Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IE1175

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-enerġija mill-ibħra: sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li għandhom jiġu żviluppati” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 34, 2.2.2017, p. 53–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 34/53


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-enerġija mill-ibħra: sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li għandhom jiġu żviluppati”

    (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2017/C 034/08)

    Relatur:

    is-Sur Stéphane BUFFETAUT

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    21/01/2016

    Bażi legali

    Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

     

     

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    Adottata fis-sezzjoni

    06/10/2016

    Adottata fil-plenarja

    19/10/2016

    Sessjoni plenarja Nru

    520

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    218/3/8

    1.   Konklużjonijiet

    1.1.

    Ix-xjenzjati u l-inġiniera ilhom snin twal jaħdmu biex jisfruttaw il-potenzjal tal-oċeani. Il-kurrenti, il-marea, u l-enerġija mill-mewġ għandhom riżervi ta’ enerġija rinnovabbli li ma jispiċċaw qatt. Fi Franza, l-impjant tal-enerġija mill-marea La Rance tal-EDF, inawgurat fl-1966 mill-Ġeneral de Gaulle, jiġġenera kapaċità ta’ 240 MW, u kull waħda mill-24 turbina tiġġenera 10 MW. It-turbini tar-riħ li jagħmlu parti mill-iżjed ġenerazzjoni reċenti jiġġeneraw mhux iżjed minn 8 MW. Għalhekk, din it-teknoloġija hija effettiva, minkejja li d-diga ta’ La Rance kienet għal żmien twil l-uniku eżempju ta’ faċilità bħal din fid-dinja. Illum il-ġurnata hemm eżempju ieħor ta’ installazzjoni komparabbli fil-Lag ta’ Sihwa, fil-Korea t’Isfel, b’kapaċità ta’ mhux iżjed minn 254 MW. Kien hemm xi proġetti fir-Renju Unit, imma ġew imblukkati jew sospiżi minħabba oġġezzjonijiet għal raġunijiet ekoloġiċi.

    1.2.

    Jibqa’ l-fatt li tali investimenti huma rilevanti meta jiġu installati f’siti li huma ġeografikament favorevoli b’koeffiċjenti tal-marea qawwijin, u għandhom jiġu kkunsidrati aħjar fit-taħlita tal-enerġija fil-livell nazzjonali.

    1.3.

    Diġà ġew implimentati l-ewwel applikazzjonijiet industrijali, li juri li dawn it-tekniki għandhom jiġu kkunsidrati mhux bħala esperimenti riskjużi iżda bħala sorsi ta’ enerġija nadifa li għandhom jiġu żviluppati.

    1.4.

    Il-KESE għalhekk huwa tal-fehma li għandu jiġi żviluppat dan it-tip ta’ produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli u li l-fokus ma għandux ikun biss it-teknoloġija marbuta mal-enerġija mir-riħ jew mix-xemx. Naturalment l-enerġija mill-ibħra ma tistax tiġi sfruttata kullimkien iżda tkun ħasra li jiġi injorat sors ta’ enerġija rinnovabbli prevedibbli li l-impatt tiegħu fuq l-ambjent huwa żgħir ħafna jew jista’jiġi kkontrollat. Kulħadd jaf li l-futur tal-enerġija ser jissejjes fuq il-firxa wiesgħa tas-sorsi tal-enerġija.

    1.5.

    Fis-6 ta’ Ġunju 2016, il-Ġermanja, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, l-Irlanda, il-Lussemburgu, in-Norveġja, in-Netherlands u l-Iżvezja ddeċidew li jsaħħu l-kooperazzjoni ta’ bejniethom f’dak li jirrigwarda l-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta. Fil-fatt, flimkien mal-Kummissarji Ewropej responsabbli għall-Unjoni tal-Enerġija u l-klima, huma ffirmaw pjan ta’ azzjoni speċifikament għall-ibħra tat-Tramuntana tal-Ewropa. Din il-kooperazzjoni ser twassal għall-armonizzazzjoni tar-regolamenti u l-qafas tas-sussidji għall-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta u fl-interkonnessjoni tan-netwerks tal-elettriku.

