Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE6092

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Mekkaniżmi għas-Soluzzjoni tat-Tilwim dwar it-Tassazzjoni Doppja fl-Unjoni Ewropea” [COM(2016) 686 final – 2016/0338 (CNS)]

ĠU C 173, 31.5.2017, p. 29–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 173/29


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Mekkaniżmi għas-Soluzzjoni tat-Tilwim dwar it-Tassazzjoni Doppja fl-Unjoni Ewropea”

[COM(2016) 686 final – 2016/0338 (CNS)]

(2017/C 173/05)

Relatur:

Krister ANDERSSON

Konsultazzjoni

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 16.2.2017

Bażi legali

Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

2.2.2017

Adottata fil-plenarja

22.2.2017

Sessjoni plenarja Nru

523

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

174/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill biex jittejbu l-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar it-tassazzjoni doppja fl-UE.

1.2.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li t-tassazzjoni doppja hija waħda mill-akbar ostakli għas-Suq Uniku. Hemm ħtieġa urġenti għal mekkaniżmi li jiżguraw li każijiet ta’ tassazzjoni doppja jiġu solvuti aktar malajr u b’mod aktar deċiżiv meta dawn iseħħu bejn l-Istati Membri.

1.3.

Il-KESE jagħraf li l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja waħedha mhijiex biżżejjed biex toħloq kundizzjonijiet ekwi fil-qasam tat-tassazzjoni. Huwa jemmen li l-UE teħtieġ qafas komuni pożittiv orjentat lejn il-futur għat-tassazzjoni korporattiva.

1.4.

Il-KESE bi pjaċir jinnota li d-direttiva proposta żżid stadji ta’ infurzar immirat sabiex tindirizza n-nuqqasijiet ewlenin identifikati fil-Konvenzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Unjoni (1).

1.5.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-fatt li f’ċirkostanzi fejn l-Istati Membri ma jibdewx il-proċedura ta’ arbitraġġ b’mod awtomatiku, il-kontribwent jista’ jitlob lill-qorti nazzjonali tiegħu biex tieħu l-passi meħtieġa biex twaqqaf kumitat ta’ arbitraġġ biex jieħu deċiżjoni finali u vinkolanti dwar il-każ fi żmien fiss.

1.6.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex testendi l-monitoraġġ tagħha tal-prestazzjoni tal-pajjiżi fil-każijiet kollha tat-tilwim dwar it-tassazzjoni doppja f’sitwazzjonijiet transkonfinali fuq bażi annwali, sabiex jiġi vvalutat jekk ikunux intlaħqu l-għanijiet tad-direttiva.

1.7.

Il-Kumitat jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon il-flessibbiltà pprovduta lill-Istati Membri biex jiftiehmu b’mod bilaterali fuq bażi ta’ każ b’każ dwar mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim. Dan jiffaċilita soluzzjonijiet f’sitwazzjonijiet multilaterali fejn it-tilwima inkwistjoni jkollha tiġi solvuta mhux biss fil-livell tal-UE iżda wkoll b’rabta ma’ pajjiżi terzi permezz ta’ trattati bilaterali.

1.8.

Il-KESE japprova d-dispożizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippubblikaw id-deċiżjoni finali, soġġett għall-kunsens ta’ kull wieħed mill-kontribwenti kkonċernati.

1.9.

Il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-urġenza tal-implimentazzjoni ta’ din il-proposta. In-numru ta’ każijiet ta’ tassazzjoni doppja jew multipla qiegħed jiżdied fid-daqs u l-grad. M’hemmx lok għal dewmien.

2.   Sfond u l-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Waħda mill-problemi ewlenin li n-negozji li joperaw bejn il-fruntieri qed jaffaċċjaw bħalissa hija t-tassazzjoni doppja. Diġà hemm fis-seħħ mekkaniżmi li jittrattaw is-soluzzjoni tat-tilwim dwar it-tassazzjoni doppja. Dawn huma l-Proċeduri ta’ Ftehim Reċiproku li huma previsti fil-Konvenzjonijiet kontra t-Taxxa Doppja (DTCs) konklużi mill-Istati Membri kif ukoll fil-Konvenzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Unjoni dwar l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja inkonnessjoni mal-aġġustament tal-qligħ ta’ intrapriżi assoċjati.

