This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015AE3837
Opinion of the European Economic and Social Committee on the report from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Report on competition policy 2014 [COM(2015) 247 final]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2014” [COM(2015) 247 final]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2014” [COM(2015) 247 final]
ĠU C 71, 24.2.2016, p. 33–41
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
24.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 71/33 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2014”
[COM(2015) 247 final]
(2016/C 071/06)
Relatur: |
is-Sinjura Reine-Claude MADER |
Nhar is-6 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2014”
[COM(2015) 247 final].
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Novembru 2015.
Matul il-512 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tad-9 ta’ Diċembru 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’128 vot favur, vot wieħed (1) kontra u astensjoni waħda (1).
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-KESE japprezza b’mod pożittiv id-diversi inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni biex tippromovi kompetizzjoni ġusta li tissalvagwardja l-interessi tal-operaturi ekonomiċi (in-negozji, il-konsumaturi, il-ħaddiema). |
1.2. |
Il-KESE jappoġġja l-azzjoni tal-Kummissjoni biex tiżgura l-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni, inklużi azzjonijiet meħuda kontra prattiki antikompetittivi, bħall-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, li jxekklu l-iżvilupp ekonomiku tal-UE u partikolarment l-SMEs, li għandhom rwol ewlieni fit-tkabbir u l-impjieg, u l-impjiegi tal-ekonomija soċjali, li jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali. |
1.3. |
Jiddispjaċih, madankollu, li għal darb’oħra l-Kummissjoni ma adottatx mekkaniżmu legali ġenwin għall-azzjonijiet kollettivi, sabiex tipprovdi infurzar effettiv tad-dritt tad-danni għall-vittmi ta’ prattiki antikompetittivi. |
1.4. |
Huwa jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura li r-regoli jkunu magħrufa u trasparenti, u b’hekk jistabbilizzaw il-kumpaniji u, b’konsegwenza ta’ dan, is-suq. Huwa jixtieq ifakkar li l-prattiki tas-settur tal-bejgħ bl-imnut jistħoqqilhom li jkomplu jingħataw attenzjoni. |
1.5. |
Il-KESE jilqa’ l-ispinta li tat il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs), li għandhom rwol ewlieni x’jaqdu, partikolarment f’termini ta’ prevenzjoni u l-iżvilupp tal-programmi ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-liġi tal-kompetizzjoni. Huwa jqis għalhekk li dawn għandu jkollhom il-mezzi neċessarji. |
1.6. |
Din il-kooperazzjoni għandha tiġi estiża għal-livell internazzjonali minħabba l-globalizzazzjoni tal-kummerċ, b’tali mod li l-Ewropa ma tkunx imfixkla mill-kompetizzjoni inġusta. |
1.7. |
Huwa jixtieq li d-djalogu politiku bejn l-istituzzjonijiet Ewropej differenti (il-PE, il-KESE, il-Kumitat tar-Reġjuni) jiġi konsolidat u msaħħaħ. |
1.8. |
Il-KESE jappoġġja l-bidliet għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li ġew allinjati biex jiġu appoġġati kumpaniji innovattivi, b’mod partikolari fil-qasam diġitali, li jiftaħ perspettivi importanti ħafna f’termini ta’ żvilupp ekonomiku u ta’ ħolqien ta’ impjiegi, għall-konsumaturi u n-negozji. |
1.9. |
Filwaqt li huwa konxju tal-limiti ta’ kemm tista’ tintervjeni l-Kummissjoni rigward l-ottimizzazzjoni tat-taxxa, il-KESE jistenna li l-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tindirizza d-distorsjonijiet fiskali u soċjali, tillimitahom jew ittemm is-setgħat tagħhom, filwaqt li tiżgura li din l-azzjoni ma tirriżultax f’tellieqa sal-qiegħ. |
1.10. |
Il-KESE jqis li s-suq tal-enerġija għandu jingħata ħafna attenzjoni. Huwa favur il-ħolqien ta’ Unjoni Ewropea tal-Enerġija sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista u l-provvista tal-enerġija bi prezz li jista’ jintlaħaq fit-territorju kollu. |
1.11. |
Barra minn hekk, jagħti importanza lill-miżuri li jikkontribwixxu għall-iffrankar tal-enerġija, it-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli. |
1.12. |
Iqis li l-ftuħ tas-suq tal-enerġija għandu jipprovdi benefiċċji għall-konsumaturi individwali, li fil-fatt m’għandhomx il-kapaċità li jinnegozjaw. |
1.13. |
