Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE4319

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni” [COM(2015) 240 final]

    ĠU C 71, 24.2.2016, p. 46–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.2.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 71/46


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”

    [COM(2015) 240 final]

    (2016/C 071/08)

    Relatur:

    is-Sur Stefano MALLIA

    Korelatur:

    is-Sur Cristian PÎRVULESCU

    Nhar l-10 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda Ewropea dwar il-MigrazzjoniAġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”

    [COM(2015) 240 final].

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ Novembru 2015.

    Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tal-10 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’161 vot favur, 10 voti kontra u 7 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-“Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni” tal-Kummissjoni, li huwa jemmen li tissimbolizza għarfien misjub ġdid dwar il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-migrazzjoni fuq livell Ewropew, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jappoġġjaw b’mod kollettiv l-implimentazzjoni ta’ din l-Aġenda.

    1.2.

    L-isfida immedjata għall-UE hija li tasal biex tikkontrolla l-qagħda kaotika attwali u li tiżgura li n-nies li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali jkunu ttrattati kif suppost. Il-KESE jappoġġja t-twaqqif immedjat ta’ “hotspots” għall-appoġġ tal-pajjiżi li qed jiffaċċjaw fluss kbir ta’ migranti u jinsisti li jingħataw ir-riżorsi u l-appoġġ meħtieġ.

    1.3.

    Il-KESE jemmen li s-sitwazzjoni attwali teħtieġ li l-UE tistabbilixxi sistema Ewropea ta’ ażil verament komuni bbażata fuq proċeduri armonizzati madwar l-UE. Dan jinkludi status uniformi ta’ ażil u rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ ażil, responsabbiltà u sforzi kondiviżi fir-rigward tar-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, u Regolament ta’ Dublin rivedut. Jinħtieġu sistemi solidari u robusti ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet, u, fuq kollox, soluzzjoni permanenti, ġusta u vinkolanti għad-distribuzzjoni ta’ dawk li jkunu qed ifittxu protezzjoni fil-pajjiżi kollha tal-UE. Barra minn hekk, għandhom jinstabu wkoll soluzzjonijiet dejjiema f’każ li l-migrazzjonijiet tal-massa jissoktaw jew jerġgħu jseħħu fil-futur.

    1.4.

    L-Ewropa għandha popolazzjoni li qed tixjieħ u tiffaċċja nuqqas ta’ ħiliet, li jistgħu jiġu indirizzati permezz tal-migrazzjoni. Madankollu l-UE jrid ikollha politika ta’ immigrazzjoni aktar effettiva fis-seħħ. L-UE għandha tfassal politika ta’ migrazzjoni legali komprensiva maħsuba biex tilqa’ l-ewwel ġenerazzjonijiet, li hija trasparenti, prevedibbli u ġusta. Fl-istess ħin, għandu jiġi rikonoxxut li l-immigrazzjoni mhijiex l-uniku rispons għan-nuqqas ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol u l-isfidi demografiċi. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw soluzzjonijiet iktar adatti.

    1.5.

    L-integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati hija sfida sinifikanti ħafna li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġu jikkonfrontaw billi jibnu sistemi ta’ integrazzjoni robusti. Il-KESE jqis li l-ispiża tan-nonintegrazzjoni taqbeż bil-kbir l-ispiża tal-integrazzjoni. Il-KESE, bl-impenn tiegħu għal żmien twil għall-Forum ta’ Integrazzjoni/Migrazzjoni Ewropew, jemmen li l-integrazzjoni trid tkun proċess li ġej miż-żewġ naħat fejn is-sħab soċjali, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili kollha jaqdu rwol essenzjali. Għandha tingħata prijorità lill-aċċess għas-suq tax-xogħol u, b’mod aktar speċifiku, lir-rikonoxximent tal-kwalifiki u t-taħriġ professjonali u fil-lingwi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-integrazzjoni tan-nisa.

    1.6.

    L-UE trid tagħmel il-fruntieri esterni tagħha siguri. Minħabba s-sitwazzjoni attwali kumplessa ta’ sigurtà, jeħtieġ li jsir sforz Ewropew aktar milli sforz nazzjonali, li jista’ jinvolvi li jkunu kondiviżi xi kompetenzi nazzjonali f’dan il-qasam.

