Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE3940

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015-2020)” [COM(2015) 285 final]

ĠU C 71, 24.2.2016, p. 75–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015-2020)”

[COM(2015) 285 final]

(2016/C 071/12)

Relatur:

is-Sinjura Brenda KING

Nhar is-6 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015-2020)”

[COM(2015) 285 final].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Novembru 2015.

Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tal-10 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’176 vot favur, 3 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ b’sodisfazzjon l-għanijiet iddikjarati fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (1), jiġifieri “biex jiġi miġġieled u evitat it-traffikar tal-migranti, filwaqt li jiġi żgurat li l-migranti jkunu mħarsa skont id-drittijiet tal-bniedem” u “biex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni irregolari”. Il-KESE jfakkar li r-refuġjati jgawdu minn status speċjali mogħti mill-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-istatus tar-refuġjati.

1.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Pjan ta’ Azzjoni bix jiġu sfaxxati n-netwerks tal-kriminalità organizzata permezz ta’ investigazzjonijiet immexxija mill-intelligence u investigazzjonijiet finanzjarji, bil-għan li jintemm il-ħasil tal-flus u jiġu kkonfiskati l-assi marbutin mal-attivitajiet illeċiti; madankollu, jirrakkomanda bil-qawwa li l-pjan jadotta approċċ iżjed ibbilanċjat u komprensiv billi jipprovdi dettalji dwar kif l-UE ser tipproteġi u tgħin lil dawk li jkunu ttraffikati.

1.3.

Filwaqt li jibni fuq l-istqarrija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li “[I]n-netwerks ta’ traffikar jistgħu jiddgħajfu jekk inqas nies ifittxu s-servizzi tagħhom”, il-KESE jieħu nota tal-istqarrija tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità li huwa “diffiċli, jekk mhux impossibbli, li bosta nies li jgħixu f’pajjiżi foqra jew żoni milqutin minn kunflitti armati u instabbiltà politika jiksbu viża għaż-żona Schengen. Individwi u gruppi li l-għan tagħhom huwa li jagħmlu l-qligħ, ħadu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni u żviluppaw negozju profitabbli biex jissodisfaw id-domanda għall-qsim tal-fruntieri” (2). Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miżuri ta’ prevenzjoni billi tintlaqa’ t-talba tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex l-UE tikkunsidra li żżid rotot sikuri u legali lejn l-Ewropa għar-refuġjati u l-migranti, sabiex ma jitħallewx f’idejn netwerks kriminali u jagħmlu vjaġġi perikolużi. Dawn l-istqarrijiet jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet f’bosta opinjonijiet tal-KESE dwar il-migrazzjoni.

1.4.

Il-KESE jaqbel li jeħtieġ li jiġi implimentat il-prinċipju tas-solidarjetà u r-responsabbiltà konġunta biex tiġi żgurata distribuzzjoni aktar bilanċjata tal-applikazzjonijiet għall-asil bejn l-Istati Membri. Jeħtieġ li l-Konvenzjoni ta’ Dublin tiġi adattata biex tirrifletti din is-sistema iżjed inklużiva u tipproteġi l-Ftehim ta’ Schengen.

1.5.

Għaldaqstant, il-KESE japprova l-istqarrija tal-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, li fiha wissa lill-Istati Membri biex ma japprofittawx mill-kriżi tal-migranti biex jisfaxxaw il-Ftehim ta’ Schengen (3). Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni ssegwi dawn l-iżviluppi b’attenzjoni kbira u tiżgura li l-affarijiet jerġgħu jirritornaw għan-normal mill-iżjed fis.

1.6.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiżdiedu wkoll is-setgħat tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, speċjalment fir-rigward tal-attivitajiet operattivi ta’ appoġġ tiegħu u t-timijiet ta’ appoġġ konġunt fil-qasam tal-asil fl-Istati Membri li jeħtieġu għajnuna speċjali jew ta’ emerġenza. Huwa fundamentali li l-Unjoni tiżgura li l-Istati Membri jagħmlu użu aktar armonizzat, koerenti, indipendenti u flessibbli tal-viżi umanitarji, kif hemm previst fil-Kodiċi Komuni dwar il-Viżi.