Il-KESE jitlob li jsir kull sforz biex jiġi żgurat aċċess ħieles għad-diġitalizzazzjoni sabiex tkun tista’ tiġi żviluppata l-ekonomija taż-żoni rurali. Dan l-objettiv jiġġustifika kumplementarjetà bejn l-investimenti privati u l-appoġġ pubbliku. |
1.14. |
Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex tkompli tagħti attenzjoni partikolari lill-provvediment ta’ servizzi finanzjarji għall-finanzjament tal-ekonomija reali u li tiżgura li l-konsumaturi jistgħu jkomplu jgawdu l-aħjar kundizzjonijiet għas-servizzi li jużaw. |
1.15. |
Fl-aħħar nett, il-KESE jfakkar li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-azzjonijiet tal-politika meħuda huma essenzjali. |
2. Kontenut tar-rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2014
2.1. |
Dan ir-rapport annwali jiffoka essenzjalment fuq is-suq uniku diġitali, il-politika tal-enerġija, u s-servizzi finanzjarji. Iqajjem ukoll mistoqsijiet dwar it-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija Ewropea, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-promozzjoni ta’ kultura ta’ kompetizzjoni fl-UE u lil hinn minnha u d-djalogu interistituzzjonali. |
2.2. |
Huwa jenfasizza l-ekonomija diġitali, prevista bħala fattur li tista’ tixpruna l-innovazzjoni u t-tkabbir fis-setturi tal-enerġija, it-trasport, is-servizzi pubbliċi, is-saħħa u l-edukazzjoni. Biex dan iseħħ, intużaw l-istrumenti kollha tal-liġi tal-kompetizzjoni biex jappoġġjaw l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi, inklużi n-netwerks broadband tal-“ġenerazzjoni l-ġdida” permezz ta’ għajnuna mill-Istat, filwaqt li jinżamm il-prinċipju tan-newtralità tat-teknoloġija. |
2.3. |
Is-suq tal-apparat intelliġenti mobbli qed jevolvi b’mod mgħaġġel ħafna, kif wera l-akkwist tal-WhatsApp mill-Facebook fi tmiem l-ewwel stadju tal-eżami tal-fużjoni, awtorizzat mingħajr kondizzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea bl-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Fużjonijiet (KE) Nru 139/2004 (1) (2). |
2.4. |
Fl-2014 reġa’ ġie nnotat li l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni fis-settur diġitali hija kkaratterizzata minn relazzjoni kumplessa u l-bilanċ meħtieġ mal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw minn privattiva, kif intwera mid-deċiżjonijiet Samsung u Motorola (3), jew mid-drittijiet tal-awtur, kif intwera bil-ftuħ ta’ proċedimenti formali kontra diversi studios Amerikani li jipproduċu l-films u xandara Ewropej tat-televiżjoni bi ħlas fl-hekk imsejjaħ każ tal-“aċċess transkonfinali għall-kontenut tat-televiżjoni bi ħlas” (4). |
2.5. |
Ir-rapport imbagħad jirreferi għas-settur tal-enerġija, filwaqt li jfakkar fil-ħtieġa li tiġi riformata l-politika Ewropea dwar l-enerġija. Il-Kummissjoni beħsiebha tappoġġja l-investimenti fl-infrastruttura billi tqiegħed l-għajnuniet mill-Istat f’qafas u tissemplifika l-eżekuzzjoni tagħhom: ir-regolament ġenerali l-ġdid tal-eżenzjoni skont il-kategorija fil-fatt jipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni ma tibqax meħtieġa (5) għall-għajnuna għall-infrastrutturi tal-enerġija tal-bini u l-appoġġ għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, id-dekontaminazzjoni tas-siti mniġġsa u r-riċiklaġġ. |
2.6. |
B’kuntrast ma’ dan, l-għajnuna għall-enerġija nukleari mhijiex ikkunsidrata fil-linji gwida l-ġodda. Dawn għadhom qed jiġu eżaminati mill-Kummissjoni fid-dawl tal-Artikolu 107 tat-TFUE, kif kien il-każ bil-proġett Brittaniku għas-sussidji tal-kostruzzjoni u l-operat ta’ impjant nukleari ġdid f’Hinkley Point (6). |
2.7. |
Fl-aħħar nett, il-politika tal-kompetizzjoni ntużat bħala għodda biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija billi trażżan l-imġiba ħażina jew prattiki kollużivi ta’ operaturi bħal EPEX Spot u Nord Pool Spot (NPS) (7) u OPCOM fir-Rumanija, fejn din tal-aħħar kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha (8), jew Bulgarian Energy Holding (BEH) fil-Bulgarija (9), u Gazprom dwar il-provvista tal-gass upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (10). |
2.8. |
Fl-2014 il-politika tal-kompetizzjoni diġà pprovat ittejjeb it-trasparenza tas-settur finanzjarju u tappoġġja t-titjib tar-regolazzjoni u s-superviżjoni tas-settur bankarju. |
2.9. |
Il-Kummissjoni użat ukoll l-għajnuna mill-Istat implimentata fil-Greċja, Ċipru, il-Portugall, l-Irlanda u Spanja, filwaqt li żgurat li l-banek tal-iżvilupp ma ħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni (11). |