    1.5.1.

    Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jiġi adottat approċċ simili rigward l-enerġija mill-ibħra – kemm jekk mir-riħ jew mill-marea – f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri jew il-pajjiżi ġirien tal-Unjoni Ewropea li għandhom siti adattati għal dawn it-tipi ta’ installazzjonijiet, l-iżjed il-pajjiżi li għandhom il-kosta tmiss mal-Atlantiku jew mal-Baħar tat-Tramuntana.

    1.6.

    Huwa tal-fehma wkoll li ma għandhomx jitwarrbu t-tekniki li għad iridu jiġu żviluppati bis-sħiħ, bħall-enerġija mill-mewġ u l-enerġija termali mill-oċeani; madankollu, fi żmien meta l-fondi pubbliċi huma skarsi, il-finanzjament għandu jirrispetta kriterji ta’ effettività. Għalhekk għandha tingħata prijorità lit-teknoloġiji li jidhru li huma promettenti fl-iqsar żmien possibbli.

    1.7.

    Huwa jenfasizza li l-investiment f’dan il-qasam jagħmilha possibbli li l-UE eventwalment issib ruħha fuq quddiem nett f’dak li jirrigwarda s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. L-intrapriżi Ewropej diġà għandhom 40 % tal-privattivi tal-enerġija rinnovabbli. Il-KESE jirrakkomanda li jitkomplew l-isforzi ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam tal-enerġija mill-ibħra, iżda wkoll f’dak tal-ħżin tal-enerġija prodotta minn sorsi ta’ enerġija intermittenti sabiex il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli ssir fi kwantitajiet kostanti.

    1.8.

    Huwa jwissi kontra t-tentazzjoni li s-sussidji jiġu limitati għall-forom tradizzjonali tal-enerġija rinnovabbli, approċċ li jnaqqas l-għadd ta’ alternattivi u jwassal għad-distorsjoni tal-ekonomija tal-enerġija rinnovabbli għall-benefiċċju ta’ teknoloġija promossa minn lobby effettiv.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    Il-biċċa l-kbira tal-pjaneta tagħna hija magħmula mill-oċeani u jkun iżjed ġust li nsejħulha “baħar” milli “art”. Il-bniedem minn dejjem kien jistad għall-ikel. Reċentement, irnexxielu jisfrutta r-riżorsi fi jew taħt qiegħ il-baħar (noduli polimetalliċi, żejt, eċċ.). L-enerġija ġġenerata mill-oċeani ilha tintuża għal sekli sħaħ, iżda fuq skala artiġjanali, permezz tal-imtieħen tal-marea li wieħed isib f’ċerti kosti.

    2.2.

    Illum, il-ħtieġa li jiġi miġġieled it-tniġġis ta’ kull xorta u jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra għandha twassalna biex nikkunsidraw bis-serjetà l-potenzjal tal-enerġija mill-baħar. Barra minn hekk, kif jistgħu l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri b’aċċess għall-baħar jinjoraw l-opportunitajiet li l-oċeani jistgħu jipprovdulhom fil-qasam tal-enerġija?

    2.3.

    Fil-fatt, id-dimensjoni tal-qasam marittimu Ewropew hija konsiderevoli u, madankollu, l-isfruttar tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli ta’ medda tant wiesgħa għadu fi stadju embrijoniku. Madankollu, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu biex jippromovu l-implimentazzjoni ta’ tekniki ġodda għall-użu ta’ enerġija tal-baħar minn kumpaniji innovattivi u minn gruppi industrijali tas-settur tal-enerġija. Dan huwa l-għan li jixtieq jilħaq il-forum dwar l-enerġija mill-ibħra.

    2.4.

