Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0369

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL għall-estensjoni tal-validità tad-Deċiżjoni 2011/492/UE u s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-miżuri xierqa tagħha

    /* COM/2014/0369 final - 2014/0186 (NLE) */

    52014PC0369

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL għall-estensjoni tal-validità tad-Deċiżjoni 2011/492/UE u s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-miżuri xierqa tagħha /* COM/2014/0369 final - 2014/0186 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Fil-31 ta’ Jannar 2011 l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tibda konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Ginea‑Bissaw skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim rivedut ta’ Cotonou. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara avvenimenti li seħħew fl-1 ta’ April 2010. Dakinhar, fuq l-ordinijiet tal-Viċi Kmandant tal-Forzi Armati, il-Ġeneral Antonio Indjai, grupp ta’ militari xewwiexa arrestaw il-Kap Kmandant José Zamora Induta u lill-Prim Ministru tal-Ginea Bissaw, is-Sur Gomes Junior. Wara r-ribelljoni, il-Ġeneral Indjai impona ruħu de facto bħala Kap Kmandant qabel ma nħatar uffiċjalment fil-25 ta' Ġunju 2010 b'digriet tal-President, is-Sur Bacai Sanha, fuq proposta mill-gvern.

    L-Unjoni Ewropea tqis li r-ribelljoni tal-1 ta’ April 2010 u l-ħatra sussegwenti tal-istigaturi ewlenin tagħha f’pożizzjonijiet għolja fil-ġerarkija militari huma ksur serju u evidenti tal-elementi essenzjali fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou (ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi) u każ ta’ urġenza speċjali, b’mod konformi mal-Artikolu 96(2)(b). Għalhekk, fit-2 ta' Frar 2011 intbagħtet ittra lill-awtoritajiet tal-Ginea‑Bissaw fejn kienu mistiedna għall-konsultazzjonijiet.

    Il-laqgħa tal-ftuħ tal-konsultazzjonijiet saret fi Brussell fid-29 ta' Marzu 2011.

    Matul din il-laqgħa, il-parteċipanti ġew infurmati dwar il-proposti min-naħa tal-Ginea‑Bissaw għall-iżgurar progressiv tal-preminenza tal-awtorità ċivili, it-titjib tal-governanza demokratika, il-garanzija tas-salvagwardja tal-ordni kostituzzjonali u l-istat tad-dritt, u l-ġlieda kontra l-impunità u l-kriminalità organizzata.

    L-impenji li ttieħdu min-naħa tal-Ginea Bissaw jinkludu b'mod partikolari:

    · it-twettiq u l-konklużjoni ta’ investigazzjonijiet u proċedimenti ġudizzjarji li jkunu kompletament indipendenti u li jsiru f'kundizzjonijiet loġistiċi u ta' sigurtà xierqa, rigward l-assassinji li saru f’Marzu u f'Ġunju 2009;

    · l-implimentazzjoni effettiva tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, abbażi tal-istrateġija adottata mill-parlament nazzjonali u l-pakkett leġiżlattiv imħejji bl-appoġġ tal-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea;

    · it-tiġdid tal-ġerarkija militari sabiex jiġi żgurat li l-persuni li jinħatru f'karigi għolja ta’ kmand ikunu persuni mhux involuti f’imġiba mhux kostituzzjonali, illegali jew f’atti ta’ vjolenza, skont il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-pjan direzzjonali tal-ECOWAS għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà;

    · l-approvazzjoni u l-assistenza ta’ missjoni ta’ esperti bħala appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà u l-protezzjoni ta’ personalitajiet politiċi, li għandhom isiru bl-appoġġ tal-ECOWAS, tas-CPLP u/jew imsieħba oħrajn;

    · it-tħejjija, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tal-pjanijiet operattivi nazzjonali għall-implimentazzjoni tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà u għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi;

    · it-titjib tal-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja tal-impjegati ċivili u militari, u miżuri għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

    L-Unjoni Ewropea ħadet nota ta’ dawn l-impenji fil-konklużjonijiet tal-konsultazzjonijiet tagħha. Hija ħeġġet lir-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw sabiex iwettqu investigazzjonijiet u proċedimenti ġudizzjarji relatati mal-avvenimenti tal-1 ta’ April 2010 sabiex jissaħħu l-isforzi biex tiġi trattata l-problema tal-impunità, u sabiex tiġi speċifikata skeda aktar dettaljata għall-implimentazzjoni ta' dawn l-impenji f'konformità mal-iskadenzi stabbiliti fil-pjan direzzjonali tal-ECOWAS.

