Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0431

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tas-Saħel (2013/2020(INI))

    ĠU C 208, 10.6.2016, p. 2–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.6.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 208/2


    P7_TA(2013)0431

    Drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tas-Saħel

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tas-Saħel (2013/2020(INI))

    (2016/C 208/01)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet u t-trattati ewlenin tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-drittijiet tal-bniedem Afrikani, inkluż il-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW), u l-Protokoll Fakultattiv relatat magħha,

    wara li kkunsidra l-Protokoll dwar il-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika,

    wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma, adottat fis-17 ta' Lulju 1998 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2002,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou tat-23 ta' Ġunju 2000 u rrivedut fit-22 ta' Ġunju 2010,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2012 dwar il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija kif ukoll id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Lulju 2012 u tat-18 ta' Marzu 2013 li jaħtru r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem (1) u l-RSUE għas-Saħel (2), b'mod partikolari l-artikolu dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-mandat tiegħu,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Saħel, b'mod partikolari l-Mali, inklużi l-konklużjonijiet tal-21 ta' Marzu 2011 dwar l-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel, u l-konklużjonijiet aktar reċenti, inklużi dawk tas-17 u tal-31 ta' Jannar, tat-18 ta' Frar, tat-22 ta' April, tas-27 ta' Mejju u tal-24 ta' Ġunju 2013,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Protezzjoni tan-Nisa u t-Tfal fl-Emerġenzi u l-Kunflitti Armati, u r-riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2011 dwar l-indikaturi tal-UE għall-Approċċ komprensiv lejn l-implimentazzjoni mill-UE tar-riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà,

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-Saħel, b'mod partikolari l-Mali,

    wara li kkunsidra r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun tas-Saħel, iddatat l-14 ta' Ġunju 2013, u l-istrateġija integrata mehmuża tan-NU għas-Saħel,

    wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2013,

    wara li kkunsidra l-Pjanijiet tal-Kummissjoni Ewropea tal-Implimentazzjoni Umanitarja għas-Saħel,

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Konġunti tal-Presidenti tal-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi “Together for a New Mali” (Flimkien għal Mali ġdid) li saret fi Brussell fil-15 ta' Mejju 2013,

    wara li kkunsidra l-Konferenza ta' livell għoli dwar it-Tmexxija tan-Nisa fis-Saħel li saret fid-9 ta' April 2013, fi Brussell, b'inizjattiva tal-Unjoni Ewropea, l-Uffiċċju tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Saħel u l-UN Women,

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (2010-2015),

    wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Saħara tal-Punent, iddatat it-8 ta' April 2013, b'mod partikolari r-riferiment tiegħu għall-interkonnessjoni bejn is-Saħara tal-Punent u s-sitwazzjoni fis-Saħel, wara li tqieset l-Istrateġija għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel żviluppata mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), b'mod partikolari l-affermazzjoni tiegħu li l-problemi fis-Saħel huma transkonfinali u huma relatati mill-qrib u li biss approċċ reġjonali u strateġija olistika li jinkludu wkoll lill-Istati ġirien tal-Magreb jistgħu jippermettu l-progress fir-reġjun,

    wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, iddatat it-28 ta' Frar 2013, dwar il-missjoni tiegħu fil-Marokk, inkluż is-Saħara tal-Punent,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar is-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali tal-2011 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 dwar it-22 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament fuq id-19-il Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet Umani tan-NU (6),

    wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Esteri u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew, approvat mill-Kunsill fl-4 ta' Ottubru 2012,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp u l-Kumitat dwar id-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0325/2013),

    A.

    billi s-Saħel huwa wieħed mill-ifqar reġjuni tad-dinja, li jħabbat wiċċu ma' problemi gravi rigward id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, is-sigurtà u l-kunflitt armat kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku u soċjali; billi l-faqar estrem fir-reġjun huwa rifless fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2012, li jikklassifika n-Niġer (fil-186 post), iċ-Ċad (fil-184 post), il-Burkina Faso (fil-183 post) u l-Mali (fil-182 post) fost is-sitt pajjiżi l-anqas żviluppati tad-dinja;

    B.

    billi waħda mill-karatteristiċi li jiddefinixxu r-reġjun, iġġenerata l-aktar minn instabilità politika, faqar u fruntieri mhux siguri, hija l-effett konsegwenzjali, li jikkawża b'mod inerenti sfidi kondiviżi tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħel kollu; billi din il-karatteristika tispjega l-ħtieġa għal approċċ ikkoordinat tajjeb u olistiku lejn ir-reġjun ekoġeografiku kollu tas-Saħel;

    C.

    billi l-ħolqien tad-demokrazija, paċi u governanza tajba huma sfida kruċjali għall-istati tas-Saħel; billi jeħtieġ li dawn l-Istati jibdew proċess ta' promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, li jeqred għal kollox id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-minoranzi u li jippromwovi l-edukazzjoni u r-rikoċiljazzjoni etnika;

    D.

    billi l-ambitu ta' din ir-riżoluzzjoni jikkomprendi l-pajjiżi identifikati mill-Istrateġija għas-Saħel tal-UE, speċifikament il-Mawritanja, il-Mali, in-Niġer u l-partijiet rilevanti tal-Burkina Faso u ċ-Ċad; billi d-definizzjoni ġeografika u ekoloġika usa' tas-Saħel tibqa' wkoll kruċjali fir-rigward tal-isfidi kondiviżi tar-reġjun fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li ġejjin minn kunflitt u diversi nuqqasijiet tas-sigurtà tal-bniedem, inkluża l-fraġilità tal-Istat; billi dan ir-rapport se jiddiskuti wkoll is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent u l-kampijiet ta' Tindouf;

    E.

    billi r-rata ta' mortalità materna fil-Mali, li skont l-istimi tan-NU tilħaq l-1 100 mewta għal kull 100 000 tarbija mwielda ħajja, hija l-ogħla fid-dinja; billi r-Rapport tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2013 tan-NU jsemmi lin-Niġer u lill-Mali bħala każijiet b'rati partikolarment għolja ta' mortalità infantili taħt il-ħames snin, li jilħqu 'l fuq minn 200 mewta għal kull 1 000 tarbija mwielda ħajja u fejn l-ommijiet ma ngħataw ebda tip ta' edukazzjoni; billi l-istimi tal-Bank Dinji rigward ir-rati ta' iskrizzjoni fl-iskola primarja għan-Niġer u għall-Mali huma fost l-agħar fid-dinja, bi 62 % u 63 % rispettivament; billi l-istimi tan-NU jindikaw li madwar 18-il miljun persuna kienu affettwati mill-kriżi ta' ikel u nutrizzjoni qawwija tal-2012 fis-Saħel u fl-Afrika tal-Punent; billi l-istimi tal-Kummissjoni juru li fl-2013, 10,3 miljun persuna fir-reġjun għadhom qegħdin jiffaċċjaw insigurtà tal-ikel, li minnhom 4,2 miljun huma Maljani, b'1,4 miljun tifel u tifla taħt il-ħames snin jinsabu f'riskju ta' malnutrizzjoni severa u bi 3,1 miljun oħra jinsabu f'riskju moderat ta' malnutrizzjoni severa; billi l-Kummissjoni kienet strumentali fl-istabbiliment tal-Alliance Globale pour l'Initiative Resilience fis-Saħel (AGIR-Sahel) u impenjat EUR 517 miljun f'għajnuna umanitarja u f'għajnuna għall-iżvilupp għall-2012-2013;

    F.

    billi parti mill-popolazzjoni ta' dawn il-pajjiżi m'għandhiex aċċess għall-kuri u ssofri minn bosta mard endemiku bħall-kolera, il-meninġite, il-ħożba u l-HIV-AIDS; billi n-numru ta' mwiet kawża tal-HIV-AIDS huwa għoli, bi 11 000 persuna fis-sena fiċ-Ċad, 7 100 mewta fis-sena fil-Burkina Faso, 4 400 mewta fis-sena fil-Mali u 4 300 mewta fis-sena fin-Niġer;

    G.

    billi l-Istati tas-Saħel huma rikki fir-riżorsi naturali b'mod partikolari ż-żejt, id-deheb, u l-uranju iżda li l-introjtu minn din l-estrazzjoni ma jiġix introdott mill-ġdid fl-ekonomija lokali b'mod suffiċjenti li jippermetti l-iżvilupp tal-Istati;

    H.

    billi l-gwerer ċivili u l-kunflitti etniċi jwasslu għall-ispustament tal-popolazzjoni u s-sistemazzjoni tal-kampijiet tar-rifuġjati bħal dawk ta' Mentao (Burkina Faso), Mangaize (Niġer), M'Bera (Mawritanja) jew Breijing (Ċad); billi l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tal-iġjene ta' dawn il-kampijiet huma ta' min jistmerrhom;

    I.

    billi fl-aħħar għoxrin sena l-elezzjonijiet fil-Mali saru fuq bażi regolari, u billi qabel il-kolp ta' stat dan il-pajjiż kien meqjus bħala eżempju relattivament ta' suċċess għad-demokrazija fl-Afrika;

    J.

    billi l-kriżi fil-Mali għandha diversi aspetti u ma tistax titqies biss bħala kunflitt etniku; billi madankollu t-tgħaddib tat-Twareg u l-aspirazzjoni għal indipendenza jew awtonomija akbar għall-Mali tat-Tramuntana ġew sfruttati mill-gruppi ġiħadisti armati li fil-bidu tal-2012 alleaw ruħhom ma', u sussegwentement ħadu post il-Moviment Nazzjonali għall-Ħelsien tal-Ażawad (MNLA) fl-irvell tagħhom; billi dawn il-gruppi, partikolarment Ansar Dine, Al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku (AQIM) u l-Moviment għat-Twaħħid u l-Ġiħad fl-Afrika tal-Punent (MUJAO), komplew jieħdu vantaġġ mill-instabilità li nqalgħet mill-kolp ta' stat sussegwenti f'Bamako, kif ukoll mill-instabilità reġjonali usa', u ġew aggravati mill-ħażna ta' armamenti mhux ikkontrollata fil-Libja; billi t-theddid eżistenzjali imminenti għall-Istat tal-Mali stess, flimkien mal-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tramuntana, aċċeleraw l-intervent tal-forzi armati ta' Franza, tal-Afrika u tan-NU bil-għan li jitwaqqfu l-atroċitajiet u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-gruppi terroristiċi, u li jerġgħu jiġu stabbiliti d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-awtorità tal-Istat tal-Mali, u l-istabbiliment mill-ġdid tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-ftehim preliminari tal-paċi ġie ffirmat fit-18 ta' Ġunju 2013 bejn il-Gvern tal-Mali u l-forzi ribelli; billi s-sitwazzjoni fil-Mali teħtieġ rispons li jmur lil hinn mill-indirizzar tat-theddidiet għas-sigurtà, inkluż impenn fit-tul u azzjoni deċiżiva min-naħa tal-komunità internazzjonali ħalli jiġu ttrattati l-isfidi politiċi, ta' governanza, ta' żvilupp u umanitarji li fanndu għeruqhom fil-fond;

    K.

    billi l-preżenza ta' gruppi terroristiċi fis-Saħel twassal għal instabilità u insigurtà gravi fir-reġjun, minħabba teħid ta' ostaġġi u attakki vjolenti; billi s-Saħel huwa żona ta' tranżitu għat-traffikar tad-droga minn gruppi kriminali tal-Amerika Latina, u billi t-traffikanti tad-droga spiss ikollhom konnessjoni mal-gruppi terroristiċi li jiżguraw is-sigurtà tat-tranżitu; billi l-preżenza ta' dawn it-traffikanti hija sors ta' instabilità kemm għas-Saħel kif ukoll għall-Unjoni Ewropea li ħafna drabi hija d-destinazzjoni finali ta' dan it-traffikar;

    L.

    billi l-gvernijiet tar-reġjun tas-Saħel jeħtieġu li jinvolvu lill-popli kkonċernati sabiex isibu soluzzjoni sostenibbli fit-tul għall-kriżi; billi, partikolarment, il-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kriżi fis-Saħel hija kundizzjoni neċessarja għall-kisba ta' stabilità fit-tul; billi l-ġlieda kontra l-impunità, inkluż għall-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru matul il-kunflitt, hija fundamentali għall-istabilità tar-reġjun u l-bini ta' paċi dejjiema;

    M.

    billi l-UE tat dejjem aktar kas tas-Saħel, kif enfasizzat mill-adozzjoni tal-Istrateġija għas-sigurtà u l-iżvilupp fis-Saħel tal-UE fl-2011, it-tnedija tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-UE (PSDK) u tal-missjoni tat-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet tal-UE (EUCAP Sahel/Niger) f'Lulju 2012 u l-Missjoni ta' Taħriġ PSDK UE (EUTM) fil-Mali fi Frar 2013, u n-nomina ta' RSUE għas-Saħel; billi l-mandat tar-RSUE l-ġdid, adottat fit-18 ta' Marzu 2013, jinkludi komponent qawwi tad-drittijiet tal-bniedem;

    N.

    billi l-problemi kumplessi u interdipendenti jeħtieġu approċċ komprensiv u koordinat li jagħmel użu minn firxa sħiħa ta' strumenti u politiki tal-UE, li jorbot l-objettivi tal-UE dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet, is-settur tas-sigurtà, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-ekosostenibilità mal-isforzi tal-UE fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, tas-sostenn għad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; billi strateġija komprensiva għar-reġjun għandha tikkomprendi koordinament effikaċi permezz tal-VP/RGħ fost Kummissarji rilevanti, bħall-Kummissarju għall-Iżvilupp u l-Għajnuna Umanitarja, is-SEAE, ir-RSUE, inkluż ir-Rappreżentanti Speċjali għad-Drittijiet tal-Bniedem u s-Saħel, u l-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, kif ukoll l-Istati Membri; billi soluzzjoni effettiva għall-kriżi attwali għandha tikkomprendi politiki ekonomiċi u soċjali li jimmiraw li jtejbu l-istandard ta' għajxien tal-popolazzjoni;

    O.

    billi l-politiki tal-UE għandhom jikkonċentraw partikolarment fuq l-iżvilupp rurali u l-agrikoltura, sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-ikel bħala kontribut għall-iżvilupp soċjoekonomiku fit-tul fl-Afrika sub-Saħarjana; billi l-Kummissjoni, fi sħubija mal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinament tal-Affarijiet Umanitarji (UNOCHA), il-Fond ta' Emerġenza tan-Nazzjonijiet Uniti (UNICEF), in-Nazzjonijiet Uniti, il-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR) u l-Programm Dinji tal-Ikel (WFP), fost l-oħrajn, nedew l-inizjattiva AGIR-Sahel, li għandha l-għan li żżid l-kooperazzjoni interorganizzattiva bħala parti mill-Approċċ Komprensiv tal-UE fl-indirizzar tal-kriżi tal-ikel fis-Saħel; billi s-sħab identifikaw investiment minimu ta' EUR 750 miljun bħala tali li jipprovdi xibka ta' sigurtà soċjali għall-protezzjoni tal-iktar vulnerabbli jekk u meta n-nixfa terġa' tolqot fil-futur;

    P.

    billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-kriżi politika, ambjentali, tal-iżvilupp u umanitarja fir-reġjun tas-Saħel jolqtu b'mod partikolari lin-nisa li spiss huma suġġetti għal diskriminazzjonijiet, nuqqas ta' sigurtà enormi fil-livell fiżiku u dak uman, faqar kroniku u emarġinazzjoni; billi l-parità tal-ġeneru, l-emanċipazzjoni politika u ekonomika tan-nisa, il-promozzjoni tal-parità tal-ġeneru u l-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa huma essenzjali għat-tnaqqis tal-faqar u sabiex jinkoraġġixxu l-iżvilupp sostenibbli; billi ambjent soċjali dejjem aktar restrittiv qed jillimita l-mobilità u l-produttività tan-nisa u, fl-aħħar mill-aħħar, il-kapaċitajiet tagħhom li jiffunzjonaw bħala mexxejja u difensuri effikaċi tad-drittijiet tan-nisa; billi l-parti l-kbira tal-bdiewa fuq skala żgħira fir-reġjun tas-Saħel huma nisa, iżda minkejja dan huma ppenalizzati fejn jidħlu drittijiet għal fond; billi dan in-nuqqas ta' pussess ta' fond jikkontribwixxi għall-faqar fost in-nisa; billi l-istudji juru li jekk in-nisa jingħataw edukazzjoni u jistgħu jaqalgħu u jamministraw paga, dan ikollu għadd ta' riżultati pożittivi, pereżempju: isir tnaqqis fil-mortalità materna u infantili, titjib fis-saħħa u n-nutrizzjoni tal-omm u tat-tfal, żieda fil-produttività agrikola, mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, tnaqqis fiż-żieda tal-popolazzjoni, espansjoni tal-ekonomiji u tkissir taċ-ċikli tal-faqar;

    Q.

    billi waqt is-Summit ta' Londra li sar f'Lulju 2012 dwar l-Ippjanar tal-Familja, aktar minn 100 gvern, aġenzija internazzjonali u NGO flimkien stabbilixxew l-għan li jinvestu USD 4 biljun aktar sal-2020, dan biex jiżdied b'120 miljun in-numru ta' nisa li jużaw il-kontraċezzjoni fl-ifqar 69 pajjiż fid-dinja, fosthom l-istati tas-Saħel; billi din iċ-ċifra għandha tiżdied maċ-ċifra attwali ta' USD 10 biljun;

    R.

