Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE4285

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri” [COM(2016) 369 final — 2016/170(COD)]

    ĠU C 34, 2.2.2017, p. 167–171 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 34/167


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri”

    [COM(2016) 369 final — 2016/170(COD)]

    (2017/C 034/28)

    Relatur:

    is-Sur Tomas ABRAHAMSSON

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, 09/06/2016

     

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 22/06/2016

    Bażi legali

    L-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

     

    [COM(2016) 369 final — 2016/170(COD)]

    Sezzjoni kompetenti

    It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    Adottata fis-sezzjoni

    06/10/2016

    Adottata fil-plenarja

    19/10/2016

    Sessjoni plenarja Nru

    520

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    229/0/3

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ b’mod ġenerali l-proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri. Kif jidentifika r-rapport ta’ idoneità (REFIT, Aġġustament tar-Rotta: Verifika tal-Idoneità tal-Leġiżlazzjoni dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri fl-UE, COM(2015) 508 final), id-Direttiva 2009/45/KE f’xi partijiet hija nieqsa minn ċarezza f’għadd ta’ definizzjonijiet u rekwiżiti u għandha rekwiżiti skaduti jew duplikati, u dan wassal għal implimentazzjoni inkonsistenti tal-qafas legali għal vapuri tal-passiġġieri. L-emendi proposti għandhom l-għan li jissemplifikaw il-leġislazzjoni, jeliminaw is-sovrappożizzjonijiet u superfluwenzi u jikkjarifikaw ir-rekwiżiti u l-kamp ta’ applikazzjoni, filwaqt li jinżamm il-livell attwali ta’ sigurtà.

    1.2.

    Meta wieħed iqis li 120 miljun persuna huma trasportati minn vapuri tal-passiġġieri domestiċi kull sena, il-leġislazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-vapuri tal-passiġġieri hija importanti ħafna. Madankollu, il-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva 2009/45/KE teskludi kwalunkwe vapuri żgħar ta’ inqas minn 24 metru mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, filwaqt li bħalissa huma esklużi biss vapuri eżistenti tal-passiġġieri, u mhux oħrajn ġodda.

    1.3.

    Il-ħsieb mogħti wara din il-proposta huwa, l-ewwel nett, li d-Direttiva 2009/45/KE bħalissa tapplika biss għal 70 minn 1 950 vapur żgħir, u t-tieni, il-prinċipju tas-sussidjarjetà: dawn il-vapuri jinbnew għal firxa wiesgħa ta’ servizzi, u l-istabbiliment ta’ sett komuni ta’ reguli se jkun ta’ sfida kbira. Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom ikunu f’pożizzjoni li jirregolaw aħjar.

    1.4.

    Il-KESE jinnota l-ħsieb deskritt hawn fuq, iżda jirrakkomanda li l-applikazzjoni għal vapuri ġodda ta’ tul ta’ inqas minn 24 metru tinżamm fl-interess tas-sigurtà tal-passiġġieri.

    1.5.

    Il-proposta sabiex tiġi emendata d-Direttiva 2009/45/KE tispeċifika li, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-aluminju huwa materjal ekwivalenti għall-azzar u l-istandards tas-sikurezza ta’ kontra n-nirien korrispondenti huma għalhekk applikabbli. Bħalissa, mhux l-Istati Membri kollha jiċċertifikaw vapuri tal-aluminju taħt din id-Direttiva, u dan joħloq sitwazzjoni mhux ekwa. Il-KESE jilqa’ din il-kjarifika.

    1.6.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-importanza li r-regoli attwali tal-UE dwar is-sigurtà tal-vapuri tal-passiġġieri jagħtu lill-aċċessibbiltà tal-persuni b’mobilità mnaqqsa (punt 17 tal-premessi tad-Direttiva 2009/45 KE) u jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-istandards tal-UE jirrappreżentaw valur miżjud importanti meta mqabbla ma’ standards internazzjonali, li ma jinkludu l-ebda dispożizzjoni obbligatorja f’dan ir-rigward. Il-KESE japprova bil-qawwa din id-dispożizzjoni u jemmen li dan għandu jorbot għal kull tip ta’ vapur tal-passiġġieri ta’ servizz domestiku.