    1.7.

    Il-politiki esterni kollha tal-UE jridu jkunu simplifikati u jiffukaw fuq l-għajnuna għall-pajjiżi ta’ oriġini biex jilħqu livell raġonevoli ta’ sigurtà tal-bniedem, stabbiltà u prosperità. Il-KESE huwa konxju sew li dan huwa għan fit-tul mimli diffikultajiet enormi.

    1.8.

    Huwa meħtieġ li tiġi infurzata l-kooperazzjoni fil-qasam tar-riammissjoni biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva u f’waqtha tad-Direttiva ta’ Ritorn.

    1.9.

    Is-soċjetà ċivili taqdi rwol vitali fl-immaniġġjar tal-kriżi tal-migrazzjoni, pereżempju billi tipprovdi l-ewwel rispons neċessarju lill-migranti meta jaslu u billi torganizza l-attivitajiet li jirriżultaw sabiex il-migranti jiġu integrati fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol. Huwa essenzjali li l-gvernijiet, l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaħdmu lejn il-ħolqien ta’ kunsens kulturali u soċjali fost in-nazzjonijiet Ewropej li huwa importanti u ta’ benefiċċju biex jinvestu fl-integrazzjoni tal-immigranti fis-soċjetà u s-suq tax-xogħol.

    1.10.

    Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iżidu l-finanzjament u l-appoġġ materjali għall-NGOs nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

    1.11.

    Ir-riżorsi finanzjarji korrispondenti għandhom jiġu applikati b’mod konġunt mill-komunità internazzjonali kollha. F’dan il-kuntest għandu jiġi ċċarat li n-nefqa mġarrba mill-Istati Membri fir-rigward tal-akkoljenza u l-integrazzjoni ta’ dawk li jfittxu l-asil u tar-refuġjati mhijiex dejjiema jew strutturali u, għalhekk, ma għandhiex tiġi inkluża fil-kalkolu tad-defiċit baġitarju strutturali. L-applikazzjoni tar-riżorsi meħtieġa m’għandhiex tkun għad-detriment ta’ mezzi eżistenti għal objettivi soċjali fl-UE. Dan jista’ jixħet dubju fuq l-aċċettazzjoni minn partijiet tal-popolazzjoni.

    2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-aħħar żviluppi

    2.1.

    Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Komunikazzjoni tagħha dwar “Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni” fit-13 ta’ Mejju 2015. Din il-komunikazzjoni u l-proposti ta’ implimentazzjoni li rriżultaw minnha kienu ġew sussegwentement diskussi minn diversi formazzjonijiet tal-Kunsill bejn Ġunju u Ottubru. Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u jqisha komprensiva u li tiffoka wkoll fuq punti essenzjali.

    2.2.

    L-implimentazzjoni tal-inizjattivi proposti fl-Aġenda għadha għaddejja u ħafna mill-Istati Membri gradwalment qed jirrealizzaw li hija biss l-azzjoni kollettiva bbażata fuq il-prinċipji ta’ solidarjetà u responsabbiltà kondiviża li tista’ twassal għal ġestjoni effettiva tal-isfida tal-migrazzjoni. L-azzjoni effettiva teħtieġ il-mobilizzazzjoni ta’ aktar riżorsi mill-baġit tal-UE, kif ukoll żieda fil-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri. F’dan il-kuntest għandu jiġi ċċarat li n-nefqa mġarrba mill-Istati Membri fir-rigward tal-akkoljenza u l-integrazzjoni ta’ dawk li jfittxu l-asil u tar-refuġjati mhijiex dejjiema jew strutturali u, għalhekk, ma għandhiex tiġi inkluża fil-kalkolu tad-defiċit baġitarju strutturali.

    2.3.

