Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IE0760

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Baġit tal-UE bbażat fuq il-prestazzjoni u ffukat fuq ir-riżultati: iċ-ċavetta għal ġestjoni finanzjarja tajba” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 34, 2.2.2017, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 34/1


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Baġit tal-UE bbażat fuq il-prestazzjoni u ffukat fuq ir-riżultati: iċ-ċavetta għal ġestjoni finanzjarja tajba”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2017/C 034/01)

    Relatur:

    is-Sur Petr ZAHRADNÍK

    Data tad-deċiżjoni tal-Plenarja

    21/01/2016

    Bażi legali

    Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

     

     

    Sezzjoni kompetenti

    Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    05/10/2016

    Adottata fil-plenarja

    19/10/2016

    Sessjoni plenarja Nru

    520

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    139/0/3

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-baġit tal-UE jista’ jkun strument kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-UE u t-tibdil strutturali tagħha. Madankollu, huwa meħtieġ li tiġi analizzata u vvalutata bir-reqqa d-destinazzjoni tal-infiq tal-fondi tagħha, il-mod li bih dawn jintefqu, il-mod kif tiġi evalwata l-prestazzjoni ta’ dawn il-fondi u l-mod kif jiġu kkomunikati  (1) r-riżultati miksuba. Abbażi ta’ dan, il-baġit tal-UE jista’ jindirizza l-isfidi prijoritarji tal-UE u jista’ jgħin biex irodd lura l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fl-UE anki fil-każ ta’ tnaqqis assolut u relattiv tal-ammont tiegħu.

    1.2.

    Prekondizzjoni għat-tisħiħ tal-prestazzjoni tal-baġit tal-UE tikkonsisti fl-istess waqt fl-istabbiliment ta’ objettivi ta’ prijorità definiti b’mod ċar għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE, ta’ indikaturi aggregati korrispondenti u sistema konvinċenti ta’ kontabbiltà dwar l-attivitajiet attwali ffinanzjati mill-baġit tal-UE sabiex jiġi massimizzat il-valur għall-flus Il-mezzi jistgħu jinkludu, pereżempju, kundizzjonalitajiet ex-ante, strumenti finanzjarji, jew il-flessibbiltà u l-kapaċità li jiġu ffaċċjati sfidi mhux mistennija (2). L-aspett primarjament kwantitattiv tal-baġit tal-UE, li mill-perspettiva tal-KESE huwa importanti biex jiddetermina dak li hu essenzjali fil-prijoritajiet u fil-politiki korrispondenti tagħhom, għandu jkun akkumpanjat minn dimensjoni kwalitattiva.

    1.3.

    Il-KESE japprova l-approċċ li, fl-infiq tal-baġit tal-UE, mhuwiex importanti biss li jiġi żgurat li dan jirrispetta r-regoli ta’ legalità u ta’ regolarità proċedurali, iżda wkoll li dan ikun iffukat b’mod immirat u sistematiku fuq ir-riżultati u l-prestazzjoni li jilħaq il-baġit billi jiġu koperti l-oqsma prijoritarji tal-UE.

    1.4.

    Il-KESE jaqbel li l-adozzjoni tar-regoli tal-kultura ta’ prestazzjoni fil-kuntest tal-baġit tal-UE tesiġi l-iżgurar ta’ rabta mill-qrib bejn, minn naħa, l-ammont u n-natura tal-infiq u, min-naħa l-oħra, sett koerenti ta’ indikaturi tal-prestazzjoni aggregati biex jitkejlu l-prestazzjoni u r-riżultati.

    1.5.

    Il-KESE jemmen ukoll li l-adozzjoni ta’ kultura ta’ prestazzjoni mhijiex azzjoni ta’ darba iżda proċess li jinvolvi kemm l-ambjent legali korrispondenti kif ukoll għażla tal-istrumenti li jwasslu lill-atturi ewlenin biex jaġixxu bil-mod mixtieq. Id-diskussjonijiet li jmiss u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE abbażi tal-prestazzjoni għandhom jispeċifikaw f’iżjed dettall il-kontenut tiegħu;

    1.6.