2.10. |
Hija nediet ukoll proċedimenti legali f’żewġ okkażjonijiet kontra l-Bank RBS u l-Bank JP Morgan, li kienu involuti f’kartell bilaterali illegali maħsub biex jinfluwenza r-rata tal-imgħax ta’ referenza ta’ LIBOR tal-frank Żvizzeru u ftehim ma’ UBS u Credit Suisse fuq firxa bejn it-talba u l-offerta ta’ derivattivi tar-rati tal-imgħax denominati fil-munita fil-frank Żvizzeru fiż-ŻEE (Żona Ekonomika Ewropea) (12). Il-Kummissjoni imponietilhom multa ta’ EUR 32,3 miljun (13). |
2.11. |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kompliet tniedi proċedimenti legali kontra l-prattiki kummerċjali antikompetittivi marbuta mat-tariffi multilaterali ta’ skambju kkummissjonati minn Visa Europe, Visa Inc., Visa International u MasterCard: hija poġġiet restrizzjonijiet fuq l-impenji proposti minn Visa Europe filwaqt li nediet proċedimenti kontra Visa Inc. u Visa International għat-tariffi interbankarji internazzjonali. |
2.12. |
Ir-rapport isemmi wkoll l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej, notevolment l-SMEs, billi jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-finanzjament fil-fażi ta’ żvilupp (14), u l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta’ qafas ġdid li jistabbilixxi eżenzjoni ġenerali sħiħa (15). |
2.13. |
L-SMEs huma wkoll l-ewwel li jiġu affettwati bir-reviżjoni tal-Komunikazzjoni “de minimis” li tipprovdi gwida biex jevalwaw jekk il-ftehimiet tagħhom jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-TFUE li jipprojbixxi l-ftehimiet illegali bejn l-intrapriżi (16). |
2.14. |
Fl-2014 kien hemm ukoll viġilanza partikolari mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ ċerti intrapriżi li sfruttaw id-differenzi bejn is-sistemi fiskali tal-Istati Membri biex inaqqsu l-bażi taxxabbli tagħhom; hija fetħet investigazzjonijiet formali għal Apple fl-Irlanda, Starbucks fin-Netherlands, u Fiat Finance & Trade fil-Lussemburgu. |
2.15. |
Is-sena li għaddiet timmarka l-għaxar snin li fihom ġie applikat ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 u r-reviżjoni tar-Regolament dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (17). Ir-rapport jindika f’dan ir-rigward li jkun rakkomandabbli li jsir progress rigward l-indipendenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u jippermettilhom iniedu proċedimenti legali u jippenalizzaw il-prattiki illeċiti. Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jkompli jittejjeb il-kontroll tal-fużjonijiet. |
2.16. |
Il-Kummissjoni tirrapporta wkoll li kisba importanti dis-sena fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni kienet l-adozzjoni tad-Direttiva dwar azzjonijiet għad-danni fil-qasam tal-antitrust li daħlet fis-seħħ fl-2014, u tgħid li permezz ta’ din id-Direttiva ser ikun iżjed faċli għaċ-ċittadini u l-intrapriżi Ewropj li jirċievu kumpens effettiv għad-danni kkawżati minn ksur tar-regoli fil-qasam tal-antitrust, bħalma huwa l-każ tal-kartelli u l-abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti fis-suq. |
3. Osservazzjonijiet ġenerali
3.1. |
Il-KESE jappoġġja l-politika tal-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni u l-inizjattivi biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u t-tkabbir. Huwa jqis li l-broadband għandu jkun aċċessibbli fit-territorju kollu tal-UE, li jista’ jkun jeħtieġ l-użu tal-għajnuna mill-Istat flimkien ma’ riżerva ta’ fondi kumplementari tal-UE. F’dan ir-rigward, għandhom ikunu ferm utli l-linji gwida għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband (18). |
3.2. |
Barra minn hekk, ma jista’ jkun hemm ebda suq diġitali mingħajr netwerk tal-broadband fit-territorju kollu. L-għanijiet tal-Kummissjoni huma pjuttost modesti, meta jitqies in-nuqqas ta’ interess fost l-operaturi privati għal ċerti żoni, b’mod partikolari ż-żoni rurali, li jridu jiġu appoġġati fl-iżvilupp ekonomiku tagħhom. |
3.3. |
Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fir-rieda tagħha li tippenalizza l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni: huwa jqis li l-ammont tas-sanzjonijiet għandu jkun deterrent u li s-sanzjonijiet għandhom ikunu ikbar f’każ ta’ reċidiva. Barra minn hekk, il-politika tal-kompetizzjoni għandha tiġi spjegata, inkluż fi ħdan l-intrapriżi, bil-għan tal-prevenzjoni ta’ mġiba antikompetittiva. |
3.4. |