    F’termini ta’ finanzjament, l-UE ttriplikat ir-riżorsi u l-assi għall-operazzjonijiet konġunti tal-Frontex, il-Poseidon u t-Triton. Flimkien ma’ din iż-żieda, qed jintużaw assi (bastimenti u inġenji tal-ajru) minn diversi Stati Membri. Il-Kummissjoni Ewropea allokat ukoll EUR 1,8 biljun mill-baġit tal-UE biex jitwaqqaf Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-istabbiltà u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari fl-Afrika, immobilizzat EUR 60 miljun f’fondi ta’ emerġenza għall-Istati Membri l-aktar esposti, ipproponiet skema ta’ risistemazzjoni ta’ EUR 50 miljun, u rrilaxxat EUR 30 miljun għall-Programm Reġjonali għall-Iżvilupp u l-Protezzjoni.

    2.4.

    Il-mexxejja tal-UE wiegħdu aktar riżorsi għall-Frontex, l-Europol u l-EASO sabiex jissaħħu l-fruntieri esterni tal-UE, filwaqt li enfasizzaw b’mod partikolari l-“hotspots” biex jiżguraw l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba’ tal-migranti. Madankollu huwa meħtieġ l-appoġġ finanzjarju tal-UE biex jiżgura li l-“hotspots” joperaw b’effiċjenza u jilħqu l-mira tagħhom.

    2.5.

    Fil-laqgħat tal-Kunsill f’Lulju u Settembru, intlaħqu ftehimiet dwar ir-rilokazzjoni ta’ 160 000 migrant mill-Greċja u l-Italja u r-risistemazzjoni ta’ 22 000 persuna oħra li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. L-implimentazzjoni b’suċċess ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li tinsab fil-fażi inizjali tagħha, hija kruċjali għas-suċċess ta’ kwalunkwe politika futura ta’ migrazzjoni tal-UE.

    2.6.

    Fit-23 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea adottat 40 deċiżjoni ta’ ksur kontra bosta Stati Membri talli naqsu milli jimplimentaw il-leġislazzjoni li tistabbilixxi s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Il-KESE jilqa’ din id-deċiżjoni iżda huwa mħasseb ħafna dwar li kellha tirrikorri għal dan il-mekkaniżmu biex tikkonvinċi lill-Istati Membri biex jimplimentaw kif xieraq il-liġi tal-UE f’dan il-qasam kruċjali.

    2.7.

    Fuq il-front internazzjonali, diversi deċiżjonijiet jistgħu potenzjalment iwasslu għal titjib fis-sitwazzjoni ġenerali. Dawn jinkludu ż-żieda tar-riżorsi baġitarji tal-UE għall-għajnuna immedjata għar-refuġjati, it-tisħiħ tad-djalogu u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux membri bħal-Libanu, il-Ġordan u t-Turkija u l-pajjiżi kandidati fil-Balkani tal-Punent, kif ukoll iż-żieda fl-għajnuna umanitarja fl-2016 u l-istabbiliment tal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika. L-applikazzjoni tar-riżorsi meħtieġa m’għandhiex tkun għad-detriment ta’ mezzi eżistenti għal objettivi soċjali fl-UE. Dan jista’ jixħet dubju fuq l-aċċettazzjoni minn partijiet tal-popolazzjoni. Il-KESE jilqa’ l-approvazzjoni tal-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ Settembru 2015 tal-Pjan ta’ Azzjoni konġunt mat-Turkija bħala parti minn aġenda ta’ kooperazzjoni komprensiva bbażata fuq responsabbiltà kondiviża, impenji reċiproċi u twettiq.

    3.   Nindirizzaw il-kriżi

    3.1.   Azzjoni immedjata

    3.1.1.

    Il-kunċett ta’ fruntieri intelliġenti huwa milqugħ u ilu li jmissu daħal fis-seħħ. L-isfida ewlenija marbuta ma’ fruntieri aktar b’saħħithom u aktar intelliġenti hija li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti ma jinkisrux. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ non-refoulement m’għandux jiddgħajjef anke jekk jista’ jkun ta’ sfida peress li d-distinzjoni bejn refuġjati u migranti ekonomiċi mhux dejjem tkun ċara u sempliċi. Il-fruntieri intelliġenti jridu dejjem jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

    3.1.2.