    Il-KESE jemmen li baġit tal-UE abbażi tal-prestazzjoni jiżgura l-implimentazzjoni tar-riżultati u l-impatt reali fl-oqsma prijoritarji tal-UE, li jagħti valur miżjud kwantifikabbli b’mod ċar. Id-dibattitu dwar baġit tal-UE bbażat fuq il-prestazzjoni huwa għalhekk ukoll dibattitu dwar il-politiki prijoritarji tal-UE li għandhom il-kapaċità li jiżguraw il-bidliet strutturali meħtieġa.

    1.7.

    S’issa saru biss eżerċizzji pilota biex ikejlu x’impatt kellu l-baġit tal-UE biex jintlaħqu l-prijoritajiet u l-għanijiet kwantifikati tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jemmen li dan huwa pass pożittiv fid-direzzjoni t-tajba, li huwa neċessarju li jkompli jiġi estiż b’mod sistematiku u ħafna aktar komprensiv. It-testijiet urew livell għoli ta’ nuqqas ta’ konformità bejn l-objettivi u r-riżultati korrispondenti u għadd ta’ eżempji ta’ użu ineffiċjenti tal-fondi tal-UE u n-nuqqasijiet proċedurali li jakkumpanjawhom.

    1.8.

    Il-KESE jappoġġja t-titjib addizzjonali u l-intensifikazzjoni tal-interkonnessjoni u r-rabta bejn l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2014-2020 jew id-diversi eżerċizzji baġitarji tal-UE relatati, bl-użu tal-indikaturi tal-analiżi tal-impatt u l-interpretazzjoni sussegwenti tagħhom. Jeħtieġ li jkun hemm riflessjoni dwar l-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex jiġi vverifikat jekk din ma timmirax tajjeb il-prijoritajiet attwali tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp anke matul it-tieni nofs ta’ dan id-deċennju.

    1.9.

    Il-KESE jappoġġja wkoll l-iżgurar li l-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi jkunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom b’mod effettiv biex jittraduċu l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-UE f’għanijiet operattivi implimentati fil-livell tal-Istati Membri kollha, jew billi tittejjeb il-ġestjoni kondiviża jew billi jitjiebu r-regoli proċedurali tal-programmi amministrati direttament mill-Kummissjoni Ewropea f’kull wieħed mill-Istati Membri.

    1.10.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jitħeġġu jinkludu fil-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi tagħhom sett koerenti u komparabbli ta’ riżultati kwantifikabbli li għandhom jinkisbu permezz tal-appoġġ tar-riżorsi tal-baġit tal-UE u li mbagħad għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni. Il-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi kollha għandhom jipprevedu indikaturi komuni tar-riżultati fuq bażi trasversali jew orizzontali, b’identifikazzjoni ċara tal-kontribuzzjoni tad-diversi fondi u tal-Fondi ESIF kollha, u li jitfasslu b’tali mod li jippermettu l-monitoraġġ tal-progress fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u ta’ kull wieħed mir-reġjuni tagħhom.

    1.11.

    Il-KESE jqis li r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2014-2020 hija opportunità biex jiġi applikat b’mod aktar rigoruż approċċ ta’ prestazzjoni u ta’ orjentazzjoni lejn ir-riżultati, li sussegwentement għandu jseħħ kompletament fil-forma tal-qafas finanzjarju pluriennali mill-2021 ‘il quddiem.

    1.12.

    Il-KESE jemmen li l-qafas finanzjarju pluriennali li jibda fl-2021 għandu jikkostitwixxi, flimkien mal-istrateġija ġdida ta’ kompetittività u żvilupp u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali emerġenti, pjattaforma strateġika fuq perjodu medju ta’ żmien (b’limitu ta’ żmien identiku għal dak tal-istrateġija tal-kompetittività) bi struttura u ponderazzjoni tal-partiti differenti ta’ nfiq adattati għall-ħtiġijiet u l-prijoritajiet reali. Fl-istess ħin għandu jippermetti aktar flessibbiltà biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ġodda li jitfaċċaw. Il-KESE jilqa’ wkoll emendi għall-metodu ta’ kif jiġu trattati l-mezzi baġitarji tal-UE fid-direzzjoni ta’ aktar effiċjenza permezz ta’ applikazzjoni usa’ ta’ strumenti rimborsabbli u t-tfittxija tal-komplementarità tagħhom mas-sussidji tal-fondi. Barra minn hekk, għad hemm ħafna lok għal titjib tal-modi kif jiġi evalwat il-baġit tal-UE u l-effettività tiegħu. Il-flessibiltà baġitarja korrispondenti hija fundamentali fir-rigward tal-kapaċità tal-baġit tal-UE li jirreaġixxi għal inizjattivi, theddid u opportunitajiet ġodda, u li tinżamm il-kapaċità tal-UE li tieħu azzjoni (eżempji jinkludu il-kriżi tal-migrazzjoni, il-bżonn li xokkijiet ekonomiċi jiġu ġestiti jew bidliet fin-numru tal-membri tal-UE u l-impatt tagħhom fuq il-flussi baġitarji, bażi tar-riżorsi adegwata għal fondi ta’ solidarjetà f’każ ta’ diżastri naturali). Dan jikkonċerna mhux biss il-volum u l-istruttura tal-infiq baġitarju tal-UE iżda wkoll l-aspett tad-dħul tiegħu.