    1.7.

    Il-KESE jilqa’ l-kjarifika tal-Kummissjoni magħmula f’punt ġdid (za). Dan il-punt jikkjarifika li “materjal ekwivalenti” tfisser liga tal-aluminju jew kwalunkwe materjal ieħor li ma jaqbadx, li jżomm karatteristiċi strutturali u ta’ integrità ekwivalenti għall-azzar fl-aħħar tal-esponiment applikabbli għat-test standard tan-nar minħabba l-insulazzjoni pprovduta. Peress li xi Stati Membri ma kinux qed jiċċertifikaw vapuri tal-aluminju taħt din id-Direttiva, il-KESE jilqa’ din il-kjarifika bi prinċipju. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda li l-istandard tekniku korrispondenti inkluż fl-Anness tad-Direttiva 2009/45/KE jiġi kkjarifikat aktar f’kooperazzjoni mal-esperti nazzjonali.

    2.   Introduzzjoni u kuntest

    2.1.

    Il-konfigurazzjoni ġeografika tal-Ewropa bħala peniżola vasta tagħti indikazzjoni ta’ kemm huma kruċjali s-servizzi tat-trasport marittimu, inkluż it-trasport tal-passiġġieri. Aktar minn 400 miljun persuna jgħaddu mill-portijiet tal-UE kull sena, li minnhom 120 miljun huma trasportati minn vapuri tal-passiġġieri domestiċi. Għalhekk l-importanza li jiġu żgurati l-ogħla standards ta’ sigurtà fl-ibħra tal-UE, fid-dawl tal-fatt li l-leġislazzjoni dwar is-sigurtà tal-vapuri għandha implikazzjonijiet konsiderevoli, speċjalment għall-ambjent, il-liġi tax-xogħol, il-mobilità taċ-ċittadini tal-UE u l-iffaċilitar tal-kummerċ fil-vapuri tal-passiġġieri peress li dawn tal-aħħar jissodisfaw l-istess standards madwar l-UE.

    2.2.

    Wara d-diżastru tal-Estonja, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali adottat għadd ta’ emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), inklużi r-rekwiżiti biex titjieb l-istabbiltà tal-vapuri ro-ro meta tiġrilhom il-ħsara.

    2.3.

    Madankollu, għadhom iseħħu l-inċidenti, u dan wassal biex f’dawn l-aħħar għoxrin sena l-Ewropa introduċiet aktar regoli għas-sikurezza tal-bastimenti tal-passiġġieri, inklużi xi regoli speċifiċi, bħalma huma r-reġistru tal-persuni abbord, flimkien mas-SOLAS fuq vjaġġi internazzjonali, li tkopri wkoll il-vjaġġi bejn żewġ Stati Membri jew aktar, kif ukoll ħafna aktar regoli tal-UE għal vjaġġi nazzjonali.

    2.4.

    Il-proposti joħorġu mill-programm REFIT li qed twettaq il-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-leġislazzjoni dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri. L-abbrevjazzjoni “REFIT” tfisser “Regulatory Fitness and Performance” (L-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni).

    2.5.

    L-għan kien li fejn possibbli r-regoli Ewropej eżistenti dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri jiġu ssemplifikati u standardizzati sabiex:

    ir-regoli tal-UE jinżammu biss meta jkunu meħtieġa u proporzjonati;

    tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta u uniformi;

    jiġu eliminati d-duplikazzjonijiet u l-kontradizzjonijiet.

    Dawn l-għanijiet jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE dwar “REFIT”, kif stabbilit fl-Opinjoni esploratorja reċenti (SC/044, 26 ta’ Mejju 2016).

    2.6.

    Dan il-pakkett ta’ proposti koerenti jservi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Il-pakkett dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri jinkludi proposti sabiex jiġu riveduti kważi r-regolamenti Ewropej kollha ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri, minbarra naturalment id-Direttiva 2003/25/KE purament teknika dwar il-ħtiġiet ta’ stabbiltà speċifiċi għall-vapuri tal-passiġġieri ro-ro.

