Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0268

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE (2012/2306(INI))

ĠU C 65, 19.2.2016, p. 86–96 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 65/86


P7_TA(2013)0268

Rapport annwali dwar il-politika tal-kompetizzjoni

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE (2012/2306(INI))

(2016/C 065/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 101, 102 u 107 tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2011 dwar il-linja politika dwar il-Kompetizzjoni (COM(2012)0253) u d-dokument ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SWD(2012)0141),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (2),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2008 dwar l-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti (3) (il-Komunikazzjoni Bankarja),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2008 bit-titlu ‘Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux mistħoqqa (4) (il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2009 dwar it-trattament ta’ assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità (5) (il-Komunikazzjoni dwar Assi Indeboliti),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2009 fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (6),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2008 dwar qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (7) (il-Qafas Temporanju oriġinali),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Diċembru 2010 dwar qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (8) (il-Qafas Temporanju ġdid, li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2010),

wara li kkunsidra r-rapport finali tat-2 ta’ Ottubru 2012 mill-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar ir-riforma fl-istruttura tas-settur bankarju (9),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (10),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (11),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011)” (12),

wara li kkunsidra Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil intrapriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (13),

wara li kkunsidra l-istudju ta’ Ġunju 2011, ikkummissjonat mill-Parlament, bl-isem “Għajnuna tal-Istat – Regoli dwar kriżijiet għas-settur finanzjarju u l-ekonomija reali” (14),

wara li kkunsidra l-istudju ta’ Ġunju 2012, ikkummissjonat mill-Parlament, bl-isem “Rimedju Kollettiv fl-ambitu tal-Antitrust” (15),

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni bl-isem “Konsultazzjoni pubblika: Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għal Rimedju Kollettiv” (SEC(2011)0173),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE” (COM(2012)0209),

wara li kkunsidra r-rapport speċjali N15/2011 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bl-isem “Il-proċeduri tal-Kummissjoni jassiguraw il-ġestjoni effettiva tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat?”;

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal wara l-2012 (minn hawn 'il quddiem “il-Linji Gwida ETS”) (16),

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-20 ta' Novembru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (17) (minn issa 'l quddiem “il-Ftehim Qafas”), b'mod partikolari l-paragrafi 12 (18) u 16 (19) tiegħu,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit taż-Żona tal-Euro tad-29 ta’ Ġunju 2012 (20),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Frar 2005 dwar ir-Rapport Nru XXXIII tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2003 (21), tal-4 ta’ April 2006 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2004 (22), tad-19 ta’ Ġunju 2007 dwar ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2005 (23), tal-10 ta’ Marzu 2009 dwar ir-Rapporti dwar il-Kompetizzjoni tal-2006 u l-2007 (24), tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar ir-Rapport dwar il-Kompetizzjoni 2008 (25), tal-20 ta’ Jannar 2011 dwar ir-Rapport dwar il-Kompetizzjoni 2009 (26) u tat-2 ta’ Frar 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (27),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar ir-riforma tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (28),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0143/2013),

A.

billi l-politika tal-kompetizzjoni abbażi tal-prinċipji ta’ swieq miftuħa u kundizzjonijiet indaqs fis-setturi kollha hija parti mill-kodiċi ġenetika tal-UE, kif ukoll punt ewlieni tal-ekonomija tas-suq soċjali Ewropea u għodda għas-servizz tal-konsumaturi Ewropej biex tiżgura suq intern soċjalment u ekonomikament b’saħħtu u biex tiġġieled il-prattiki abbużivi minn ċerti operaturi tekniċi;

B.

billi l-moviment ħieles tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-persuni u tal-kapital kien essenzjali għat-tkabbir Ewropew;

C.

billi l-kriżi ekonomika, finanzjarja u tad-dejn sovran bdiet fil-Ħarifa 2008 u marret għall-agħar fl-2011, u dan irriżulta f’reċessjoni fl-ekonomija tal-Unjoni Ewropea;

D.

billi l-Kummissjoni rrispondiet għall-kriżi billi, fost miżuri oħrajn, adottat regoli speċjali dwar l-Għajnuna mill-Istat u wżat il-politika tal-kompetizzjoni bħala għodda għall-ġestjoni tal-kriżi; billi din kienet, u għadha, maħsuba li tkun skema temporanja;

E.

billi l-politika tal-kompetizzjoni hija essenzjali biex twieġeb għall-kriżi u tappoġġa l-istrateġija Ewropa 2020 u s-suq uniku, kif ukoll biex timxi lejn unjoni bankarja, unjoni ekonomika u monetarja ġenwina u integrazzjoni u konverġenza aktar profondi;