    1.13.

    Il-KESE jirrakkomanda li fil-politika baġitarja tal-UE wara l- 2020 tiġi introdotta l-identifikazzjoni tal-ammont li jiġi mid-dħul baġitarju korrispondenti tal-UE u l-mod kif dan ġie stabbilit (għandu jinstab bilanċ u solidarjetà bejn il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u r-riżorsi baġitarji proprji).

    1.14.

    Il-KESE japprova l-estensjoni addizzjonali tal-potenzjal ta’ politika fiskali attiva, inkluża, pereżempju, il-possibilità ta’ ħruġ ta’ bonds tal-UE. Għal dan l-għan, ikun tajjeb li jissaħħu l-qafas fiskali u l-proċedura tal-baġit tal-UE kif ukoll li tissolva b’mod sodisfaċenti l-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika baġitarja tal-UE, minn naħa waħda fir-rigward tal-Istati taż-żona tal-euro u min-naħa l-oħra fir-rigward tal-Istati Membri l-oħra tal-UE.

    2.   Analiżi u deskrizzjoni tal-problema

    2.1.    Fatti bażiċi

    2.1.1.

    Il-baġit tal-UE jikkostitwixxi strument importanti u kruċjali tal-finanzjament tal-prijoritajiet tal-UE, li l-ammont tiegħu jirrappreżenta madwar 1 % tal-PDG tal-UE; l-ammont tiegħu għall-2015 kien ta’ EUR 145,3 biljun. Dan jikkontribwixxi b’mod pjuttost sinifikanti sabiex tiġi żgurata l-ekonomija politika f’kull Stat Membru, fejn jirrapreżenta medja ta’ 1,9 % tal-infiq pubbliku; minkejja dan, f’ċerti każi dan il-proporzjon jaqbeż sew l-10 %.

    2.2.    Punti tat-tluq tas-suġġett

    2.2.1.

    Għal fondi ta’ ammont bħal dan huwa importanti li dawn jiġu allokati mhux biss f’konformità mar-regoli tal-legalità u r-regolarità, imma wkoll, u simultanjament, ladarba tkun sodisfata din l-ewwel kundizzjoni, b’tali mod li huma primarjament ikunu jistgħu jilħqu l-għanijiet u r-riżultati rispettivi u jirrispettaw il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba u l-kultura tal-prestazzjoni. L-identifikazzjoni tal-effetti reali tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, imkejla permezz ta’ indikaturi u kriterji makroekonomiċi rilevanti, hija indirizzata fir-riflessjonijiet politiċi attwali kollha fil-qasam tal-politika baġitarja tal-UE.

    Baġit effettiv ifisser nefqa tal-baġit tal-UE li tikkonforma mal-prijoritajiet attwali tal-UE għall-perjodu rilevanti. Il-kultura tal-prestazzjoni tissejjes fuq tliet pilastri: l-strateġija, is-semplifikazzjoni u l-proċedura baġitarja.

    2.2.2.