    Il-baħar jipprovdi għadd ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli: imbatti, mewġ, kurrenti, marea, differenza fit-temperatura bejn l-ilmijiet tal-wiċċ u riħ. Kull teknika u metodu għandhom ir-rekwiżiti ġeografiċi u ekoloġiċi tagħhom, li jfisser li l-introduzzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji innovattivi tista’ sseħħ biss meta wieħed iqis dawn il-limitazzjonijiet u l-konsegwenzi tagħhom.

    3.   L-isfruttar tal-enerġija tal-kurrenti, il-marea, l-imbatti u l-mewġ: it-turbini tal-ilma

    3.1.

    Kwalunkwe persuna li kkontemplat il-baħar, kemm jekk kalm jew imqalleb, taf li din il-medda vasta, ikkaratterizzata minn ċaqliq bla heda, fiha forzi li jikkumbattu kull ħin. Għalhekk huwa naturali li wieħed jistaqsi jekk huwiex possibbli li wieħed jisfrutta jew juża l-enerġija ġġenerata mill-baħar.

    3.2.

    Fil-prattika liema teknoloġiji ġew studjati jew implimentati?

    id-digi tal-estwarji b’turbini tal-marea. Fi Franza, id-diga ta’ La Rance ilha għexieren ta’ snin taħdem b’mod sodisfaċenti. Fir-Renju Unit hemm żewġ proġetti iżda ġew imblukkati minn gruppi ta’ pressjoni ambjentali;

    it-turbini li jinsabu fil-baħar miftuħ u armati fuq arbli jew bagi;

    it-turbini li jinsabu f’qiegħ il-baħar, li jissejħu turbini tal-ilma. Hemm xi proġetti fil-Bretanja u dalwaqt se jkunu implimentati.

    3.3.

    Fil-prattika, huwa prinċipalment l-isfruttar tal-kurrenti tal-marea li jidher li huwa l-aktar teknika promettenti. Madankollu, il-potenzjal ta’ dawn it-teknoloġiji jiddependi ħafna mill-post fejn jiġu installati. Fil-fatt, iż-żoni tal-Atlantiku u tal-Baħar tat-Tramuntana, fejn il-koeffiċjenti tal-marea huma partikolarment sostanzjali, huma l-aktar rilevanti. L-iżjed żoni effettivi huma dawk b’medda mareali kbira. Il-vantaġġ enormi ta’ din it-tip ta’ sfruttar huwa li tiġi pprovduta enerġija prevedibbli u regolari minħabba li l-marea hija kontinwa, u l-medda tagħha tkun magħrufa sew minn qabel.

    Skont l-EDF, il-potenzjal li tista’ tisfrutta l-Unjoni Ewropea huwa ta’ madwar 5 GW (2,5 minnhom fuq il-kosta Franċiża), ekwivalenti għal 12-il reattur nukleari ta’ 10 800 MW. Madankollu, l-isfruttar tal-kurrenti tal-marea jinsab fil-fażi ta’ riċerka teknoloġika u għad mhuwiex funzjonali, minbarra l-każ tad-diga ta’ La Rance.

    3.4.

    Liema teknoloġiji tat-turbini tal-ilma qed jiġu ttestjati?

    Fl-2014, l-Arcouest (1,5 MW), prototip ta’ turbina tal-ilma, ġiet mgħaddsa lil hinn mill-kosta ta’ Paimpol fil-Bretanja. Din it-turbina ġiet żviluppata minn Open Hydro (grupp tal-bini tal-bastimenti DCNS) għall-ewwel impjant tal-enerġija mill-marea tal-EDF ta’ Paimpol/Bréhat. Din tikkonsisti minn erba’ turbini b’kapaċità installata ta’ 2 sa 3 MW. Il-makkinarju huwa sempliċi u robust, b’ċentru miftuħ, li għandu rotor b’veloċità baxxa, u jaħdem mingħajr lubrikant, li jimminimizza l-impatt tiegħu fuq il-ħajja tal-baħar. Din it-turbina tal-ilma ġiet ittestjata għal erba’ xhur. It-turbina daret għal 1 500 siegħa kontinwi u sarulha għadd ta’ testijiet mekkaniċi u elettriċi. It-testijiet kienu konklużivi u jivvalidaw dan it-tip ta’ turbina tal-ilma. Għalhekk ġie deċiż li jiġi operat sit ta’ dimostrazzjoni fis-sajf tal-2015. It-turbini nbnew u lesti biex jiġu installati iżda minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp u tal-baħar l-installazzjoni tagħhom kellha tiġi posposta. Jista’ jingħad li dawn iż-żewġ turbini nbnew f’Cherbourg u Brest, li juri li dawn it-teknoloġiji ġodda jistgħu joħolqu attività industrijali fir-reġjuni kostali.