1.7.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta l-iżjed reċenti tal-Kummissjoni li “[tindirizza] d-dimensjoni esterna tal-kriżi tar-refuġjati” (4), inkluża t-tnedija ta’ Fond Fiduċjarju ta’ emerġenza għall-Afrika. Jidher li din il-proposta tirrikonoxxi li l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni huwa usa’ mill-affarijiet interni u s-sigurtà, iżda huwa marbut ma’ oqsma oħra ta’ politika bħalma huma l-kummerċ, l-iżvilupp, il-politika barranija u l-integrazzjoni. Dan huwa konformi mal-prinċipju tal-koerenza fil-politika f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni tal-UE fl-iżvilupp internazzjonali.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda li, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi soċjoekonomiċi fundamentali tat-traffikar tal-migranti, l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli għandha tintuża bħala soluzzjoni fit-tul. Il-KESE jixtieq ifakkar lill-Istati Membri tal-UE dwar l-impenn tagħhom li jallokaw 0,7 % tad-dħul nazzjonali gross (DNG) tagħhom għall-għajnuna għall-iżvilupp. F’ħafna każijiet dan l-impenn ma ntlaħaqx; xi Stati Membri saħansitra naqqsu l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp.

1.9.

Minħabba l-isfidi tal-Ewropa marbutin ma’ tkabbir kajman, popolazzjoni li qed tixjieħ u qed tonqos kif ukoll in-nuqqas ta’ ħaddiema, huwa wkoll importanti li l-politika tal-migrazzjoni tal-UE tintrabat mal-politiki tal-migrazzjoni tax-xogħol u l-integrazzjoni bħala parti mis-suq Ewropew tax-xogħol, fid-dawl tal-evidenza wiesgħa li teżisti li l-migrazzjoni hija fattur kruċjali tal-irkupru ekonomiku u l-iżvilupp fl-Ewropa.

1.10.

Il-KESE jaqbel li jeħtieġ li l-politika dwar ir-ritorn fi ħdan l-UE titjieb, u jfakkar lill-Kummissjoni dwar l-għadd kbir ta’ rakkomandazzjonijiet tagħha li d-drittijiet tal-applikanti għall-asil jiġu rispettati f’kull ħin.

1.11.

Din l-Opinjoni titlob lir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE u lill-gvernijiet nazzjonali biex iqisu r-rwol ċentrali tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata biex tingħata perspettiva soċjali u valur miżjud lill-politiki Ewropej tal-migrazzjoni.

1.12.

Il-KESE jitlob ukoll li tingħata aktar attenzjoni lill-finanzjament sistematiku tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qed jipprovdu assistenza kruċjali lill-migranti tul triqthom lejn is-sikurezza kif ukoll fl-isforzi ta’ integrazzjoni, li ħafna drabi jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ kapaċitajiet istituzzjonali. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-approċċ fejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ser jiġu rikonoxxuti għar-rwol tagħhom fil-fehim tal-kwistjoni tat-traffikar tal-migranti u r-rwol tagħhom bħala intermedjarji fl-assistenza li jagħtu lill-persuni f’sitwazzjonijiet fejn la l-istati nazzjonali u lanqas l-UE ma jistgħu jgħinu.

2.   Kuntest

2.1.

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (5), adottata fit-13 ta’ Mejju 2015, tiddeskrivi l-miżuri immedjati li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni b’reazzjoni għas-sitwazzjoni ta’ kriżi fil-Mediterran u tidentifika l-ġlieda kontra t-traffikar tal-migranti bħala prijorità “biex jiġi impedit l-isfruttament tal-migranti minn netwerks kriminali (…). Dan jaġixxi wkoll bħala diżinċentiv għall-migrazzjoni irregolari”.

2.2.

Minn mindu ġiet adottata din l-aġenda, iċ-ċirkustanzi li kulma jmur qed jinbidlu b’ritmu mgħaġġel, b’għadd kbir ta’ wasliet ta’ applikanti għall-asil, ħolqu sitwazzjoni eċċezzjonali, u b’hekk il-Kummissjoni Ewropea kellha tieħu azzjoni deċiżiva li tippubblika pakkett komprensiv ta’ proposti fid-9 ta’ Settembru 2015, biex tindirizza l-kriżi tar-refuġjati.

2.3.