    Il-baġit tal-UE u l-implimentazzjoni tiegħu għandhom jikkonformaw mal-prijoritajiet li ġejjin:

    l-adozzjoni ta’ approċċ imsaħħaħ ibbażat fuq il-prestazzjoni u ffukat fuq ir-riżultati, li jibbilanċja l-viżjoni tradizzjonali tal-konformità mar-regoli tal-legalità u r-regolarità u li jippermetti l-inklużjoni ta’ elementi ġodda li jirriflettu l-ħtiġijiet attwali u futuri (ara hawn taħt) tal-finanzi tal-UE;

    enfasi iżjed immirata fuq il-prestazzjoni u r-riżultati tissupponi titjib fl-ipproċessar tad-data, u l-aċċessibbiltà u d-disponibbiltà tagħha fil-forma mitluba sabiex jiġu vvalutati l-benefiċċji reali, sakemm l-effetti ta’ din l-attività jkunu jeċċedu l-ispejjeż addizzjonali li din tiġġenera;

    evalwazzjoni tal-kwalità tal-qafas regolatorju għall-allokazzjoni tal-infiq tal-baġit tal-UE;

    minħabba n-natura tal-attivitajiet iffinanzjati mill-baġit tal-UE, huwa importanti li l-iżvilupp jiġi kkunsidrat mhux mill-perspettiva iżolata ta’ sena finanzjarja partikolari, iżda bħala proċess kontinwu fuq perjodu ta’ żmien medju li matulu kull sena tindika ċerta trajettorja speċifika ta’ żvilupp li hija meħtieġa għall-ksib tar-riżultati korrispondenti;

    jiġu rrispettati l-interkonnessjonijiet mill-qrib ħafna bejn il-baġit tal-UE u l-mudell il-ġdid tal-politika ekonomika tal-UE (3) kif ukoll il-prestazzjoni attwali tal-ekonomija tal-UE fuq perjodu ta’ żmien medju;

    il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tal-politika baġitarja tal-UE u li jiġu implimentati u evalwati l-objettivi tagħha.

    2.2.3.

    Il-baġit tal-UE jinkludi xi elementi ġodda marbutin mal-funzjonament tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2014-2020, li huma rilevanti mil-lat tat-tisħiħ tal-approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni u ffukat fuq ir-riżultati:

    (a)

    l-iffukar fuq is-suġġett: l-appoġġ mill-fondi tal-UE għandu jikkonċerna biss l-oqsma prijoritarji u m’għandux ikun immirat sempliċement lejn kwalunkwe ħaġa; il-prijoritajiet għandhom ikunu definiti b’mod preċiż u appoġġjati permezz ta’ analiżi kwantitattiva u pjani ta’ fattibbiltà; l-ammont ta’ prijoritajiet għandu jkun strettament limitat; il-prijoritajiet ġustifikati għandhom ikunu koperti minn finanzjament suffiċjenti sabiex jinkisbu r-riżultati u l-benefiċċji reali.

    (b)

    l-approċċ integrat u bbażat fuq il-post u s-sinerġiji: il-programmi u l-proġetti mhux biss għandhom irendu r-riżultati u l-benefiċċji fihom innifishom, imma dawn ir-riżultati u l-benefiċċji għandhom jikkorrispondu ma’ dawk tal-programmi u l-proġetti l-oħrajn permezz tas-sinerġiji li jinħolqu; is-sinerġiji għandhom jinkisbu fil-qafas ta’ unità territorjali definita fuq il-bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà; biex din is-sistema taħdem, huwa importanti li tiġi stabbilita matriċi ta’ ġestjoni sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet adegwati għall-proġetti integrati;

    (c)

    il-kondizzjonalitajiet u r-riżervi ta’ prestazzjoni: il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jipprevedu li l-finanzjament mill-UE jitwettaq f’kuntest adegwat tal-affarijiet interni, makroekonomiċi u istituzzjonali ta’ Stat partikolari, li jikkostitwixxi prerekwiżit għat-twettiq tal-allokazzjoni nnifisha; min-naħa l-oħra riżerva ta’ prestazzjoni hija introdotta bħala bonus għall-entitajiet li jagħtu prestazzjoni tajba.

    (d)

    is-semplifikazzjoni: is-sistema tal-finanzjament tal-UE hija straordinarjament kumplessa minn diversi aspetti, li huwa ostaklu għal ġestjoni effiċjenti u l-kejl tar-riżultati u l-benefiċċji reali;

    (e)

    riżultati kwantifikati b’mod aħjar: għall-finijiet tat-tfassil u l-adattar tal-politika fiskali tal-UE, huwa importanti ħafna li r-riżultati miksuba jitkejlu sew u li jkunu jistgħu jittieħdu lezzjonijiet preċiżi u ċari mis-sejbiet; għalħekk huwa essenzjali li jitjiebu s-sistema tal-analiżi tad-data, il-ġestjoni tagħha u l-użu tal-indikaturi

    2.2.4.