F.

billi l-protezzjoniżmu jasal biss biex japprofondixxi u jtawwal il-kriżi u huwa essenzjali li jkun hemm infurzar strett tar-regoli tal-kompetizzjoni biex l-ekonomija Ewropea terġa’ taqbad it-triq it-tajba;

G.

billi r-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni għandu jservi bħala strument biex titjieb il-kompetittività ġenerali tal-Unjoni, tiġi estiża l-kompetizzjoni u tinfetaħ għal atturi ġodda, u b’hekk jitwessa’ u jkun approfondit is-suq intern, u għalhekk m’għandux ikun relatat esklussivament mal-implimentazzjoni prattika tal-politika tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni;

H.

billi l-kompetizzjoni ma toperax b’mod sodisfaċenti b’mod ugwali fl-Istati Membri kollha;

I.

billi s-setturi li fihom il-livell ta’ kompetizzjoni jkun inferjuri huma spiss dawk fejn ikun hemm prestazzjoni aktar dgħajfa f’termini ta’ output ekonomiku;

Kummenti ġenerali

1.

Jieħu nota tar-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2011, u jilqa’ l-fatt li l-istruttura tematika l-ġdida tindirizza t-temi mqajma mill-Parlament u tippermetti l-identifikazzjoni ċara tal-prijoritajiet, l-objettivi u l-azzjoni li jittieħdu;

2.

Jenfasizza li politika tal-kompetizzjoni hija punt ewlieni tal-ekonomija tas-suq soċjali Ewropew; jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-antitrust, l-għajnuna mill-Istat u l-miżuri ta’ kontroll tal-amalgamazzjonijiet biex tiġi żgurata l-effikaċja ekonomika, suq intern li jaħdem sew u progress soċjali; jenfasizza wkoll li aċċess aħjar għall-SMEs u għat-tielet settur u l-parteċipazzjoni relatata fis-suq intern jitlobu politika ta’ kompetizzjoni attiva li tneħħi l-ostakli eżistenti;

3.

Jitlob għall-konsistenza bejn il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE u l-politiki l-oħra kollha tal-UE, inkluż ir-regolazzjoni settorjali sabiex jiġi żgurat li s-suq intern tal-prodotti u s-servizzi jiffunzjona tajjeb għaċ-ċittadini, l-ambjent u n-negozji;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni biex b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, twettaq eżami dettaljat tad-distorsjonijiet fil-funzjonament tal-kompetizzjoni u l-impatt ekonomiku tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-iżbilanċi possibbli bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam, kif ukoll il-kawżi tagħhom;

5.

Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni f’sens usa’ m’għandhiex timmira li ssaħħaħ il-kumpaniji diġà stabbiliti jew il-fornituri ta’ oġġetti u servizzi, iżda għandha, minflok, ikollha bħala l-għan ewlieni tagħha l-iffaċilitar tad-dħul ta’ atturi ġodda u l-ħolqien ta’ ideat u tekniki ġodda, biex b’hekk jiġu mmassimizzati l-benefiċċji għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

6.

Jinnota li l-estensjoni tar-reġim tal-għajnuna straordinajra mill-Istat kienet deċiżjoni imposta miċ-ċirkostanzi u li din ikkontribwixxiet biex tipprevjeni aktar instabbiltà finanzjarja u ekonomika, tevita l-protezzjoniżmu u tipprovdi mekkaniżmu għar-ristrutturar tal-banek u għar-riżoluzzjoni tal-kriżi, filwaqt li dawn kollha huma partikolarment utli għall-pajjiżi tal-programm li qed jiffaċċjaw problemi serji;

7.

Huwa mħasseb, madankollu, dwar il-fatt li filwaqt li r-reġim tal-għajnuna mill-Istat għall-kriżijiet kien maħsub biex ikun soluzzjoni temporanja, jidher li ma tantx huwa temporanju; jinnota li fit-tielet rapport konsekuttiv ta’ kull sena, il-Parlament enfasizza l-ħtieġa li dawn il-miżuri temporanji jitwaqqfu malajr kemm jista’ jkun; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li f’xi każijiet l-approċċ ma rnexxiex u jinsisti li għandhom jittieħdu tagħlimiet minn interventi preċedenti, u jiġu adottati prattiki skont dan;

8.