    billi l-pajjiżi tas-Saħel huma firmatarji tal-Ftehim ta' Cotonou; billi s-sħubija mal-Unjoni Ewropea hi msejsa fuq dispożizzjonijiet maqbula b'mod reċiproku dwar id-drittijiet tal-bniedem u ta' governanza tajba u tinvolvi għajnuna għall-iżvilupp, governanza tajba, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-għajnuna umanitarja;

    S.

    billi l-kooperazzjoni tal-UE mal-Unjoni Afrikana (UA), mal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), mal-Unjoni tal-Magreb Għarbi, mal-istituzzjonijiet reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem u mal-entitajiet tan-NU marbuta mad-drittijiet tal-bniedem u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tibqa' rekwiżit preliminari biex ikunu jistgħu jitressqu argumenti produttivi favur il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħel;

    T.

    billi fl-14 ta' Ġunju 2013, is-Segretarju Ġenerali tan-NU ppropona fir-rapport tiegħu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-adozzjoni ta' strateġija integrata għas-Saħel li tkun mibnija fuq tliet għanijiet strateġiċi, b'mod partikolari bit-tisħiħ ta' governanza inklużiva u effikaċi fir-reġjun, il-bini ta' mekkaniżmi ta' sigurtà nazzjonali u reġjonali li jkunu kapaċi li jindirizzaw it-theddid transkonfinali u l-integrazzjoni ta' pjanijiet umanitarji u ta' żvilupp u interventi sabiex tinbena riżiljenza fit-tul;

    U.

    billi l-waqfien mill-ġlied fis-Saħara tal-Punent bejn il-Gvern Marokkin u l-Front Polisario ilu fis-seħħ mill-1991; billi n-NU jqisu s-Saħara tal-Punent bħala territorju mhux awtonomu; billi r-Repubblika Għarbija Demokratika tas-Saħara hija membru sħiħ tal-UA u attwalment rikonoxxuta minn aktar minn 35 Stat tan-NU, iżda mhux min-NU b'mod kollettiv u lanqas minn xi Stat Membru ieħor tal-UE; billi l-Marokk għandu obbligi ġuridiċi li jagħti rendikont tal-eżerċizzju tiegħu tal-forza amministrattiva de facto fuq it-territorju u l-poplu tas-Saħara tal-Punent; billi n-NU, taħt il-patroċinju tal-Kunsill tas-Sigurtà, jagħmluha ta' medjatur sabiex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt; billi madankollu, skont is-Segretarju Ġenerali tan-NU, ma sar l-ebda progress dwar il-kwistjonijiet fundamentali tal-istatus futur tat-territorju; billi r-referendum dwar l-istatus tas-Saħara tal-Punent, li ntlaħaq qbil fuqu, fil-prinċipju, fl-1988, għadu ma sarx;

    V.

    billi l-Marokk iffirma u rratifika diversi trattati dwar drittijiet internazzjonali u tal-bniedem bħall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha Kontra l-Għajbien Furzat, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura (CAT), il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Protezzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNPHRD);

    W.

    billi r-riżoluzzjonijiet 1754(2007), 1783(2007), 1871(2009), 1920(2010), 1979(2011), 2044(2012) u 2099(2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU stiednu lill-Istati ġirien jikkooperaw bis-sħiħ man-Nazzjonijiet Uniti u bejniethom biex isaħħu l-impenn tagħhom biex jintemm l-istall attwali u jsir progress lejn soluzzjoni politika;

    X.

    billi l-kampijiet tar-rifuġjati viċin Tindouf fl-Alġerija, li nħolqu għall-ewwel darba sebgħa u tletin sena ilu, għadhom fit-tieni post fost il-kampijiet li l-aktar ilhom jintużaw fid-dinja; billi l-istall politiku jipprekludi kull prospettiva realistika taż-żarmar tagħhom, jew ir-risistemazzjoni jew ir-rimpatriju tal-abitanti tagħhom fil-futur qrib;

    Y.

    billi kemm il-Gvern Marokkin kif ukoll il-Front Polisario ġew akkużati bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Missjoni tan-NU għar-Referendum fis-Saħara tal-Punent (MINURSO) ma tinkludix dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-mandat tagħha, u ma toffri l-ebda mekkaniżmu ta' rapportar tal-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi r-riżoluzzjoni Nru 2099 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta' April 2013 estendiet il-mandat tal-MINURSO; billi r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tat-8 ta' April 2013 jiddedika tliet faċċati għall-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU u l-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill tas-Sigurtà naqsu milli jappoġġaw proposta tal-Istati Uniti li l-MINURSO tingħata mandat tad-drittijiet tal-bniedem, li wassal għal dimostrazzjonijiet popolari fis-Saħara tal-Punent;

    Kunsiderazzjonijiet ġenerali

    1.

    Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tas-Saħel, li ġiet aggravata minn bosta kriżijiet fl-isferi politiċi, soċjali, ekonomiċi u ekoloġiċi; jenfasizza li l-isfidi li jkunu mħabbla sew jeħtieġu reazzjoni politika integrata u komprensiva u soluzzjoni politika li tinkludi l-partijiet differenti tal-kunflitt;

    2.

    Jinnota li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħel kisbet prominenza internazzjonali akbar bħala konsegwenza tal-kunflitt armat fil-Mali u l-intervent tal-forzi armati Franċiżi, Afrikani u tan-NU; jirrikonoxxi li dan il-kunflitt ħoloq problemi speċifiċi f'dan il-pajjiż, kif anke ħarrax l-isfidi strutturali diġà preżenti fil-Mali u bnadi oħra fir-reġjun bħal fil-Libja; jenfasizza, madankollu, li l-preokkupazzjonijiet immedjati dwar il-Mali ma għandhomx ineħħu l-attenzjoni mill-problemi kroniċi u penetranti li jħallu impatt gravi fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-bqija tas-Saħel, partikolarment, il-kriminalità organizzata, l-iskjavitù u t-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tal-armi u tad-drogi, l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni ġiħadisti, il-governanza fraġli u l-korruzzjoni istituzzjonali kif ukoll il-faqar sistemiku u li jdgħajjef, is-suldati tfal u d-diskriminazzjonijiet kontra n-nisa;

    3.

    Jinnota li l-porożità tal-fruntieri hija karatteristika speċifika tal-pajjiżi tar-reġjun; jenfasizza li d-deterjorament tas-sitwazzjoni fis-Saħel hija konnessa mill-qrib mad-dħul massiv ta' armi wara l-gwerra fil-Libja fil-Mali tat-Tramuntana filwaqt li r-ribelli Libjani spiċċaw b'mod sistematiku mingħajr armi fil-fruntieri ta' pajjiżi oħra tar-reġjun; itenni l-appell tiegħu għal regolamentazzjoni u kontroll stretti tal-bejgħ tal-armi sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri jżidu l-kunflitti;

    4.

    Japprezza l-attenzjoni dejjem akbar mogħtija lid-drittijiet tal-bniedem fil-politika tal-UE; jinnota li n-NU żviluppaw strateġija komprensiva dwar is-Saħel b'dimensjoni qawwija tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li l-UE u l-pajjiżi tas-Saħel, bħala firmatarji tal-Ftehim ta' Cotonou, assumew obbligi reċiproċi biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, abbażi tal-istat tad-dritt u l-governanza trasparenti u responsabbli; ifakkar li l-Istati tas-Saħel jagħmlu parti mill-biċċa l-kbira tat-trattati internazzjonali li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tat-tfal;

    5.

    Jenfasizza r-rwol importanti tal-UE, bħala l-akbar donatur ta' għajnuna tad-dinja, fl-indirizzar tal-isfidi ta' żvilupp iffaċċjati mir-reġjun tas-Saħel; jisħaq fuq l-importanza tal-impenn minn atturi internazzjonali oħra, fi sforzi bħall-qerda tal-faqar u l-ġuħ, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tnaqqis tar-rati tal-mortalità infantili, skont l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;

    Drittijiet tal-bniedem f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat

    6.

    Iqis bħala partikolarment urġenti s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mali, b'rapporti ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mali tat-Tramuntana min-naħa ta' gruppi tat-Twareg kif ukoll ġiħadisti armati; jinnota li fost l-allegati delitti nsibu l-istupru tal-massa, it-tortura, il-mutilazzjoni u t-trattament krudili, inklużi l-amputazzjonijiet u s-swat fil-pubbliku, it-tħaġġir fil-pubbliku għal allegati adulterji, il-vjolenza abbażi tal-etnija, it-tentattiv ta' tindif etniku, l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji u sommarji ta' priġunieri, il-massakru tas-suldati mill-Mali, l-arresti u d-detenzjoni illegali, u l-qtugħ ta' sentenzi mingħajr smigħ xieraq, żwiġijiet u skjavitù sesswali furzati, attakki volontarji lejn oġġetti kulturali u l-qerda u s-sakkeġġ ta' proprjetà; jinsab imħasseb tassew dwar it-tendenzi l-ġodda fit-tekniki terroristiċi u kriminali, bħal attakki suwiċidi bil-bombi, ħtif u teħid ta' ostaġġi u l-użu ta' tfal bħala tarka umana; jinnota li, minn Jannar 2013, ġie rapportat bosta drabi ksur tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa ta' elementi tal-forzi tas-sigurtà tal-Mali u, sa ċertu punt, tal-gruppi ta' viġilanti, kontra ġiħadisti suspetti u dawk li l-perċezzjoni dwarhom hi li kkooperaw mal-gruppi ribelli; jinnota li ħafna minn dawk immirati ġejjin minn komunitajiet tat-Twareg, Għarab u tal-Peuhl, u li l-armata ta' spiss ġiet akkużata b'rappreżalji bbażati fuq l-etnija; jesprimi tħassib serju li l-allegati vjolazzjonijiet inkludew tortura u trattament inuman, għajbien furzat, u eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji u sommarji kemm ta' priġunieri kif ukoll ta' ċivili; jesprimi aktar tħassib dwar rapporti fil-Mali tan-Nofsinhar ta' qtil, tortura u għajbien mill-militari ta' membri tal-forzi tas-sigurtà leali għar-reġim Touré ta' qabel il-kolp ta' stat; jinnota barra minn hekk, bi preokkupazzjoni serja r-rapporti ta' mini tal-art fil-qtil u l-feriment ta' ċivili Maljani, inkluż it-tfal; jitlob lill-ġellieda kollha jżommu lura milli jużaw mini tal-art, u biex jaħdmu ma' atturi reġjonali u internazzjonali fil-pront u b'mod effettiv għall-iżgurar tat-tneħħija totali ta' dawn l-armamenti;

    7.

    Jilqa' l-iffirmar tal-ftehim preliminari għall-elezzjoni presidenzjali u għat-taħdidiet inklużivi tal-paċi fil-Mali tat-18 ta' Ġunju 2013 bejn l-awtoritajiet tal-Mali u l-gruppi armati mhux terroristiċi tal-Mali tat-Tramuntana u b'mod partikolari, l-impenn tal-partijiet firmatarji kollha biex jintemmu l-atti kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem taħt kwalunkwe forma; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tagħhom għall-unità, id-djalogu u r-ristabbiliment tal-ordni kostituzzjonali; jirrikonoxxi madankollu li dan huwa ftehim preliminari li għandu jiġi segwit minn azzjoni miż-żewġ naħat biex il-kunflitt jintemm b'mod definittiv; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Mali u lis-sħab internazzjonali tagħhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-mudelli l-ġodda ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari r-rappreżalji bbażati fuq l-etnija, li nibtu mill-irkupru ta' ċerti partijiet tal-Mali tat-Tramuntana, u jistgħu jikkostitwixxu ostaklu serju għall-konsolidament tal-paċi u għar-rikonċiljazzjoni jekk ma jiġux indirizzati kif suppost; jilqa' favorevolment, f'dan il-kuntest, l-istabbiliment min-naħa tal-Gvern tal-Mali tal-unitajiet ta' monitoraġġ tal-operazzjonijiet militari tal-armata skjerata fit-Tramuntana tal-pajjiż u t-tnedija ta' investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kommessi minn ċerti elementi tal-forzi armati tal-Mali; jistieden lill-forzi armati juru professjonalità hekk kif jikkonsolidaw lilhom infushom f'żoni preċedentement okkupati mir-ribelli; jistieden madankollu lill-Gvern tal-Mali jirdoppja l-isforzi tiegħu biex jiffaċilita r-rappurtar ta' abbużi kemm fl-operazzjonijiet attwali tagħhom kif ukoll fi kwalunkwe offensiva futura, inkluż permezz ta' appoġġ lill-Kummissjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jirrispetta s-smigħ ġust huwa u jinterroga lill-militanti suspetti; itenni l-kundanna tiegħu tal-atroċitajiet kommessi rrappurtati kontra l-popolazzjoni ċivili, il-priġunieri u s-suldati; ifakkar li l-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) iddeċieda li kien hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-atroċitajiet li saru waqt il-kunflitt fil-Mali huma delitti tal-gwerra; jemmen barra minn hekk li ċerti atroċitajiet jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità;

    8.

    Jinnota bi tħassib serju li raġuni ulterjuri għaż-żieda fid-destabbilizzazzjoni fil-Mali hija l-livell dejjem akbar ta' korruzzjoni, li jħalli lill-popolazzjoni tat-Tramuntana, bħat-Twareg, is-Songhai, l-Għarab u oħrajn 'il barra mill-kamp ta' azzjoni tal-għajnuna internazzjonali; jenfasizza li wieħed mill-aktar effetti perikolużi tal-korruzzjoni huwa l-ħolqien ta' separazzjoni kulturali u etnika bejn il-Mali tat-Tramuntana u dak tan-Nofsinhar;

    9.

    Jinnota, bi tħassib gravi, l-istimi tal-UNHCR li juru kważi 300 000 persuna spostata internament fil-Mali (IDPs), apparti 'l fuq minn 175 000 rifuġjat fil-viċinanzi bħall-Burkina Faso, in-Niġer, il-Mawritanja, u sa ċertu punt l-Alġerija; jappella għal azzjoni immedjata f'dawk il-kampijiet tar-rifuġjati u f'dawk il-partijiet tal-Mali tat-Tramuntana li, skont ir-rapporti, qegħdin isofru minn kolera, insigurtà alimentari estrema u livelli allarmanti ta' mortalità infantili, li jaqbżu ferm iċ-ċifri għar-reġjun kollu, bħala riżultat ta' nutrizzjoni ħażina u nuqqas ta' aċċess għal ilma sikur u għal kura tas-saħħa; jappella lid-donaturi internazzjonali jirrispettaw l-impenji finanzjarji tagħhom b'mod urġenti u jiġbru mingħajr dewmien il-USD 290 miljun li baqa' biex jippermettu lill-UNHCR iwaqqaf il-kriżi qawwija tal-ġuħ li bħalissa tmiss lil 3,4 miljun persuna mill-Mali; jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata s-sikurezza tar-rifuġjati u tal-IDPs u li jiġi ffaċilitat ir-ritorn b'mod ordnat tagħhom fil-komunitajiet minn fejn ikunu ġew bħala element fundamentali ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali;

    10.

    Jiġbed l-attenzjoni lejn it-tbatija tan-nisa fil-kunflitt reċenti fil-Mali; jikkundanna speċifikament bħala delitt tal-gwerra l-użu tas-sekwestru u tal-istupru bħala armi tal-gwerra; jistenna li l-UE u s-sħab internazzjonali l-oħra tal-Mali jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet tal-Mali bil-għan li jottemperaw mal-impenji inerenti fir-riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u fl-Approċċ Komprensiv tal-UE; jiġbed l-attenzjoni fuq l-importanza tal-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' ġustizzja tranżitorji biex tintemm l-impunità għall-awturi ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru;

    11.

    Iħeġġeġ lill-UE u lill-pajjiżi tas-Saħel biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-riżoluzzjonijiet li ġejjin tal-Kunsill ta' Sigurà tan-NU: ir-riżoluzzjoni 1325 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li titlob il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-aspetti kollha u fil-livelli kollha tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, ir-riżoluzzjoni 1820 dwar il-vjolenza sesswali f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt, u r-riżoluzzjonijiet 1888, 1889 u 1960 sussegwenti li jibnu fuq ir-riżoluzzjonijiet msemmija qabel; jitlob, għalhekk, li tiġi enfasizzata u garantita l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi tal-paċi u li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa ta' inkorporazzjoni tat-trattament ugwali bejn is-sessi fil-prevenzjoni ta' kunflitti, l-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, l-għajnuna umanitarja u r-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti; jiddeplora t-tbatija estrema imposta fuq in-nisa minħabba s-sempliċi fatt li huma nisa fil-pajjiżi fejn hemm il-gwerra; isostni li azzjoni ta' dan it-tip, inkluż l-istupru ta' bniet minn suldati, il-prostituzzjoni furzata, it-tqala furzata tan-nisa, l-iskjavitù sesswali, l-istupru u l-fastidju sesswali, u l-ħtif konsenswali (permezz ta' seduzzjoni), huma delitti li m'għandhomx jiġu injorati; jafferma li l-UE għandha tittratta dawn bħala problemi fundamentali li għandhom jiġu kkunsidrati; jenfasizza l-fatt li l-garanzija ta' aċċess għall-abort għan-nisa u l-bniet li huma vittmi ta' vjolenzi f'kunflitti armati hija indispensabbli;

    12.

    Jinnota li n-nisa spiss jiġu diskriminati fir-rigward tar-rikonoxximent tal-ġlieda tagħhom favur il-paċi; ifakkar li, meta n-nisa jkunu involuti b'mod regolari fil-proċess ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti u ta' konsolidament tal-paċi, huma jiżvolġu rwol fundamentali fin-negozjati tal-paċi, billi jwessgħu l-ambitu tar-rikostruzzjoni, tar-riabilitazzjoni u tal-konsolidament tal-paċi; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isforzi kollha ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali, reġjonali u internazzjonali għall-Mali, speċjalment għat-Tramuntana tal-pajjiż; jitlob li l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jkunu suġġetti għal analiżi regolari u li l-punti prijoritarji tagħhom jiġu aġġornati regolarment;

    13.