    Il-ftehim ta’ Schengen huwa wieħed mill-pilastri tal-UE u għandu aktar minn sinifikat simboliku għall-integrazzjoni Ewropea. Huwa wieħed mill-aktar drittijiet tanġibbli li jgawdu ċ-ċittadini Ewropej, li jagħti esperjenza reali ta’ Ewropa mingħajr fruntieri. Il-KESE jixtieq li l-operazzjoni tas-sistema ta’ Schengen terġa’ lura għan-normal mill-iktar fis u jħeġġeġ bil-qawwa li l-Istati Membri kkonċernati jieħdu l-passi kollha possibbli għall-prevenzjoni ta’ kollass permanenti tas-sistema.

    3.1.3.

    S’issa ntlaħaq ftehim dwar ir-rilokazzjoni ta’ 160 000 refuġjat fl-UE. Bl-implimentazzjoni rapida ta’ dan il-Ftehim ikunu jistgħu jinġabru ħafna esperjenzi siewja biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet fit-tul f’każ ta’ flussi kbar ta’ persuni li jissoktaw jew jerġgħu jseħħu fil-futur.

    3.1.4.

    Huwa fl-interess tal-Istati Membri li, jekk il-migrazzjonijiet tal-massa jkomplu fil-ġejjieni, tiġi implimentata sistema ta’ soluzzjonijiet soda, ibbażata fuq is-solidarjetà. Miżura immedjata għandha tkun sistema permanenti, ġusta u vinkolanti għall-kondiviżjoni tal-piżijiet, fejn dawk li jkunu qed ifittxu protezzjoni jiġu allokati bejn il-pajjiżi kollha tal-UE. Dan irid jiġi appoġġat minn element ta’ distribuzzjoni permanenti bbażat fuq numru ta’ kunsiderazzjonijiet bħad-daqs ekonomiku u territorjali, il-PDG, l-opportunitajiet ta’ xogħol u n-nuqqas ta’ ħiliet, l-eżistenza ta’ komunitajiet konazzjonali/etniċi u l-minoranzi fil-pajjiż ospitanti. Element ta’ tqassim bħal dan għandu jiġi eżaminat perjodikament. Il-preferenzi tal-persuna li qed tfittex l-ażil għandhom jitqiesu wkoll sakemm dawn ikunu marbuta ma’ kunsiderazzjonijiet li jiffaċilitaw l-integrazzjoni (pereżempju l-għarfien tal-lingwa, il-familja fil-pajjiż, eċċ.). Nittamaw li dan itemm il-laqgħat kontinwi u diskordanti tal-Kunsill li tappnu r-reputazzjoni tal-Ewropa.

    3.1.5.

    Il-KESE jilqa’ l-proposta biex jiġi attivat il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili u jiġu mmobilizzati Timijiet ta’ Appoġġ għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni kif ukoll Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri li jgħinu lill-Istati Membri jimmaniġġjaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

    3.1.6.

    Il-KESE jilqa’ wkoll iż-żieda fil-finanzjament tal-UE għall-Frontex, l-EASO u l-Europol għall-2015 u ż-żieda ta’ EUR 600 miljun għat-tliet aġenziji għall-2016 biex jgħinu lill-Istati l-aktar milquta. Dawn l-isforzi jeħtieġ li jiġu kkumplementati minn politika ta’ ritorn effettiva. Bħalissa madwar 38 % biss ta’ dawk li nstabu li ma kinux jeħtieġu protezzjoni ġew irritornati lejn pajjiżhom.

    3.1.7.

    L-UE teħtieġ li torbot dejjem aktar l-għajnuna għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma’ riformi interni kif ukoll tħeġġeġ kooperazzjoni effettiva fuq kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, b’mod partikolari l-migrazzjoni legali (li tinkludi moviment temporanju/viżi) u l-politika tar-ritorn. Madankollu, huwa importanti li l-Istati Membri tal-UE jonoraw l-impenn tagħhom li jallokaw 0,7 % tad-dħul nazzjonali gross (DNG) tagħhom għall-għajnuna għall-iżvilupp.

    3.1.8.