Il-KESE jinnota, l-istess bħall-Kummissjoni, li n-numru ta’ utenti ta’ apparat intelliġenti mobbli qed jiżdied. L-innovazzjoni hija kruċjali hawnhekk, iżda r-“regoli tal-logħba” għandhom jiġu stabbiliti għall-operaturi, ikunu magħrufa u trasparenti. Huwa jqis li l-preżenza kullimkien tal-gruppi internazzjonali ewlenin, bħal Google, biex insemmu lilhom biss, wasslet għar-riskju ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti u li huwa importanti li jiġu infurzati r-regoli eżistenti sabiex ikunu jistgħu jidħlu operaturi ġodda fis-suq. |
3.5. |
Barra minn hekk, huwa jsostni li d-detenturi tal-privattivi għandhom jipproponu ftehimiet ta’ liċenzjar ta’ privattivi b’kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji. |
3.6. |
Il-Kumitat jappoġġja l-adattar tal-qafas leġislattiv applikabbli għad-drittijiet tal-awtur għall-era tad-diġitalizzazzjoni (19): għandu jiġi adattat skont żminijietu, bħalma tenfasizza bir-raġun il-Kummissjoni. |
3.7. |
Fir-rigward tal-funzjonament tas-swieq tal-enerġija, il-KESE jqis li l-iżvilupp tal-ekonomija ma jistax jinkiseb mingħajr politika komuni dwar l-enerġija. Għalhekk huwa jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħloq Unjoni tal-enerġija Ewropea. |
3.8. |
Huwa jqis li din l-Unjoni ser tkun ta’ benefiċċju għall-intrapriżi u l-konsumaturi li għandhom ukoll jibbenefikaw minn prezzijiet raġonevoli u s-sigurtà tal-provvista. |
3.9. |
Il-Kumitat jappoġġja l-attenzjoni mogħtija mill-Kummissjoni lis-suq tal-enerġija b’tali mod li tiżgura li l-kompetizzjoni tkun ġenwina u li jittieħdu inizjattivi biex jingħelbu l-ostakli li jxekklu l-kompetizzjoni f’dawn is-swieq mhux regolati. Huwa jixtieq li l-Kummissjoni timplimenta l-mezzi kollha biex jiġu evitati n-nuqqasijiet li jkollhom impatt fuq l-ekonomija. |
3.10. |
Fl-aħħar nett, huwa jagħti importanza partikolari lill-miżuri li jikkontribwixxu għall-iffrankar tal-enerġija, it-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-bijoenerġiji. |
3.11. |
Il-KESE jixtieq li s-settur finanzjarju kollu jkun aktar etiku u trasparenti filwaqt li jappoġġja t-tkabbir. |
3.12. |
Huwa jinnota b’sodisfazzjon li l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat ikkontribwixxa biex tinstab soluzzjoni għad-diffikultajiet finanzjarji u biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni filwaqt li jitnaqqas għall-minimu r-rikors għal flus il-kontribwenti. Huwa jindika li permezz tat-tisħiħ u l-istabbiliment tal-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat ċerti distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq ġew limitati. |
3.13. |
Iqis li għandha tiġi enfasizzata l-miżura tal-Kummissjoni għat-tnaqqis tal-ispejjeż li jinħolqu mill-użu tal-kards tal-bank li twassal għal tnaqqis ta’ bejn 30 u 40 % tal-ispejjeż tal-operazzjonijiet fis-suq uniku. |
3.14. |
L-objettiv imħabbar ta’ promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku huwa ħtieġa assoluta, u jista’ jiġi appoġġat mill-politika dwar l-għajnuna għall-innovazzjoni li tinsab fil-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni. |
3.15. |
F’opinjonijiet preċedenti, il-KESE laqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat u kien qies li l-linji gwida l-ġodda (20) kienu aktar konformi mal-ħtiġiet tal-Istati Membri u r-realtajiet tas-suq. Iqis li jekk ikun hemm iktar trasparenza l-allokazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tinfiehem aħjar. Is-superviżjoni tal-Kummissjoni ser tiżgura li l-allokazzjoni tal-għajnuna tkun konformi mar-regoli stabbiliti. Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni ser tippermetti lill-Istati Membri biex jivverifikaw l-użu korrett tal-għajnuna. |
3.16. |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jintlaħqu għall-promozzjoni tat-twettiq tal-proġetti Ewropej, flimkien mat-tħabbira tal-ħolqien ta’ fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, għandha tikkontribwixxi biex jintlaħaq dan l-objettiv. |
3.17. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li tingħata għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-intrapriżi f’diffikultà, iżda li jkunu vijabbli. Huwa jappoġġja l-miżuri li ttieħdu biex jintemm l-aġir illeċitu li jagħmel ħsara lill-iżvilupp, speċjalment l-SMEs li joħolqu l-impjieg, u jkollhom impatt fuq l-impjiegi u l-prezzijiet. |
3.18. |