Ir-raġuni għall-proposta tal-Kummissjoni (6) hija l-fatt li s-sitwazzjoni migratorja fiċ-Ċentru u fil-Lvant tal-Mediterran kompliet tiqliel. Skont il-Frontex, mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Awwissu 2015, ir-rotot li jgħaddu miċ-Ċentru u mil-Lvant tal-Mediterran u r-rotta li tgħaddi mill-Balkani tal-Punent huma ż-żoni prinċipali għall-qsim irregolari tal-fruntieri fl-UE, u jirrappreżentaw 99 % tal-qsim irregolari kollu tal-fruntieri tal-UE. Frontex turi wkoll li r-rotta li tgħaddi mill-Balkani tal-Punent tammonta għal aktar minn 30 % tal-qsim irregolari kollu tal-fruntieri fl-2015. Dan jirrappreżenta fluss ta’applikanti għall-asil ta’ bejn wieħed u ieħor 500 000, u dan jagħmel pressjoni qalila fuq l-istati tal-UE li jinsabu fuq fruntiera (7). Il-maġġoranza ta’ dawk li jaslu permezz tar-rotta taċ-Ċentru tal-Mediterran tinkludi migranti mis-Sirja u mill-Eritrea, li skont data mill-Eurostat għandhom rata ta’ rikonoxximent tal-asil ta’ aktar minn 75 %. Bl-istess mod, il-maġġoranza ta’ dawk il-migranti li jaslu billi jgħaddu mir-rotot tal-Lvant tal-Mediterran u tal-Balkani tal-Punent toriġina mis-Sirja u mill-Afganistan. Dan huwa konformi mal-istqarrija tal-UNODC li ‘l fuq minn 80 % tal-persuni li jaslu fl-Ewropa bil-baħar din is-sena huma mill-iżjed għaxar pajjiżi fid-dinja li jipproduċu refuġjati (8).

2.4.

Skont il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) hemm 4 185 302 refuġjati Sirjani reġistrati sad-data tal-4 ta’ Ottubru 2015. Din iċ-ċifra tinkludi 2,1 miljun Sirjan reġistrati mill-Eġittu, l-Iraq, il-Ġordan u l-Libanu, 1,9 miljun Sirjan reġistrati mill-Gvern tat-Turkija, kif ukoll aktar minn 26 700 refuġjat Sirjan reġistrati fl-Afrika ta’ Fuq (9).

2.5.

Issa li l-kunflitt tas-Sirja qed joqrob lejn il-ħames sena tiegħu, studju tal-UNHCR juri deterjorament rapidu fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-refuġjati Sirjani fil-Ġordan, b’numri kbar li qed joqorbu lejn faqar estrem minħabba l-kobor tal-kriżi u l-appoġġ insuffiċjenti mill-komunità internazzjonali; 37 % biss tal-appell tal-UNHCR dwar is-Sirja ġew iffinanzjati. L-UNHCR jgħid li sakemm ikun hemm biżżejjed flus biex jissaħħu l-infrastrutturi tal-pajjiżi ospitanti (ġirien tal-UE) u jittejbu l-ħajja u l-prospetti tal-popolazzjonijiet tar-refuġjati tagħhom, il-persuni se jibqgħu jitilqu lejn l-Ewropa. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tar-refuġjati huma fqar wisq biex jitilqu ‘l barra mill-kampijiet tar-refuġjati, dawk li għandhom il-mezzi qed ifittxu s-servizzi tat-traffikanti.

2.6.

Fil-Proposta tagħha għal Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 (10), il-Kummissjoni tiddikjara li se tkompli tissorvelja l-iżviluppi fil-flussi migratorji, inkluża s-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ukrajna jekk tmur iżjed għall-agħar.

2.7.