    Il-KESE jilqa’ l-proposta biex jiżdiedu sforzi diplomatiċi sabiex jiġu involuti l-pajjiżi ta’ oriġini u l-pajjiżi ta’ tranżitu fi sforz kooperattiv biex tiġi indirizzata l-isfida. L-ewwel appuntament f’dan l-isforz kien is-summit dwar il-migrazzjoni li sar fil-Belt Valletta fil-11 u t-12 ta’ Novembru 2015.

    3.1.9.

    F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-UE teħtieġ li tisma’ daqs kemm teħtieġ li tkellem lis-sħab tagħha u li hemm bżonn li tittrattahom bħala tali. Għadhom jipprevalu ħafna ideat żbaljati u perċezzjonijiet differenti bejn l-UE u s-sħab tagħha fl-Afrika u l-Lvant Nofsani, kemm rigward l-objettivi li għandhom jintlaħqu kif ukoll il-mezzi biex jintlaħqu.

    3.1.10.

    Il-KESE jilqa’ l-wegħda tal-UE biex tkompli taħdem aktar mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNHCR, l-UNDP, l-IOM u s-Salib l-Aħmar. Madankollu josserva li ħafna Stati Membri tal-UE ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom, pereżempju l-istat traġiku ta’ appoġġ għall-Programm Dinji tal-Ikel.

    3.1.11.

    Il-KESE jilqa’ wkoll il-proposta tal-Kummissjoni biex fl-2016 l-għajnuna umanitarja tiżdied bi EUR 300 miljun biex jintlaħqu l-ħtiġijiet essenzjali tar-refuġjati.

    3.1.12.

    Il-KESE jappoġġja l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-ażil. Skont l-Artikolu 78 tat-TFUE, l-UE għandha tiżviluppa politika komuni dwar il-protezzjoni internazzjonali, li tinkludi “status uniformi … validu fl-Unjoni kollha”. Jekk dan l-istatus għal madwar l-UE kollha ma jingħatax minn aġenzija tal-UE, l-unika alternattiva hija r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet nazzjonali.

    3.1.13.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-impenn tal-Kummissjoni biex tissottometti proposti għal riforma tar-Regolament ta’ Dublin sa Marzu 2016. Jappoġġja wkoll l-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta pakkett ġdid dwar il-migrazzjoni legali fl-istess ħin, inkluż Direttiva riveduta tal-Karta Blu.

    3.1.14.

    Il-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE għandha tkun sforz kondiviż li fih l-Istati Membri jgħaqqdu r-riżorsi fiżiċi u intellettwali.

    3.1.15.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ it-twaqqif immedjat ta’ “hotspots”. Madankollu, dawn irid ikollhom il-persunal sħiħ meħtieġ u għandhom jingħataw ir-riżorsi kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jiffunzjonaw b’mod effettiv. F’postijiet bħall-Italja u l-Greċja fejn qed jaslu eluf ta’ migranti kuljum, il-ġbir flimkien sinifikanti ta’ riżorsi finanzjarji u fiżiċi biss jista’ jipprevjeni kaos totali.

    3.1.16.

    Il-KESE jaqbel mat-tħassib serju tal-UNHCR dwar il-proċess ta’ reġistrazzjoni u ta’ għażla fis-seħħ fil-“hotspots” hekk kif jaslu l-immigranti fil-fruntieri tal-UE.

    3.2.   Azzjoni fit-tul

    3.2.1.

    L-UE tista’ biss tnaqqas il-flussi migratorji għal proporzjonijiet li jistgħu jiġu ġestiti jekk tkun involuta b’mod sinifikanti fir-riżoluzzjoni tal-ħafna problemi li qed jaffettwaw lill-pajjiżi ta’ oriġini. L-għan fit-tul li tinkiseb l-istabbiltà, il-paċi u l-prosperità ser jitlob sforz bla preċedent, mhux biss mill-Ewropa iżda mill-komunità internazzjonali kollha kemm hi. L-UE trid tfittex li ssaħħaħ l-isforzi internazzjonali, partikolarment permezz tan-NU.

    3.2.2.