Il-Kumitat jinnota li l-intrapriżi l-kbar qed ikomplu jwettqu ppjanar aggressiv tat-taxxa permezz tad-differenzi fis-sistemi fiskali. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tindirizza l-evażjoni tat-taxxa li tirriżulta mid-distorsjonijiet fiskali, tillimitaha jew tispiċċaha, fil-limiti tas-setgħat tagħha. |
3.19. |
L-isforzi tal-Kummissjoni biex tiġi żgurata konverġenza mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u bejniethom huma partikolarment importanti. |
3.20. |
Il-Kumitat ser jimmonitorja mill-qrib is-segwitu għall-White Paper “Lejn kontroll aktar effettiv tal-fużjonijiet fl-UE” li għandha l-għan li ttejjeb il-mekkaniżmi eżistenti. |
3.21. |
Fid-dawl tal-globalizzazzjoni tal-kummerċ, il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni multilaterali (OECD, RIC, l-UNCTAD) u tal-programmi ta’ kooperazzjoni u assistenza teknika. |
3.22. |
Id-djalogu bejn id-DĠ Kompetizzjoni u l-Parlament Ewropew, il-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jiżgura t-trasparenza tad-dibattitu interistituzzjonali dwar il-politika implimentata. |
3.23. |
Dan l-impenn għal djalogu għandu jinżamm, iktar u iktar billi l-President Juncker, fl-ittra ta’ missjoni tiegħu li ntbagħtet lis-Sinjura Vestager, enfasizza din is-sħubija politika. |
3.24. |
Għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, il-KESE mhuwiex tal-fehma li d-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) u r-Rakkomandazzjoni dwar il-prinċipji komuni għal mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv f’tilwim li jikkonċerna ksur tal-liġijiet tal-kompetizzjoni jistgħu jipprovdu r-rimedju kollettiv meħtieġ għad-drittijiet tal-vittmi ta’ tali ksur. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1. Il-bilanċ delikat li għandu jintlaħaq bejn l-innovazzjoni, il-kompetizzjoni u l-liġi tal-proprjetà industrijali għal suq diġitali konness
4.1.1. |
Skont il-Kummissjoni, proċeduri mtejba għall-istandardizzazzjoni u interoperabilità ikbar huma l-qofol tal-effiċjenza tal-aġenda diġitali tagħha. Għad irid jiġi definit x’għandu jitfisser bi proċeduri “aħjar” ta’ standardizzazzjoni. |
4.1.2. |
Il-Każ Motorola (22), wieħed mill-episodji tal-gwerra tal-privattivi għall-ismartphones, qed jintuża bħala eżempju għal-linji gwida li għandhom jiġu segwiti mill-intrapriżi tas-settur. F’dak il-każ, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li l-kumpanija Motorola, detentur tal-privattivi essenzjali għall-istandard GPRS, kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha meta fittxet li tikseb u eżegwixxiet inibizzjoni kontra l-kumpanija Apple quddiem qorti Ġermaniża. Dawn il-privattivi jissejħu “essenzjali” minħabba li dawn kienu neċessarji għall-implimentazzjoni tal-istandard tal-GSM. Il-kumpaniji detenturi ta’ privattivi essenzjali jista’ jkollhom saħħa konsiderevoli fis-suq, u anke l-entitajiet ta’ standardizzazzjoni spiss jitolbuhom jieħdu sehem fl-għoti tal-liċenzji għall-privattivi essenzjali taħghom b’kundizzjonijiet indaqs, raġonevoli u mhux diskriminatorji (“fair, reasonable and non-discriminatory”, jew FRAND), sabiex jiżguraw li l-parteċipanti kollha fis-suq ikollhom aċċess għal dan l-istandard. |
4.1.3. |
F’dan il-każ, minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għal din il-privattiva essenzjali, proprjetà ta’ Motorola, ma kienx possibbli għall-kompetitur tagħha, f’dan il-Każ Apple, li jipproduċi u jbiegħ ċerta kategorija ta’ smartphones. |
4.1.4. |
It-tressiq ta’ inibizzjoni quddiem qorti nazzjonali huwa leġittimu għal proprjetarju ta’ privattiva f’każ ta’ ksur, iżda dan jista’ jkun abbużiv meta d-detentur tal-privattiva essenzjali jkollu pożizzjoni dominanti fis-suq, fejn huwa impenjat li jagħti aċċess fuq termini FRAND u fejn l-intrapriża konkorrenti li tkun ingħatat inibizzjoni tkun preparata li takkwista liċenzja fuq termini FRAND. Madankollu, il-Kummissjoni ma imponietx multa fuq Motorola, minħabba n-nuqqas ta’ ġurisprudenza tal-Qrati tal-UE fir-rigward tal-legalità, skont l-Artikolu 102 tat-TFUE ta’ inibizzjonijiet kontra l-privattiva essenzjali u minħabba d-differenzi bejn il-ġurisprudenzi nazzjonali, iżda l-Kummissjoni ordnat lil Motorola biex tieqaf l-imġiba abbużiva tagħha. |
4.1.5. |
F’każ simili, il-Kummissjoni aċċettat l-impenji proposti mill-kumpanija Samsung li mhux se tfittex inibizzjonijiet fiż-ŻEE, fuq il-bażi ta’ privattivi essenzjali għall-ismartphones u t-tablets, kontra l-intrapriżi li jagħmlu parti minn qafas speċifiku għall-għoti ta’ liċenzji. |
4.1.6. |