    Għall-UE, dan ifisser li l-politika fiskali u l-funzjonament prattiku tal-baġit tagħha jiġu adattati aħjar mal-ħtiġijiet tagħha f’dan il-qasam billi jinstab bilanċ iktar xieraq bejn, minn naħa waħda, l-aspetti formali u proċedurali tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u, min-naħa l-oħra, l-approċċi bbażati fuq il-prestazzjoni u ffukati fuq ir-riżultati. F’dan il-kuntest tal-prestazzjoni u r-riżultati, jidher li huwa ferm meħtieġ approċċ immirat lejn fehim u għarfien komuni ta’ dan il-kunċett.

    2.2.5.

    Fir-rigward tal-kejl tan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli formali, ilu jintuża l-indikatur tar-rata ta’ żball. Dan l-indikatur huwa ta’ madwar 4 % (madwar 4 % tal-infiq tal-baġit tal-UE ma jsirux b’konformità mar-regoli formali, li fih innifsu mhuwiex riżultat ħażin; madankollu, bħala valur assolut, din iċ-ċifra tirrappreżenta madwar EUR 6 biljun). It-tabella li ġejja turi l-iżvilupp tar-rata ġenerali ta’ żball f’dawn l-aħħar snin:

    2011

    2012

    2013

    2014

    3,9  %

    4,8  %

    4,7  %

    4,4  %

    2.2.6.

    Il-prinċipju ewlieni tal-baġit tal-UE jikkonċerna n-natura “b’saħħitha” tal-flussi finanzjarji, u l-programmi u l-proġetti reali li jiffinanzjaw, li jagħmel possibbli l-użu ottimali tar-riżorsi tal-UE fl-aspetti kollha tagħhom. Il-KESE japprova t-tendenza attwali ta’ aktar enfasi fuq il-prestazzjoni u r-riżultati fi ħdan l-attivitajiet tal-Kummissjoni Ewropea (L-inizjattiva ta’ Baġit Iffukat fuq ir-Riżultati (4)) u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (l-istruttura tar-rapport tagħha annwali tal-2014 (5) u tal-kapitolu speċjali ddedikat għall-prestazzjoni; is-siltiet dwar il-ġestjoni kondiviża jinkludu bħala riżultati l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-programmi mill-eżerċizzju pilota).

    2.2.7.

    Il-KESE jappoġġja l-approċċ użat fl-eżerċizzju pilota, li għandu l-għan li janalizza r-relazzjoni u l-interkonnessjoni bejn l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-ftehimiet ta’ sħubija jew jekk ikun meħtieġ il-programmi operattivi, peress li dawn huma strumenti essenzjali biex tiġi implimentata l-politika ta’ koeżjoni tal-UE u komponenti sinifikanti tal-parti tal-infiq tal-baġit tal-UE. Dan it-test jista’ jiġi kkunsidrat bħala l-bidu ta’ kunċett komprensiv fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni u r-riżultati tal-baġit tal-UE (6)

    2.2.8.

    Biex jintlaħaq l-għan ta’ monitoraġġ ibbilanċjat tal-aspetti proċedurali u tal-prestazzjoni marbuta mal-baġit tal-UE, il-proċessi ta’ produzzjoni, ġestjoni u komunikazzjoni tad-data u tal-informazzjoni bejn il-korpi u l-istituzzjonijiet tal-UE (fl-ewwel lok il-Kummissjoni Ewropea) u l-Istati Membri jaqdu rwol essenzjali. L-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE tiġġenera ammont enormi ta’ data u informazzjoni li fil-prattika, madankollu, jintuża biss b’mod limitat ħafna biex jiggarantixxi l-possibilità li jiġu evalwati b’mod oġġettiv kemm ir-rata ta’ żball kif ukoll, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni tar-riżultati miksuba mill-baġit tal-UE, u jistabbilixxi l-proċeduri meħtieġa biex tittejjeb is-sitwazzjoni.

    3.   Il-kummenti ewlenin

    3.1.

    Fil-fehma tal-KESE l-iskop prinċipali tal-baġit tal-UE hu li jkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini tal-UE filwaqt li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE nnifisha; il-benefiċċji jieħdu l-forma ta’ appoġġ ipprovdut b’konformità mal-prijoritajiet tal-iżvilupp u dawk operattivi, li hu kompattibbli mal-qafas tal-politika ekonomika u l-prestazzjoni ekonomika reali u mistennija; il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE tfisser l-użu tal-baġit tagħha b’mod adegwat b’konformità mar-regoli u mingħajr żbalji jew frodi. L-approċċ politiku attwali għandu jikkontribwixxi għall-ksib tal-konformità sħiħa u tal-bilanċ reċiproku.