    Jeħtieġ li l-UE testendi l-preżenza istituzzjonali tagħha fil-pajjiżi ewlenin ta’ oriġini u ta’ tranżitu billi twaqqaf ċentri ta’ migrazzjoni speċifiċi bħala faċilitajiet ta’ pproċessar temporanji jew permanenti għall-applikazzjonijiet għall-ażil. Hemm bżonn aktar iffukar u assistenza teknika f’pajjiżi bħall-Alġerija, il-Marokk, il-Mali, il-Libja, il-Libanu u t-Turkija.

    3.2.3.

    Il-KESE jemmen li wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Aġenda huwa li tniedi politika ta’ migrazzjoni tal-UE li tagħmel il-migrazzjoni legali possibbli, filwaqt li tistimola l-integrazzjoni effettiva tal-migranti. Il-KESE qed jistenna l-ewwel proposti leġislattivi u ta’ politika f’dawn l-oqsma, u jinsab lest li jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fl-isforzi tagħha biex tiżviluppa dawn il-proposti.

    3.2.4.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw bis-sħiħ u jimplimentaw b’mod attiv il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 u jirreżistu l-pressjoni biex inaqqsu l-livell ta’ protezzjoni u servizzi mogħtija lir-refuġjati.

    3.2.5.

    Il-KESE jappoġġja politika komuni ta’ ażil ibbażata fuq proċeduri simplifikati u komuni. Politika bħal din trid tkun ibbażata wkoll fuq definizzjoni komuni tal-istatus tar-refuġjati u d-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus sabiex jiġi evitat li r-refuġjati jfittxu l-“aħjar trattament”.

    3.2.6.

    Is-sistema ta’ Informazzjoni tal-Pajjiżi ta’ Oriġini (COI) teħtieġ aktar żvilupp. L-applikazzjonijiet għall-ażil minn ċittadini li ġejjin mill-istess stati u li x’aktarx jiffaċċjaw sitwazzjoni simili ta’ spiss ikollhom riżultati differenti. Is-sistema fis-seħħ għandha tkun flessibbli u affidabbli biżżejjed għar-riċerka u tipproċessal-iżviluppi fil-pajjiżi ta’ oriġini f’ħin reali. Il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-Istati Membri għandha tissaħħaħ kontinwament, għax huma sors ta’ informazzjoni importanti.

    3.2.7.

    Għandha tingħata prijorità akbar lill-organizzazzjoni tal-migrazzjoni legali u politika tal-viża, id-diġitalizzazzjoni tal-proċess, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-kisba ta’ mobilità edukattiva.

    3.2.8.

    L-UE għandha tkun aktar involuta fil-ġestjoni tar-ritorn u l-appoġġ għall-miżuri ta’ riintegrazzjoni. Il-proġett pilota dwar ir-ritorn lejn il-Pakistan u l-Bangladesh huwa ta’ rilevanza limitata għas-sitwazzjoni attwali ta’ emerġenza. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu ppjanati u implimentati proġetti simili, b’finanzjament u appoġġ istituzzjonali xierqa.

    3.2.9.

    It-tisħiħ tal-kontrolli fuq il-fruntieri fil-pajjiżi ta’ tranżitu, it-titjib tar-rondi marittimi u l-qerda tal-bastimenti tat-traffikanti jistgħu jgħinu iżda mhumiex l-uniku mezz sostenibbli biex tiġi indirizzata l-problema. L-UE tkun qabdet it-triq it-tajba meta tieħu approċċ komprensiv li jagħmel użu aħjar mid-diversi strumenti u r-riżorsi sinifikanti li għandha.

    3.3.   Is-soċjetà ċivili

    3.3.1.

    Is-soċjetà ċivili taqdi rwol kruċjali fl-indirizzar tal-kriżi tal-migrazzjoni. L-atturi tas-soċjetà ċivili jistgħu jipprovdu għajnuna essenzjali billi jfornu l-ewwel reazzjonijiet meħtieġa lill-migranti hekk kif jaslu. Madankollu, is-soċjetà ċivili potenzjalment għandha rwol aktar importanti x’taqdi fir-rigward tal-isforz fit-tul meħtieġ biex il-migranti jiġu integrati fis-soċjetà. Is-soċjetà ċivili tista’ tadotta r-reazzjonijiet mill-persuni għall-persuni li huma tant kruċjali fl-istadji kollha fl-akkoljenza u l-insedjament tar-refuġjati.