Din il-kriżi eċċezzjonali tar-refuġjati qed isseħħ waqt li s-sitwazzjoni ekonomika fl-UE qed ikollha impatt fuq il-kapaċità u r-rieda ta’ xi Stati Membri, b’mod partikolari l-istati fuq il-fruntiera, li jipprovdu servizzi umanitarji, b’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra (11). Il-miżuri ta’ awsterità laqtu wkoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jipprovdu servizzi lill-applikanti għall-asil. Xi Stati Membri rreaġixxew billi ssikkaw il-kontrolli fil-fruntieri filwaqt li oħrajn għamlu liġijiet li jżommu u jippenalizzaw dawk li jaqsmu l-fruntieri ta’ Schengen biex japplikaw għall-asil.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jixtieq isaħħaħ il-messaġġ tiegħu – lill-korpi kollha responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet – li l-UE taġixxi bħala Unjoni reali billi tadotta, tirrispetta u tapplika regoli komuni. Il-fażi l-ġdida tal-politika Ewropea tal-immigrazzjoni għandha tkun strateġika, b’viżjoni fuq perjodu medju u twil ta’ żmien, u għandha tiffoka fuq is-sejbien ta’ mod olistiku u komprensiv ta’ kif jiġu pprovduti mezzi legali, miftuħin u flessibbli għall-ammissjoni fl-UE (12). Il-kriżi attwali se teħtieġ approċċ komuni għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni filwaqt li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Kummissjoni u l-aġenziji Ewropej b’mod li jwettqu kompiti operattivi bil-livell adatt ta’ finanzjament.

3.2.

Il-KESE jixtieq jagħti l-kontribut tiegħu permezz ta’ proposti strateġiċi abbażi tal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwistjoni tal-migrazzjoni (13). Ir-rwol tal-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata u d-djalogu soċjali għandhom ikunu preżenti fil-proċess kollu tad-dibattitu li jwassal għall-fażi li jmiss tal-politika Ewropea tal-migrazzjoni. Il-“perspettiva soċjali” hija l-qofol biex jiġu żgurati l-valur miżjud, il-proporzjonalità u l-impatt ta’ dawn il-politiki.

3.3.

Il-KESE jitlob li, f’dan ir-rigward, jitwieżnu sew is-sitwazzjoni demografika u t-tixjiħ tal-popolazzjoni u s-swieq tax-xogħol fl-Istati Membri. Fl-Opinjoni esploratorja tiegħu tal-2011 (14) dwar ir-rwol tal-immigrazzjoni legali fil-kuntest tal-isfida demografika tal-Ewropa, il-KESE saħaq li għandha tiżdied l-immigrazzjoni ta’ ħaddiema u familji li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi. L-UE teħtieġ leġislazzjoni miftuħa u flessibbli li tagħmel possibbli l-immigrazzjoni marbuta max-xogħol permezz ta’ mezzi legali u trasparenti, kemm għall-ħaddiema bi kwalifiki għoljin u medji kif ukoll għal dawk inqas ikkwalifikati sakemm l-Istati Membri jitħallew jiddeterminaw il-volumi proprji għall-ammissjoni. Fl-istess ħin, huwa rikonoxxut li l-immigrazzjoni mhijiex l-uniku rispons għan-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol u l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw soluzzjonijiet iktar adatti.

3.4.

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa r-reviżjoni tar-Regolament ta’ Dublin, fid-dawl tal-fatt li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem indikaw li hemm dgħufija inerenti marbuta ma’ dan ir-Regolament. Minħabba li r-responsabbiltà li jiġi eżaminat l-istatus ta’ refuġjat hija tat-territorju li fih ir-refuġjati jagħmlu d-dħul inizjali tagħhom, l-istati tal-UE li jinsabu fuq fruntiera qed jitgħabbew b’piż eċċessiv.

3.5.

Il-KESE huwa kkonċernat ħafna dwar id-dgħufija attwali tal-ftehim ta’ Schengen, minħabba li huwa wieħed mill-kisbiet fundamentali ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini tal-UE. Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni ta’ dawk l-Istati Membri li reġgħu introduċew jew qed jippjanaw li jintroduċu mill-ġdid kontrolli mal-fruntieri fi ħdan iż-żona Schengen u jitlob li l-Kummissjoni ssegwi dawn l-iżviluppi b’attenzjoni kbira u tiżgura li l-affarijiet jerġgħu jirritornaw għan-normal mill-iżjed fis.

3.6.