    Fit-18 ta' Lulju 2011, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE, l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li taddotta miżuri xierqa għall-prestazzjoni ta' dawn l-impriżi, inkluża skema ta' impenji reċiproċi għat-tkomplija gradwali tal-kooperazzjoni tal-UE.

    Fit-12 ta' April 2012, seħħ kolp ta' stat minn elementi tal-forzi armati wara l-ewwel fażi tal-elezzjonijiet presidenzjali, li kienu qed isiru wara l-mewt tal-President Bacai Sanha f'Jannar; l-Aġent President u l-Prim Ministru kienu arrestati.

    Sentejn wara l-kolp ta’ stat ta’ April 2012, fl-aħħar saru l-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali fit-13 ta’ April u t-18 ta’ Mejju 2014. Dawn l-elezzjonijiet, li tqiesu mill-osservaturi internazzjonali kollha, inkluża l-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE, bħala ħielsa u kredibbli, kienu pass ewlieni lejn ir-restawr tal-ordni kostituzzjonali.

    Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/385/UE tal-15/7/2013, il-miżuri xierqa stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE ġew estiżi b’sena, b'validità sad-19/7/2014.

    Il-Kummissjoni tqis li huwa importanti li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE ma tiskadix billi tkompli tipprovdi qafas fundamentali għall-promozzjoni tal-istabbiltà demokratika u l-istat tad-dritt fil-Ginea Bissaw. Għaldaqstant ġiet proposta estensjoni tal-iskadenza b'sena, sad-19 ta' Lulju 2015. Madankollu, meta titqies iż-żamma ta' elezzjonijiet kredibbli u sabiex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom ma' awtoritajiet eletti demokratikament u sabiex jappoġġjawhom biex imexxu l-pajjiż lejn aktar stabilità, demokrazija u żvilupp, ġie propost li tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa.

    Konklużjoni

    Fid-dawl ta’ dan ta' hawn fuq, il-Kunsill intalab jadotta l-abbozz ta’ proposta mehmuż għal Deċiżjoni tal-Kunsill li testendi l-validità tad-Deċiżjoni 2011/492/UE, iżda li tissopendi l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa tagħha.

    2014/0186 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    għall-estensjoni tal-validità tad-Deċiżjoni 2011/492/UE u s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-miżuri xierqa tagħha

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000[1] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE"), kif emendat l-aħħar f’Ouagadougou, il-Burkina Faso, fit-22 ta’ Ġunju 2010[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE[3], u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE[4], il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Ginea Bissaw skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ngħalqu u ttieħdu miżuri xierqa, kif speċifikat fl-Anness ma’ dik id-Deċiżjoni.

    (2)       Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/385/UE[5], id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE ġiet emendata biex jiġi estiż b'sena, sad-19 ta’ Lulju 2014, il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri xierqa.

    (3)       L-elementi essenzjali ċċitati fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE għadhom qed jinkisru u l-kundizzjonijiet attwali fil-Ginea Bissaw ma jiżgurawx ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt. Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi estiża l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE għal perjodu ta’ sena.

    (4)       Madankollu, meta titqies iż-żamma ta' elezzjonijiet paċifiċi, ħielsa u kredibbli fit-13 ta’ April u fit-18 ta’ Mejju 2014, li jirrappreżentaw pass ewlieni lejn aktar demokrazija u stabilità, u sabiex jinvolvu ruħhom mal-awtoritajiet eletti demokratikament u jipprovdulhom appoġġ dirett fl-isforzi tagħhom sabiex jikkonsolidaw l-istituzzjonijiet demokratiċi, jirrikonċiljaw is-soċjetà u jippromwovu l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Ginea Bissaw, il-miżuri xierqa stabbiliti kif definit fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE għandhom jiġu sospiżi.

    (5)       Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta sitt xhur wara li tidħol fis-seħħ.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-validità tad-Deċiżjoni 2011/492/UE u tal-miżuri xierqa tagħha huma b’dan estiżi sad-19 ta’ Lulju 2015. Madankollu, l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa hija b’dan sospiża.

    Il-miżuri xierqa jinżammu taħt reviżjoni kostanti u jiġu applikati mill-ġdid jekk is-sitwazzjoni fil-Ginea Bissaw tiddeterjora b’mod serju. Dawn il-miżuri f'kull każ jiġu riveduti sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    L-ittra fl-Anness għal din id-Deċiżjoni tintbagħat lill-awtoritajiet tal-Ginea Bissaw.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill                                                

    Il-President                                                   

    ||

    [1]               ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

    [2]               ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3

    [3]               ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376, kif emendat fil-ĠU L 247, 9.9.2006, p. 48

    [4]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE tat-18 ta’ Lulju 2011 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Ginea Bissaw skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE (ĠU L 203, 6.8.2011, p. 2).