    2.7.

    Il-pakkett jinkludi t-3 proposti li ġejjin:

    biex jiġi limitat u ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE (standards tekniċi għal vapuri tal-passiġġieri li jbaħħru fuq rotot nazzjonali);

    biex jitjiebu u jiġu ċċarati l-obbligi ta’ rappurtar li jirriżultaw mid-Direttiva 98/41/KE (dwar ir-reġistrazzjoni ta’ persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri) b’rabta ma’ strumenti oħra (id-Direttiva 2010/65/UE dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar u d-Direttiva 2002/59/KE dwar sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità), kif ukoll it-tneħħija tad-dupplikazzjonijiet ma’ dawn l-oqsma;

    biex tiġi ċċarata u ssemplifikata s-sistema tal-UE tal-istħarriġ u l-ispezzjonijiet għal-laneċ ro-ro (laneċ li jistgħu jittrasportaw il-karozzi u l-ferroviji kif ukoll lill-passiġġieri) u bċejjeċ tal-baħar ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri.

    2.8.

    Hija din l-ewwel proposta li hija s-suġġett ta’ din l-Opinjoni.

    2.9.

    Id-Direttiva 2009/45/KE, datata s-6 ta’ Mejju 2009, hija riformulazzjoni tad-Direttiva 98/18/KE li kellha tiġi revokata fl-interessi ta’ ċarezza. Hija tintroduċi livell uniformi ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri li jagħmlu vjaġġi domestiċi. Madankollu, wara 15-il sena, il-Kummissjoni qieset li kien meħtieġ li din id-Direttiva tiġi riveduta wara li kkonkludiet kontroll tal-idoneità li indika l-ħtieġa – appoġġjata bil-qawwa mill-KESE – li jiġu semplifikati u ċċarati r-rekwiżiti attwali.

    2.10.

    Il-KESE pparteċipa b’mod attiv fil-qasam tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà marittima, u ħejja diversi opinjonijiet. Dwar il-kwistjoni partikolari tas-sigurtà tal-vapuri tal-passiġġieri, ta’ min wieħed jinnota li fid-29 ta’ Mejju 1996 il-Kumitat ħareġ Opinjoni dwar ir-regoli u l-istandards ta’ sigurtà għall-vapuri tal-passiġġieri (1), u wara, fil-11 ta’ Diċembru 2002, Opinjoni tal-Kumitat dwar il-ħtiġiet ta’ stabbiltà speċifiċi għall-vapuri tal-passiġġieri ro-ro, u dwar reviżjoni tad-Direttiva 98/18/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li reċentement, fis-16 ta’ Jannar 2008, il-Kumitat approva mingħajr riżervi l-proposta għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 98/18/KE msemmija hawn fuq.

    2.11.

    Fid-dawl tas-sinifikat tal-eżerċizzju ta’ reviżjoni mwettaq mill-Kummissjoni llum, il-KESE jixtieq juri l-importanza kbira li huwa jagħti lit-titjib kontinwu fis-sigurtà tal-vapuri tal-passiġġieri involuti f’kummerċ domestiku.

    3.   Il-kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni

    3.1.

    Id-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri tapplika għal vapuri magħmulin mill-azzar u materjal ekwivalenti, u għal inġenji ta’ veloċità għolja, irrispettivament mit-tul tagħhom. Implimentata fil-livell tal-UE u li tapplika għal vjaġġi domestiċi biss, din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti tekniċi għall-kostruzzjoni tal-vapuri, l-istabbiltà, il-protezzjoni min-nirien u t-tagħmir li jsalva l-ħajja tal-inġenji, abbażi kemm tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni SOLAS (Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, 1974, kif emendata) kif ukoll ta’ xi rekwiżiti ispirati minn għadd ta’ diżgrazzji marittimi li kienu jinvolvu t-telf ta’ ħajjiet umani, u għalhekk il-ħtieġa li tiġi indirizzata n-natura xi ftit frammentata tal-leġislazzjoni.