    Jistmerr il-ksur gravi mwettaq kontra t-tfal fil-Mali, inkluż ir-reklutaġġ u l-użu li huma dokumentati tajjeb tas-suldati tfal min-naħa ta' kważi l-gruppi armati kollha attivi fit-Tramuntana, inklużi l-forzi tal-gvern; jenfasizza l-importanza li jiġu allokati biżżejjed riżorsi lill-kompiti ta' demobilizzazzjoni u riabilitazzjoni tas-suldati tfal; jilqa' għal dan il-għan, l-abbozz ta' ftehim li qiegħed jitfassal bejn il-Gvern tal-Mali u n-NU li jippermetti lis-suldati tfal involuti fil-gruppi armati biex jingħataw f'idejn ir-rappreżentanti tan-NU, u ifaħħar l-azzjonijiet tal-UNICEF għall-integrazzjoni mill-ġdid ta' dawn it-tfal; jesprimi tħassib serju dwar ir-riżultati tar-rapport l-iktar reċenti tan-NU dwar it-tfal u l-kunflitt armat, li jenfasizzaw kif in-natura u t-tattiki tal-kunflitt fil-Mali ħoloq theddid mingħajr preċedent għat-tfal; jikkundanna bil-qawwa kollha l-qtil u l-mankament ta' tfal, l-istupru u l-vjolenza sesswali, iż-żwiġijiet furzati, is-sekwestri, l-attakki fuq l-iskejjel u l-isptarijiet, u r-restrizzjonijiet fuq l-aċċess tal-bniet għall-edukazzjoni, li ġraw matul il-kunflitt tal-Mali; jinnota li l-maġġoranza tal-iskejjel fit-Tramuntana għadhom ma reġgħux fetħu, u jħeġġeġ azzjoni immedjata li tippermettilhom li jagħmlu dan; jiġbed l-attenzjoni għall-każijiet ta' abbandun tat-tfal li jkunu twieldu kaġun ta' delitti ta' stupru fil-Mali tat-Tramuntana, li jirrappreżentaw tendenza preokkupanti u li jenħtieġ li tinstab soluzzjoni għaliha b'mod urġenti; barra minn hekk, jesprimi tħassib kbir dwar ir-rapporti ta' tfal li jinżammu detenuti ma' adulti, u jiġu interrogati mingħajr protezzjoni ġusta; jilqa', f'dan il-kuntest, l-għan tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jipprovdi protezzjoni speċifika għan-nisa u t-tfal milquta minn kunflitt armat;

    14.

    Jistieden lill-Istati tas-Saħel jimpenjaw ruħhom f'politika ta' prevenzjoni u protezzjoni biex jiġi evitat li t-tfal jiddaħħlu ta' bilfors bħala suldati mill-gruppi armati; jistieden lil dawn l-Istati ma jirreklutawx tfal bħala suldati fl-armata regolari u jikkundannaw lil kull min ikun ħati ta' dan id-delitt tal-gwerra;

    15.

    Jiddeplora t-tentattiv ta' qerda totali tal-patrimonju kulturali prezzjuż tal-Mali tat-Tramuntana, bil-gruppi armati jeqirdu s-santwarji antiki tas-Sufi u monumenti għeżież oħrajn f'Timbuktù u f'Gao, flimkien ma' kważi 4 200 manuskritt antik, maskri ċeremonjali etniċi ta' Dogon u djar kulturali (togunas) f'Douentza, u libreriji f'Kidal u bnadi oħra; iqis li l-profanazzjoni kulturali li saret fil-Mali tat-Tramuntana tikkostitwixxi delitt tal-gwerra; japprezza u jappella għas-sostenn tal-UE għall-Pjan ta' Azzjoni tal-UNESCO għar-Riabilitazzjoni tal-Patrimonju Kulturali u s-Salvagwardja tal-Manuskritti Antiki tal-Mali;

    16.

    Jilqa' pożittivament l-operazzjoni tal-militari Franċiżi “Serval” imnedija fil-11 ta' Jannar 2013 u l-impenn tagħhom għas-sovranità, l-unità u l-integrità territorjali tal-Mali bħala l-ewwel pass lejn ir-rikostruzzjoni u d-demokratizzazzjoni tal-Mali; jilqa' pożittivament, sussegwentement, ir-riżoluzzjoni 2100 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, adottata fil-25 ta' April 2013, u l-mira b'saħħitha lejn id-drittijiet tal-bniedem tagħhom, u l-istruzzjoni fil-mandat tal-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fil-Mali (MINUSMA) bil-għan li timmonitorja, tgħin fl-investigazzjonijiet u tirrapporta lill-Kunsill tas-Sigurtà dwar kull abbuż jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali; jilqa' favorevolment l-integrazzjoni ta' komponent ta' taħriġ fil-Missjoni għat-Taħriġ tal-Unjoni Ewropea (EUTM) fil-Mali;

    17.

    Jappoġġa l-Missjoni internazzjonali ta' appoġġ għall-Mali u l-MINUSMA, li tkompliet fl-1 ta' Lulju 2013, minflok il-Missjoni tal-EUCAP għas-Saħel; jilqa' l-proposta tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-14 ta' Ġunju 2013 li għandha l-għan li tistabbilixxi “strateġija integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Saħel”, li għandha tindirizzaw l-aspetti kollha tal-kriżi: it-titjib tal-governanza, il-ġlieda kontra l-kriminalità (traffikar ta' droga, bnedmin, armi u sigaretti, ħasil ta' flus) u kontra t-terroriżmu, l-għajnuna umanitarja; jilqa', b'mod partikolari, l-objettivi ta' din l-istrateġija biex tinbena governanza komprensiva u effikaċi fir-reġjun kollu, u biex jintegraw il-pjanijiet u l-interventi umanitarji u ta' żvilupp biex jiżguraw ir-reżiljenza fit-tul;

    18.

    Jilqa' r-rwol importanti tal-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ għall-Mali mmexxija mill-Afrika (AFISMA), li stabbiliet il-bażi għall-MINUSMA; jilqa' barra minn hekk il-kontinġent Afrikan imdaqqas fi ħdan il-missjoni MINUSMA, u partikolarment id-deċiżjoni tal-UA li tibgħat osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem inkorporata fiha; jittama li dawn iż-żewġ karatteristiċi jibqgħu bħala standard fl-operazzjonijiet Afrikani; jilqa' l-fatt li kemm l-awtoritajiet tal-Mali u l-gruppi armati wiegħdu fil-ftehim interim ta' paċi li jiffaċilitaw l-iskjerament tal-osservaturi; japprezza l-wasla tal-osservaturi f'Gao u f'Timbuktù u jittama li dalwaqt ikun possibbli li jiġu skjerati osservaturi f'Kidal, b'kunsiderazzjoni tal-importanza li jiġu investigati l-allegazzjonijiet ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tramuntana min-naħat kollha tal-kunflitt tal-Mali; japprezza barra minn hekk l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għal dawn l-osservaturi u l-isforz tagħha li tħarreġ u tiskjera osservaturi lokali u reġjonali tas-soċjetà ċivili addizzjonali permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ lill-UE tislet tagħlimiet minn din l-esperjenza u teżamina, abbażi tal-atturi tas-soċjetà ċivili tal-Mali nazzjonali u lokali, modi xierqa biex ikollha timijiet ta' esperti mħarrġa, li jkunu jistgħu jiġu skjerati malajr fil-post f'sitwazzjonijiet ta' urġenza bil-għan li jagħtu konsulenza professjonali, jekk neċessarju, lid-deċiżuri politiċi tal-UE;

    19.

    Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa urġenti tat-tisħiħ tal-konformità mad-drittijiet tal-bniedem u n-normi tad-dritt umanitarju internazzjonali f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat; jistieden lir-Rappreżentant Għoli jislet tagħlimiet mill-ġrajjiet traġiċi fil-Mali u kunflitti oħra reċenti biex janalizza l-linji gwida tal-UE dwar id-Dritt Umanitarju Internazzjonali, ifittex implimentazzjoni aktar effikaċi ta' dawk il-linji gwida, u jappoġġa l-inizjattiva li għaddejja tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Gvern Svizzeru għar-riforma tal-qafas ta' governanza internazzjonali attwali dwar id-Dritt Umanitarju Internazzjonali;

    20.

    Jilqa' pożittivament il-konklużjonijiet tal-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi “Together for a New Mali” li saret fil-15 ta' Mejju 2013; jisħaq li d-donaturi impenjaw irwieħhom li jagħtu EUR 3,25 biljun bħala donazzjoni lill-Mali fis-sentejn li ġejjin, bl-UE minn ta' quddiem bil-wegħda tagħha ta' EUR 520 miljun; ifaħħar il-Pjan tal-Gvern tal-Mali għall-Irkupru Sostenibbli tal-Mali (PRED); jilqa' l-attenzjoni partikolari mogħtija lill-iżgurar għat-trasparenza tal-kontijiet pubbliċi u dawk tal-industriji estrattivi; jappoġġa l-approvazzjoni tal-Gvern tal-Mali tal-abbozz ta' liġi kontra l-arrikkiment illeċitu, u jenfasizza l-importanza li jitwettaq l-impenn tal-Konferenza tad-Donaturi għal monitoraġġ bir-reqqa tal-applikazzjoni sistematika tal-liġi ladarba tiġi adottata; jiddispjaċih li l-konklużjonijiet tal-konferenza ma jirriflettux l-impenn iddikjarat tal-UE li jimxu lejn approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jimplimentaw l-impenji reċiproċi tagħhom bħala parti minn segwitu effikaċi u koordinat għall-konferenza; itenni l-bżonn ta' kollegament tal-għajnuna mar-riforma istituzzjonali u ma' żvilupp soċjali u politiku viżibbli; ifaħħar barra minn hekk l-involviment kostruttiv tal-atturi reġjonali; jitlob, wara li tqies il-livell tal-korruzzjoni mifruxa tal-awtoritajiet tal-Mali, li s-sigurtà u l-kontrolli neċessarji jiġu applikati sabiex l-ammonti mogħtija jkunu fil-fatt jistgħu jgħinu lill-popolazzjoni tal-Mali mill-aktar fis;

    21.

    Itenni l-importanza tal-klawsola tal-UE tad-drittijiet tal-bniedem f'kull ftehim ma' pajjiżi terzi, inklużi dawk tar-reġjun tas-Saħel; iqis li l-klawsola hija waħda mill-aktar strumenti effiċjenti tal-UE li tista' twassal mhux biss għal żvilupp sostenibbli ta' pajjiżi l-anqas żviluppati iżda wkoll għal rispett u protezzjoni xierqa tad-drittijiet tal-bniedem f'dawk il-pajjiżi;

    22.

    Iqis li l-ġlieda kontra l-impunità, l-għoti ta' rimedju għall-vittmi u l-prosekuzzjoni ta' kull min iwettaq ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, irrispettivament mill-affiljazzjoni u l-istatus, inkluż b'rabta mal-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-kunflitti, li hi affront għad-dinjità tan-nisa, bħala ċ-ċavetta għall-paċi dejjiema u għall-istabilità fil-Mali; jilqa' b'sodisfazzjon għalhekk ir-rinviju min-naħa tal-Gvern tal-Mali tas-sitwazzjoni lill-QKI u l-ftuħ ta' investigazzjonijiet formali min-naħa tal-Prosekutur tal-QKI, l-antiċipazzjoni ddikjarata mill-Gvern tal-Mali u l-gruppi ribelli, fl-Artikolu 18 tal-ftehim ta' paċi preliminari, ta' kummissjoni internazzjonali ta' inkjesta biex tinvestiga l-allegati delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt internazzjonali u umanitarju madwar il-Mali; jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali tal-Mali jipprijotizzaw il-kwistjoni tal-impunità tul in-negozjati għall-paċi, biex jgħinu lill-gvern jkompli fil-kisba tal-objettiv tiegħu li jinvestiga u jtella' l-qorti lil dawk li jwettqu l-abbużi u biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta' paċi interim u biex jiżguraw li dawk li kkommettew reati sesswali jitressqu l-qorti; itenni li din għandha tinkludi delitti u atroċitajiet imwettqa min-naħat kollha;

    23.

    Jilqa' l-istabbiliment mill-Gvern tal-Mali ta' Kummissjoni Nazzjonali għad-Djalogu u r-Rikonċiljazzjoni fis-6 ta' Marzu 2013, b'mandat ta' sentejn; iqis li l-Kummissjoni Nazzjonali għandu jkollha rappreżentanza wiesgħa kemm jista' jkun, u li din toffri riżultati prattiċi li għandhom ikunu prodotti malajr kemm jista' jkun; jilqa' b'mod partikolari, għal dan il-għan, is-sħubija inklużiva tal-Kummissjoni Nazzjonali, kif muri mill-viċi presidenti, bħala impenn għall-inklużività u l-pluralità fil-proċess politiku; jinnota l-Kummissjoni Nazzjonali għandha l-kompiti li tiddokumenta l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew sa mill-bidu tal-kunflitt; iħeġġeġ b'mod partikolari lill-Kummissjoni tesplora l-kwistjonijiet li wasslu għall-kriżi fil-Mali, tinvestiga bil-miftuħ u b'mod komprensiv l-allegazzjonijiet ta' abbużi u diskriminazzjoni kontra l-komunitajiet tat-Twareg sa mill-indipendenza tal-Mali, u tagħmel rakkomandazzjonijiet għal titjib sinifikanti; tilqa' barra minn hekk, il-ħatra ta' mibgħut tal-Gvern tal-Mali biex ikompli d-djalogu kontinwu mal-gruppi armati fit-tramuntana; jesprimi, f'dan ir-rigward, it-tama sinċiera li x-xenarju postelettorali fil-Mali jiffaċilita d-djalogu msaħħaħ u l-fiduċja bejn il-komunitajiet bħala rekwiżit preliminari għall-paċi u għall-istabilità, u li l-komunitajiet Maljani jimpenjaw ruħhom biex jedukaw lit-tfal dwar it-tolleranza u r-rispett reċiproku; jistieden lill-UE u s-sħab tal-komunità internazzjonali tagħha jipparteċipaw fil-proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali u ta' djalogu inklużiv;

    24.

    Jissottolinja li d-diversi kunflitti fiż-żona tas-Saħel wasslu għal żieda tal-popolazzjonijiet spustati anki fl-Istati stess, kif ukoll għadd ikbar ta' rifuġjati; jesprimi tħassib serju dwar kriżijiet multipli ta' rifuġjati u s-sitwazzjoni tar-rifuġjati fir-reġjun, inklużi bosta li mhumiex relatati mal-kriżi fil-Mali; jiġbed attenzjoni partikolari lejn l-eluf ta' rifuġjati Darfuri fil-Lvant taċ-Ċad, u ċ-Ċadjani li qed jirritornaw lura mid-Darfur, li ma għandhomx ilma nadif, kenn u kura tas-saħħa adegwati, u jikkonstata li l-klima semiarida tirriskja li żżid il-kompetizzjoni għar-riżorsi mal-popolazzjonijiet ospitanti, u b'hekk anke l-potenzjal għal instabilità; barra minn hekk jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni kritika ta' bosta eluf ta' rifuġjati mir-Repubblika Ċentru-Afrikana (CAR) fin-Nofsinhar taċ-Ċad, fejn l-għargħar jhedded id-djar u l-agrikoltura; itenni, f'dan ir-rigward, il-appell tal-UNHCR għaż-żieda fl-appoġġ finanzjarju u loġistiku favur il-forzi tas-sigurtà taċ-Ċad fil-protezzjoni tal-kampijiet, b'mod partikolari fid-dawl ta' attakki rrappurtati fuq iż-żona umanitarja; jesprimi tħassib ulterjuri għal dawk fin-Niġer li qed jaħarbu mill-ġlied reċenti fit-Tramuntana tan-Niġerja; jistieden lill-komunità internazzjonali b'mod ġenerali żżid il-proporzjon ta' għajnuna lill-kampijiet tar-rifuġjati fis-Saħel fejn neċessarju, u tgħin biex jiġu evitati kriżijiet umanitarji ulterjuri fost il-popolazzjonijiet rifuġjati tar-reġjun; jitlob koordinament politiku tar-rifuġjati bejn l-Unjoni, l-Istati tas-Saħel, il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, l-Unjoni Afrikana u l-ECOWAS, għall-akkoljenza tar-rifuġjati, l-iżgurar tas-sigurtà tal-bniedem għall-gruppi l-aktar vulnerabbli u li jipprovdu programmi ta' awtosuffiċjenza; jinkoraġġixxi lill-pajjiżi ospitanti jaħdmu man-NU u atturi oħra biex itejbu, b'mod partikolari, l-aċċess għall-kenn, is-sanità, il-kura tas-saħħa, l-ilma, in-nutrizzjoni u l-edukazzjoni u jipproteġu t-tfal f'riskju; ifakkar li minbarra l-iżgurar tal-akkoljenza u l-protezzjoni, għandu jkun hemm sforzi sabiex tkun promossa s-sigurtà ekonomika u r-rabtiet ma' familji separati għar-rifuġjati u l-persuni spustati internament, u biex titjieb id-dokumentazzjoni għar-rifuġjati, sa fejn ikun possibbli, li jirritornaw għar-reġjuni tal-oriġini tagħhom;

    25.