    [5]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/385/UE tal-15 ta’ Lulju 2013 li testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri xierqa fid-Deċiżjoni 2011/492/UE dwar il-Ginea Bissaw u li temenda dik id-Deċiżjoni (ĠU L 194, 17.7.2013, p. 6).

    ANNESS għall- Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill għall-estensjoni tal-validità tad-Deċiżjoni 2011/492/UE u s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-miżuri xierqa tagħha

    L-Eċċellenza Tiegħu l-President tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw,

    L-Onorevoli Prim Ministru tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw,

    Sinjuri,

    Bħala segwitu għall-konsultazzjonijiet li saru fi Brussell fid-29 ta’ Marzu 2011 fil-qafas tal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, fit-18 ta’ Lulju 2011 l-Unjoni Ewropea ddeċidiet, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE, li tadotta miżuri xierqa, inkluża skema ta’ impenji reċiproċi għat-tkomplija gradwali tal-kooperazzjoni tal-UE.

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE ġiet estiża b’sena bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/385/UE tal-15/7/2012, b'validità sad-19/7/2014.

    Matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, li matulhom l-awtoritajiet interim kienu fis-seħħ, ma sar l-ebda progress fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-impunità, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà jew il-ġlieda kontra t-traffikar illegali, b’mod partikolari tad-drogi, li kienu previsti fl-iskema ta’ impenji reċiproċi għat-tkomplija tal-kooperazzjoni tal-UE.

    Madankollu, l-Unjoni Ewropea hija mħeġġa biż-żamma ta' elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali ħielsa, paċifiċi u kredibbli fit-13 ta’ April u fit-18 ta’ Mejju 2014, li jirrappreżentaw pass ewlieni lejn id-demokrazija u l-istabbiltà fil-pajjiż. Għaldaqstant, l-UE iddeċiediet dwar is-sospensjoni tal-miżuri applikati skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ 2011/492/UE sabiex tkun tista' tinvolvi ruħha u tipprovdi appoġġ dirett lill-awtoritajiet eletti demokratikament fl-isforzi tagħkom sabiex tikkonsolidaw, tirrikonċiljaw u tiżviluppaw il-pajjiż, f’kollaborazzjoni ma’ msieħba internazzjonali oħrajn.

    L-Unjoni Ewropea tagħti l-akbar importanza lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou, billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt jikkostitiwixxi l-bażi essenzjali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ginea Bisaw u l-Unjoni Ewropea se tkompli ssegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fil-pajjiż.

    L-isfidi politiċi u soċjoekonomiċi li jħabbat wiċċu magħhom il-pajjiż huma sinifikanti, iżda ninsabu fiduċjużi li se tagħmlu ħilitkom sabiex, fid-djalogu mal-gruppi politiċi kollha, tieħdu d-deċiżjonijiet li huma neċessarji, kemm fil-livell ekonomiku kif ukoll dak finanzjarju, u fl-oqsma kruċjali tar-riforma tas-settur tas-sigurtà u l-ġlieda kontra l-impunità.

    L-Unjoni Ewropea tibqa’ impenjata bis-sħiħ lejn is-sħubija tagħha mal-poplu tal-Ginea Bissaw. Din id-Deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa u terġa' timpenja ruħha fi djalogu u kooperazzjoni mal-awtoritajiet leġittimi hija maħsuba sabiex tipprovdi impetu ġdid fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ginea Bissaw, bl-għan li jiġu normalizzati r-relazzjonijiet bilaterali. Madankollu, l-impenji li ħadet il-Ginea Bissaw fil-qafas tal-Konsultazzjoni tal-Artikolu 96 għadhom applikabbli u l-Unjoni Ewropea tistenna lill-Gvern tagħkom li jagħmel l-isforzi kollha meħtieġa biex dawn jintlaħqu bħala kwistjoni ta’ prijorità.

    L-Unjoni Ewropea tistieden lill-partijiet kollha sabiex jaħtfu l-okkażjoni biex imexxu l-pajjiż lejn l-istabilità demokratika, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp soċjoekonomiku.

    Għoddni dejjem tiegħek,

    Għall-Kunsill || Għall-Kummissjoni

    C. ASHTON Rappreżentant Għoli || A. PIEBALGS Kummissarju

    Top