    3.2.

    Wara kontroll tal-idoneità mwettaq fl-ispirtu tar-REFIT (programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea) u l-aġenda għal Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li kien hemm lok għal titjib ulterjuri tal-livell ta’ sigurtà, effiċjenza u proporzjonalità mogħti mid-Direttiva msemmija hawn fuq. Għalhekk, ir-reviżjoni ssuġġerita hija mmirata lejn is-semplifikazzjoni u “streamlining” tal-qafas regolatorju eżistenti li, għalkemm jilħaq l-objettivi tiegħu u jibqa’ rilevanti ħafna, irid jelimina xi rekwiżiti u definizzjonijiet skaduti, ambigwi jew li huma rduppjati.

    3.3.

    Il-Kummissjoni qed tissuġġerixxi għadd limitat ta’ bidliet għad-Direttiva attwali fl-oqsma li ġejjin:

    L-esklużjoni ta’ vapuri inqas minn 24 metru fit-tul mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva kkonċernata, abbażi tal-fatt li vapuri żgħar jinbnew l-aktar minn materjali oħra li mhumiex l-azzar, u diġà huma ċertifikati skont il-leġislazzjoni nazzjonali;

    Kjarifika tal-ambitu tad-Direttiva: billi jiġi speċifikat li l-aluminju huwa materjal ekwivalenti għall-azzar (b’implikazzjonijiet għal rekwiżiti dwar l-iżolament kontra n-nar), u billi jiġi ċċarat li l-inġenji tas-servizz għall-parki eoliċi offshore huma esklużi, bħalma huwa l-każ għal vapuri tradizzjonali;

    Kjarifika u semplifikazzjoni tad-definizzjoni taż-żoni tal-baħar fid-Direttiva 2009/45/KE filwaqt li titneħħa r-referenza għal “meta vapur jegħreq persuni jistgħu jitilgħu fuq l-art” kif ukoll il-kunċett ta’ “post ta’ rifuġju”.

    3.4.

    Barra minn hekk, ir-rapport REFIT jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ linji gwida jew standards għal vapuri żgħar u vapuri mibnija mhux bl-azzar jew materjali ekwivalenti, fuq il-bażi ta’ rekwiżiti funzjonali bħala parti minn qafas ta’ standards ibbażat fuq l-għanijiet.

    3.5.

    Fl-aħħar nett, ta’ min jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li jinżamm il-livell komuni attwali ta’ sigurtà stabbilit mid-Direttiva 2009/45/KE għal vapuri li joperaw fuq vjaġġi domestiċi fl-ilmijiet tal-UE, li jiffaċilita t-trasferiment ta’ vapuri bejn reġistri nazzjonali u jippermetti li l-kompetizzjoni fuq vjaġġi domestiċi ssir abbażi ta’ kundizzjonijiet ekwi.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1.

    Il-KESE jinnota li l-kontroll tal-idoneità applikat għar-regoli u l-istandards ta’ sigurtà tal-UE għal vapuri tal-passiġġieri seta’ ġie affettwat min-nuqqas ta’ data u għalhekk jitlob biex fil-futur ikollna sistemi ta’ monitoraġġ aħjar u li d-data tinġabar b’mod aħjar sabiex l-evalwazzjonijiet wara l-implimetazzjoni tal-UE jkunu aktar b’saħħithom.

    4.2.

    Għalkemm jinnota r-raġunament wara l-esklużjoni ta’ vapuri żgħar (tul ta’ inqas minn 24 metru) mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, il-KESE jemmen li l-applikazzjoni għal vapuri ġodda ta’ inqas minn 24 metru tul għandha tinżamm.

    4.3.