    Jitlob lill-Istati u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jimplimentaw politiki tas-sigurtà tal-bniedem favur ir-rifuġjati, l-IDPs u l-gruppi vulnerabbli fil-ġlieda kontra l-gruppi terroriżmu, il-vjolenza kontra n-nisa, l-isfruttament u l-ġlieda kontra t-traffikar ta ' drogi, armi u merkanzija, u kontra t-traffikar tal-bnedmin;

    Responsabilità u riforma tal-istituzzjonijiet governattivi, ġudizzjarji u tas-sigurtà

    26.

    Iqis li l-isfidi attwali tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħel ma jistgħux jinfirdu minn kriżi ġenerali f'termini ta' governanza, li tiġbor fiha korruzzjoni mifruxa fil-karigi pubbliċi, forniment skars tas-servizzi bażiċi, implimentazzjoni fqira tad-drittijiet soċjali u ekonomiċi u, partikolarment fir-reġjuni estiżi u spiss skarsament popolati tas-Saħara, sfidi kbar għas-sostenn tal-istat tad-dritt u ż-żamma tal-kontrolli effikaċi fuq il-fruntieri; jiddeplora l-ħsara konsegwenti għal-leġittimità tal-istituzzjonijiet u tas-sistemi politiċi tar-reġjun; jibża' mir-riskju ta' aktar kunflitt jew diżordni fil-futur jekk tali kwistjonijiet ma jkunux ittrattati adegwatament; ifakkar li l-aċċess tan-nies għar-riżorsi naturali tagħhom, għall-edukazzjoni, għas-saħħa u għas-servizzi pubbliċi huma drittijiet fundamentali li għandhom jiġu implimentati b'mod effettiv biex isolvu l-problema tal-instabilità f'dan ir-reġjun b'mod permanenti;

    27.

    Jinnota bi tħassib kbir ir-rwol ta' dawn il-fatturi fl-iffaċilitar tal-mewġa reġjonali fil-kriminalità organizzata internazzjonali u fin-netwerks terroristiċi; jenfasizza t-theddid gravi li dawn joħolqu għad-drittijiet tal-bniedem, għall-istabilità reġjonali, għall-governanza tal-Istat u l-istat tad-dritt u konsegwentement għall-prospetti ta' żvilupp, u l-bżonn li tali theddid jiġi kkonfrontat għall-ġid tal-popolazzjonijiet tas-Saħel; jesprimi allarm partikolari bl-“awtostradi tat-traffikar” li japprofittaw mill-porożità tal-fruntieri biex jaqsmu mill-Punent għal-Lvant tal-Afrika, u min-Nofsinhar sat-Tramuntana mill-kosta tal-Afrika tal-Punent, li jiffaċilitaw il-ġarr tal-armi, narkotiċi, sigaretti, żejt, mediċini kontraffatti u persuni; jiġbed l-attenzjoni lejn l-impatt ta' dawn l-attivitajiet fuq ir-reġjun f'termini usa', kif ukoll fuq l-UE, li tirrappreżenta d-destinazzjoni għall-ħafna mit-traffiku illeċitu; jinnota r-rapport reċenti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-Saħel, li kkonkluda li r-rotot storiċi ta' kummerċ fis-Saħel huma l-aktar vulnerabbli għal netwerks terroristiċi u kriminali; ifaħħar l-isforzi tal-pajjiżi tas-Saħel fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, mhux l-anqas fir-rigward ta' armi tqal u jħeġġiġhom jintensifikaw l-koordinament u l-kooperazzjoni reġjonali, biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw il-konfini terrestri tagħhom u għal dan il-għan ifittxu li jiksbu l-parteċipazzjoni tal-ECOWAS; jinkoraġġixxi barra minn hekk lill-Istati kollha tas-Saħel, flimkien man-NU u atturi u sħab internazzjonali oħra, jiżviluppaw strateġija komprensiva kontra t-traffikar, li tinkludi l-ġbir u l-analiżi ta' data, it-taħrik u l-pieni ta' traffikanti, u miżuri għar-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni soċjali għal dawk kollha, l-aktar in-nisa u l-bniet, li huma vittmi ta' traffikar; iħeġġeġ lill-mexxejja tal-pajjiżi tas-Saħel jikkooperaw fit-tisħiħ ta' sistemi ta' infurzar tal-liġi bil-għan li jeqirdu kull forma ta' traffikar illegali, imma b'mod partikolari t-traffikar tal-bnedmin, li jaffettwa uħud mill-iżgħar u l-ifqar nisa fir-reġjun;

    28.

    Jinnota li hemm ir-riskju ta' aktar destabbilizzazzjoni fis-Saħel kaġun tal-proliferazzjoni ta' armi ħfief li joriġinaw mil-Libja u minn effetti residwi oħrajn tas-sitwazzjoni f'dak il-pajjiż; jisħaq fuq il-fatt li l-instabilità u l-governanza dgħajfa fil-Libja jaggravaw it-traffikar reġjonali ta' armi u l-proliferazzjoni tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALWs), it-traffikar tad-droga u l-kummerċ illeċitu;

    29.

    Jikkundanna ż-żieda fil-każijiet ta' ħtif u teħid ta' ostaġġi fir-reġjun, li jwassal għal profitti kbar għall-gruppi kriminali u terroristiċi; jilqa' l-ħidma tal-Grupp Konsultattiv tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-impatt tat-teħid ta' ostaġġi minn terroristi fuq id-drittijiet tal-bniedem; jappella għal kooperazzjoni akbar fost il-gvernijiet tas-Saħel, u mal-gvernijiet ta' tali Stati reġjonali ewlenin bħall-Alġerija, il-Libja, il-Marokk u s-Sudan, kif ukoll mal-UE u korpi oħrajn sovranazzjonali, biex jiġi żgurat rispons effikaċi u kkoordinat għal dawn il-problemi minn istituzzjonijiet politiċi, ta' sigurtà u ġudizzjarji;

    30.

    Jinnota li l-azzjoni tal-gruppi terroristiċi m'għandhiex fruntieri u li l-organizzazzjonijiet differenti huma assoċjati flimkien; jikkonstata li l-grupp Boko Haram huwa stabbilit ferm fin-Niġerja u jhedded l-istabilità tan-Niġer u l-grupp AQMI huwa mmexxi minn tliet Alġerini (Abou Zeid, Yahya Abou Al-Hammam u Mokhtar Belmokhtar) u jippruvaw jiddestabbilizzaw in-Nofsinhar tal-Alġerija; jilqa' b'sodisfazzjon il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM) fil-Libja li għandha l-għan li tiżgura l-fruntieri Libjani; jistieden għaldaqstant lill-Istati tas-Saħel jikkoordinaw l-isforzi tagħhom għas-sigurtà tar-reġjun kollu billi jibdew mill-fruntieri, u jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu mal-Istati kollha kkonċernati inklużi l-Alġerija, in-Niġerja, il-Marokk u l-Libja; jistieden lill-UE, l-UA, l-ECOWAS u l-komunità internazzjonali jipprovdu l-appoġġ tekniku, materjali u uman li jista' jkollhom bżonn l-Istati tas-Saħel;

    31.

    Iwissi kontra l-perċezzjoni ta' firxa ta' estremiżmu fil-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija, it-Tuneżija, l-Eġittu u l-Libja – u jistieden lill-VP/RGħ tipprovdi tmexxija fil-proċess ta' kooperazzjoni mal-gvernijiet, l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ta' dawn il-pajjiżi b'tali mod li jappoġġa proċessi tassew demokratiċi ta' tranżizzjoni, sabiex tiġi żgurata fl-istess ħin l-istabbilizzazzjoni tar-reġjuni ġirien suxxettibbli għall-kunflitt, partikolarment is-Saħel;

    32.

    Jistieden lill-Istati tas-Saħel jistabbilixxu kollaborazzjoni intensiva mas-Senegal, il-Ginea Bissaw u l-Gana li huma portijiet ta' tranżitu għad-droga li tkun ġejja mill-gruppi kriminali tal-Amerika Latina ddestinata għall-Ewropa; jistieden lill-UE tappoġġa lill-Istati tas-Saħel fil-ġlieda kontra dan it-traffikar;

    33.

    Iqis li huwa essenzjali, għalhekk, li jitħeġġew ir-riformi tal-istituzzjonijiet responsabbli mill-ġudikatura, mis-servizzi ta' sigurtà u mis-servizzi bażiċi fil-pajjiżi tas-Saħel, bil-għan li jgħinu biex jerġa' jkun stabbilit l-istat tad-dritt u jinħolqu kundizzjonijiet aħjar għat-tranżizzjoni demokratika, għad-drittijiet tal-bniedem, għall-iżvilupp sostenibbli u għal-leġittimità istituzzjonali; jinkoraġġixxi lill-gvernijiet tas-Saħel ikomplu bil-proċess ta' deċentrament, jittrasferixxu aktar setgħat u riżorsi lill-awtoritajiet lokali u jagħtu spinta lill-kapaċità, lil-leġittimità u lir-responsabilità tagħhom; jisħaq, b'mod partikolari, fuq l-importanza ta' strutturi ta' responsabilità ċari għall-promozzjoni tal-effiċjenza u tat-trasparenza, u jistieden lill-UE taħdem mal-awtoritajiet lokali biex jissaħħu l-mekkaniżmi intiżi għall-kontroll u għall-viġilanza ċivili; u biex isaħħu l-inizjattivi kontra l-korruzzjoni; jiġbed aktar attenzjoni lejn in-neċessità, kif iddikjarat fl-istrateġija integrata l-ġdida tan-NU għas-Saħel, ta' appoġġ għat-tisħiħ ta' viġilanza interna u esterna, kif ukoll mekkaniżmi ta' salvagwardja tal-integrità, għal uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, membri tal-ġudikatura u uffiċjali tal-qrati tal-ġustizzja;

    34.

    Jinnota n-neċessità fil-Mali, partikolarment, li jiġu żgurati riżorsi umani u finanzjarji adegwati lill-Ministeru tal-Ġustizzja, kif ukoll it-taħriġ professjonali tal-persunal tiegħu; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati tas-Saħel jirrispettaw l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati, peress li huma garanti ta' demokrazija u l-istat tad-dritt; jistieden lill-Istati jkomplu l-isforzi tagħhom biex itejbu t-taħriġ ġudizzjarju; jistieden lill-UE tappoġġa l-proġetti tal-NGOs li jgħarrfu lill-persunal tal-Ġustizzja dwar id-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ barra minn hekk lill-awtoritajiet tal-Mali jħarrku lill-uffiċjali involuti fil-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, bħala miżuri essenzjali biex terġa' tinkiseb il-fiduċja u jitnaqqas il-potenzjal għal instabilità futura; jinnota li l-kriminalità organizzata twassal għal korruzzjoni mifruxa fl-isferi kollha tal-Istat; jistieden għalhekk lill-pajjiżi tas-Saħel jikkundannaw bil-qawwa kull forma ta' korruzzjoni;

    35.

    Jilqa' pożittivament l-enfasi fl-istrateġija integrata l-ġdida tan-NU għas-Saħel fuq il-ħtieġa għal tfassil u appoġġ għal proċessi għat-tiftix tal-verità, konsultazzjonijiet nazzjonali dwar il-ġustizzja tranżitorja, mekkaniżmi ta' responsabilità ġudizzjarja, u programmi ta' kumpens, inklużi għall-vittmi ta' vjolenza sesswali; jistieden lill-UE taħdem mal-aġenziji rilevanti tan-NU biex tassisti lill-gvernijiet tas-Saħel fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi;

    36.

    Ifaħħar il-ftehim bejn is-Senegal u l-UA biex jistabbilixxu Tribunal Speċjali għat-taħrik tal-ex President Ċadjan Hissène Habré għal delitti tal-gwerra, tortura u delitti kontra l-umanità, u l-ftehim bejn il-gvernijiet tas-Senegal u ċ-Ċad biex l-imħallfin Senegaliżi jkunu awtorizzati jwettqu investigazzjonijiet fiċ-Ċad; jinkoraġġixxi enerġikament lill-mexxejja politiċi tal-pajjiżi tas-Saħel kif ukoll lill-awtoritajiet pubbliċi kollha biex iwettqu u jimplimentaw malajr id-determinazzjoni tagħhom biex tintemm il-kultura ta' impunità għall-allegati kriminali tal-gwerra u għal min jikser id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċad u fi bnadi oħra fir-reġjun; jinnota f'dan ir-rigward, li ċ-Ċad jibqa' l-uniku pajjiż tas-Saħel li ma ffirmax il-Protokoll tal-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar l-Istabbiliment ta' Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Drittijiet tal-Popli; iħeġġeġ liċ-Ċad jagħmel dan, bħala sinjal qawwi tal-impenn tiegħu biex jippenalizza abbużi sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem u jipprovdi rimedju lill-vittmi; jiddispjaċih barra minn hekk għall-fatt li reċentement il-Burkina Faso jikkonċedi amnestija lill-kapijiet tal-Istat; jibża' li dan iwassal sinjal ħażin lill-awturi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun, u jmur kontra l-ispirtu ta' ġlieda kontra l-impunità;

    37.

    Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwima tal-fruntieri bejn in-Niġer u l-Burkina Faso li rreferew il-każ lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja li ħadet id-Deċiżjoni tagħha fis-16 ta' April 2013, u jistieden lill-Istati tar-reġjun isegwu dan l-eżempju;

    38.

    Jistieden lill-Istati tas-Saħel jikkooperaw mal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) sabiex din tkun tista' tmexxi investigazzjonijiet b'mod liberu b'imparzjalità totali; jistieden lill-Istati parti jwettqu l-mandati ta' arrest tas-sentenzi internazzjonali maħruġa mill-QKI kif ukoll biex jinfurzaw id-deċiżjonijiet tagħha bid-diliġenza kollha dovuta; jipproponi li n-NU għandha tappoġġa lill-Istati tas-Saħel jistabbilixxu awtoritajiet ġudizzjarji imparzjali u indipendenti kompetenti biex jiġġudikaw id-delitti internazzjonali, bħat-tribunal speċjali għas-Sjerra Leone; jinnota li l-Mawritanja hija l-uniku pajjiż tas-Saħel u wieħed mill-ftit pajjiżi Afrikani, li ma aderixxux mal-Istatut ta' Ruma tal-QKI; jinkoraġġixxiha tagħmel dan, bħala sinjal qawwi ta' rifjut tal-kultura ta' impunità; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza tal-iżvilupp ta' politika tal-UE dwar il-ġustizzja tranżitorja kif speċifikat fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

    39.

    Jistieden lill-pajjiżi kollha tar-reġjun jittrattaw malajr ir-rapporti persistenti ta' allegati arresti arbitrarji, trattament ħażin u abbużi, u saħansitra tortura, minkejja l-eżistenza ta' leġiżlazzjoni li tipprojbixxi tali prattiki; jesprimi tħassib partikolari dwar ir-rapporti ta' tortura fiċ-ċentri ta' detenzjoni u arresti arbitrarji ta' eluf ta' migranti fil-Mawritanja, u ukoll ir-rifjut tal-awtoritajiet, wara sentejn, li jikkomunikaw fejn jinsabu ċerti priġunieri kkundannati lill-familja tagħhom; jesprimi wkoll allarm għar-rapporti fiċ-Ċad ta' trattament ħażin tal-massa fid-detenzjoni, detenzjoni mingħajr proċess, u mijiet ta' żgumbramenti furzati fi N'Djamena, flimkien mal-għajbien furzat ta' priġunieri; jinnota li l-għajbien furzat hu meqjus bħala delitt tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma; jikkundanna r-rapporti ta' kundizzjonijiet estremament ħżiena ta' ċerti ħabsijiet tar-reġjun, b'mod partikolari fiċ-Ċad u fil-Mali, li ma għandhomx assistenza sanitarja bażika u jimponu tbatija kbira fuq il-ħabsin tagħhom; jistieden lill-pajjiżi tas-Saħel itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-ħabsin, u b'mod partikolari, jiggarantixxu is-sikurezza u s-sigurtà tal-gruppi l-aktar vulnerabbli bħan-nisa u t-tfal; jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, lejn il-pieni tal-mewt reċenti imposti mill-ġudikatura tal-Mali għal delitti inklużi serq, assoċjazzjoni kriminali u pussess illegali ta' armi tan-nar;

    Libertajiet ċiviċi u governanza demokratika

    40.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-obbligu ta' sigurtà fil-kunflitt attwali tal-Mali ma għandux jillimita l-objettiv ta' preminenza fir-reġjun kollu kemm hu ta' djalogu nazzjonali inklużiv, ta' governanza tajba u ta' riformi demokratiċi bħala l-mutur tal-istabilità u tas-sostenibilità politika; jikkonstata li tali kwistjonijiet ma jistgħux jinħallu mit-titjib fl-isferi tal-iżvilupp u tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lin-naħat kollha fil-Mali jkunu ta' eżempju għall-kumplament tar-reġjun fl-ilħuq ta' dawn l-għanijiet;

    41.

    Isostni l-impenn fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għal assistenza lill-awtoritajiet ta' tranżizzjoni tal-Mali biex jimplimentaw il-pjan direzzjonali lejn ir-ristabbiliment tal-ordni kostituzzjonali, tal-governanza demokratika u tal-unità nazzjonali, bħala elementi bażilari fundamentali tal-proċess ta' paċi kumplessiv; iqis li huwa essenzjali l-ħolqien ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa, ġusti u demokratiċi, fir-rispett tal-istandards internazzjonali; jisħaq fuq il-bżonn li jingħelbu l-isfidi relatati mal-arranġamenti tal-vot tal-persuni spostati fil-pajjiż u fil-kampijiet tar-rifuġjati, bil-għan li tiġi evitata aktar emarġinazzjoni politika; jappella għal azzjoni immedjata min-naħa tal-Gvern tal-Mali u tas-sħab internazzjonali tiegħu dwar din il-kwistjoni; jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim iffirmat bejn il-Gvern tal-Mali u r-ribelli Twareg li jwitti t-triq għar-ritorn tal-armata u tal-amministrazzjoni tal-Mali fit-Tramuntana, u li neħħa ostaklu ewlieni biex jiġu organizzati l-elezzjonijiet presidenzjali f'Lulju; jenfasizza l-bżonn li tiġi garantita l-parteċipazzjoni bla periklu tan-nisa fil-proċess elettorali;

    42.