    3.3.2.

    Il-KESE jfaħħar is-solidarjetà murija minn partijiet tas-soċjetà ċivili u individwi privati li volontarjament assistew lill-applikanti għall-ażil. Madankollu, din ir-reazzjoni pożittiva u spontanja mhijiex suffiċjenti biex tkun tista’ tittratta b’mod effettiv l-isfidi li nħolqu. Il-KESE jitlob lill-Istati Membri tal-UE jirrikonoxxu u japprezzaw ir-rwol li għandha s-soċjetà ċivili billi jżidu l-għajnuna tagħhom lill-NGOs nazzjonali u s-soċjetà ċivili sabiex jiżguraw rispons aktar strutturat u effettiv. Il-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom responsabbiltà speċjali biex jidentifikaw u jingħaqdu mas-soċjetajiet ċivili fit-territorji tagħhom, u biex iżidu l-għajnuna biex jiġi żgurat li l-kapaċitajiet tagħhom jiżdiedu.

    3.3.3.

    Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħmel sforzi biex tipprovdi lill-Istati Membri b’aktar riżorsi permezz tal-ftehimiet ta’ sħubija tagħhom fir-rigward tal-fondi strutturali biex jiggwidaw aktar fondi tal-FSE u tal-FEŻR lejn il-ġestjoni tal-flussi migratorji u l-isforz tal-integrazzjoni. L-NGOs u l-organizzazzjonijiet involuti fil-livell prattiku għandhom ikunu r-riċevituri ewlenin ta’ dawn il-fondi. Dawn għandhom ikunu lil hinn mill-fondi li attwalment qed jiġu pprovduti taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni.

    3.3.4.

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni fuq il-Forum Ewropew għall-Migrazzjoni, li jiret post il-Forum Ewropew għall-Integrazzjoni li nħoloq fl-2009 mill-KESE u l-Kummissjoni Ewropea. Il-forum huwa pjattaforma għal djalogu bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u s-soċjetà ċivili fl-oqsma tal-immigrazzjoni, l-ażil u l-integrazzjoni tal-migranti.

    4.   L-integrazzjoni fis-soċjetà u s-swieq tax-xogħol

    4.1.

    Il-KESE jqis li huwa importanti u rilevanti ħafna li jiġi żgurat li jkun hemm sistema trasparenti, prevedibbli u ġusta tal-migrazzjoni legali lejn l-UE. Il-popolazzjoni tal-Ewropa qed tixjieħ u qed tikber biss b’madwar 0,2 % fis-sena, li huwa ferm taħt il-livell ta’ sostituzzjoni. Huwa stmat li l-Ewropa se titlef mat-30 miljun persuna tal-età tax-xogħol sal-2050 u sakemm ma ssirx xi ħaġa malajr, il-proporzjonijiet ta’ dipendenza f’ħafna Stati Membri tal-UE se jkomplu jiżdiedu b’rata mgħaġġla, il-produttività se tonqos, il-kumpaniji se jagħlqu u l-ispejjeż għaż-żamma tas-servizzi, b’mod partikolari għall-popolazzjoni li qed tixjieħ, se jiżdiedu b’mod sinifikanti.

    4.2.

    Permezz ta’ azzjoni kollettiva u organizzata bbażata fuq is-solidarjetà, l-UE tista’ tittrasforma s-sitwazzjoni attwali f’opportunità biex treġġa’ lura x-xejra demografika attwali u l-effetti soċjoekonomiċi tagħha. L-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol twassal għal tkabbir ekonomiku u tappoġġja l-indipendenza tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-politiki li jittraskuraw l-integrazzjoni jċaqilqu l-piż tal-appoġġ tal-migranti għal fuq is-servizzi pubbliċi u jistgħu jwasslu għal inkwiet soċjali b’implikazzjonijiet konsiderevoli.

    4.3.