    3.2.

    Il-KESE jemmen li din ix-xaqliba lejn baġit tal-UE bbażat fuq il-prestazzjoni ma tistax isseħħ f’pass wieħed. Huwa kruċjali li l-istandards legali bażiċi u l-objettivi tal-baġit tal-UE u tal-politika jitfasslu bl-intenzjoni li jirrispettaw l-indikaturi kwalitattivi u li jiksbu riżultati kwantifikabbli.

    3.3.

    Baġit tal-UE bbażat fuq il-prestazzjoni jingħata spinta jekk il-perjodu tal-baġit (il-qafas finanzjarju attwali ta’ seba’ snin) u dak tal-istrateġija fundamentali tal-iżvilupp tal-UE (attwalment l-Istrateġija Ewropa 2000 b’tul ta’ għaxar snin) ikunu jistgħu jikkoinċidu. Minn din il-perspettiva, l-2021 tipprovdi opportunità unika biex tinkiseb din il-koinċidenza u toħloq kundizzjonijiet għal funzjonament ottimali ta’ baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati u l-prestazzjoni.

    3.4.

    Il-KESE jinnota u jirrispetta l-konklużjonijiet tar-rapport annwali dwar is-sena finanzjarja 2014 ippubblikat mill-Qorti tal-Awdituri li identifika sensiela ta’ punti problematiċi fejn l-interkonnessjoni bejn l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-ftehimiet ta’ sħubija, jew jekk ikun meħtieġ il-programmi operattivi, ma tiffunzjonax b’mod ottimali. Ir-rapport jinnota li dawn id-diversi strumenti ma ġewx iddisinjati b’mod li jagħmilha possibbli li l-objettivi politiċi tal-Istrateġija Ewropa 2020 jissarrfu f’objettivi operattivi konkreti (definiti fil-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi) (7).

    3.5.

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-benefiċċji potenzjali li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ sinerġiji bejn il-ħames Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropew (FSIE) fi ħdan is-sistema ġenerali ta’ regolamentazzjoni u ta’ ġestjoni u ta’ ftehim ta’ sħubija f’kull Stat Membru għadhom ma seħħewx, filwaqt li għadha sseħħ il-prattika ta’ regoli differenti għal kull wieħed minn dawn il-Fondi, li jwasslu għal frammentazzjoni tal-ipprogrammar (minflok għas-sinerġiji neċessarji bejniethom).

    3.6.

    Il-KESE jemmen li l-eżistenza ta’ żewġ elementi ġodda fl-użu tal-fondi tal-UE għall-perjodu 2014-2020, jiġifieri l-kundizzjonalitajiet u r-riżervi ta’ prestazzjoni, toffri skop kbir għat-titjib tal-approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni u r-riżultati. Hija preċiżament l-applikazzjoni tal-kundizzjonalitajiet makroekonomiċi li għandha tiżgura li l-infiq tal-baġit tal-UE jsir f’kull Stat Membru f’ambjent makroekonomiku b’saħħtu biżżejjed, jew li m’għandhiex tippermetti lil Stat Membru li ma jippruvax jindirizza l-problemi makroekonomiċi tiegħu biex ikun jista’ jagħmel użu sħiħ minn dawn il-fondi. L-eżistenza tar-riżervi ta’ prestazzjoni għandha wkoll tinkoraġġixxi b’mod adegwat lill-Istati Membri jipprovdu prestazzjoni ffukata fuq l-implimentazzjoni ta’ objettivi strateġiċi tal-UE permezz tal-għajnuna tal-baġit tal-UE.

    3.7.

    Il-KESE jemmen li l-eżerċizzju pilota biex jittestja baġit tal-UE ffukat fuq il-prestazzjoni u r-riżultati permezz ta’ rabtiet li dan iżomm mal-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, għandu madankollu jkun estiż sussegwentement għal oqsma oħra pertinenti ħalli jippermettu li l-valutazzjoni ta’ dan l-iffukar tal-baġit tal-UE fuq il-prestazzjoni u r-riżultati jkun verament koerenti u globali – pereżempju, għandha tingħata attenzjoni lir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u għall-konsistenza tagħhom mal-indikaturi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tas-semestru Ewropew.

