu l-istess; iqis li, f'dan il-kuntest, l-istabbiliment ta' fond ibbażat fuq tariffi mħallsa mill-industrija offshore jista' jiġi vvalutat ukoll; |
|
20. |
Iqis li huwa meħtieġ li jiġi analizzat sa liema punt l-introduzzjoni tar-responsabbiltà kriminali fil-livell tal-UE tista' żżid strat ieħor ta' deterrenza lil hinn mill-penali ċivili, li jista' jtejjeb il-protezzjoni tal-ambjent u l-konformità mal-miżuri tas-sikurezza; jilqa', għalhekk, l-introduzzjoni mill-UE tad-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali 2008/99/KE (ECD), li tarmonizza l-pieni kriminali għal ċertu ksur tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE; jiddispjaċih madankollu li l-kamp ta' applikazzjoni tal-ECD ma jkoprix l-attivitajiet kollha tal-OSD; jiddispjaċih ukoll li d-definizzjonijiet tar-reati ta' natura kriminali u s-sanzjonijiet minimi relatati mal-ksur tas-sikurezza offshore mhumiex armonizzati fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni żżid inċidenti kbar taż-żejt mal-kamp ta' applikazzjoni tal-ECD u biex tressaq quddiem il-Parlament l-ewwel rapport ta' implimentazzjoni tagħha tad-Direttiva fi żmien debitu, u sa mhux aktar tard mid-19 ta' Lulju 2019; |
|
21. |
Jitlob lill-Kummissjoni tfassal l-istudji meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju ekonomiku li għalih jistgħu jkunu esposti l-Istati Membri individwali u ż-żoni kostali tagħhom, filwaqt li titqies l-orjentazzjoni ekonomika u settorjali tar-reġjuni individwali, il-livell ta' konċentrazzjoni tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore f'żoni speċifiċi, il-kundizzjonijiet li skonthom se jitwettqu dawn l-operazzjonijiet, il-fatturi klimatiċi bħall-kurrenti tal-oċeani u r-riħ u l-istandards ambjentali applikati; jirrakkomanda, għaldaqstant, l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi ta' protezzjoni u perimetri ta' sikurezza f'każ li l-operazzjonijiet jagħlqu, u jilqa' l-bini mill-industrija ta' erba' strutturi li jintużaw bħala tappijiet għall-għeluq tal-bjar, li jistgħu jnaqqsu t-tixrid taż-żejt f'każ ta' inċident offshore; |
|
22. |
Jitlob studju tal-impatt ambjentali mfassal apposta għall-Artiku fir-rigward tal-operazzjonijiet kollha li jseħħu fir-reġjun tal-Artiku, fejn l-ekosistemi huma partikolarment fraġli u huma konnessi mill-qrib mal-bijosfera globali; |
|
23. |
Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-possibbiltà li jintroduċu miżuri ulterjuri, li jistgħu jissalvagwardjaw b'mod effettiv l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore qabel ma jseħħ xi inċident serju; |
|
24. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, ikomplu jeżaminaw il-possibbiltà għal soluzzjoni internazzjonali, meta jitqies li ħafna kumpaniji taż-żejt u tal-gass li joperaw fl-UE huma attivi mad-dinja u li soluzzjoni globali tista' tiżgura kundizzjonijiet ekwi fil-livell globali, jekk jissaħħu l-kontrolli fuq il-kumpaniji tal-estrazzjoni barra mill-fruntieri tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw rapidament il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima ta' Diċembru 2015. |
|
25. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU L 178, 28.6.2013, p. 66.
(2) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28.
(3) ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.
(4) Il-Kawża C-176/03, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2005:542.
(5) ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.
(6) ĠU L 339, 21.12.2007, p. 3.
(7) ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.
(8) BIO by Deloitte (2014), “Civil liabilty, financial security and compensation claims for offshore oil and gas activities in the European Economic Area” (Ir-responsabbiltà ċivili, is-sigurtà finanzjarja u t-talbiet għal kumpens għal attivitajiet taż-żejt u l-gass offshore fiż-Żona Ekonomika Ewropea), Rapport Finali ppreparat għall-Kummissjoni Ewropea – DĠ Enerġija.
(9) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 43.