Isostni li l-banek li jirċievu għajnuna mill-Istat għandhom jiffokaw il-mudell kummerċjali tagħhom fuq il-parti vijabbli tal-attivitajiet tagħhom, itejbu l-aċċess għas-self għall-familji u l-impriżi, jistabbilixxu limitu massimu għar-rinumerazzjoni u jnaqqsu l-impatt fuq kompetituri li ma jirċievux għajnuna u fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jħallsu t-taxxa; jinnota, f’dan ir-rigward, li hemm il-ħtieġa li jitqiesu l-proposti tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar ir-riforma tal-istruttura tas-sistema bankarja tal-UE;

9.

Jenfasizza li l-konsolidazzjoni li għaddejja fis-settur bankarju fil-fatt żiedet is-sehem fis-suq ta’ diversi istituzzjonijiet finanzjarji kbar u, għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib is-settur sabiex issaħħaħ il-kompetizzjoni fis-swieq bankarji Ewropej,

10.

Ifakkar fid-Dikjarazzjoni tas-Samit taż-Żona tal-Euro tad-29 ta’ Ġunju 2012; jaqbel li huwa imperattiv li jitkisser iċ-ċirku vizzjuż li hemm bejn il-banek u d-dejn sovran u li jiġu żviluppati l-impenji tagħhom b’mod urġenti;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni tinforza strettament ir-regoli tal-kontroll tal-antitrust u tal-amalgamazzjonijiet sabiex tikseb swieq finanzjarji rregolati aħjar, trasparenti, miftuħa u ġusti; japprezza l-investigazzjonijiet fis-suq tad-derivattivi OTC, partikolarment fir-rigward ta’ swaps tal-inadempjenza tal-kreditu (CDS), id-data u s-servizzi kummerċjali, is-servizzi ta’ pagamenti u d-distribuzzjoni ta’ informazzjoni finanzjarja lis-swieq;

12.

Jitlob lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea jaħdmu f’kooperazzjoni ma’ ġuriżdizzjonijiet oħra u jissorveljaw l-imġiba u l-impatt fuq is-suq ta’ atturi finanzjarji kbar u l-oligopolji bħall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu (CRAs), flimkien mal-episodji tal-volatilità tal-prezzijiet relatati ma’ swieq finanzjarji, u biex jagħtu l-ogħla prijorità lill-investigazzjoni tal-allegat immanuvrar tal-klassifikazzjoni tal-LIBOR, EURIBOR u TIBOR;

13.

Jemmen li l-kwistjonijiet imsemmija qabel għandhom jiġu investigati b’mod sħiħ, anki biex ikun iddeterminat jekk intużawx l-istrumenti kollha tal-UE biex jipprevjenu li dawn iseħħu; jistieden lill-Kummissjoni, minbarra dan, tinvestiga l-impatt ta’ tali distorsjonijiet fuq l-iżvilupp tal-prezzijiet f’setturi bħal kreditu ipotekarju;

L-appoġġ għat-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi u l-kompetittività

14.

Jirrikonoxxi li l-politika tal-kompetizzjoni hija għodda essenzjali għat-tkomplija tal-iżvilupp u ż-żamma tas-suq uniku u mutur prinċipali tal-produttività, l-effiċjenza u l-kompetittività globali u li din għandha rwol prinċipali biex tappoġġa s-swieq ġusti u miftuħa, finanzi pubbliċi sodi, u l-objettivi tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

15.

Jenfasizza li sabiex jissaħħaħ is-suq uniku, ikun hemm ritorn għat-tkabbir ekonomiku, sabiex is-suq Ewropew isir attraenti fuq livell globali, kif ukoll il-kisba tal-Aġenda Diġitali u l-inkoraġġiment tar-riċerka u l-innovazzjoni, kollha jeħtieġu kompetizzjoni qawwija, pluralità b'saħħitha ta’ entitajiet ekonomiċi u politika industrijali proattiva; jinnota li l-istrumenti kollha tal-kontroll tal-antitrust, tal-għajnuna mill-Istat u tal-amalgamazzjonijiet huma essenzjali biex jitjiebu r-regolamenti tas-suq, jinkuraġġixxu t-trasparenza u biex jibnu l-ekonomija mill-ġdid;

16.

Jistenna li l-Kummissjoni tinforza l-politika ta’ kompetizzjoni b’mod effikaċi u tippromwovi teknoloġiji u riżorsi li jirrispettaw l-ambjent; jemmen li l-linji gwida l-ġodda tal-ETS għandhom jikkontribwixxu biex jipprevjenu r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, jippreservaw is-sinjali tal-prezzijiet u jnaqqsu d-distorsjonijiet; jikkunsidra li l-prezz tal-ETS li fil-preżent huwa baxx ma tantx jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ teknoloġiji favur il-klima u qed idewwem it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju;

17.