    Il-KESE jagħraf li l-integrazzjoni tiddependi ħafna mill-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Madankollu, hemm għadd ta’ fatturi marbuta mal-impatt tal-immigrazzjoni fuq is-suq tax-xogħol li għandhom jiġu spjegati. Dawn jinkludu l-impatt tal-immigranti fuq il-livell tal-pagi, id-disponibbiltà tal-impjiegi, il-pressjoni fuq is-sistema fiskali (is-saħħa u l-edukazzjoni) u l-effetti tal-multikulturaliżmu.

    4.4.

    Il-Kumitat diġà fassal opinjoni esploratorja (1) li kienet il-bażi għall-preparazzjoni tal-Konferenza Ministerjali ta’ Zaragoza fl-2010 (2), li adottat dikjarazzjoni importanti dwar l-integrazzjoni ta’ migranti fis-suq tax-xogħol u l-isfidi għall-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali u s-sħab soċjali.

    4.5.

    L-istudji juru li b’mod ġenerali, il-migranti jikkontribwixxu aktar milli jieħdu mill-ekonomija, l-impatt tagħhom fuq is-sistemi fiskali huwa minimu u li dawn jgħinu lill-Ewropa tindirizza d-defiċit demografiku tagħha u jistimulaw it-tkabbir ekonomiku. Madankollu, l-effetti tal-migrazzjoni ma jkollhomx impatt fuq ir-reġjuni kollha tal-Ewropa bl-istess mod u jeħtieġ li jiġu vvalutati bir-reqqa għall-impatt tagħhom fil-livell lokali. Barra minn hekk, hemm differenza kbira bejn il-wasla fl-ordni ta’ migranti bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ politika u mewġa f’daqqa ta’ eluf ta’ migranti deħlin, li jkun diffiċli biex jiġu mmaniġġjati u jitfgħu pressjoni fuq l-istrutturi lokali, reġjonali u nazzjonali, kif ġara fl-aħħar ġimgħat.

    4.6.

    L-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol tiddependi fuq numru ta’ fatturi bħal-livell ta’ qgħad fil-pajjiżi ospitanti, il-ħiliet tal-migranti, il-livell ta’ ħiliethom, il-preparazzjoni qabel id-dħul f’termini ta’ kapaċitajiet lingwistiċi u taħriġ formali u l-organizzazzjonijiet, l-istrutturi li huma stabbiliti fil-pajjiżi ospitanti sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-immigranti, inklużi r-refuġjati, fis-suq tax-xogħol. Huwa f’dawn l-oqsma li s-soċjetà ċivili għandha rwol kruċjali x’taqdi.

    4.7.

    Madankollu, hemm fatturi oħra li jfixklu l-integrazzjoni mgħaġġla, bħar-rikonoxximent tal-kwalifiki, l-ostakli burokratiċi, in-nuqqas ta’ trasparenza, il-perċezzjonijiet żbaljati pubbliċi dwar il-migranti, l-isfruttament u l-ostakli legali ppreżentati minn liġijiet skaduti u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni jew it-traspożizzjoni bil-mod tal-leġislazzjoniet tal-UE.

    4.8.

    It-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi għandhom rwol kruċjali x’jaqdu fl-indirizzar tal-isfida tal-integrazzjoni tal-immigranti fis-suq tax-xogħol. Il-KESE jirrakkomanda li s-sħab soċjali jkunu involuti b’mod sħiħ fl-abbozzar, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u s-segwitu dwar il-politika ta’ integrazzjoni u l-miżuri relatati fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej.

    4.9.

    Il-Gvern, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-sħab soċjali jridu jaħdmu flimkien biex jiksbu kunsens soċjali dwar il-modi u l-mezzi ta’ integrazzjoni tal-migranti fl-ekonomija u s-soċjetà, fuq kollox biex ma jkunx hemm ġlieda bejn gruppi żvantaġġjati differenti.

    4.10.

    Is-soċjetà ċivili taqdi rwol kruċjali fl-għoti tal-għajnuna lill-migranti biex jiksbu aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg, u fl-isfida kontra d-diskriminazzjoni fis-settur edukattiv, is-suq tax-xogħol u s-soċjetà kollha kemm hi.

    Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 16.

    (2)  http://www.integrim.eu/wp-content/uploads/2012/12/Report-20101.pdf, https://www.uclm.es/bits/archivos/declaracionzaragoza.pdf.


    Top