    Fir-rapport REFIT, kif ukoll fil-punt 17 tal-premessi tad-Direttiva 2009/45/KE, wieħed jinnota li l-istandards tal-UE jipprevedu aċċess għal servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri f’kummerċ domestiku għall-persuni b’mobilità mnaqqsa, element li huwa rrakkomandat iżda mhux obbligatorju fl-istandards internazzjonali. Il-KESE japprova bil-qawwa dan ir-rekwiżit u jemmen li dan għandu jorbot għal kull tip ta’ vapur tal-passiġġieri ta’ servizz domestiku.

    4.4.

    Il-KESE jemmen ukoll li huwa essenzjali li l-passiġġieri kollha fuq il-vapuri jiġu infurmati dwar id-dettalji li jikkonċernaw is-sigurtà abbord il-bastiment. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li dawn id-dettalji jkunu diponibbli wkoll għal persuni b’diżabilità.

    5.   Kummenti speċifiċi dwar l-emendi proposti għad-Direttiva 2009/45/KE

    5.1.    Artikolu 2 – Definizzjonijiet

    5.1.1.

    Punt (h) – Id-definizzjoni ta’ “vapur ġdid” bħala vapur li l-prim tiegħu tqiegħed jew li kien fi stadju simili ta’ bini fi jew wara l-1 ta’ Lulju 1998 hija skaduta; madankollu, l-ebda bidla ma hija proposta.

    5.1.2.

    Punt (u) – Il-bidla minn “Stat ospitanti” għal “Stat tal-port” mhijiex spjegata. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti spjegazzjoni għal din il-bidla ta’ terminoloġija, u bidla possibbli fis-sustanza.

    Barra minn hekk, id-Direttiva tidher f’dan il-punt li ma toħloq l-ebda distinzjoni bejn bandiera ta’ Stat Membru u ta’ pajjiż li mhuwiex Stat Membru, li jista’ jkun rilevanti, peress li l-vapuri inkwistjoni qed ijwettqu kabotaġġ marittimu (Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu)).

    5.1.3.

    Punt ġdid (za) – Dan il-punt jikkjarifika li “materjal ekwivalenti” tfisser liga tal-aluminju jew kwalunkwe materjal ieħor li ma jaqbadx, li jżomm karatteristiċi strutturali u ta’ integrità ekwivalenti għall-azzar fl-aħħar tal-esponiment applikabbli għat-test standard tan-nar minħabba l-insulazzjoni pprovduta. Peress li xi Stati Membri ma kinux qed jiċċertifikaw vapuri tal-aluminju taħt din id-Direttiva, il-KESE jilqa’ din il-kjarifika bi prinċipju. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda li l-istandard tekniku korrispondenti inklużi fl-Anness tad-Direttiva 2009/45/KE jiġi kkjarifikat aktar f’kooperazzjoni mal-esperti nazzjonali.

    Fl-aħħar nett, il-KESE jemmen li d-definizzjoni l-ġdida ta’ “materjal ekwivalenti”, b’mod partikolari r-referenza għal “kwalunkwe materjal ieħor li ma jaqbadx”, tista’ toħloq konfużjoni peress li ma tispeċifikax b’mod xieraq għal liema tip ta’ materjal materjal għandu jkun ekwivalenti sabiex jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva emendata.

    5.1.4.

    Punt ġdid (zd) – Id-definizzjoni proposta ta’ “jott/biċċa tal-baħar tad-divertiment” hija kif ġej: “vapur li ma jġorrx merkanzija u mhux aktar minn 12-il passiġġier mhux involuti fil-kummerċ, irrispettivament mill-mezz tal-propulsjoni”. Il-KESE jemmen li għal ċarezza għandu jinżamm il-kliem attwali “passiġġier(i) għal għanijiet kummerċjali”.

    5.2.    Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni

    5.2.1.

    Paragrafu 1, punt (a) – [Din id-Direttiva tapplika għal] “vapuri eżistenti tal-passiġġieri ta’ tul ta’ 24 metru jew aktar”. Il-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva 2009/45 għalhekk teskludi kull vapur żgħir, filwaqt li dan ir-Regolament jeskludi biss il-vapuri eżistenti, mhux vapuri “ġodda” ta’ anqas minn tul ta’ 24 metru. Ara l-punt 5.1.1 hawn fuq għad-definizzjoni ta’ “vapur ġdid”.