    It-turbina tal-ilma nofsha mgħaddsa tista’ tittella’ għall-manutenzjoni. Din hija teknoloġija Brittanika żviluppata mill-kumpanija Tidalstream. Il-prototip għandu jiġi finalizzat minn STT (ship to turbine) li jopera fl-Istrett ta’ Pentland. Huwa apparat magħmul minn 4 turbini b’dijametru ta’ 20 m għal qawwa massima totali ta’ 4 MW. Jekk wieħed iqabbel din is-sistema ma’ turbina tar-riħ lil hinn mill-kosta, wieħed jinnota li t-turbina tar-riħ għandu jkollha dijametru ta’ 100 m b’veloċità tar-riħ ta’ 10 m/s biex tinkiseb qawwa ekwivalenti. Barra minn hekk, il-bażi tat-turbina, li tinsab 25 metru taħt il-livell tal-baħar, hija 25 % akbar mill-bażi tal-STT. Il-kumpanija Tidalstream hija tal-fehma għalhekk li s-sistema tagħha tkun kompetittiva meta mqabbla mat-turbini tar-riħ lil hinn mill-kosta u fuq l-art. L-ispiża tal-elettriku ġġenerat mis-sistema STT tista’ tilħaq 0,03 GBP/kWh (madwar EUR 0,044 kull kWh). Din is-sistema ġiet ittestjata u vvalidata b’testijiet li saru fix-Xmara Thames.

    Turbini tal-ilma armati fuq arbli minn Marine Current Turbines. Din it-teknoloġija titlob li jiġi ankrat arblu f’qiegħ il-baħar, li jimplika li ma jistax ikun mgħaddas fil-fond ħafna. It-turbini tal-ilma jistgħu jitilgħu u jitniżżlu mal-arblu, li jagħmilha possibbli li jittellgħu barra mill-ilma għall-isservisjar u l-manutenzjoni.

    Fl-2003, ġew installati turbini tal-ilma mmuntati fuq baga ankrata fl-Istrett ta’ Hammerfest fin-Norveġja.

    Fl-aħħar nett, it-turbini tal-marea mmuntati taħt diga tal-estwarji bħalma hi dik ta’ La Rance, li kien l-ewwel eżempju ta’ dan it-tip u li ilu jopera mis-snin sittin. Fil-Gran Brittanja, qed jiġu analizzati żewġ proġetti, iżda ġew imblukkati għal raġunijiet ambjentali.

    4.   L-isfruttar tal-enerġija tal-marea u tal mewġ: l-enerġija mill-mewġ

    4.1.

    Hemm firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet mill-mewġ, ċerti prototipi jiġu mgħaddsa, u oħrajn jiġu installati fil-wiċċ, fuq ix-xatt jew lil hinn mill-kosta. L-enerġija tinħakem b’modi differenti skont il-prototipi li jintużaw: l-enerġija mekkanika tinqabad mill-wiċċ (il-mewġ) jew taħt l-ilma (ċaqliq translazzjonali jew orbitali), jinqabdu l-varjazzjonijiet fil-pressjoni bejn il-mewġ (varjazzjonijiet fil-livell tal-ilma) jew jinqabad fiżikament ammont ta’ ilma permezz ta’ riżerva.

    4.2.