Il-Komunikazzjoni tgħid li l-Pjan ta’ Azzjoni għandu jitqies fil-kuntest usa’ tal-isforzi tal-UE biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u mbagħad tiddiskuti fis-sentenza li jmiss l-operazzjoni biex jiġu identifikati, jinqabdu u jintremew il-bastimenti użati mit-traffikanti. Il-KESE ma jaqbel xejn li l-aċċess għal bastiment huwa kawża fundamentali tal-migrazzjoni irregolari. Għall-kuntrarju, l-enfasi stretta fuq il-konfiska tal-bastimenti biss taggrava r-riskji għall-migranti traffikati peress li t-traffikanti jużaw l-orħos u l-aktar bastimenti perikolużi.

3.7.

Il-KESE jirrakkomanda li jeħtieġ li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ effiċjenza fil-politiki tal-għajnuna għall-iżvilupp f’dak li jirrigwarda l-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti u li l-Istati Membri tal-UE jeħtieġu jimpenjaw ruħhom mill-ġdid b’rabta mal-wegħda tagħhom ta’ 0,7 % tad-dħul gross nazzjonali għall-għajnuna għall-iżvilupp. Barra minn hekk, l-UE għandha tiżgura li politiki rilevanti oħrajn, pereżempju l-il-kummerċ internazzjonali, l-agrikoltura, l-enerġija u l-politika barranija, ikollhom effetti pożittivi fuq l-istabbiltà soċjali u ekonomika u l-iżvilupp tal-pajjiżi ta’ oriġini, b’konformità mal-prinċipju tal-koerenza fil-politika f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni tal-UE fl-iżvilupp internazzjonali.

3.8.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-għajnuna mill-Istati Membri tal-UE u l-għajnuna tal-UE jistgħu jilħqu l-għanijiet tagħhom biss f’soċjetà sigura mingħajr gwerer u problemi kbar ta’ sigurtà. Għalhekk, huwa importanti li l-komunità internazzjonali timplimenta l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, adottati mill-mexxejja dinjija fis-Summit tan-NU f’Settembru 2015. Dawn l-għanijiet huma diversi: il-qerda tal-faqar, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bniet u n-nisa kollha, it-tnaqqis tal-inugwaljanza fi ħdan u bejn il-pajjiżi, il-promozzjoni ta’ tkabbir sostnut, inklużiv u sostenibbli u xogħol deċenti għal kulħadd kif ukoll il-promozzjoni ta’ soċjetajiet paċifiċi u inklużivi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-għanijiet iddikjarati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti iżda jirrakkomanda bil-qawwa li dan il-pjan jadotta approċċ aktar ibbilanċjat u komprensiv biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Il-KESE jinnota li ma jingħata l-ebda dettall dwar kif l-UE se tipproteġi u tgħin lil dawk traffikati u ma hemm l-ebda referenza speċifika għar-rwol pożittiv tal-migrazzjoni fis-suq Ewropew tax-xogħol u l-iżvilupp ekonomiku.

4.2.

Il-KESE jinnota li filwaqt li hemm distinzjoni bejn it-traffikar tal-migranti (migrant smuggling fil-verżjoni Ingliża tal-Komunikazzjoni) u t-traffikar tal-bnedmin, ma ssir l-ebda distinzjoni bejn il-migranti u l-applikanti għall-asil. Dan huwa importanti, peress li s-Segretarju Ġenerali tan-NU fakkar lil dawk responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew li l-biċċa l-kbira tal-persuni li jagħmlu vjaġġi diffiċli u perikolużi huma refuġjati li jkunu qed jaħarbu minn postijiet bħas-Sirja, l-Iraq u l-Afganistan. Il-liġi internazzjonali stipulat – u l-Istati ilhom li għarfuh –id-dritt tar-refuġjati għall-protezzjoni u l-asil. Meta jikkunsidraw l-applikazzjonijiet għall-asil, l-Istati ma jistgħux jagħmlu distinzjoni abbażi ta’ reliġjon jew kwalunkwe identità oħra – u lanqas ma jistgħu jisfurzaw lin-nies biex jirritornaw lejn il-postijiet minn fejn ikunu ħarbu jekk ikun hemm biża’ bir-raġun ta’ persekuzzjoni jew ta’ attakk. Huwa żied jgħid li din mhijiex biss kwistjoni ta’ liġi internazzjonali; huwa wkoll id-dmir tagħna bħala bnedmin. Huwa kompla billi appella lill-gvernijiet kollha involuti biex jipprovdu rispons komprensiv, jespandu l-mezzi sikuri u legali tal-migrazzjoni u jaġixxu b’umanità, kompassjoni u b’konformità mal-obbligi internazzjonali tagħhom (15). Il-KESE jirrakkomanda li l-persuni kollha li jagħmlu l-vjaġġ perikoluż lejn l-Ewropa għandhom jiġu ttrattati bħala refuġjati b’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 u l-Protokoll tagħha tal-1967, sakemm ma tinġiebx prova kuntrarja.