    5.2.2.

    Ir-raġuni mogħtija għal din l-esklużjoni hija li d-Direttiva 2009/45/KE bħalissa tapplika biss għal 70 minn 1 950 vapur żgħir.

    5.2.3.

    Ħsieb ieħor mogħti wara l-esklużjoni proposta huwa l-prinċipju tas-sussidjarjetà, abbażi tal-fatt li dawn il-vapuri jinbnew għal firxa wiesgħa ta’ servizzi u l-istabbiliment ta’ sett komuni ta’ regoli se jkun estremament diffiċli, u għaldaqstant l-Istati Membri jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jirregolaw.

    5.2.4.

    Il-KESE qed isibha diffiċli jifhem dawn l-argumenti. Jekk 96 % tal-flotta ta’ vapuri iżgħar mhumiex koperti minn din id-Direttiva, peress li huma mibnija minn materjali li mhumiex l-azzar jew materjal ekwivalenti, jew huma vapuri li joperaw esklussivament f’żoni tal-port eċċ., mela li jiġu eżentati dawk l-inġenji ta’ anqas minn 24 metru mhuwiex ta’ benefiċċju għal dawn il-vapuri. Iżda x’jagħmlu l-4 % l-oħra?

    5.2.5.

    Jekk regoli armonizzati mhumiex adatti għal ċerti vapuri taħt l-24 metru, mela l-Istati Membri llum diġà huma liberi li jippermettu eżenzjonijiet skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva. Iżda jekk il-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva fuq dan il-punt tiġi aċċettata, se jkun hemm xi vapuri ta’ tul sa 24 metru li mhux se jibqgħu jkunu koperti mid-Direttiva.

    5.2.6.

    Vapur tal-passiġġieri ta’ 24 metru mhuwiex neċessarjament inġenju insinifikanti, minħabba li forsi jista’ jakkomoda sa 250 passiġġier abbord. Jista’ jiġi argumentat li l-passiġġieri għandu jkollhom l-istess dritt għas-sigurtà, kemm jekk il-vapur tagħhom huwa ta’ tul ta’ 23,9 metru jew 24,1 metru. Għal dawn ir-raġunijiet, il-KESE jemmen li l-applikazzjoni għal vapuri ġodda ta’ tul ta’ inqas minn 24 metru għandha tinżamm u li l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jippermettu eżenzjonijiet jekk jidhrilhom xieraq.

    5.3.    Artikolu 5

    Fir-rigward tal-emenda għall-Artikolu 5(3) dwar l-ispezzjoni, il-KESE huwa tal-opinjoni li għandha ssir ukoll referenza għal laneċ ro-ro u inġenji tal-baħar ta’ veloċità kbira għall-passiġġieri fuq vjaġġ domestiku fuq servizz regolari kif definit fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ġdida proposta (COM(2016)371 final) li tħassar id-Direttiva 1999/35/KE (ara l-Artikolu 1). Bil-għan ta’ aktar razzjonalizzazzjoni tal-isforz ta’ spezzjoni tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, il-massimizzazzjoni taż-żmien li matulu l-vapur jista’ jiġi sfruttat kummerċjalment u l-eliminazzjoni ta’ duplikazzjonijiet potenzjali bejn spezzjonijiet speċifiċi taħt id-Direttiva ġdida proposta (COM(2016) 371 final) li tħassar id-Direttiva 1999/35/KE u l-istħarriġ meħtieġ taħt l-Artikolu 12, huwa ssuġġerit li:

    jiġi sostitwit it-terminu “stħarriġ” bi “spezzjoni” taħt l-Artikolu 5, u

    issir referenza ċara taħt l-Artikolu 5 għar-rekwiżiti ta’ spezzjoni taħt id-Direttiva ġdida proposta (COM(2016)371 final) li tħassar id-Direttiva 1999/35/KE.

    Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  ĠU C 212, 22.7.1996, p. 21.


    Top