    L-iżvantaġġ ewlieni huwa li, għall-kuntrarju tal-kurrenti tal-marea, l-enerġija tal-mewġ mhijiex prevedibbli. Illum il-ġurnata, l-isfruttar tal-enerġija tal-imbatti u l-mewġ jinsab f-istadju ta’ riċerka teknoloġika u għad mhuwiex funzjonali. Madankollu, qed jiġu ttestjati sitt teknoloġiji differenti:

    il-katina galleġġanti artikolata, imsejħa wkoll “serp il-baħar”. Din hija sekwenza ta’ sufruni twal li jinsabu fid-direzzjoni tar-riħ perpendikolari għall-mewġ u r-ras tagħhom tiġi ankrata f’qiegħ il-baħar b’kejbil. Il-mewġ joħloq oxxillazzjoni tal-katina u dawn l-oxxillazzjonijiet jikkumpressaw fluwidu idrawliku fil-ġonot li jħaddem turbina. Din is-sistema ġiet ittestjata u kien hemm livelli differenti ta’ suċċess.

    ħajt oxxillanti mgħaddas;

    kolonna f’oxxillazzjoni vertikali;

    kollettur tal-pressa mgħaddas;

    kolonna tal-ilma;

    kollettur tal-influss (struttura mgħaddsa parzjalment).

    5.   L-isfruttar tal-enerġija termali tal-oċeani

    5.1.

    Dan jinvolvi l-użu tad-differenza fit-temperatura bejn l-ilmijiet tal-wiċċ u dawk fil-fond tal-oċeani. Akronimu spiss użat huwa “OTEC” – ocean thermal energy conversion. It-testi tal-Unjoni Ewropea jużaw it-terminu tal-enerġija idrotermali għall-“enerġija maħżuna f’forma ta’ sħana fl-ilma tal-wiċċ”.

    5.2.

    Fil-wiċċ, bis-saħħa tal-enerġija mix-xemx, it-temperatura tal-ilma tkun għolja u tista’ taqbeż il-25 oC f’żona intertropikali, filwaqt li fil-fond, fejn ma jippenetrax id-dawl tax-xemx, l-ilma jkun kiesaħ, bejn 2 u 4 oC, ħlief fl-ibħra magħluqin, bħall-Mediterran. Barra minn hekk, is-saffi kesħin ma jitħalltux mas-saffi sħan. Din id-differenza fit-temperatura tista’ tħaddem magna termika. Din teħtieġ sors kiesaħ u sors sħun għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u tuża rispettivament l-ilma tal-fond u l-ilma tal-wiċċ bħala sorsi.

    5.3.

    Iżda biex jiffunzjona bl-aqwa mod possibbli u b’mod kosteffettiv, dan it-tip ta’ sfruttar termali tal-oċeani għandu jkun installat f’żoni speċifiċi li għandhom jikkorrispondu għal ċerta temperatura tal-ilma tal-wiċċ u għal ċertu fond tal-ilma. Fil-fatt, il-pajpijiet neċessarji jistgħu jinżlu sa elf metru ta’ fond, bi spejjeż u teknoloġija kkontrollati. Għalhekk, ikun żball li l-isfruttar termali tal-oċeani jsir kilometri ‘l bogħod mill-kosta, li jimplika pajpijiet itwal u, għalhekk, spejjeż addizzjonali. Fil-prattika, l-aħjar żona tinsab bejn it-Tropiku ta’ Kankru u t-Tropiku ta’ Kaprikornu, jiġifieri bejn latitudni ta’ + 30 u – 30o li, għall-Unjoni Ewropea, jfisser fit-territorji tagħha msejħa periferiċi.

    6.   L-isfruttar tal-enerġija mir-riħ fil-baħar: turbini tar-riħ lil hinn mill-kosta

    6.1.