    Jilqa' favorevolment ir-rikors għal missjoni ta' osservazzjoni elettorali (MOE) tal-UE fl-elezzjonijiet tal-Mali; ifakkar, madankollu, fil-ħtieġa tas-SEAE li jiżguraw segwitu adegwat għar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE u l-integrazzjoni fit-tul tagħhom fil-politika tal-UE b'mod usa'; jemmen, b'mod partikolari, li l-MOE tista' żżid valur lill-elezzjonijiet fis-Saħel permezz tal-kapaċità li timmonitorja aspetti tad-drittijiet tal-bniedem u tirrapporta lura lid-delegazzjonijiet tal-UE biex tiskatta azzjonijiet diplomatiċi xierqa, jekk neċessarju;

    43.

    Jistieden lill-Gvern tal-Mali u lill-komunità internazzjonali jisiltu tagħlimiet mit-tranżizzjoni demokratika fin-Niġer u mill-proċess kostituzzjonali tiegħu fl-2010-2011, partikolarment fir-rigward tal-konsultazzjoni estensiva mas-soċjetà ċivili u mal-partijiet interessati l-oħra, l-isforzi għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni politika tan-nisa bħala kandidati u s-sostenn tas-sħab tas-soċjetà ċivili biex isiru osservazzjoni elettorali miċ-ċittadini, edukazzjoni u attivitajiet għall-eletturi; jenfasizza l-importanza għar-reġjun tas-Saħel kollu ta' sostenn kontinwu lin-Niġer bil-għan li jikkonsolida l-fiduċja taċ-ċittadini fis-sistema demokratika, u li jkompli jibni fuq ir-rekwiżit kostituzzjonali l-ġdid biex tiżdied it-trasparenza u tiġi miġġielda l-korruzzjoni fil-ġestjoni tal-industriji estrattivi, inkluż permezz tal-pubblikazzjoni tal-kuntratti importanti tal-minjieri u l-informazzjoni kollha dwar id-dħul iġġenerat minnhom;

    44.

    Jiddispjaċih ferm dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni fis-Saħel; jesprimi tħassib partikolari dwar ir-rapporti fiċ-Ċad ta' molestja, intimidazzjoni u arrest ta' ġurnalisti, avversarji politiċi, uffiċjali tat-trade unions, rappreżentanti tal-knisja u attivisti tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem oħra; jesprimi tħassib ukoll dwar l-arrest u l-allegata vjolenza kontra dimostranti paċifiċi fil-Mawritanja, u l-allegati tentattivi biex isikktu lill-oppożizzjoni fil-Mali, inkluż permezz tal-arrest ta' ġurnalisti u ta' avversarji politiċi, u biċ-ċensura tal-mezzi tal-komunikazzjoni; jisħaq fuq l-importanza, b'rabta ma' dan, li jiġu appoġġati, fis-Saħel, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili indipendenti, inklużi l-assoċjazzjonijiet tan-nisa, u mezzi tal-komunikazzjoni liberi bħala atturi kruċjali fil-ħajja ta' soċjetà demokratika, partikolarment fi żminijiet ta' elezzjonijiet; jilqa' b'sodisfazzjon l-iżviluppi pożittivi tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni fi bnadi oħra fir-reġjun, u jinkoraġġixxi lill-UE taħdem mas-sħab lokali biex tkompli tinkoraġġixxi t-titjib; jistieden, barra minn hekk, lill-UE tinkoraġġixxi u tassisti mmappjar tas-soċjetà ċivili bħala bażi għal appoġġ aktar effikaċi; jirrakkomanda li l-UE tassisti lis-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem strateġikament kif ukoll finanzjarjament, u tniedi skambji fit-tul, inkluż permezz tad-delegazzjonijiet rilevanti tal-UE;

    45.

    Iqis li l-protezzjoni u l-promozzjoni tal-libertà tal-kelma huma essenzjali għall-iżvilupp ta' soċjetà ċivili attiva u impenjata li tista' tikkontribwixxi kif xieraq fl-iżvilupp tar-reġjun kollu; jikkundanna, b'rabta ma' dan, kwalunkwe tentattiv ta' ċensura, intimidazzjoni ta' ġurnalisti jew ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u kwalunkwe tip ta' pressjoni diretta jew indiretta eżerċitata fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni privati jew Statali;

    46.

    Jistieden lill-Istati tas-Saħel iwaqqfu l-arresti arbitrarji kollha u l-kampanji ta' intimidazzjoni kontra l-istampa u l-mezzi tal-komunikazzjoni, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jew il-membri tal-oppożizzjoni; jistieden lill-Istati tar-reġjun tas-Saħel-Saħara, inklużi l-Istati tal-Afrika ta' Fuq, jirrispettaw bis-sħiħ il-libertà tal-kelma u ta' dimostrazzjoni min-naħa ta' gruppi paċifisti; jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji jiġġudikaw l-avversarji li jinsabu l-ħabs billi jirrispettaw il-liġi fis-seħħ u fi proċess ġust; jistieden lill-Istati tas-Saħel jippromwovu sistema b'ħafna partiti u jippermettu lill-partiti politiċi, li jirrispettaw l-istat tad-dritt, joħorġu għall-elezzjonijiet mingħajr il-biża' ta' rappreżalji, u jippermettu lill-popolazzjoni tipparteċipa fl-elezzjonijiet;

    Żvilupp, għajnuna umanitarja u drittijiet tal-bniedem

    47.

    Jerġa' jafferma r-rabta inseparabbli bejn is-sigurtà tal-bniedem u l-iżvilupp fil-pajjiżi tas-Saħel, hekk kif definita fl-istrateġija tal-Unjoni Ewropea tal-2011 għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel; jenfasizza l-importanza, għas-suċċess dejjiemi tal-politiki ta' żvilupp, ta' stabilità fil-qasam tas-sigurtà, tal-ekonomija, tal-politika, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fir-reġjun tas-Saħel, ifakkar, madankollu, li sabiex tiġi stabbilita s-sigurtà fir-reġjun l-investiment f'għajnuna għall-iżvilupp huwa indispensabbli, sabiex il-popolazzjoni tikseb biżżejjed riżorsi li jippermettu stabilità akbar fiż-żona; huwa tal-fehma li b'dan il-mod jiġu evitati, fil-biċċa l-kbira, il-każijiet ta' traffikar u ta' operazzjonijiet illegali li jseħħu minħabba l-faqar estrem u n-nuqqas ta' mezzi u ta' prospettivi;

    48.

    Jikkonstata bis-serjetà dovuta l-faqar estrem u mifrux fis-Saħel kollu, b'mod partikolari fil-Mali, fin-Niġer, fiċ-Ċad u fil-Burkina Faso, iżda wkoll fil-Mawritanja; jirrikonoxxi l-impatt dannuż tal-faqar fuq il-prospetti ta' twettiq tad-drittijiet tal-bniedem; jikkonstata li l-faqar u s-sottożvilupp għandhom impatt sproporzjonat fuq in-nisa u l-bniet, u jesprimi tħassib gravi għar-rati ta' mortalità materna u infantili taħt il-ħames snin għolja fir-reġjun; jenfasizza l-konstatazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti rigward rati ta' mortalità aktar baxxi fost l-ommijiet li ngħataw edukazzjoni aħjar bħala għajta għall-mobilitazzjoni favur l-edukazzjoni universali u aċċessibbli; jindika li ż-żieda demografika mgħaġġla, ħafna drabi b'rati annwali ta' aktar minn 3 %, tagħmel pressjoni addizzjonali fuq il-kapaċità tal-gvernijiet li jipproteġu anki l-aktar drittijiet ekonomiċi u soċjali bażiċi; għalhekk huwa bżonnjuż li jissaħħaħ l-aċċess għal servizzi tas-saħħa, b'mod partikolari, dwar id-drittijiet sesswali u riproduttivi li jippermettu aċċess għal servizzi ta' ppjanar tal-familja;

    49.

    Jenfasizza l-interdipendenza tal-iżvilupp, tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-governanza tajba u tas-sigurtà fis-Saħel; itenni s-sostenn tiegħu favur approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u s-sjieda demokratika fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, imsejjes fuq l-użu tal-parteċipazzjoni u l-għarfien lokali bil-għan li jintlaħqu l-objettivi ta' żvilupp fil-post, u favur il-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti, sodi u effikaċi, li jinvolvu lill-parlamenti, lill-entitajiet ġenwinament rappreżentattivi l-oħrajn u lis-soċjetà ċivili lokali u reġjonali fil-livell kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali; ifakkar u jsostni l-impenji tal-UE għall-implimentazzjoni ta' approċċ tad-drittijiet tal-bniedem għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, kif ikkonstatat ukoll mill-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha;

    50.

    Ifakkar fil-bżonn li l-għajnuna għall-iżvilupp għall-Istati tiġi kkundizzjonata għar-rispett tad-drittijiet fundamentali min-naħa tagħhom; itenni li l-allokazzjoni effikaċi tal-fondi bħala għajnuna Ewropea għall-iżvilupp teħtieġ li l-Unjoni tkun kapaċi tikkontrolla b'mod effikaċi l-użu ta' dawn il-fondi billi tiżgura li dawn ma jitwarrbux mill-użu inizjali tagħhom; itenni l-bżonn, biex id-drittijiet tal-bniedem jiġu promossi b'mod effikaċi, li titjieb il-koerenza bejn il-politiki esterni u l-politiki interni tal-Unjoni f'konformità mal-objettivi tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp;

    51.

    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tuża fis-Saħel, skont in-neċessitajiet tal-popolazzjoni identifikati minn qabel, il-fondi kollha disponibbli għall-iżvilupp: l-istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, l-istrument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-Fond għar-reżiljenza tas-Saħel;

    52.

    Jistieden lill-Unjoni Ewropea tappoġġa l-azzjonijiet kollha meħuda mill-Istati tas-Saħel, l-NGOs u s-soċjetà ċivili biex itejbu l-aċċess għall-kura, b'mod speċjali għall-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli; jistieden lill-atturi internazzjonali jkomplu l-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, it-tuberkulożi, il-malarja u l-meninġite, li huma l-kawża ta' diversi mwiet; jenfasizza l-ħtieġa li jitfasslu u jiġu implimentati programmi tas-saħħa għat-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa, filwaqt li jitqies il-fatt li l-kriżi ekonomika dinjija xekklet il-progress fir-rigward tal-HIV/AIDS, it-tuberkolożi, il-malarja u mard ieħor; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li wħud mill-popolazzjonijiet tas-Saħel huma nomadi u ma jistgħu jaċċedu faċilment għall-kuri; jappella, f'dan ir-rigward, biex jingħata sostenn lill-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' taħriġ relatati mal-kuri;

    53.

    Jiddeplora l-fatt li t-tnaqqis tal-baġits fl-oqsma bħas-sigurtà alimentari, is-saħħa u l-edukazzjoni, li jikkostitwixxu fatturi importanti sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, jikkontribwixxu sabiex jaggravaw il-kriżijiet alimentari u umanitarji li jkun hemm fis-Saħel; jissottolinja l-fatt li l-interventi strutturali fl-agrikoltura, is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni, kif ukoll il-miżuri konkreti sabiex jinqered il-fenomenu tal-ikkapparar tal-artijiet, huma fundamentali għall-promozzjoni tat-tkabbir inklużiv u sostenibbli u sabiex jiġi evitat li l-kriżijiet alimentari fir-reġjun tas-Saħel jirrepetu ruħhom minn sena għal sena;

    54.

    Huwa tal-fehma li l-instabilità politika fir-reġjun tas-Saħel, flimkien man-nixfa kbira li qiegħda tolqot lil miljuni ta' nies, tikkostitwixxu theddida gravi għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għar-rispett għad-drittijiet umani u soċjoekonomiċi, li għandhom impatt negattiv fuq il-kundizzjonijiet ta' ħajja tal-popolazzjoni; ifakkar li l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem huma indispensabbli għall-istabilità tal-Istati, is-sigurtà u r-rispett tal-libertajiet fundamentali;

    55.

    Jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, fir-rigward tas-soċjetà ċivili, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta' sigurtà u ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem effikaċi ġewwa l-pajjiżi tas-Saħel u mal-fruntieri tagħhom, bil-għan ta' żvilupp ottimali tal-politiki ta' żvilupp u tal-politiki marbuta mal-għajnuna umanitarja;

    56.

    Jitlob lill-gvernijiet tal-pajjiżi tas-Saħel sabiex jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-kriżi, bi strateġija sostenibbli ta' żvilupp ekonomiku li tirrispondi għat-tħassib politiku, ekonomiku u soċjali taċ-ċittadini, bħall-aċċess għall-ikel, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-impjieg, l-abitazzjoni, ir-ridistribuzzjoni tal-ġid, il-kundizzjonijiet ta' ħajja deċenti, eċċ.

    57.

    Jenfasizza n-neċessità li tiġi miġġielda l-korruzzjoni biex tiżdied il-leġittimità istituzzjonali u jingħelbu l-isfidi dejjem ikbar ta' żvilupp fir-reġjun; jikkonstata li l-aċċess għal kura tas-saħħa u edukazzjoni bażiċi xxekkel bil-kbir minn diversi forom ta' korruzzjoni; jisħaq ulterjorment fuq l-importanza ta' soċjetà ċivili u mezzi tal-komunikazzjoni liberi u organizzati biex jimmonitorjaw u jirrapportaw l-abbużi;

    58.

    Jikkonstata li n-nisa jiżvolġu rwol essenzjali fl-iżvilupp fir-reġjun tas-Saħel, partikolarment fir-rigward tan-nutrizzjoni, tas-sigurtà alimentari u tal-produzzjoni tal-ikel, dan għaliex huma dawk prinċipalment responsabbli mill-agrikoltura, għalkemm jibqgħu mingħajr aċċess għall-proprjetà tal-artijiet li jikkultivaw; jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol fundamentali tan-nisa, bħala azjendi agrikoli żgħar, fis-sigurtà alimentari, u tinvesti fi programmi li jsostnuhom b'mod partikolari; jinsisti dwar il-fatt li l-istrateġija tal-UE għandha wkoll tikkonċentra fuq azzjonijiet maħsuba biex jiżguraw li dawk l-aktar vulnerabbli, speċjalment fiż-żoni rurali, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet tat-taħriġ agrikolu, mill-edukazzjoni dwar in-nutrizzjoni, mis-saħħa u mill-kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, u minn xibka ta' sigurtà fi żminijiet ta' bżonn; jenfasizza l-fatt li sabiex l-bdiewa ż-żgħar, partikolarment in-nisa, mhux biss jipproduċu b'mod sostenibbli, iżda wkoll jiżviluppaw il-kapaċità produttiva tagħhom, jeħtieġ li jkollhom aċċess akbar għall-mikrokreditu sabiex jinvestu fl-aħjar żrieragħ, fertilizzanti u mekkaniżmi ta' irrigazzjoni, kif ukoll fl-għodod li jkollhom bżonn għall-protezzjoni tal-prodotti tar-raba' kontra l-organiżmi dannużi u l-mard;

    59.

    Jenfasizza l-bżonn urġenti li tingħata għajnuna umanitarja mill-UE biex tgħin fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju; jissottolinja l-importanza tal-objettiv fir-rigward tat-titjib tas-saħħa tal-omm għat-tnaqqis tal-mortalità materna u l-kisba tal-aċċess universali għas-saħħa sesswali u riproduttiva u l-ippjanar tal-familja; jisħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni u tas-sensibilizzazzjoni fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva bħala parti integranti mill-aġenda tas-saħħa tal-mara;

    60.

    Josserva li hemm sinjali allarmanti li r-reġjun tas-Saħel kollu se jintlaqat minn kriżi serja tal-ikel u n-nutrizzjoni din is-sena u jistieden lill-Kummissjoni tiffinanzja b'mod xieraq l-għajnuna umanitarja tagħha lir-reġjun;

    61.

    Jenfasizza l-kwistjonijiet urġenti tal-karestiji, tan-nixfiet, tal-ġuħ persistenti u tal-inabilità tal-gvern nazzjonali li jipprovdi sigurtà alimentari bażika li huma katalizzaturi għal diżilluzjoni lokali; itenni l-bżonn għat-titjib tal-abilità tal-gvern nazzjonali li jipprovdi sigurtà alimentari permezz ta' żieda fil-finanzjamenti u fis-sostenn politiku għall-inizjattiva AGIR-Sahel anke bħala Approċċ Reġjonali u Komprensiv għall-indirizzar tar-raġuni fundamentali tas-sigurtà alimentari;

    62.

    Jistieden lill-Unjoni Ewropea tistabbilixxi, f'kollaborazzjoni mal-pajjiżi tas-Saħel, politiki ta' żvilupp ibbażati fuq approċċ imsejjes fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali mmirati li jtaffu l-kriżi alimentari u l-problemi ta' malnutrizzjoni u ta' karestija, tilqa' għan-nixfiet u tikkumbatti kontra d-diżastri naturali; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tuża bl-aħjar mod il-fondi allokati destinati għall-ġlieda kontra l-malnutrizzjoni (EUR 123,5 miljun fl-2012), b'mod konformi mal-politiki prijoritarji msemmija, li tkopri n-neċessitajiet tal-popolazzjoni milquta u li tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċitajiet lokali ta' dawn il-pajjiżi sabiex jiġi żgurat impatt pożittiv tal-għajnuna;

    63.