2.2.

Għalkemm il-mekkaniżmi eżistenti jaħdmu tajjeb f’ħafna każijiet, hemm bżonn li dawn jaħdmu aħjar fir-rigward tal-aċċess tal-kontribwenti għal dawn il-mekkaniżmi, il-kopertura, il-puntwalità u l-konklużività. Barra minn hekk, il-metodi tradizzjonali ta’ soluzzjoni tat-tilwim ma għadhomx jgħoddu kompletament meta wieħed iqis il-kumplessità u r-riskji tal-ambjent tat-taxxa globali attwali.

2.3.

Id-direttiva proposta tiffoka fuq in-negozju u l-kumpaniji, il-partijiet ikkonċernati ewlenin affettwati minn sitwazzjonijiet ta’ tassazzjoni doppja. Din tibni fuq il-Konvenzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Unjoni eżistenti, li diġà tipprevedi mekkaniżmu obbligatorju u vinkolanti ta’ arbitraġġ, iżda twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal oqsma li attwalment mhumiex koperti u żżid blokok immirati ta’ infurzar sabiex tindirizza n-nuqqasijiet ewlenin identifikati fir-rigward tal-infurzar u tal-effettività ta’ dan il-mekkaniżmu. Bħala riżultat ta’ dan, it-tilwim kollu dwar it-tassazzjoni doppja li jinvolvi tranżazzjonijiet transkonfinali fl-UE u li jħalli impatt fuq il-profitti tan-negozju jagħmel parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta.

2.4.

Il-proposta żżid obbligu espliċitu ta’ riżultat għall-Istati Membri kif ukoll limitu ta’ żmien definit b’mod ċar. Jiġu esklużi s-sitwazzjonijiet li jikkaratterizzaw nontassazzjoni doppja jew każijiet ta’ frodi, inadempjenza volontarja jew negliġenza gravi.

2.5.

Id-direttiva tippermetti Proċedura ta’ Ftehim Reċiproku, mibdija mill-ilment tal-kontribwent, li biha l-Istati Membri għandhom jikkooperaw b’mod liberu u jilħqu ftehim fi żmien sentejn.

2.6.

Il-fażi inizjali tal-MAP hija kkomplementata minn proċedura ta’ arbitraġġ li tipprevedi s-soluzzjoni tat-tilwim permezz ta’ arbitraġġ fi żmien ħmistax-il xahar f’każ li l-Istati Membri jonqsu milli jilħqu ftehim matul il-fażi bonarja inizjali. Din il-proċedura ta’ arbitraġġ hija obbligatorja u tibda awtomatikament. Din tintemm bil-ħruġ ta’ deċiżjoni vinkolanti u obbligatorja finali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri involuti.

2.7.

Iż-żieda fit-trasparenza hija waħda mill-għanijiet tad-direttiva proposta. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippubblikaw id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ finali u aktar informazzjoni dettaljata, soġġett għal qbil mill-kontribwent. F’każ li l-kontribwent ma jagħtix il-kunsens tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw sommarju tad-deċiżjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill, bħala parti mill-Pakkett tat-Taxxa Korporattiva, biex jittejbu l-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar it-tassazzjoni doppja fl-UE. Hemm ħtieġa urġenti għal mekkaniżmi li jiżguraw li każijiet ta’ tassazzjoni doppja jiġu solvuti aktar malajr u b’mod aktar deċiżiv meta dawn iseħħu bejn l-Istati Membri.

3.2.

Il-KESE jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-Ewropa teħtieġ sistema tat-taxxa li tkun adattata għas-suq intern tagħha u li tappoġġja t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività, tattira l-investiment, tgħin biex jinħolqu l-impjiegi, trawwem l-innovazzjoni u tappoġġja l-mudell soċjali Ewropew. Jeħtieġ li t-tassazzjoni tipprovdi dħul stabbli għall-investiment pubbliku u politiki li jiffavorixxu t-tkabbir. Din għandha tiżgura li n-negozji kollha jgawdu minn kundizzjonijiet ekwi, ċertezza legali u ostakli minimi meta joperaw b’mod transkonfinali.

3.3.