Dawn il-każijiet juru li diffiċli jinkiseb il-bilanċ bejn il-kompetizzjoni, il-liġi tal-privattivi u l-innovazzjoni, bl-għan aħħari li l-konsumatur ikun jista’ jakkwista prodotti teknoloġiċi bi prezz raġonevoli, filwaqt li jkollu l-ikbar għażla possibbli bejn prodotti interoperabbli. |
4.1.7. |
Il-KESE jappoġġja l-isforzi li għamlet il-Kummissjoni u jħeġġiġha biex tibqa’ żżomm quddiemha li l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mhijiex għan fiha innifisha, iżda hija forma ta’ kompetizzjoni li fl-aħħar mill-aħħar hija ta’ benefiċċju għall-konsumatur. |
4.1.8. |
Il-KESE jappoġġja l-idea li l-investiment privat jiġi komplementat mill-investiment pubbliku sabiex jiġi evitat distakk diġitali fi ħdan l-UE, bil-kundizzjoni li l-għajnuna mill-Istat ma xxekkilx l-investiment privat. Forsi bħala sinjal ta’ interess tal-Kummissjoni f’dan is-suġġett, il-“Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband (23)” kienu l-ewwel test adottat b’mod definittiv fil-qafas tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. |
4.1.9. |
Il-KESE jqis, madankollu, li l-intenzjoni tal-Kummissjoni li sal-2020 tinkiseb kopertura sħiħa ta’ broadband veloċi (30 Mbps) għas-servizzi u l-adozzjoni ta’ broadband ultraveloċi (100 Mbps) għal 50 % tal-Ewropej mhijiex ambizzjuża biżżejjed. |
4.2. Is-swieq tal-enerġija
4.2.1. |
Il-garanzija tal-indipendenza tal-Ewropa fl-enerġija u l-promozzjoni tal-ħolqien ta’ suq integrat tal-enerġija huma kruċjali għall-aċċess għall-enerġija, l-eliminazzjoni tal-gżejjer tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista. Rieda politika ġenwina għandha twassal lill-UE biex tilħaq dan l-għan u anke biex tħeġġeġ id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija użati bil-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli. L-Unjoni Ewropea tal-enerġija mixtieqa mill-President Juncker (24) żgur ser taqdi dan ir-rwol ta’ tħeġġiġ politiku. |
4.2.2. |
Il-KESE jemmen li t-tielet pakkett tal-enerġija għandu jiġi implimentati malajr, speċjalment peress li r-regoli għall-kummerċ transkonfinali tal-enerġija għadhom frammentati. |
4.2.3. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati mingħajr aktar stennija r-riformi strutturali meħtieġa biex jitneħħew l-ostakli għall-investiment fl-infrastruttura, b’mod partikolari dawk b’dimensjoni transkonfinali. |
4.2.4. |
Il-KESE m’għandu l-ebda dubju li l-promozzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tgħin biex jinfetħu s-swieq nazzjonali tal-enerġija, kif urew il-Kambji tal-Enerġija u OPCOM/Kambju tal-Enerġija Rumen imsemmija fir-rapport tal-Kummissjoni (25), fejn il-Kummissjoni, minn naħa, kienet imponiet multa skont l-Artikolu 101 tat-TFUE fuq żewġ kambji li kienu qablu li ma jikkompetux u li kienu allokaw t-territorji bejniethom, u min-naħa l-oħra imponiet multa fuq OPCOM/Kambju tal-Enerġija Rumen, skont l-Artikolu 102 tat-TFUE, għal diskriminazzjoni kontra l-kummerċjanti tal-elettriku fi Stati Membri oħra. |
4.2.5. |
Madankollu, il-Kumitat għandu d-dubji dwar l-affermazzjoni li filwaqt li l-prezzijiet bl-ingrossa tal-elettriku naqsu bis-saħħa ta’ kompetizzjoni iktar qawwija, dan ma wassalx għal tnaqqis spiss fil-livell ġenerali tal-prezzijiet għall-konsumaturi finali (26). |
4.2.6. |
F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 102 tat-TFUE dwar l-isfruttar abbużiv minn Gazprom tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-settur tal-provvista ta’ gass naturali fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (27). |
4.3. Servizzi finanzjarji u bankarji
4.3.1. |
Is-sena 2014 rat il-kontinwazzjoni tar-reviżjoni fundamentali tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni bankarja. Ir-regoli proposti huma maħsuba b’mod partikolari biex tiżdied it-trasparenza tas-swieq finanzjarji. |
4.3.2. |
Il-Kummissjoni żgurat ukoll li l-istituzzjonijiet finanzjarji appoġġati mill-għajnuna mill-Istat jew jirristrutturaw jew joħorġu mis-suq, u tat attenzjoni partikolari lir-riskji ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji (28). |
4.3.3. |
Il-KESE segwa b’interess l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-prattiki kummerċjali antikompetittivi u jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jippenalizzaw it-tariffi tal-interkambju. |
4.3.4. |
Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fil-Każ MasterCard (29), li tikkonferma l-analiżi tal-Kummissjoni, intlaqgħet tajjeb mill-KESE. Fil-fatt, it-tariffi interbankarji li jitħallsu mill-konsumaturi meta jħallsu b’kard bankarja kienu dejjem ogħla, numerużi u opaki. |
4.3.5. |
Barra minn hekk, dawn il-prattiki kummerċjali xekklu d-dħul fis-suq tal-pagamenti ta’ operaturi ekonomiċi mhux bankarji u li jistgħu joffru lill-konsumaturi mezzi oħra ta’ ħlas elettroniku, mobbli u sigur, pereżempju permezz tal-ismartphones tagħhom. |
4.3.6. |
Il-partikolarità tal-Każ MasterCard nibtet ukoll mill-fatt li l-mekkaniżmu ta’ ffissar tat-tariffi multilaterali tal-kambju kien jikkostitwixxi restrizzjoni effettiva, mhux oġġettiva. |
4.3.7. |
Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja, bħall-Qorti Ġenerali, qieset li t-tariffi multilaterali ta’ interkambju ma kinux oġġettivament neċessarji għall-funzjonament tas-sistema MasterCard. |
4.4. Aktar appoġġ għall-SMEs
4.4.1. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-attenzjoni mogħtija lill-SMEs, li jaqdu rwol fundamentali fit-tkabbir u li għandhom rwol importanti biex jitwettqu l-miri tal-Ewropa 2020. Huwa japprova d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għall-appoġġ tal-finanzjament tal-attivitajiet tagħhom u l-adattament tar-regoli għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. |
4.4.2. |
Il-KESE japprezza li dawn il-politiki kienu miftuħa lejn il-professjonijiet intellettwali u jirrikonoxxi r-rwol kruċjali għat-tkabbir tal-professjonisti Ewropej, billi dawn jassiguraw, minn settur għal settur, kontribut indispensabbli ta’ għarfien meħtieġ biex jinstabu soluzzjonijiet għal problemi kumplessi li jiffaċċjaw iċ-ċittadini u l-impriżi; il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tkompli l-isforzi tagħha f’din id-direzzjoni, u jekk possibbli anke żżidhom. |
4.4.3. |
Pereżempju, bis-saħħa tal-“Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju” (30) l-Istati Membri jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament fil-fażi tal-bidu tagħhom. Barra minn hekk, dawn jidhru li tfasslu biex ikunu aktar adattati għar-realtajiet tas-suq. |
4.4.4. |
Barra minn hekk, jappoġġja l-miżuri tal-Kummissjoni kontra l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li jista’ jxekkel il-ħolqien u l-iżvilupp tal-SMEs u jaffettwa l-attivitajiet tagħhom. |
4.4.5. |
L-Avviż “de Minimis” tal-2014 (31) effettivament jipprevedi żona ta’ sigurtà għal dawn l-akkordji mingħajr effett apprezzabbli fuq il-kompetizzjoni, peress li jiġu implimentati minn intrapriżi li ma jeċċedux ċerti livelli minimi ta’ partijiet tas-suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppubblikat dokument ta’ gwida għall-SMEs. Madankollu, il-KESE jqis li jkun rakkomandabbli li jsiru kampanji ta’ informazzjoni fuq il-post. |
4.5. Insaħħu l-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali
4.5.1. |
Il-KESE japprezza l-kooperazzjoni tajba bejn il-Kummissjoni u l-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni. Iqis li dan jiżgura l-interazzjoni essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq. |
4.5.2. |
Jappoġġja l-miżuri kollha meħtieġa għall-kooperazzjoni tal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni, li jimplika li dawn ikollhom riżorsi u jkunu indipendenti. |
4.5.3. |
Il-KESE japprova l-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni biex tinħoloq żona Ewropea tal-kompetizzjoni ġenwina, li jimplika li r-regoli fundamentali tal-liġijiet nazzjonali għandhom ikunu armonizzati, peress li dawn jipproteġu l-attività ekonomika fi ħdan is-suq uniku. |
4.5.4. |
Huwa jqis ukoll li jeħtieġ li l-Istati Membri jkollhom qafas legali komprensiv li permezz tiegħu jkunu jistgħu jsiru l-ispezzjonijiet neċessarji u li jiġu imposti multi effettivi u proporzjonati. |
4.5.5. |
Il-programmi ta’ klemenza li wrew is-siwi tagħhom fil-ġlieda kontra l-kartelli għandhom jiġu applikati wkoll fl-Istati Membri kollha. |
4.5.6. |
Il-kooperazzjoni multilaterali mal-OECD, in-Netwerk Internazzjonali tal-Kompetizzjoni u l-UNCTAD għandha tibqa’ attiva, u l-Kummissjoni għandha timmira li jkollha rwol ewlieni hawnhekk. |
4.5.7. |
Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li l-assistenza teknika għandha tkun ta’ appoġġ ikbar għan-negozjati ta’ adeżjoni mal-pajjiżi kandidati. |
Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2015.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2014, p. 1).