Isostni l-fehma tiegħu li l-azzjonijiet pubbliċi adottati biex jipprovdu appoġġ lill-vittmi ta’ frodi estiż u ta' prattiki finanzjarji illegali bil-għan uniku li jiġu evitati danni ulterjuri u jerġgħu jiġu stabbiliti d-drittijiet tagħhom ma għandhomx jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat.

Is-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (SCEIs)

18.

Jinnota li ċ-ċittadini Ewropej iridu provvista tas-servizzi pubbliċi meħtieġa u importanti li jkunu ta’ kwalità għolja, mifruxa f’żona wiesgħa u affordabbli, filwaqt li jkun hemm żieda fil-kompetizzjoni u jiġu promossi kundizzjonijiet aktar ekwi bejn il-fornituri ta’ dawn is-servizzi, kemm jekk ikunu pubbliċi jew privati; jenfasizza li, għal dan il-għan, huwa kruċjali li titħares il-kompetizzjoni bejn l-fornituri differenti; jenfasizza li f’dan ir-rigward il-pakkett riċenti tal-SGEI jista’ jwassal għal qafas aktar sempliċi, ċar u flessibbli; jenfasizza r-responsabbiltà tal-Kummissjoni, skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-TFUE, li tiżgura li l-kumpens mogħti lis-SGEIs ikun kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE sabiex jiġi evitat li jkunu imposti servizzi li jkollhom kwalità baxxa iżda spejjeż għoljin fuq il-pubbliku; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ wisq servizzi mill-iskrutinju tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni;

19.

Jitlob lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-UE jissorveljaw is-swieq tas-servizzi farmaċewtiċi, is-servizzi tas-saħħa u dawk tal-assigurazzjoni (partikolarment għas-swieq tal-mediċini ġeneriċi u tal-mediċini innovattivi), filwaqt li jidentifikaw l-użu potenzjalment ħażin tad-drittijiet tal-privattivi u l-imġiba diskriminatorja; jinnota li għalkemm l-organizzazzjoni tas-settur tal-kura tas-saħħa u l-ħarsien soċjali primarjament jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn is-servizzi għandhom ikunu suġġetti għal kontroll sabiex ikunu ppreservati l-finanzi pubbliċi u jitħarsu l-liġi tal-kompetizzjoni u d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE;

It-titjib tal-benessri tal-konsumaturi: żviluppi settorjali

20.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li minn nofs l-2007, il-prezzijiet tal-ikel żdiedu b’mod sinifikanti, b’volatilità għolja fil-prezzijiet tal-produtturi, u jfakkar li l-prezzijiet tal-ikel għall-konsumaturi jikkontribwixxu sew għall-inflazzjoni ġenerali; jenfasizza li l-qafas il-ġdid tan-negozjar kollettiv fil-katina tal-valur għandu jiġi akkumpanjat mill-operazzjoni favur il-kompetizzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u minn pjattaforma għas-sorveljanza tal-prezzijiet tal-ikel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, sabiex jiflu sew l-kompetizzjoni fis-settur agroindustrijali f’termini ta’ appoġġ, trasparenza u evoluzzjoni tal-prezz tal-konsumatur fil-livelli kollha tal-katina tal-valur; ifakkar li l-benefiċċji għall-konsumaturi li jistgħu jinkisbu fis-settur tal-ikel jistgħu jiġu multiplikati billi jitwettqu riformi kompetittivi simili fis-setturi l-oħrajn kollha tal-ekonomija;

21.

Jenfasizza li s-servizzi ta’ interess ekonomiku (SGEIs) kif ukoll ta’ interess soċjali (SGSIs) jirrappreżentaw sehem sinifikanti mill-provvista tas-servizz totali fl-Istati Membri, u dan jimplika li jista’ jiġu akkumulati vantaġġi notevoli billi l-SGEIs u l-SGSIs isiru aktar effiċjenti; jenfasizza li minn din il-perspettiva huwa essenzjali li jiġi żgurat li r-regoli li jirregolaw l-SGEIs u l-SGSIs jagħtu prijorità lill-ħarsien tal-konsumaturi;

22.

Jenfasizza r-rwol ewlieni li għandha l-ispekulazzjoni fuq is-swieq tal-ikel billi tikkawża l-volatilità tal-prezzijiet; jistieden lill-Kummissjoni teżamina din il-kwistjoni dwar ir-Rapport dwar il-Politika ta’ Kompetizzjoni 2012 u tieħu inizjattivi sabiex tiġi indirizzata l-ispekulazzjoni fis-swieq tal-ikel;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tħares aktar mill-qrib lejn ir-rwol ta’ benefiċċju tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-kooperattivi fiż-żieda tal-benessri u s-setgħa ta’ negozjar tal-bdiewa ż-żgħar fir-rigward tal-industrija ta’ prodotti ta’ livell għoli;

24.