    3.8.

    Meta jitqies il-mod kif jaħdem il-baġit tal-UE, il-KESE jirrakkomanda li għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-idea ta’ falliment tas-suq, li l-eliminazzjoni tiegħu għandha tkun objettiv għar-riżorsi baġitarji tal-UE; is-sinjali ta’ nuqqasijiet jew fallimenti jistgħu jinkludu pereżempju asimettrija ta’ informazzjoni jew istituzzjonijiet finanzjarji li jagħmlu evalwazzjoni kummerċjali tal-profittabiltà tal-investimenti li tiskoraġġixxi l-finanzjament ta’ ċerti tipi ta’ proġetti għaliex jiġu injorati l-esternalizzazzjonijiet pożittivi u l-benefiċċji soċjali akbar peress li dawn mhumiex rilevanti għall-każ kummerċjali inkwistjoni, iżda huma importanti fil-kuntest tal-appoġġ mogħti mill-finanzjament tal-UE.

    3.9.

    Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa għal titjib sinifikanti fl-oqsma tal-ġestjoni kondiviża bejn il-korpi u l-istituzzjonijiet tal-UE (primarjament il-Kummissjoni Ewropea) u l-Istati Membri. 76 % tal-ispejjeż kollha tal-baġit tal-UE, għandhom jiġu allokati permezz ta’ ġestjoni kondiviża. Aktar ma jkun hemm Stati Membri li jilħqu l-miri kkwantifikati tal-Istrateġija Ewropa 2020, aktar il-baġit tal-UE se jkun marbut mal-objettivi tal-istrateġija u iżjed ma dawn l-objettivi jirriflettu l-bżonnijiet veri tal-UE mil-lat ekonomiku, soċjali, territorjali u ambjentali b’mod aħjar, aktar ikun favorevoli l-ambjent ta’ ġestjoni finanzjarja soda bil-għan li jiġu kkollegati mingħajr xkiel il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri.

    3.10.

    Il-KESE jemmen li indikazzjoni sinifikanti tal-importanza li dejjem qed tikber tal-prestazzjoni u tal-iffukar tal-baġit tal-UE fuq ir-riżultati hija l-enfasi fuq l-użu akbar tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja (SIF) jew strumenti ta’ finanzjament innovattivi, li n-natura essenzjali tagħhom fundamentalment tibdel il-mod kif jiġu użati r-riżorsi pubbliċi tal-UE u x’inhu mistenni minnhom. Minkejja l-potenzjal inkontestabbli tal-SIF, madwar 65 % biss ta’ dawn il-fondi waslu għand il-benefiċjarji finali awtorizzati matul il-perjodu 2007-2013 (il-bqija tal-fondi ġew sempliċement “Ipparkjati” fl-SIF, sabiex l-użu tagħhom ikun jista’ jiġi dokumentat b’mod formali). L-importanza ta’ din it-tema ser tiżdied aktar wara l-2020, mhux l-anqas b’rabta mal-bżonn li tissaħħaħ il-komplementarjetà mal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS). Din hija kunsiderazzjoni strateġika kbira fir-rigward tal-iffukar fuq mezzi baġitarji komuni tal-UE mill-2021 ‘il quddiem.

    3.11.

    Fl-istess ħin, il-KESE huwa tal-fehma li ffukar aktar qawwi fuq il-prestazzjoni u r-riżultati ovvjament ma jfissirx li jiġu injorati l-legalità u r-regolarità tal-proċeduri. Ma tistax tiġi ttraskurata l-importanza tar-rispett għar-regoli legali u proċedurali. Peress li r-rata ta’ żball tinkludi l-każijiet kollha fejn il-fondi ma misshomx tħallsu għax ma jkunux intużaw b’konformità mar-regoli, wieħed jassumi b’mod awtomatiku li dawn ir-regoli huma korretti u li fihom innifishom ma jirrappreżentaw l-ebda kontradizzjoni interna jew elementi mhux mixtieqa. Din hija raġuni waħda għalfejn proċedura li tkun f’konformità mar-regoli ta’ ġestjoni soda għandha tinkludi verifika tal-impatt ta’ dawn ir-regoli regolatorji biex teżamina l-kompatibbiltà u l-konsistenza tagħhom mal-ħtiġijiet u l-għanijiet tal-UE (8)

    3.12.