4.3.   Titjib fir-rispons tal-pulizija u dak ġudizzjarju

4.3.1.

Il-KESE jirrakkomanda li biex ikun hemm approċċ aktar komprensiv għall-ġlieda kontra t-traffikar, l-applikanti għall-asil għandu jkollhom aċċess għal mezzi siguri u legali tal-migrazzjoni. Dan l-approċċ flimkien mal-isfaxxar tan-netwerks tal-kriminalità organizzata permezz ta’ investigazzjonijiet immexxija mill-intelligence u investigazzjonijiet finanzjarji ser isarrfu f’miżura iżjed effettiva, umana u kosteffettiva.

4.3.2.

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li dawk responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE jiżguraw li “ma jagħmlu l-ebda ħsara” u li jqisu kemm il-konsegwenzi intenzjonati kif ukoll dawk mhux intenzjonati tal-interventi tagħhom. Id-deċiżjoni tal-UE li taqleb minn Mare Nostrum (iffukat fuq it-tiftix u s-salvataġġ) għal Triton (iffukat fuq il-kontroll tal-fruntieri) ma naqqsetx l-għadd ta’ nies li jagħmlu vjaġġi perikolużi lejn l-Ewropa. Madankollu, din id-deċiżjoni kkontribwixxiet għal żieda drammatika fl-għadd ta’ ħajjiet mitlufa fil-Baħar Mediterran. Sal-31 ta’ Mejju 2015, 1 865 persuna mietu huma u jippruvaw jaqsmu l-Baħar Mediterran, apparagun mal-425 matul l-istess perjodu fl-2014 (16). Dan jispjega wkoll il-bidla fil-flussi migratorji li jkunu qed jivvjaġġaw fuq l-art madwar il-Balkani tal-Punent lejn l-Ungerija. Dawk intervistati fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera Ungeriża qalu li għażlu r-rotta li tgħaddi mill-Balkani għaliex kienet irħas u kienet irrakkomandata mit-taffikanti.

4.3.3.

Il-KESE jinnota li t-traffikanti jistgħu jadattaw għal deċiżjonijiet ta’ politika tal-UE bħat-tisħiħ tal-kontrolli mal-fruntiera fil-Baħar Mediterran u l-qerda tal-bastimenti. Ir-riżultat mhux intenzjonat tal-approċċ tal-UE ta’ “gwerra fuq it-traffikanti” kien kaos fil-fruntieri tal-UE, nies jmutu fit-toroq Ewropej kif ukoll fil-baħar u tensjonijiet bejn l-Istati Membri tal-UE.

4.4.   Prevenzjoni mtejba tat-traffikar u assistenza lill-migranti vulnerabbli

4.4.1.

Il-KESE jaqbel li l-Kummisssjoni teħtieġ issaħħaħ il-prevenzjoni tat-traffikar u tassisti lill-migranti vulnerabbli; madankollu dan għandu jsir b’mod koerenti b’mod li l-akbar prijorità tkun li jiġu salvati l-ħajjiet.

4.4.2.

Id-data tal-Frontex turi li 70 % ta ‘dawk li jużaw t-traffikanti biex jaqsmu l-fruntieri tal-UE huma Sirjani, Eritreani u Iraqin. Dawn in-nazzjonalitajiet għandhom rata ta’ rikonoxximent għall-asil mill-UE, abbażi tad-data tal-Eurostat, ta’ 75 % jew aktar. Minħabba li dawn l-individwi u l-familji qed jaħarbu minħabba biża’ ta’ persekuzzjoni jew attakki, kwalunkwe kampanja tal-midja dwar ir-riskji tat-traffikar tkun għalxejn.

4.4.3.

Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li li diġà jeżistu l-istrumenti biex tittieħed azzjoni kontra l-impjieg tal-migranti irregolari fil-livell nazzjonali. Il-proposta tal-Kummissjoni li jintużaw riżorsi limitati biex jiġu indirizzati setturi ekonomiċi speċifiċi fil-livell tal-UE se tkun għalja u ineffettiva.

4.4.4.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-istqarrija fil-pjan ta’ azzjoni li “tipprovdi lill-migranti involuti fit-traffikar, b’mod partikolari gruppi vulnerabbli bħalma huma t-tfal u n-nisa, b’assistenza u protezzjoni.” Madankollu, il-KESE josserva li, apparti din l-istqarrija, il-Pjan ta’ Azzjoni ma jsemmi xejn dwar preċiżament x’ser isir. Dan huwa importanti peress li għadd kbir ta’ dawk li jkunu qed ifittxu l-protezzjoni fl-Ewropa huma tfal mhux akkumpanjati u sseparati. Fl-Italja, l-Ungerija u Malta, madwar 19 000 tifel u tifla mhux akkumpanjati u sseparati waslu matul l-ewwel disa’ xhur tal-2015. Ċerti stati tal-UE li jinsabu fuq fruntiera ma jikkonformawx bis-sħiħ mal-istandards internazzjonali u għandhom kundizzjonijiet ħżiena ta’ akkoljenza, proċeduri ħżiena għad-determinazzjoni ta’ status, rati ta’ rikonoxximent baxxi, kif ukoll nuqqas ta’ aċċess għal soluzzjonijiet dewwiema fir-rigward tas-sanità u l-abitazzjoni. Jeħtieġ li fil-Pjan ta’ Azzjoni jingħad eżattament kif se jiġu megħjuna l-Istati Membri bir-riżorsi neċessarji biex jissodisfaw l-obbligi u r-responsabbiltajiet tagħhom skont id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u b’mod partikolari b’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (17).

4.4.5.

Il-Kumitat jemmen li l-aktar mod effettiv biex tiġi pprovduta assistenza filwaqt li jiddgħajfu n-netwerks tat-traffikar huwa li jiġu limitati dawk li jfittxu s-servizzi tagħhom billi jiġu pprovduti mezzi alternattivi u legali għal vjaġġi lejn l-Ewropa minn pajjiżi terzi fir-reġjuni tal-viċinat tal-Ewropa. B’dan il-mod jiġu salvagwardjati d-drittijiet fundamentali kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

4.4.6.

Il-KESE jtenni li huwa kruċjali li ssir distinzjoni bejn traffikar għal skop ta’ qligħ u dak bl-iskop li jiġu megħjuna l-migranti. Eluf ta’ ċittadini Ewropej ipprovdewlhom trasport u kenn, jew mingħajr l-ebda ħlas, inkella bi spejjeż regolari jew imnaqqsa. L-għajnuna umanitarja u s-solidarjetà għandhom jitħeġġu u mhux jiġi ppenalizzati fl-ambitu tal-aġenda tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti.

4.4.7.

Il-KESE jaqbel li l-effettività tal-politika tar-ritorn tal-UE jeħtieġ li tittejjeb u jieħu din l-opportunità biex ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-bosta rakkomandazzjonijiet tagħha li d-drittijiet tal-bniedem tal-applikanti għall-asil għandhom jiġu rispettati f’kull ħin, sa mis-salvataġġ jew l-akkoljenza tagħhom, sew waqt li jkunu qed jiġu evalwati l-applikazzjonijiet tagħhom, sew jekk l-individwu jitlob l-istatus ta’ protezzjoni jew jinsab f’sitwazzjoni irregolari. Ir-ripatrijazzjoni tal-migranti għandha tikkonforma mar-regoli stabbiliti li jiżguraw li ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew ikun estradit lejn Stat fejn ikun hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti – il-prinċipju tan-non-refoulement. Il-KESE jtenni l-oppożizzjoni tiegħu li jiġu rritornati minorenni mhux akkumpanjati, individwi li jeħtieġu kura medika u nisa tqal.