    Ifakkar li jinħtieġ impenn fit-tul għall-bini tar-reżistenza għan-nixfa fis-Saħel u b'hekk jiġu evitati kriżijiet alimentari rikorrenti u li jsir rikors għal għajnuna umanitarja enormi kull meta jseħħ episodju ġdid ta' nixfa; jenfasizza li dan l-impenn jeħtieġ sħubija sostenibbli bejn il-gvernijiet, l-istituzzjonijiet reġjonali, id-donaturi u l-istituzzjonijiet finanzjarji fuq l-inizjattiva AGIR Sahel mibdija mill-Unjoni Ewropea;

    64.

    Jikkonstata, bi tħassib partikolari, li l-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb għadu jirrappreżenta problema fir-reġjun tas-Saħel kollu; itenni li sabiex jinkiseb l-iżvilupp tar-reġjun l-attenzjoni prinċipali għandha tingħata lill-iżgurar tal-bżonnijiet bażiċi tal-popolazzjoni ta' din iż-żona; jenfasizza li parti importanti tal-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija mill-UE għandha tittratta din il-kwistjoni; jilqa' pożittivament, f'dan il-rigward, l-inizjattivi internazzjonali kollha li għandhom l-għan li jnaqqsu l-iskarsezza tal-ilma fir-reġjun tas-Saħel;

    65.

    Jenfasizza li approċċ fit-tul ibbażat fuq l-aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd huwa meħtieġ biex titjieb il-ħajja tal-abitanti tas-Saħel u jappoġġa l-iżvilupp ta' reġjun li se jkollu 150 miljun ruħ fl-2040;

    66.

    Iħeġġeġ lill-Istati u lill-atturi reġjonali tas-Saħel, flimkien man-Nazzjonijiet Uniti, jimmobilizzaw riżorsi ġodda għall-iżvilupp; jilqa' pożittivament il-konsultazzjonijiet li nbdew mill-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Saħel mal-Bank Afrikan ta' Żvilupp, u jirrakkomanda li dawn il-konsultazzjonijiet jiġu estiżi għall-Bank Dinji u għall-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali l-oħrajn sabiex jinħoloq Fond ta' Azzjoni għas-Saħel; ifaħħar din il-proposta ta' pjattaforma integrata tal-fond għar-riżorsi, bil-koordinament tal-proġetti ta' żvilupp reġjonali mal-bżonnijiet speċifiċi tal-pajjiżi tas-Saħel; jinkoraġġixxi lill-UE tadotta u tikkoordina l-istrateġija tagħha f'dan is-sens;

    67.

    Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni ġenerali tal-estrazzjoni tal-uranju fis-Saħel, b'mod partikolari fid-dawl tal-attakk mill-MUJAO fuq minjiera f'Arlit fit-Tramuntana tan-Niġer fit-23 ta' Mejju 2013; jisħaq fuq il-fatt li ksur gravi tas-sigurtà madwar il-minjieri tal-uranju tan-Niġer jista' jirriżulta diżastruż għall-popolazzjonijiet lokali u għall-istabilità reġjonali, u jitlob, għaldaqstant, li s-sigurtà tingħata l-akbar attenzjoni mill-awtoritajiet tan-Niġer u s-sħab internazzjonali tagħhom; jenfasizza barra minn hekk l-importanza li tiġi garantita s-sikurezza fl-estrazzjoni tal-uranju; jistieden barra minn hekk lill-kumpaniji tal-estrazzjoni jiżguraw li t-tħaffir għall-uranju jsir b'mod responsabbli, bil-kunsens sħiħ tal-komunitajiet lokali, u b'impatt dannuż minimu fuq il-popolazzjonijiet tal-viċinanzi u tal-ambjent tagħhom;

    68.

    Jikkonstata, bil-gravità dovuta, il-kriżijiet alimentari u nutrizzjonali u l-emerġenzi umanitarji l-oħrajn li jiġru frekwentement fir-reġjun tas-Saħel, u l-effett tagħhom fuq l-aktar drittijiet tal-bniedem fundamentali; jilqa' favorevolment l-involviment qawwi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fl-isforzi biex tiġi miġġielda l-kriżi umanitarja fis-Saħel; jissottolinja l-fatt li l-ġlieda kontra l-insigurtà alimentari hija fundamentali kemm għall-faċilitazzjoni tal-paċi kif ukoll għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem; jemmen li, għal dan il-għan, għandhom ikunu stimolati l-produzzjoni u s-sjieda lokali, kif anki għandhom jissaħħu n-netwerks ta' distribuzzjoni u l-mobilità tar-riżorsi; jikkonstata li l-għajnuna mill-Kummissjoni Ewropea, fl-2012, għall-kriżijiet alimentari u nutrizzjonali kienet tammonta għal EUR 338 miljun li 174 miljun minnhom ġew iddedikati għall-għajnuna umanitarja ta' urġenza; li d-DĠ ECHO mmobilizza EUR 172 miljun f'għajnuna umanitarja li EUR 58 miljun minnhom intużaw fil-Mali;

    69.

    Jistieden lill-Unjoni tkompli u tintensifika l-azzjoni intiża għat-tisħiħ tal-għajnuna umanitarja fis-Saħel, tiżgura koordinament strett bejn l-aġenziji internazzjonali tal-għajnuna umanitarja, is-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-gvernijiet, timmobilizza l-ammonti neċessarji tal-għaxar FEŻ (EUR 660 miljun għall-2007-2013) u tal-Alliance Globale pour l'Initiative Resilience – AGIR Sahel (EUR 172 miljun għall-2012); jilqa' b'sodisfazzjon il-baġit mogħti lil AGIR-Sahel ta' EUR 1,5 miljun fil-11-il FEŻ sabiex titjieb ir-reżiljenza tal-Istati tas-Saħel;

    70.

    Jissottolinja l-bżonn li l-pajjiżi kollha tas-Saħel jimplimentaw politiki propizji għall-infrastrutturi soċjali ta' bażi u ta' netwerk ta' bażi (sanità, netwerk ta' konsulenti mediċi, trasport, telekomunikazzjonijiet) għall-provvista korretta u effikaċi tal-għajnuna umanitarja; jistenna mill-Istati u mill-awtoritajiet lokali u reġjonali impenn ta' konsolidament u aċċessibilità ta' dawn in-netwerks;

    Sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa, tat-tfal u tal-minoranzi

    71.

    Jikkundanna bil-qawwa kollha l-iskjavitù attwali, kundizzjoni li spiss tintiret, fir-reġjun tas-Saħel, u partikolarment fil-Mawritanja, li skont rapporti tolqot lil minoranza mdaqqsa tal-popolazzjoni; jikkonstata li l-iskjavitù teżisti fi ħdan sistema ta' kasti riġida, u tippersisti minkejja l-abolizzjoni uffiċjali tal-iskjavitù min-naħa tal-pajjiż fl-1981 u l-penalizzazzjoni espliċita tagħha fl-2007; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar in-natura istituzzjonalizzata, sal-isferi tal-amministrazzjoni pubblika, ta' din il-prattika; jikkonstata ulterjorment li r-riluttanza estrema tal-Gvern tal-Mawritanja li jirrikonoxxi l-eżistenza kontinwata u mifruxa tal-iskjavitù, u li sal-lum sid wieħed biss ta' skjavi tħarrek il-Qorti u nstab ħati; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Mawritanja jagħmel unur lill-impenji u lill-obbligi ġuridiċi nazzjonali u internazzjonali tiegħu bil-għan li jtemm effettivament kull forma ta' skjavitù u jippromulga liġijiet kontra l-iskjavitù u fost ħwejjeġ oħra jipprevedi proċeduri ta' kumpens; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-awtoritajiet tal-Mawritanja jieqfu jagħmlu vessazzjonijiet u saħansitra jarrestaw lill-attivisti lokali tas-soċjetà ċivili li qegħdin iwettqu kampanja għall-eliminazzjoni tal-iskjavitù, inkluż fuq akkużi ta' apostasija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tagħha jkomplu isostnu, f'dan ir-rigward, l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tal-Mawritanja kif ukoll internazzjonali kontra l-iskjavitù, fosthom ir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (RSNU) dwar il-forom kontemporanji ta' skjavitù u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;

    72.

    Jikkonstata bi tħassib kbir li l-iskjavitù tippersisti fir-reġjun tas-Saħel kollu kemm hu, b'għadd ta' persuni f'xogħol skjavizzat fil-Mali, fin-Niġer u bnadi oħra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali responsabbli jieħdu azzjoni f'dan ir-rigward, billi jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ li tipprojbixxi u tippenalizza l-iskjavitù, b'attenzjoni partikolari lejn il-pożizzjoni u l-vulnerabilità tan-nisa u tal-bniet; jinkoraġġixxi l-iżvilupp mill-awtoritajiet ta' programmi li għandhom l-għan, fost oħrajn, li jassistu fir-riabilitazzjoni u fir-reintegrazzjoni tal-vittmi, jiġbru d-data u jorganizzaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni, peress li l-iskjavitù hija meqjusa minn bosta bħala sitwazzjoni naturali u din il-ġerarkija soċjali għandha għeruq sodi; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali jiżviluppaw strateġiji u programmi li jimmiraw għall-integrazzjoni fis-soċjetà ta' persuni li kienu skjavi billi jiżguraw mezzi ta' sussistenza u aċċess adegwat għax-xogħol;

    73.

    Jesprimi tħassib dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali tat-tfal fis-Saħel, b'mod partikolari, il-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq il-ġeneru, it-tħaddim prevalenti tat-tfal, l-allegata detenzjoni ta' minorenni fil-ħabsijiet tal-adulti fil-Mawritanja, fil-Mali u fi bnadi oħra, u r-reklutament miċ-Ċad ta' suldati tfal fl-armata regolari tal-pajjiż; jistieden lill-UE taħdem mill-qrib mal-gvernijiet tas-Saħel biex tiżgura l-qerda ta' dawn il-prattiki;

    74.

    Jesprimi tħassib kbir dwar il-provi tat-tħaddim tat-tfal fil-minjieri tad-deheb, fl-agrikoltura, fil-forestrija u f'setturi oħra tal-ekonomija tal-Mali, li, skont ir-rapporti, jinvolvu t-tfal mill-età ċkejkna ta' sitt snin; jikkonstata l-liġijiet fis-seħħ fl-Istati tas-Saħel jipprojbixxu t-tħaddim tat-tfal; jikkonstata wkoll in-natura partikolarment perikoluża tal-estrazzjoni tad-deheb; jistieden, għaldaqstant, lill-awtoritajiet tal-Mali jimplimentaw il-proposti politiċi fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Ġlieda kontra t-Tħaddim tat-Tfal (PANETEM) tagħha ta' Ġunju 2011, u jippromwovu l-edukazzjoni universali b'mod aktar attiv; jistieden lill-UE taħdem mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u ma' organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali oħrajn, biex teqred bis-sħiħ t-tħaddim tat-tfal fil-Mali; jistieden lill-Istati tas-Saħel kollha jiġġieldu kontra t-tħaddim tat-tfal u jippromwovu l-edukazzjoni;

    75.

    Jikkonstata, bi tħassib kbir, li skont l-istatistika tal-NGOs, aktar minn tliet miljun tifel u tifla taħt l-età tas-17-il sena qed jaħdmu fil-Mali; jiddeplora din is-sitwazzjoni, speċjalment billi tirriżulta f'rati ta' edukazzjoni mnaqqsa u rati ta' litteriżmu baxxi;

    76.

    Ifakkar li l-UE taderixxi mal-prinċipji tal-Proċess ta' Kimberley, timplimenta l-programmi tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT) u tagħmel sforz biex tippromwovi r-rispett tal-istandards internazzjonali bażiċi fir-rigward tal-protezzjoni soċjali, ix-xogħol u l-ambjent, kif ukoll ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji (CSR); jistieden lill-UE u lill-Istati tas-Saħel jirriflettu dwar proċess tat-traċċabilità tad-deheb fuq l-eżempju tal-proċess ta' Kimberley dwar id-djamanti; jenfasizza l-bżonn li l-kumpaniji Ewropej b'sussidjarji fil-pajjiżi tar-reġjun jaċċertaw ruħhom li dawn l-istandards bażiċi u l-linji gwida internazzjonali dwar is-CSR qegħdin jiġu rispettati; jindika li l-UE dalwaqt sejra tintroduċi l-prinċipju tar-rapportar rigward kull pajjiż individwali;

    77.

    Huwa mħasseb ħafna bir-rapporti ta' sekwestru ta' tfal għal riskatt u bejgħ fiċ-Ċad, kif ukoll f'pajjiżi oħrajn fir-reġjun; jikkonstata li t-tfal qegħdin jiġu traffikati internament u barra għal skopijiet ta' xogħol furzat, żwieġ furzat u sfruttament sesswali; jikkonstata, barra minn hekk, li f'ċerti każijiet ġew sekwestrati u mibjugħa tfal lill-aġenziji ta' adozzjoni internazzjonali;

    78.

    Jistieden lill-Istati tas-Saħel jippromwovu l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal kollha, subien u bniet, u għall-popolazzjonijiet nomadi, mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta' razza, kasti jew etnija; jistieden lill-Istati tas-Saħel jippromwovu l-politiki ta' taħriġ professjonali, l-aċċess għall-edukazzjoni għolja u l-impjieg biex iż-żgħażagħ tas-Saħel jiġu offruti prospettiva għall-futur u għalhekk jinżammu 'l bogħod mill-gruppi terroristiċi; jisħaq li l-kundizzjonijiet tat-tfal fl-iskejjel iridu jirrispettaw kriterji minimi ta' saħħa, sigurtà u dinjità u li għandhom jittieħdu provvedimenti biex jiġi żgurat li t-tfal ma jiġux ittrattati ħażin jew jiġu mġiegħla jittallbu l-karità mit-tuturi tagħhom;

    79.

    Jappella għall-istabbiliment u għall-monitoraġġ ta' politiki sanitarji u tal-edukazzjoni effikaċi għan-nies l-iktar vulnerabbli, bħan-nisa u t-tfal, biex joqorbu lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju: edukazzjoni primarja għal kulħadd, titjib tas-saħħa materna u aċċess għall-kura għal kulħadd, ġlieda kontra l-HIV/AIDS u l-marda kollu li jittieħed; jistieden lill-Unjoni Ewropea, fil-qafas tal-11-il FEŻ, tagħmel liż-żgħażagħ prijorità tal-azzjoni tagħha fis-Saħel u tiżviluppa politika ambizzjuża fil-qasam tal-edukazzjoni; ifakkar fl-importanza tal-politiki ddedikati għan-nisa kif ukoll għall-aċċess għall-impjieg;

    80.

    Jirrikonoxxi r-rwol importanti li n-nisa jiżvolġu fl-istabbilizzazzjoni u fl-iżvilupp tas-Saħel u jappella għat-tisħiħ tal-influwenza preponderanti tagħhom fil-prevenzjoni tal-kunflitti, fiż-żamma u fir-rikostruzzjoni tal-paċi, kif ukoll fl-oqsma tas-sigurtà, tal-politika u tal-iżvilupp ekonomiku; jinkoraġġixxi lill-imsieħba tal-iżvilupp jagħtu appoġġ finanzjarju favur proġetti speċifikament immirati għall-emanċipazzjoni tan-nisa fir-reġjun;

    81.

    Jikkonstata d-diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħha n-nisa u l-bniet, u dan jidher, fost oħrajn, miż-żwieġ furzat, miż-żwieġ ta' minorenni, mill-isfruttament sesswali, mil-livell baxx ta' edukazzjoni, mill-prattika mifruxa tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, inkluża l-infibulazzjoni, kif ukoll mill-prattiki tradizzjonali bħal li armel jiżżewweġ lil oħt il-mara (sororat) jew li raġel jiżżewweġ lill-armla ta' ħuh (levirat); jappella għall-implimentazzjoni, f'kooperazzjoni mal-atturi tal-iżvilupp fil-post kollha, ta' politiki intiżi li jissalvagwardaw id-drittijiet tal-bniedem u l-parità tal-ġeneru, partikolarment ir-rispett, is-salvagwardja u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa, inklużi d-drittijiet fl-isfera sesswali u riproduttiva, mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta' razza, kasta, età, twemmin reliġjuż, stat ċivili, oriġini jew kundizzjoni ta' migrant jew mhux; jenfasizza li hemm in-neċessità ta' aktar sforzi sabiex jiġi żgurat li r-riformi marbuta mal-governanza u l-istat tad-dritt iwieġbu għall-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa;

    82.

    Jistieden lill-pajjiżi tas-Saħel jadottaw liġijiet u miżuri konkreti li jipprojbixxu l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa, u jistabbilixxu penali għalihom, inkluża l-vjolenza domestika u sesswali, il-fastidju sesswali u prattiki tradizzjonali dannużi, bħall-mutilazzjonijiet ġenitali tan-nisa u ż-żwiġijiet furzati, speċjalment fil-każ ta' bniet minorenni; jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tal-vittmi u tal-għoti ta' servizzi speċifiċi, u tal-ġlieda kontra l-impunità tal-aggressuri, filwaqt li jiggarantixxu li dawn ir-reati jiġu investigati, proċessati u sanzjonati kif xieraq, u li n-nisa kollha jkollhom aċċess sħiħ għall-ġustizzja, mingħajr l-ebda tip ta' diskriminazzjoni għal raġunijiet reliġjużi u/jew ta' oriġini etnika; jenfasizza li l-vjolenza domestika mhijiex xi ħaġa privata fi ħdan il-familja, u l-iskużi għal vjolenza msejsa fuq twemmin reliġjuż jew kulturali mhumiex aċċettabbli;

    83.