    Għalkemm, fis-sens strett tal-kelma, it-turbini tar-riħ ma jitqisux bħala li jagħmlu parti mill-enerġija mill-baħar, dawk minnhom ankrati f’qiegħ il-baħar jew dawk galleġġanti (filwaqt li jkunu ankrati, naturalment), għandhom jissemmew ukoll. Dawn huma bil-qabda l-iktar żviluppati fil-baħar u jidhru kważi konvenzjonali meta mqabbla mat-tekniki deskritti hawn fuq. Madanakollu, għandhom impatt ambjentali u viżiv ċert. Ta’ spiss tqajmet il-kwistjoni tal-użu konfliġġenti fil-konfront tas-sajjieda. Fil-prattika, il-parks eoliċi li l-bażi tagħhom hija mwaħħla f’qiegħ il-baħar jaġixxu bħala riżervi tal-baħar fejn il-ħut huma abbundanti. B’mod indirett għalhekk, dawn l-installazzjonijiet jibbenefikaw lis-sajjieda peress li jibnu mill-ġdid l-istokkijiet f’dawn iż-żoni pprojbiti għas-sajd, fejn il-fondazzjonijiet tal-arbli jaġixxu bħala sikek artifiċjali.

    6.2.

    Dan huwa l-aktar metodu użat attwalment fl-Ewropa u huwa mifrux ferm. Attwalment, hemm installati kważi mitt park eoliku, l-iżjed fil-Baħar tat-Tramuntana, fl-Atlantiku (il-Gran Brittanja) u fil-Baħar Baltiku. Ftit li xejn hemm installazzjonijiet jew proġetti fil-Mediterran, li huwa baħar fond u bi ftit li xejn jew mingħajr blata kontinentali.

    6.3.

    Il-passi ewlenin tal-implimentazzjoni ta’ dawn it-tekniki jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

    l-ewwel installazzjoni lil hinn mill-kosta ilha mill-1991, fid-Danimarka (Vindeby), u tiġġenera 450 kW;

    il-bażi l-aktar fonda hija ta’ 45 m u ġiet installata fl-2007 fil-Gran Brittanja (Beatrice wind farm), u tiġġenera 2 x 5 MW;

    l-ewwel turbina tar-riħ galleġġanti kbira fil-baħar fond (220 m) ilha mill-2009, installata fin-Norveġja (Hywind) u tiġġenera 2,3 MW;

    l-aktar turbina tar-riħ potenti fuq il-baħar hija ta’ 6 MW u tinsab fil-Belġju (Bligh Bank);

    l-akbar park eoliku fuq il-baħar għadu qed jinbena, u jinsab fil-Gran Brittanja fuq Dogger Bank. Għandu jilħaq kapaċità ta’ 12 000 MW b’166 turbina. Ta’ min jinnota li r-Renju Unit, konxju mill-indipendenza enerġetika tiegħu, diġà għandu 1 452 turbina mifruxa f’27 park eoliku.

    6.4.

    Jeżistu wkoll żewġ proġetti importanti tul ix-xtut Franċiżi, wieħed fil-Bretanja, u l-ieħor bejn Noirmoutier u l-gżira ta’ Yeu. Tnedew is-sejħiet għall-offerti, u ntgħażlu l-konsorzji operattivi.

    6.5.

    Ir-redditu ekonomiku tal-parks eoliċi lil hinn mill-kosta jiddependi mis-sit, b’mod partikolari, mill-forza u r-regolarità tar-riħ, u għalhekk il-varjazzjoni tista’ tirdoppja. Xi kultant, matul perjodi meta d-domanda tkun skarsa, ġara li l-kwantitajiet eċċessivi ta’ enerġija pprovduti mir-riħ jinbiegħu bi prezzijiet negattivi fis-swieq spot. U ż-żieda konsiderevoli ta’ dan it-tip ta’ produzzjoni tal-elettriku tista’ twassal għal eċċessi li diffiċilment jiġu sfruttati għax huma marbuta ħafna ma’ avvenimenti klimatiċi uniċi u aleatorji (ara l-opinjoni tal-professur Wolf dwar l-enerġiji intermittenti).