(2) Il-Każ M.7217 Facebook/WhatsApp, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2014.
(3) Il-Każ AT.39985 Motorola – Eżekuzzjoni ta’ privattivi essenzjali għall-istandard GPRS, deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2014. Il-Każ AT.39939 Samsung – Eżekuzzjoni ta’ privattivi essenzjali għall-istandard UMTS, deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2014.
(4) Il-Każ AT.40023 Aċċess transkonfinali għall-kontenut televiżiv bi ħlas, 13 ta’ Jannar 2014.
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 316/2014 tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Marzu 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-TFUE għall-kategoriji ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU L 93, 28.3.2014, p. 17), “Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija” (ĠU C 89, 28.3.2014, p. 3).
(6) Il-Każ SA. 34947 Ir-Renju Unit – Appoġġ għal-impjant nukleari ta’ Hinkley Point C, 8 ta’ Ottubru 2014.
(7) Il-Każ AT.39952 Kambju tal-elettriku, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2014.
(8) Il-Każ AT.39984 OPCOM/Kambju tal-elettriku Rumen, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2014.
(9) Il-Każ AT.39767 BEH elettriku.
(10) Il-Każ AT.39816 Provvista tal-gass upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, 4 ta’ Settembru 2012.
(11) Il-Każ SA.36061 UK Business Bank, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Ottubru 2014. Il-Każ SA.37824 It-twaqqif tal-finanzjament tal-iżvilupp fil-Portugall, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2014.
(12) Il-Każ AT. 39924 Derivattivi tar-rati ta’ interess denominati fi franki Żvizzeri, Deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2014 http://europa.eu/rapid/press-release_IP-14-1190_en.htm
(13) L-ebda multa ma ġiet imposta fuq l-RBS għax ibbenefika minn immunità skont il-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2006 talli għarraf lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ kartell u b’hekk evita multa ta’ madwar EUR 5 miljun talli ħa sehem fil-ksur. UBS and JP Morgan ibbenefikaw minn tnaqqis fil-multi talli kkooperaw fl-investigazzjoni taħt il-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni. L-erba’ banek li għażlu li jirrisolvu l-każ mal-Kummissjoni bbenefikaw minn tnaqqis ulterjuri ta’ 10 % tal-multi tagħhom.
(14) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju (ĠU C 19, 22.1.2014, p. 4).
(15) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Qafas għall-għajnuna mill-istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ĠU C 198, 27.6.2014, p. 1).
(16) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Avviż dwar akkordji ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Avviż De Minimis) (ĠU C 291, 30.8.2014, p. 1).
(17) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1, mhux disponibbli bil-Malti), ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.
(18) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband (ĠU C 25, 26.1.2013, p. 1).
(19) ĠU C 230, 14.7.2015, p. 72; ĠU C 44, 15.2.2013, p. 104.
(20) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju (ĠU C 19, 22.1.2014, p. 4).
(21) Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 5.12.2014, p. 1).
(22) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
(23) ĠU C 25, 26.1.2013, p. 1.
(24) Jean-Claude Juncker, Bidu Ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda Tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss, Diskors ta’ ftuħ tas-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, 15 ta’ Lulju 2014.
(25) Il-Każ AT.39952 Kambji tal-Elettriku, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2014 u l-Każ AT.39984 OPCOM/Kambju ta’ Elettriku Rumen, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2014.
(26) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Il-Prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa” tad-29 ta’ Jannar 2014.
(27) Il-Każ AT.39816 Il-provvista tal-gass upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.
(28) Il-Każ SA.38994 skema ta’ sostenn għal-likwidità tal-banek Bulgari, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2014.
(29) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2014 fil-Każ C-382/12 P, MasterCard et al kontra l-Kummissjoni.
(30) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju (ĠU C 19, 22.1.2014, p. 4).
(31) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Avviż dwar akkordji ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Avviż De Minimis) (ĠU C 291, 30.8.2014, p. 1).