Il-KESE jaqbel mat-tħassib tal-Kummissjoni li nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri dwar min għandu d-dritt li jintaxxa ċerti profitti spiss iwassal biex il-kumpaniji jiġu ntaxxati darbtejn jew aktar fuq l-istess dħul. L-aktar ċifri reċenti mill-Kummissjoni jindikaw li hemm madwar 900 tilwima għaddejja dwar it-tassazzjoni doppja fl-UE, b’EUR 10,5 biljun involuti.

3.4.

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma tal-Kummissjoni biex tiżgura li l-kumpaniji kollha li joperaw fl-UE jħallsu t-taxxi tagħhom fejn jiġu ġġenerati l-qligħ u l-valur, iżda dawn ma għandhomx ikunu soġġetti għal tassazzjoni doppja jew multipla tal-istess qligħ. Dan il-prinċipju huwa essenzjali għal tassazzjoni ġusta u effettiva. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li wieħed mill-akbar ostakli tat-taxxa għas-Suq Uniku huwa t-tassazzjoni doppja.

3.5.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-inizjattiva mill-Kummissjoni li tindirizza t-tassazzjoni doppja b’mod ikkoordinat fl-UE. Huwa jaqbel mal-Kummissjoni li biex tingħata spinta lill-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, jeħtieġ li jinħoloq ambjent tat-taxxa favorevoli għan-negozju, billi jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità u l-piżijiet amministrattivi, u billi tiġi żgurata ċ-ċertezza tat-taxxa. L-importanza taċ-ċertezza tat-taxxa fil-promozzjoni tal-investiment u t-tkabbir dan l-aħħar kienet rikonoxxuta mill-mexxejja tal-G20 u saret il-fokus globali ġdid. L-Istati Membri jeħtieġ li jsibu bilanċ bejn l-implimentazzjoni tar-riformi neċessarji u l-provvediment ta’ ambjent tat-taxxa stabbli, ċar u prevedibbli għan-negozji.

3.6.

Il-KESE jagħraf li l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja waħedha mhijiex biżżejjed biex toħloq kundizzjonijiet ekwi fil-qasam tat-tassazzjoni. Huwa jemmen li l-UE teħtieġ qafas komuni pożittiv orjentat lejn il-futur għat-tassazzjoni korporattiva. Dan huwa l-ħsieb wara l-proposta tal-Kummissjoni li tniedi mill-ġdid il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (CCCTB).

3.7.

Il-KESE jagħraf li ħafna mill-Istati Membri għandhom trattati tat-taxxa bilaterali ma’ xulxin biex jingħata ħelsien mit-tassazzjoni doppja u li hemm proċeduri sabiex jiġi solvut it-tilwim. Madankollu, dawn il-proċeduri huma twal, għaljin u mhux dejjem jirriżultaw fi ftehim. Il-Konvenzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Unjoni ttaffi xi ftit. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għal tilwim dwar l-ipprezzar ta’ trasferiment u ma hemm l-ebda rikors biex tiġi revokata l-interpretazzjoni tar-regoli.

3.8.

Il-KESE bi pjaċir jinnota li d-direttiva proposta żżid stadji ta’ infurzar immirat sabiex tindirizza n-nuqqasijiet ewlenin identifikati fil-Konvenzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Unjoni, jiġifieri sitwazzjonijiet ta’ ċaħda għall-aċċess, kemm impliċita kif ukoll espliċita, kif ukoll proċeduri mtawlin u blukkati.

3.9.

Il-KESE jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon il-fatt li firxa aktar wiesgħa ta’ każijiet se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn mekkaniżmu, li jipprevedi soluzzjoni obbligatorja u vinkolanti ta’ tilwim. Dan it-titjib fil-Mekkaniżmi għas-Soluzzjoni tat-Tilwim se jiffranka ammont konsiderevoli ta’ żmien, flus u riżorsi kemm lin-negozji kif ukoll lill-amministrazzjonijiet u se jsaħħaħ iċ-ċertezza tat-taxxa għall-kumpaniji fl-UE.

3.10.