    6.6.

    L-iżvilupp ta’ dan il-metodu u l-progress teknoloġiku marbuta mal-użu tat-turbini tar-riħ f’dawn l-aħħar għoxrin sena jnaqqsu l-ispejjeż tal-investiment u tal-użu. Fil-bidu tas-snin 2 000, l-ispiża għal megawatt siegħa ġġenerata kienet ta’ EUR 190 mentri llum il-ġurnata l-ispiża hija bejn EUR 140 u EUR 160. Bħala paragun, reattur nukleari modern tat-tip EPR jipproduċi megawatt siegħa bi spiża ta’ EUR 130, għalkemm dan isir b’mod stabbli u prevedibbli.

    6.7.

    Huwa evidenti li t-tekniki l-oħra ta’ operazzjoni fuq il-baħar għandhom ikunu jistgħu jikkompetu mat-turbini tar-riħ lil hinn mill-kosta sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw fuq skala industrijali u jagħtu prova li se joħolqu vantaġġi kompetittivi meta mqabbla mat-turbini tar-riħ lil hinn mill-kosta li jeħtieġu spejjeż ta’ manutenzjoni u ta’ sorveljanza sostanzjali. Illum il-ġurnata, it-turbini tar-riħ u d-digi tal-estwarji jidhru l-aktar sistemi effiċjenti u l-iktar kosteffettivi. Wieħed mill-vantaġġi tagħhom huwa li jipprovdu enerġija prevedibbli u b’mod regolari.

    7.   X’ġejjieni għandha l-enerġija rinnovabbli fil-baħar?

    7.1.

    Fir-rigward tal-enerġiji ekoloġiċi, dawn huma eliġibbli għas-sistemi differenti ta’ appoġġ fil-livell Ewropew jew nazzjonali, inkluż il-prezz ta’ xiri preferenzjali. Madankollu, minbarra t-turbini tar-riħ lil hinn mill-kosta, dawn it-teknoloġiji għad iridu jiġu ttestjati “fil-prattika”, inklużi t-turbini tal-ilma. Wieħed jittama li ċertu konservatiżmu ekoloġiku ma jfixkilx it-tekniki ġodda ttestjati. Huwa magħruf li d-digi tal-estwarji ma setgħux jiżviluppaw, b’mod partikolari minħabba oppożizzjoni ħarxa min-naħa tal-ambjentalisti u tas-sajjieda. Kull tagħmir għandu impatt ambjentali. Huwa għalhekk xieraq li jkun jista’ jitkejjel bl-aktar mod preċiż possibbli sabiex jiġi evalwat il-bilanċ reali bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji.

    7.2.

    Ftit ilu, l-ewwel sensiela ta’ turbini tal-ilma ġiet mgħaddsa bejn Paimpol u l-gżira ta’ Bréhat. Il-kurrenti li jinħolqu mill-marea hekk kif togħla u tonqos jdawru r-rotors; kull inġenju jiġġenera 1 MW u dawn it-turbini tal-ilma ser ikunu jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-enerġija ta’ 3 000 unità domestika.

    7.3.

    Fl-aħħar nett, l-effettività tat-tekniki għall-użu tal-enerġija tal-ibħra tiddependi mill-post fejn jiġu installati. Dawn mhumiex sors ta’ enerġija effettiv b’mod universali. Għalhekk, jeħtieġ nkunu iżjed sensibbli f’dan il-qasam milli fil-każ ta’ ċerti enerġiji rinnovabbli ssussidjati oħrajn, pereżempju l-pannelli solari, li xi kultant jiġu installati aktar għal raġunijiet ta’ vantaġġi fiskali milli għal raġunijiet ta’ effettività. Jeħtieġ ukoll jiġi enfasizzat li t-tassazzjoni tas-CO2 ser tikkontribwixxi biex trendi t-tekniki tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, li għalissa għadhom fi stadju bikri, attraenti mil-lat ekonomiku.

    Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    Top