    Il-KESE jaqbel li l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE huma kumplessi ħafna. L-isforzi li qed isiru attwalment biex jiġu ssemplifikati l-attivitajiet kollha marbutin mal-baġit tal-UE, li jirrigwardaw kemm kwistjonijiet proċedurali kif ukoll dawk sostantivi, jgħinu wkoll biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ġestjoni finanzjarja tajba; l-isforzi ta’ semplifikazzjoni għandhom iwasslu għal tnaqqis tal-piż amministrattiv eċċessiv u jillimitaw il-prattika tar-regolamentazzjoni żejda fl-Istati Membri individwali.

    3.13.

    Il-KESE jemmen li l-proposti deskritti fit-taqsima 1 ta’ din l-opinjoni, li jwasslu għall-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet finali tat-Taqsima 1, jikkostitwixxu riflessjonijiet kunċettwali kruċjali dwar il-politika futura tal-baġit tal-UE, li jistgħu jiġu parzjalment implimentati fi ħdan il-proċess ta’ reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2014-2020, iżda li jistgħu jiġu traskritti bis-sħiħ biss fir-regoli baġitarji mis-sena 2021 ‘l quddiem. Il-qafas kunċettwali għall-ippjanar bil-quddiem u r-riformi neċessarji dwar il-baġit u l-qafas finanzjarju pluriennali wara l-2020 jista’ jibni fuq l-attivitajiet reċenti dwar din l-opinjoni fil-livell tal-KESE jew jagħmel referenza għalih (9).

    Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Georgieva Kristalina, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Baġit sit elettroniku “Baġit tal-UE iffukat fuq ir-riżultati”.

    (2)  Ara l-analiżi sussegwenti, punt 2.2.3.

    (3)  L-istrateġija Ewropa 2020, is-semestru Ewropew, is-“six-pack”, it-“two-pack” u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, fost oħrajn; approċċ possibli jista’ jkun l-istabbiliment ta’ rabtiet mill-qrib mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) bħala xiber tal-allokazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-UE.

    (4)  Kristalina Georgieva, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Baġit u r-Riżorsi Umani, ħabbret din l-inizjattiva fil-Konferenza tat-22 ta’ Settembru 2015.

    (5)  Ir-rapport annwali ġie ppubblikat fl-10 ta’ Novembru 2015.

    (6)  Għadd ta’ riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew adottati mill-2013 sal-2015 ħadu direzzjoni simili, iżda ffukaw fuq temi speċifiċi (ara r-rapporti tas-Sur Geier jew tas-Sinjura Gräßle); id-dokument dwar il-kwittanza b’relazzjoni għall-ġestjoni tal-Kummissjoni Ewropea għas-sena 2014 (rapport imħejji fl-2016 mis-Sinjura Dlabajová) jagħti ħarsa ġenerali f’dak li jirrigwarda d-dokumenti tal-Parlament Ewropew.

    (7)  Ara, pereżempju, ir-Rapport Annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-2014, il-paragrafu 3.10 sa 3.12.

    (8)  Pereżempju permezz ta’ valutazzjoni tal-impatt regolatorju, li huwa strument effettiv ħafna li bih tassew tinkiseb ġestjoni finanzjarja tajba.

    (9)  Ara pereżempju dawn l-Opinjonijiet tal-KESE: Ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE (2011) (ĠU C 248, 25.8.2011, p. 75), Baġit 2014–2020 (2012) (ĠU C 229, 31.7.2012, p. 32), L-ikkompletar tal-UEM/tassazzjoni (2014), (ĠU C 230, 14.7.2015, p. 24), Rieżami tal-governanza ekonomika (2015), (ĠU C 268, 14.8.2015, p. 33), L-ikkompletar tal-UEM – Il-proposti għal-legiżlatura Ewropea li jmiss (2012), (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10), L-ikkompletar tal-UEM: il-pilastru politiku (2015), (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8), Il-PDG u lil hinn minnu – indikaturi komplementari (2012), (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 14), Taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (2012), (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 55), Taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji – kooperazzjoni msaħħa (2013), (ĠU C 271, 19.9.2013, p. 36), a Programm 2014–2020 (FISCUS), (2012), (ĠU C 143, 22.5.2012, p. 48).


    Top