Il-KESE jilqa b’sodisfazzjon kbir il-fatt li f’ċirkostanzi fejn l-Istati Membri ma jibdewx il-proċedura ta’ arbitraġġ b’mod awtomatiku, il-kontribwent jista’ jitlob lill-qorti nazzjonali tiegħu biex tieħu l-passi meħtieġa biex twaqqaf kumitat ta’ arbitraġġ biex jieħu deċiżjoni finali u vinkolanti dwar il-każ fi żmien fiss. Dan se jgħin biex tiġi evitata l-inċertezza għan-negozji involuti u jibni fuq mekkaniżmi u prattiki tajbin li huma diġà applikati fl-Istati Membri kollha għal tilwim transkonfinali f’oqsma oħra għajr it-tassazzjoni. Madankollu, il-KESE jixtieq jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw li t-tul ta’ dawn il-proċedimenti tal-qorti jkun qasir sabiex jiġi evitat dewmien sinifikanti biex jiġi solvut it-tilwim.

3.11.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex jiġi estiż il-monitoraġġ tagħha tal-prestazzjoni tal-pajjiżi fil-każijiet kollha tat-tilwim dwar it-tassazzjoni doppja f’sitwazzjonijiet transkonfinali fuq bażi annwali, sabiex jiġi vvalutat jekk ikunux intlaħqu l-objettivi tad-direttiva. L-analiżi eżistenti turi li hemm każijiet li ma jitħallewx jidħlu fil-mekkaniżmi eżistenti, li mhumiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Unjoni jew mid-DTCs, li jeħlu mingħajr ma l-kontribwent jiġi infurmat dwar ir-raġunijiet jew li ma jiġux solvuti. F’dan l-istadju, il-KESE jqis li l-prestazzjoni fil-livell tal-Istati Membri mhijiex sodisfaċenti u jitlob li jkun hemm skrutinju mill-qrib mill-Kummissjoni dwar il-funzjonament tad-direttiva meta din tiġi implimentata u pubblikazzjoni tal-analiżi u r-riżultati tagħha.

3.12.

Il-KESE jaqbel li l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja għandha tinkiseb permezz ta’ proċedura li fiha, bħala l-ewwel pass, il-każ jitressaq quddiem l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri kkonċernati bil-għan li t-tilwima tiġi solvuta bl-użu tal-Proċedura ta’ Ftehim Reċiproku. Jekk ma jintlaħaqx ftehim f’perjodu ta’ żmien speċifiku, il-każ għandu jitressaq quddiem Kummissjoni Konsultattiva jew Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim, magħmula kemm minn rappreżentanti tal-awtoritajiet tat-taxxa kkonċernati kif ukoll minn persuni indipendenti ta’ reputazzjoni. L-awtoritajiet tat-taxxa għandhom jieħdu deċiżjoni vinkolanti finali b’referenza għall-opinjoni tal-Kummissjoni Konsultattiva jew tal-Kummissjoni għas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim.

3.13.

Il-KESE jagħraf li jeħtieġ li fl-UE jiġi stabbilit standard minimu effettiv għall-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim biex jindirizza b’mod komprensiv u b’dettalji suffiċjenti l-passi proċedurali meħtieġa biex tiġi żgurata applikazzjoni omoġenja u effettiva.

3.14.

Il-Kumitat jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon il-flessibbiltà pprovduta lill-Istati Membri biex jiftiehmu b’mod bilaterali fuq bażi ta’ każ b’każ dwar mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim. Dan jiffaċilita soluzzjonijiet f’sitwazzjonijiet multilaterali fejn it-tilwima inkwistjoni għandha tiġi solvuta mhux biss fil-livell tal-UE iżda wkoll b’rabta ma’ pajjiżi terzi permezz ta’ trattati bilaterali.

3.15.

Il-KESE japprova d-dispożizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippubblikaw id-deċiżjoni finali, soġġett għall-kunsens ta’ kull wieħed mill-kontribwenti kkonċernati.

3.16.

Il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-urġenza tal-implimentazzjoni ta’ din il-proposta. In-numru ta’ każijiet ta’ tassazzjoni doppja jew multipla qiegħed jiżdied fid-daqs u l-grad. M’hemmx lok għal dewmien.

Brussell, it-22 ta’ Frar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Il-Konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja inkonnessjoni mal-aġġustament tal-qligħ ta’ intrapriżi assoċjati (90/436/KEE).


Top