    Iħeġġeġ lill-pajjiżi tas-Saħel jirrevedu l-liġijiet tagħhom dwar in-nisa u d-drittijiet dwar il-proprjetà; jenfasizza l-importanza li n-nisa jkollhom il-pussess tal-art li jaħdmu, l-istess art li fuqha jgħixu;

    84.

    Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali talloka aktar fondi biex id-drittijiet tan-nisa u l-għoti ta' setgħa lin-nisa fir-reġjun jimxu 'l quddiem; jilqa' pożittivament l-isforzi tal-Unjoni Afrikana favur id-drittijiet tan-nisa u jfakkar fl-importanza tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) għall-istabilità tar-reġjun; jistieden lill-pajjiżi tas-Saħel jintensifikaw il-kooperazzjoni bejniethom bil-għan li jniedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa flimkien mal-NGOs, is-soċjetà ċivili, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Unjoni Ewropea taħdem mal-atturi reġjonali biex jippromwovu l-edukazzjoni tal-bniet u jappoġġaw miżuri li jagħtu spinta lis-sigurtà finanzjarja u l-potenzjal tan-nisa, bħala elementi ewlenin għall-iżgurar ta' għoti ta' setgħa f'termini soċjali, politiċi u ekonomiċi lin-nisa; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, enfasi politika fuq it-titjib tal-kura tas-saħħa tan-nisa;

    85.

    Jistieden, barra minn hekk, lill-pajjiżi tas-Saħel jiżguraw li l-bniet kollha jkunu reġistrati mat-twelid u li sussegwentement ikunu iskritti fl-edukazzjoni tal-iskola primarja;

    86.

    Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Kunsill jinkoraġġixxu lil aktar pajjiżi tar-reġjun jadottaw dispożizzjonijiet espliċiti fil-leġiżlazzjonijiet tagħhom u jippromwovu l-programmi bil-għan li jiġu garantiti d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet, partikolarment, l-aċċess għas-servizzi pubbliċi, fil-qasam tal-edukazzjoni, l-aċċess għas-saħħa, id-drittijiet sesswali u riproduttivi, jiżguraw self għall-ikel, għall-art u għar-riżorsi produttivi, speċjalment fiż-żoni rurali, kif anki l-aċċess għall-kura tas-saħħa u għas-sistema ġudizzjarja, bil-għan li tiżdied l-indipendenza finanzjarja tan-nisa, jiġu megħjuna jagħmlu t-tranżizzjoni minn xogħol informali għal dak formali, il-parteċipazzjoni tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi u l-eliminazzjoni ta' kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inkluż l-eradikazzjoni taż-żwieġ furzat ta' minorenni u l-prattika barbara tal-mutilazzjoni ġenitali femminili;

    87.

    Jistieden lir-RSUE għas-Saħel u lir-RSUE għad-drittijiet tal-bniedem, rispettivament, jiżviluppaw azzjonijiet komuni għall-garanzija tad-drittijiet tan-nisa fir-reġjun b'mod aktar effikaċi, billi jiġġieldu kontra l-impunità fir-rigward tal-vjolenza msejsa fuq il-ġeneru u kontra l-forom l-oħrajn ta' vjolenza li joffendu d-dinjità tan-nisa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati sħab jagħmlu d-drittijiet tan-nisa u l-parità tal-ġeneru prijorità fil-programmi ta' għajnuna bilaterali u jfornu finanzjament sostenibbli u affidabbli għall-inizjattivi bil-għan li n-nisa jingħataw aktar setgħa u jingħata spinta lill-parità tal-ġeneru; jikkundanna b'mod partikolari l-vjolenza bħala l-ostaklu prinċipali biex in-nisa jgawdu mil-libertà soċjali u ekonomika tagħhom; jenfasizza li l-promozzjoni tal-parità bejn l-irġiel u n-nisa għandha titqies bħala kwistjoni trasversali;

    88.

    Jilqa' pożittivament l-istatus ġuridiku tar-relazzjonijiet omosesswali fil-Mali, fin-Niġer, fiċ-Ċad u fil-Burkina Faso; jiddispjaċih, madankollu, li d-diskriminazzjoni għadha preżenti fis-soċjetà; jesprimi t-tħassib gravi tiegħu dwar l-użu ta' liġijiet ta' “indiċenza pubblika” u liġijiet li jipprojbixxu l-assoċjazzjoni għal “skop immorali” fil-konfront tal-komunità LGBT fil-Mali u fir-reġjun tal-madwar; jittama li l-oppressi waqt l-irvell fil-Mali tat-Tramuntana jkunu jistgħu jerġgħu jintegraw ruħhom bla perikli fis-soċjetà tagħhom; jesprimi tħassib kbir dwar il-penalizzazzjoni kontinwa tar-relazzjonijiet LGBT fil-Mawritanja, li, għall-irġiel, nominalment tfisser il-piena tal-mewt bi tħaġġir fil-pubbliku; jikkonstata madankollu li ma hemm l-ebda episodju dokumentat li din il-piena xi darba ġiet applikata; iħeġġeġ iżda lill-Gvern tal-Mawritanja jaħdem mas-soċjetà ċivili biex issir riforma tal-leġiżlazzjoni tiegħu u jgħin biex titjieb il-ħajja taċ-ċittadini LGBT;

    89.

    Jemmen li approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għas-sitwazzjoni u għall-iżvilupp tal-poplu Twareg, li jittratta onestament l-inġustizzji storiċi, filwaqt li jżomm quddiem għajnejh il-fatt li l-poplu Twareg jgħix f'żoni flimkien ma' gruppi etniċi oħrajn ukoll, huwa essenzjali għall-paċi u għall-iżvilupp fir-reġjun tas-Saħel; japprezza l-iżviluppi fin-Niġer dwar din il-kwistjoni, iżda jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha b'popolazzjonijiet tat-Twareg konsistenti, inklużi l-pajjiżi mhux fis-Saħel bħall-Alġerija u l-Libja, jaħdmu mar-rappreżentanti tal-komunità bil-għan li jsolvu, mil-lat politiku u istituzzjonali, il-problemi tas-sottożvilupp u tal-animożità; jikkonstata, barra minn hekk, il-varjetà ta' kulturi mas-Saħel kollu; huwa tal-fehma li dawn il-popolazzjonijiet kollha għandhom ikunu jistgħu jsibu mill-ġdid il-koeżistenza paċifika; jinkoraġġixxi lill-gvernijiet tar-reġjun jinkluduhom kollha kemm huma fid-djalogi soċjali u politiċi, u fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

    Rakkomandazzjonijiet politiċi tal-UE rigward is-Saħel

    90.

    Jilqa' pożittivament il-ħatra tar-RSUE għas-Saħel, u l-element qawwi tad-drittijiet tal-bniedem fil-mandat tiegħu; jistenna li r-RSUE l-ġdid jikkoopera mill-qrib mar-RSUE għad-drittijiet tal-bniedem, mal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI, mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) u mad-difensuri u mal-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun; biex jippromwovi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali; jappella għal koordinament xieraq bejn ir-RSUE għas-Saħel mar-RSUE għall-Mediterran tan-Nofsinhar b'mod partikolari, kif ukoll mar-RSUE għall-Qarn tal-Afrika, peress li l-kriżijiet fl-Afrika għandhom implikazzjonijiet reġjonali qawwijin, għandhom tendenza li jkollhom effetti konsegwenzjali u jġorru kunsiderazzjonijiet ġeostrateġiċi; iħeġġeġ lill-UE, f'dan ir-rigward, tinvesti hija nnifisha f'koordinament effikaċi tal-isforzi kollha tal-UE fl-Afrika, speċjalment il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-isforzi ta' wara l-kunflitt u, jistieden, għalhekk, lill-VP/RGħ tiżgura tali koordinament;

    91.

    Jisħaq fuq l-importanza ta' implimentazzjoni tal-impenji tal-politika tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-linji gwida tagħha dwar it-tfal u l-kunflitt armat, il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni kontrihom, il-promozzjoni tar-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali, il-protezzjoni taċ-ċivili fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet tal-PSDK kif ukoll tal-politika ta' approċċ komprensiv tal-UE dwar l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, inkluż il-monitoraġġ u r-rappurtar ta' żviluppi f'dan ir-rigward;

    92.

    Jiddeplora l-fatt li la l-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel, adottata fil-21 ta' Marzu 2011, u lanqas il-konklużjonijiet dwarha adottati mill-Kunsill “Affarijiet Barranin” tat-23 ta' Marzu 2012 ma fihom riferiment għall-promozzjoni tal-parità tal-ġeneru, għas-sitwazzjoni tan-nisa jew għall-ħarsien ta' drittijiethom;

    93.

    Jilqa' pożittivament il-linji strateġiċi ta' azzjoni fl-Istrateġija għas-Saħel tal-UE, inklużi l-appoġġ għal governanza tajba u riżoluzzjoni interna tal-kunflitt u l-promozzjoni tagħhom; jemmen, madankollu, li l-istrateġija għadha ma tintegrax adegwatament id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, is-sostenn għad-demokrazija, il-governanza ekonomika effikaċi u l-miżuri b'saħħithom kontra l-korruzzjoni bħala elementi fundamentali għall-appoġġ tar-rabta bejn l-iżvilupp u s-sigurtà fil-qalba tagħha; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jikkollaboraw biex fil-futur qrib jirrevedu l-istrateġija, billi jinkludu proposti konkreti għal:

    a)

    l-indirizzar tas-sitwazzjoni kritika tar-rifuġjati u tal-persuni spostati internament fir-reġjun kollu,

    b)

    it-tegħlib tas-sofferenza tal-iskjavitù, tat-traffikar tal-bnedmin u ta' forom oħrajn ta' traffikar u kuntrabandu li taw prova li huma tassew ta' detriment għad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fir-reġjun,

    c)

    it-titjib tas-sitwazzjoni tan-nisa, tat-tfal u tal-minoranzi,

    d)

    id-direzzjoni b'mod effikaċi u effiċjenti tal-għajnuna, li toffri sostenn miżjud lill-gvernijiet għall-prinċipju ta' “aktar għal aktar”,

    e)

    it-tmiem tal-kultura ta' impunità, inkluż permezz ta' miżuri ta' appoġġ diġà proposti jew implimentati fil-Mali u fi bnadi oħra,

    f)

    il-protezzjoni tal-libertajiet ċivili u t-titjib tal-governanza demokratika permezz ta' proċessi elettorali inklużivi u rappreżentazzjoni kredibbli, u permezz ta' sostenn għas-soċjetà ċivili,

    g)

    il-protezzjoni tad-diversità u tal-patrimonju kulturali;

    94.

    Jirrakkomanda li l-Unjoni Ewropea tqis il-possibilità ta' sanzjonijiet immirati, permezz ta' ffriżar tal-assi, projbizzjonijiet tal-viżi jew strumenti oħrajn, lill-awturi tal-aktar ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, kemm fil-Mali kif ukoll fi bnadi oħra;

    95.

    Jilqa' pożittivament ir-rapport reċenti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni fis-Saħel; jikkonstata l-approċċ ta' “erbgħa b'erbgħa”, li għandu l-għan li jagħti spinta lill-governanza, lis-sigurtà, lir-rekwiżiti umanitarji u lill-iżvilupp, bħala parti minn strateġija integrata; jilqa' pożittivament b'mod partikolari d-dimensjoni qawwija tad-drittijiet tal-bniedem fl-istrateġija, u jistieden lill-UE tkompli s-sostenn tagħha; ifaħħar barra minn hekk l-enfasi tal-istrateġija integrata tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-bini tal-parteċipazzjoni, is-sostenn ta' governanza lokali u reġjonali, it-tisħiħ ta' koeżjoni soċjali u ta' sigurtà, l-iżvilupp ta' sistemi ta' twissija bikrija għal theddidiet futuri u, b'mod partikolari, it-tisħiħ jew il-konsolidament tal-mekkaniżmi nazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi lill-Unjoni Ewropea tinkorpora approċċ olistiku simili għall-problemi relatati mas-sostenibilità, mas-sigurtà, maż-żvilupp, mad-drittijiet tal-bniedem u mal-qasam umanitarju, f'koordinament u f'armonija man-Nazzjonijiet Uniti, b'tali mod li jirrikonoxxi n-natura fundamentalment transnazzjonali, transkonfinali u interkonnessa tal-isfidi tas-Saħel;

    96.

    Jenfasizza l-importanza kruċjali kontinwa ta' impenn dejjem ikbar min-naħa tal-UE mal-atturi reġjonali Afrikani bħall-UA, l-ECOWAS, l-Unjoni tal-Magreb Għarbi u l-istrumenti reġjonali Afrikani tad-drittijiet tal-bniedem, biex jiġi ġġenerat progress sostnut fl-inizjattivi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fis-Saħel; iħeġġeġ lill-pajjiżi ġirien bħas-Senegal, l-Alġerija u l-Marokk jagħtu kontribut ta' direzzjoni u jgħinu fil-ħolqien ta' dinamiżmu reġjonali awtentiku li se jagħti spinta lill-iżvilupp ekonomiku reġjonali u lid-drittijiet tal-bniedem; jirrikonoxxi fl-aħħar mill-aħħar li s-soluzzjonijiet dejjiema għall-problemi tas-Saħel għandhom jiġu minn dak ir-reġjun u mill-poplu proprju tiegħu; jistieden, madankollu, lill-UE tkompli bl-impenn tagħha li taħdem mas-sħab tas-Saħel u tassistihom bil-mezzi kollha xierqa għad-dispożizzjoni tagħha biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-popli f'dak ir-reġjun, u jissaħħu r-rabtiet mal-gvernijiet demokratiċi tagħhom;

    Kunsiderazzjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent u l-kampijiet ta' Tindouf

    97.

    Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport ta' April 2013 tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni li tirrigwarda s-Saħara tal-Punent u jtenni l-konstatazzjonijiet fih, li jenfasizza l-importanza kritika li jiġi indirizzat il-kunflitt tas-Saħara tal-Punent bħala parti minn strateġija usa' favur is-Saħel, u li l-fatt li l-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem għadha importanti għal kwalunkwe riżoluzzjoni tal-kunflitt; jikkonstata li l-kunflitti li għaddejjin fis-Saħel, b'mod partikolari l-preżenza ta' gruppi terroristiċi, bħall-AQIM fil-Mali tat-Tramuntana u fl-Alġerija tan-Nofsinhar, huma fatturi li jirriskjaw id-destabbilizzazzjoni tas-Saħara tal-Punent, kif ukoll tar-reġjun tal-madwar; jikkonstata, barra minn hekk, l-impatt negattiv tal-kunflitt fl-integrazzjoni reġjonali, li għandha tinvolvi lill-Marokk u lill-Alġerija, u tista' toffri opportunitajiet sinifikanti għad-demokratizzazzjoni u għall-iżvilupp ekonomiku, b'hekk jsaħħu s-sigurtà tal-bniedem fis-Saħel u fis-Saħara kollu;

    98.

    Itenni s-sostenn tiegħu għar-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Saħara tal-Punent; jappella għal rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, inklużi l-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' espressjoni u d-dritt għal dimostrazzjoni paċifika;

    99.

    Jenfasizza l-bżonn li d-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent u fil-kampijiet ta' Tindouf jiġu kkunsidrati, anki mingħajr ma tkun prevista l-ebda soluzzjoni politika definittiva jew tiġi espressa fehma dwar tali soluzzjoni; itenni, iżda, li l-awtodeterminazzjoni hija dritt tal-bniedem fundamentali, kif speċifikat mill-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u jfakkar ukoll li l-integrità territorjali hija prinċipju tad-dritt internazzjonali; ifakkar, barra minn hekk, fir-riżoluzzjoni 1754(2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li tħeġġeġ lill-partijiet jibdew negozjati in bona fede, mingħajr kundizzjonijiet preliminari, bil-għan li tinkiseb soluzzjoni politika ġusta, dejjiema u reċiprokament aċċettabbli, li tkun tipprevedi l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent; itenni dan l-appell lill-Marokk u lill-Front Polisario biex jissuktaw bin-negozjati għal soluzzjoni paċifika tal-kunflitt, u jerġa' jafferma d-drittijiet tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-awtodeterminazzjoni; jisħaq fuq l-opportunitajiet li ġejjin mir-riformi politiċi u demokratiċi meħuda fil-Marokk, filwaqt li jieħu nota tal-obbligi aktar qawwijin li huma meħtieġa minn tali riformi għar-rispett u għas-sostenn tad-drittijiet tal-bniedem partikolarment fis-Saħara tal-Punent; jibża' li d-dewmien ta' 25 sena għall-organizzazzjoni ta' referendum, jew għall-wasla ta' kwalunkwe forma oħra ta' arranġament politiku negozjat li huwa reċiprokament aċċettabbli, qiegħed iżid l-aljenazzjoni tas-Saħara tal-Punent u l-potenzjal għall-vjolenza, partikolarment fost iż-żgħażagħ; jistieden lill-Unjoni Ewropea tinvolvi ruħha aktar u tappoġġa lin-Nazzjonijiet Uniti fl-isforzi tagħhom biex jinkoraġġixxu lill-partijiet jerġgħu jiftħu n-negozjati diretti bil-għan ta' soluzzjoni paċifika u dejjiema għall-kunflitt;

    100.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, peress li s-soluzzjoni politika tal-kunflitt, ir-rikonċiljazzjoni u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent huma marbutin mill-qrib, ikunu aktar attivi fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt tas-Saħara tal-Punent, mhux biss billi jsostnu n-negozjati tan-Nazzjonijiet Uniti iżda wkoll billi jirrikorru għad-diversi strumenti ta' politika esterna (pereżempju t-tisħiħ tal-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem u s-sensibilizzazzjoni fost il-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà, b'sostenn għal riformi demokratiċi, inklużi d-deċentrament u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fir-reġjun) għall-promozzjoni tal-bini ta' fiduċja meħtieġ ferm bejn il-partijiet tal-kunflitt;

    101.