4.5.   Kooperazzjoni aktar b’saħħitha ma’ pajjiżi terzi

4.5.1.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi terzi tul ir-rotta kollha tat-traffikar. Filwaqt li l-Kumitat jaqbel li wieħed għandu jiffoka fuq l-appoġġ lill-ġestjoni tal-fruntieri, huwa jemmen ukoll li huwa f’dan il-qasam li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-UE bejn in-netwerk eżistenti bejn l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, uffiċjali Ewropej tal-migrazzjoni u r-rappreżentanti diplomatiċi tal-Istati Membri għandhom ikunu prijorità ewlenija.

4.5.2.

L-għan ta’ din il-koordinazzjoni għandha tkun li l-istituzzjonijiet tal-UE – il-KE, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri – jimplimentaw proċessi li jkun intlaħaq ftehim dwarhom biex jagħmluha possibbli li l-persuni japplikaw għal viżi umanitarji u l-asil minn pajjiżhom, jew pajjiż ġar mingħajr periklu, u b’hekk tiġi pprovduta rotta alternattiva, umana u legali biex jivvjaġġaw lejn l-Ewropa. Jistgħu jinħolqu hotspots fil-pajjiżi ġirien bħat-Turkija, il-Libanu, il-Ġordan u l-Libja fejn il-persuni jistgħu jiġu vvalutati u dawk li jissodisfaw ir-rata ta’ rikonoxximent tal-asil tal-UE jkunu jistgħu jingħataw viża umanitarja kif inhu l-każ fil-Brażil. Huwa importanti wkoll li jitrawwem id-djalogu u jiġu involuti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma f’kuntatt dirett mar-refuġjati f’dawn l-azzjonijiet, sabiex tiġi żgurata kemm il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll effiċjenza akbar fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet.

4.5.3.

Dawn il-viżi umanitarji għandhom il-vantaġġ li jnaqqsu l-pressjoni fuq l-istati tal-UE li jinsabu fuq fruntiera, billi jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikunu ttrattati skont id-drittijiet fundamentali tal-UE u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u t-traffikar tal-migranti jiġi ttrasformat f’operazzjoni ta’ riskju għoli bi profitt baxx. Id-dritt ta’ permanenza jista’ jkun temporanju abbażi ta’ jekk ikunx sigur li wieħed jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini jew ikun marbut mas-suq tax-xogħol, fid-dawl tan-nuqqas ta’ ħiliet u l-isfidi demografiċi li qed ikollhom impatt fuq it-tkabbir fl-Ewropa.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2015) 285 final.

(2)  Is-Sinjura Martina Hanke, rappreżentant tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Droga u l-Kriminalità (UNODC). Diskors li sar matul is-seduta pubblika organizzata mill-KESE, dwar it-traffikar tal-migranti, Brussell, 12 ta’ Ottubru 2015.

(3)  http://ec.europa.eu/commission/2014-2019/president/announcements/call-collective-courage_en (mhux disponibbli bil-Malti)

(4)  Il-Kriżi tar-Refuġjati: Il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni deċiżiva – Strasburgu, 9 ta’ Settembru 2015.

(5)  COM(2015) 240 final.

(6)  COM(2015) 451 final.

(7)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.

(8)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

(9)  http://data.unhcr.org

(10)  Stqarrija għall-istampa “Il-Kriżi tar-Refuġjati: Il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni deċiżiva” (http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-5596_mt.htm).

(11)  http://www.unhcr.org/

(12)  Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar il-politiki Ewropej dwar l-immigrazzjoni, relatur ġenerali: is-Sur Iuliano (ĠU C 458, 19.12.2014, p. 7).

(13)  KESE, “Immigration: Integration and Fundamental Rights”, 2012 (http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/qe-30-12-822-en-c.pdf) (mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar “Ir-rwol tal-immigrazzjoni legali fil- kuntest tal-isfida demografika”, relatur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 48, 15.2.2011, p. 6).

(15)  Stqarrija, New York, 28 ta’ Awwissu 2015.

(16)  Data tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (disponibbli hawnhekk: http://missingmigrants.iom.int/incidents). “Migration Read All About It, Mediterranean Update: 101 900 migrant arrivals in Europe in 2015” (disponibbli hawnhekk: http://weblog.iom.int/mediterranean-flash-report-0) (iż-żewġ links ġew ikkonsultati fl-10 ta’ Ġunju 2015).

(17)  http://www.ohchr.org/Documents/ProfessionalInterest/crc.pdf.


Top