    Jesprimi tħassib kbir dwar ir-rapport reċenti tar-RSNU dwar it-tortura, li aċċerta li l-uffiċjali Marokkini żammew f'detenzjoni individwi fuq raġunijiet politiċi, imponew tortura u stupru fuq il-ħabsin tas-Saħara tal-Punent, serqu u abbandunaw id-dimostranti fid-deżert biex jintimidawhom u mmiraw deliberatament u frekwentement lis-sostenituri tal-indipendenza, anki fi djarhom; jikkonstata aktar allegazzjonijiet mifruxa ta' għajbien furzat u proċessi inġusti; jiġbed attenzjoni partikolari fuq iż-żarmar tal-kamp ta' protesta ta' Gdeim Izik f'Novembru 2010, fejn il-vjolenza konsiderevoli swiet tlettax-il-ħajja, u l-proċess sussegwenti, fi Frar 2013, ta' 25 persuna mis-Saħara tal-Punent, ħafna minnhom magħrufa bħala attivisti tad-drittijiet tal-bniedem; jikkonstata l-insistenza min-naħa tal-Marokk għall-imparzjalità tal-proċess u għas-smigħ xieraq, u l-konklużjonijiet pożittivi ta' ċerti osservaturi internazzjonali, iżda jfakkar ukoll fit-tħassib tar-RSNU dwar l-użu tal-qorti militari, l-allegazzjonijiet ta' tortura u n-nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet Marokkini li jinvestigawhom tali allegazzjonijiet; jikkonstata l-konklużjonijiet ta' ċerti NGOs u osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem dwar l-allegata politiċizzazzjoni tal-proċessi kriminali, provi lakunużi u sentenzi eċċessivi tal-każ, b'għoxrin ruħ ikkundannati bejn għoxrin sena priġunerija u għomorhom il-ħabs; jilqa' favorevolment għalhekk l-appoġġ min-naħa tal-Gvern Marokkin tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (CNDH) li ċ-ċivili fil-futur ma għandhomx jiġu proċessati minn tribunali militari; iħeġġeġ lill-Gvern Marokkin jiggarantixxi li din issir realtà; jiddispjaċih fl-istess ħin li din id-deċiżjoni mhijiex se tolqot lil dawk diġà kkundannati; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Gvern Marokkin jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha li saru fi ħdan ir-rapporti tan-NU u tas-CNDH, u jissokta bl-iżvilupp ta' kultura tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Marokkini jilliberaw immedjatament lill-priġunieri politiċi kollha tas-Saħara tal-Punent, jaħdmu mas-soċjetà ċivili u mal-atturi l-oħra biex jiggarantixxu t-trasparenza u l-imparzjalità tal-proċeduri ġudizzjarji tagħhom, u jinvestigaw u jħarrku lill-uffiċjali tas-sigurtà li, allegatament, kienu involuti f'detenzjonijiet arbitrarji, torturi u abbużi ta' poter oħrajn;

    102.

    Jikkundanna l-abbużi mid-drittijiet tal-bniedem li n-nisa tas-Saħara tal-Punent huma vittmi tagħhom fuq it-territorji okkupati mill-Marokk, li jsiru b'mod partikolari bi trattamenti vessatorji u vjolenzi sesswali, prattiki li jużaw il-forzi;

    103.

    Itenni t-tħassib dwar r-rapport tal-OHCHR tal-2006 li ħareġ f'forma mhux uffiċjali, dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-kelma, il-libertà ta' għaqda u l-libertà ta' assoċjazzjoni fis-Saħara tal-Punent; jikkonstata r-rivendikazzjoni tal-Marokk li jawtorizza dimostrazzjonijiet ta' sit-in u forom oħrajn ta' protesta; jiddispjaċih bl-ostruzzjoniżmu istituzzjonali apparenti pprattikat mill-Marokk fil-konfront tal-NGOs li jsostnu pożizzjoni favur l-indipendenza billi ġewlhom impediti r-reġistrazzjoni u r-rikonoxximent ġuridiċi tagħhom, neċessarji għad-difiża effikaċi tal-komunitajiet tagħhom; jikkundanna s-sanzjonijiet spiss ħorox għal “leżjoni tal-integrità territorjali Marokkina”, biċċa leġiżlazzjoni li tintuża, skont ir-rapporti, biex jiġu mmirati dawk il-persuni tas-Saħara tal-Punent li b'mod paċifiku jargumentaw favur l-indipendenza; ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Espert Indipendenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet kulturali li l-awtoritajiet Marokkini joħonqu ċerti aspetti tal-kultura tas-Saħara tal-Punent; itenni l-appell tal-Espert Indipendenti tan-Nazzjonijiet Uniti biex dawn il-miżuri jitneħħew u tiġi promossa d-diversità kulturali bis-sħiħ; jikkonstata pożittivament, f'dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet dwar ir-rispett tad-drittijiet kulturali li ġew inklużi fil-kostituzzjoni Marokkina l-ġdida; japprezza l-ħolqien ta' stazzjon televiżiv apposta tas-Saħara tal-Punent; jinkoraġġixxi enerġikament l-implimentazzjoni sħiħa ta' tali dispożizzjonijiet;

    104.

    Jiddispjċih ferm bil-fatt li nhar l-Erbgħa 6 ta' Marzu 2013 il-Marokk keċċa delegazzjoni ta' erba' Membri tal-Parlament Ewropew; jikkonstata li l-għan tad-delegazzjoni kien li żżur it-territorji tas-Saħara tal-Punent biex tistħarreġ dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tiltaqa' mar-rappreżentanti tal-MINURSO; jikkundanna bis-saħħa l-imġiba tal-awtoritajiet Marokkini u jitlob lir-Renju tal-Marokk jippermetti l-aċċess liberu u l-moviment liberu fis-Saħara tal-Punent lill-osservaturi indipendenti, lill-membri tal-parlamenti, lill-istampa u lill-organizzazzjonijiet umanitarji;

    105.

    Ifakkar fit-tħassib tal-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Proġetti tan-Nazzjonijiet Uniti (UNOPS) li s-Saħara tal-Punent jibqa' waħda mill-aktar żoni b'mini tal-art fid-dinja; jikkonstata li l-mini tal-art fis-Saħara tal-Punent ħallew traġikament mill-inqas 2 500 vittma mill-1975, u għadhom jheddu bosta eluf ta' nomadi tas-Saħara tal-Punent, u jirrappreżentaw ostaklu ewlieni għar-riżoluzzjoni tat-tilwima u tas-sitwazzjoni tar-rifuġjati tas-Saħara tal-Punent; ifaħħar, għaldaqstant, ix-xogħol tal-MINURSP, tal-Armata Rjali Marokkina, tal-Front Polisario, tal-Landmine Action u ta' oħrajn biex ifasslu mappa u jnaddfu ż-żoni milquta; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Front Polisario ffirma l-Appell ta' Ġinevra għall-projbizzjoni tal-mini antipersuna; jinkoraġġixxi lill-atturi kollha jagħmlu dak kollu possibbli biex jedukaw lill-popolazzjoni, jassistu lill-vittmi u jneħħu l-munizzjon li fadal kollu; jikkonstata ulterjorment li l-Marokk huwa wieħed mill-ftit pajjiżi, u wieħed minn tliet pajjiżi Afrikani biss, li ma ffirmawx it-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini; jinkoraġġixxih jagħmel dan bħala miżura għal bini ta' fiduċja u sinjal ta' impenn għall-paċi;

    106.

    Jenfasizza l-każ tan-nisa tas-Saħara tal-Punent u r-rwol importanti li dawn jiżvolġu fis-soċjetà tas-Saħara tal-Punent, partikolarment, fil-kampijiet tar-rifuġjati fejn l-illiteriżmu naqas drastikament; jenfasizza r-rwol importanti tan-nisa fl-organizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tas-Saħara tal-Punent, kif ukoll il-parteċipazzjoni għolja ta' dawn fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha, mill-kumitati lokali sal-parlament u l-gvern; jiġbed l-attenzjoni fuq ir-rwol li jiżvolġu n-nisa fis-Saħara tal-Punent fiż-żamma tal-paċi, fil-promozzjoni tad-djalogu u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fil-preservazzjoni tas-soċjetà u l-istrutturi tas-Saħara tal-Punent;

    107.

    Jesprimi tħassib dwar il-faqar u n-nuqqas tas-servizzi bażiċi fil-kampijiet tar-rifuġjati viċin Tindouf amministrati mill-Front Polisario, b'mod partikolari fir-rigward tan-nutrizzjoni, il-kura tas-saħħa u l-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb; jilqa' pożittivament l-assistenza umanitarja mogħtija mill-UE permezz tal-ECHO lill-kampijiet tar-rifuġjati kkonċernati; jistieden, madankollu, lill-atturi internazzjonali jidderieġu, jikkoordinaw u jikkonsolidaw l-għajnuna b'mod aktar effikaċi, u fejn xieraq iżidu l-ammont tal-għajnuna sabiex jiżguraw l-istabilità tas-sitwazzjoni umanitarja u jgħinu fit-titjib tal-kundizzjonijiet fil-kampijiet; itenni r-rakkomandazzjonijiet tar-RSNU dwar l-alloġġi adegwati li skont dawn għandhom jiġu ddestinati finanzjamenti internazzjonali suffiċjenti għall-forniment ta' alloġġi, jikkonstata, madankollu, il-funzjonament tas-sistemi ta' governanza fil-kampijiet, u jilqa' pożittivament il-preżenza attiva tas-soċjetà ċivili, bil-parteċipazzjoni qawwija tan-nisa fihom it-tnejn; jilqa' pożittivament ukoll l-enfasi soċjali fuq l-edukazzjoni, minkejja l-iskarsezza tar-riżorsi; jikkonstata, iżda, in-nuqqas ta' dokumentazzjoni ċara dwar in-numru eżatt ta' abitanti fil-kampijiet; jistieden lill-awtoritajiet tal-Front Polisario, bl-assistenza, fejn xieraq, tal-Alġerija, iwettqu u jaġevolaw ċensimenti perjodiċi jew reġistrazzjonijiet formali;

    108.

    Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-faqar fil-kampijiet ta' Tindouf, flimkien ma' assenza ta' prospettivi fit-tul għal ħafna rifuġjati, jagħmilhom vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni fundamentalista reliġjuża; jindika l-periklu għaż-żgħażagħ li jiġu reklutati mill-organizzazzjonijiet kriminali jew terroristiċi u jiġbed l-attenzjoni għall-konfini porużi tar-reġjun, li jirriskjaw faċilitazzjoni ta' infiltrazzjoni aktar fil-fond fil-kampijiet ta' gruppi ġiħadisti mill-Mali tat-Tramuntana jew minn bnadi oħra; jikkundanna l-ħtif ta' tliet operaturi ta' għajnuna Ewropej mill-kamp ta' Rabouni f'Ottubru 2011; jenfasizza, għalhekk, l-importanza enormi li jiġu garantiti s-sikurezza u s-sigurtà tal-kampijiet; jistieden lill-awtoritajiet Alġerini jintervjenu fuq ir-responsabilità tagħhom li jtaffu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-kampijiet ta' Tindouf; jesprimi sostenn sħiħ għall-programm tal-UNHCR immirat lejn it-trawwim tal-bini tal-fiduċja billi jiffaċilita skambji ta' familji bejn Tindouf u s-Saħara tal-Punent;

    109.

    Jikkonstata li filwaqt li ħafna mill-osservaturi internazzjonali u r-rapporti tal-OHCHR, tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, tar-Robert F. Kennedy Center for Justice and Human Rights u tal-Human Rights Watch, identifikaw ftit provi ta' ksur sistemiku u istituzzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fil-kampijiet, bosta atturi, fosthom il-Gvern Marokkin, l-NGOs Marokkini u xi ex abitanti tal-kampijiet ta' Tindouf, allegaw li l-awtoritajiet tal-Front Polisario jillimitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' moviment tal-abitanti; jikkonstata l-fatt li l-Front Polisario jiċħad bil-qawwa dawn l-akkużi u juri r-rieda tiegħu li jikkoopera mal-entitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti kompetenti għad-drittijiet tal-bniedem; jistieden għalhekk lill-Front Polisario jawtorizza lill-osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem biex jingħataw aċċess totali, regolari u mingħajr restrizzjonijiet għall-kampijiet u biex kwalunkwe allegazzjoni tiġi investigati b'mod rigoruż;

    110.

    Japprezza l-isforzi ta' titjib tad-dokumentazzjoni ta' allegati abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent, partikolarment permezz tat-twaqqif tas-CNDH, b'sedi f'Al Aaiun u f'Dakhla, kif rikonoxxut min-NU; jikkonstata l-ħidma pożittiva tas-CNDH, u jistieden lill-Gvern Marokkin jgħin fit-tisħiħ tal-indipendenza u tal-mandat tiegħu, u jiżgura l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, lis-CNDH iżid l-isforzi tiegħu biex jibni relazzjonijiet ma' dawk il-persuni tas-Saħara tal-Punent li huma ostili għad-dominju Marokkin u jiggarantixxi li jingħata segwitu adegwat għall-ilmenti; jilqa' pożittivament l-adozzjoni fl-2012 min-naħa tal-Marokk ta' tlieta mill-ħames rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent, u jistiednu jadotta t-tnejn l-oħra li fadal; jilqa' favorevolment, ukoll, l-istediniet tal-Marokk lid-delegazzjonijiet internazzjonali ad hoc, inkluż ir-RSNU dwar it-tortura, u l-fatt li tali stediniet ġew aċċettati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Marokkini jikkonċedu l-awtorizzazzjoni lill-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħra biex iwettqu missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni, bħall-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-Parlament Ewropew; iħeġġeġ lill-partijiet rilevanti kollha jkomplu dan l-impenn mal-entitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jappoġġa l-ħolqien ta' missjoni uffiċjali MINURSO-ICRC fiż-żona ta' Fadret Leguiaa, bil-għan li jitwettqu l-eżumazzjoni tal-fdalijiet u r-restituzzjoni tagħhom lill-familji, wara li l-iskwadra ta' investigazzjoni tal-Università tal-Pajjiż Bask sabet oqbra komuni;

    111.

    Jikkonstata, madankollu, l-allegazzjonijiet gravi u kkontestati kontra kemm l-amministrazzjoni Marokkina kif ukoll dik tal-Front Polisario; ifakkar ukoll fl-enfasi reċenti mogħtija mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fuq monitoraġġ indipendenti, imparzjali, komprensiv u sostnut tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kemm fis-Saħara tal-Punent kif ukoll fil-kampijiet; jikkonstata, f'dan ir-rigward, li n-Nazzjonijiet Uniti ma saħħewx il-mandat tal-MINURSO f'April 2013 biex jinkludu d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi lin-Nazzjonijiet Uniti jagħmlu dan, inkella jistabbilixxu entità ġdida, permanenti u imparzjali kompetenti għad-drittijiet tal-bniedem bl-iskop li tissorvelja u tirrapporta dwar is-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem, u tinvestiga l-ilmenti individwali; jistieden lil din l-entità tinkludi lill-parti tas-Saħara tal-Punent ikkontrollata mill-Marokk, il-kampijiet ta' Tindouf u t-territorju l-ieħor ikkontrollat mill-Front Polisario;

    112.

    Jinkoraġġixxi lill-gvernijiet tal-Marokk u tal-Alġerija jiżviluppaw u jsaħħu d-djalogu politiku tagħhom bil-għan li jtejbu d-dinamiżmu reġjonali u jevitaw it-tiħrix tat-tensjonijiet, u għall-ġid tal-komunità internazzjonali usa';

    113.

    Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lir-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem joffru lill-awtoritajiet Marokkini u lill-amministrazzjoni tal-Front Polisario programmi ta' taħriġ fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent u f'Tindouf, li jkunu jimmiraw il-pulizija u l-aġenti l-oħrajn tas-sigurtà, il-ġudikatura, l-uffiċjali tal-amministrazzjoni lokali, il-mezzi tal-komunikazzjoni u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'konsolidament fuq ir-riformi politiċi lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem imnedija mill-Marokk, u mingħajr ħsara għal soluzzjoni politika negozjata dwar il-kunflitt fis-Saħara tal-Punent iżda bil-għan li tiġi inkoraġġita dak in-negozjat;

    o

    o o

    114.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lir-RSUE għas-Saħel, lill-Istati Membri tal-UE, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Saħel, tal-Marokk, tal-Alġerija, u lill-Front Polisario, lis-Segretarju Ġenerali u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Presidenza u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, lill-Presidenza u lill-President tal-Kummissjoni tal-ECOWAS.


    (1)  ĠU L 200, 27.7.2012, p. 21.

    (2)  ĠU L 75, 19.3.2013, p. 29.

    (3)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 87.

    (4)  Testi adottati, P7_TA(2012)0503.

    (5)  Testi adottati, P7_TA(2013)0055.

    (6)  ĠU C 249 E, 30.8.2013, p. 41.


    Top