Jistenna b'ħerqa r-rapport tan-Network Ewropea għall-Kompetizzjoni (ECN) rigward dan is-suġġett; jieħu nota tal-fatt li ċ-ċereali u l-prodotti tal-ħalib huma l-aktar setturi investigati fil-każijiet tal-antitrust u jinkoraġġixxi l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs) biex iżidu l-inizzjattivi tagħhom f’dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni teżamina s-settur taz-zokkor Ewropew, fejn fl-2011 u l-2012 kien hemm inflazzjoni tal-prezzijiet partikolarment għolja;

25.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni għal darb’oħra biex issegwi l-implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett tas-suq intern tal-enerġija; iħeġġiġha sabiex, billi għadu ma nkisibx b’mod sħiħ suq intern uniku u kompetittiv tal-enerġija, timmoniterja attivament il-kompetizzjoni fis-swieq tal-enerġija, l-aktar kull meta l-privatizzazzjoni tal-utilitajiet pubbliċi tibda’ minn sistema ta’ swieq monopolistiċi jew oligopolistiċi privati;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa l-iżviluppi fis-suq tal-UE tas-servizzi tal-ġarr tal-merkanzija bl-ajru u s-servizzi f'ħin reali; jinnota li l-Istati Uniti topera forma ta’ duwopolju fis-suq tal-kunsinni rapidi u fil-prattika eskludiet is-suq għall-kompetituri Ewropej għal dawn l-aħħar 10 snin; jikkonkludi li aktar amalgamazzjonijiet fis-settur iħallu biss kumpanija Ewropea ewlenija waħda ta’ kunsinna rapida u loġistika biex tikkompeti, u li l-kompetizzjoniji tal-prezzijiet fis-suq intern tista’ tkun affettwata b’mod sinifikanti bi żvantaġġ għall-konsumaturi;

27.

Jenfasizza li ma jeżistu l-ebda kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji Ewropej fis-suq tal-avjazzjoni Amerikan u li jeżisti żbilanċ evidenti fis-suq tal-avjazzjoni UE/Stati Uniti anki llum peress li l-linji tal-ajru tal-merkanzija Ewropej ma għandhomx aċċess għas-suq domestiku Amerikan u jitħabtu biex jikkompetu taħt kundizzjonijiet mhux favorevoli; jenfasizza li dan l-aċċess tas-suq inugwali jgħawweġ il-kompetizzjoni u finalment jolqot l-industrija tal-loġistika Ewropea u l-klijenti tagħha;

Il-promozzjoni tal-leġittimità u l-effikaċja tal-politika tal-kompetizzjoni

28.

Jappoġġa r-rwol attiv tal-Parlament fit-tfassil tal-politika tal-kompetizzjoni, inklużi s-setgħat koleġiżlattivi; jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tkun responsabbli bis-sħiħ u għandha ssegwi r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament; għandu l-għan li jsaħħaħ id-djalogu strutturat kontinwu;

29.

Jitlob lill-Kummissjoni tkompli taġixxi imparzjalment u oġġettivament u tkun miftuħa għat-titjib fil-proċeduri tal-kompetizzjoni; jiddefendi d-drittijiet proċedurali, inkluż id-dritt tal-impriżi li jkollhom aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni qabel is-seduta ta’ smigħ;

30.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tkompli tippromwovi kultura ta’ kompetizzjoni ġusta billi tidentifika l-prinċipji ġenerali u tappoġġja l- azzjonijiet tal-kumpaniji f’dan il-qasam, b’mod partikolari billi turi interess akbar u attitudni aktar pożittiva lejn il-konformità, peress li dan ikollu effett preventiv deċiżiv li huwa fl-interess pubbliku;

31.

Jitlob lill-Kummissjoni tqis l-użu ta’ Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim u tippreżenta l-proposta li jmissha ilha li tressqet, fl-ambitu tal-proċedura leġislattiva ordinarja, li tiffaċilita l-azzjonijiet privati individwali u kollettivi għad-dannu li jsofru l-kumpaniji u l-konsumaturi bħala riżultat ta’ ksur tal-liġi tal-antitrust tal-Unjoni Ewropea; jemmen li tali proposta għandha tippromwovi l-kompetizzjoni filwaqt li ma tinkoraġġix it-tilwim bla mertu, tkopri danni minuri u mifruxa, u tiżgura konformità sħiħa mar-regoli tat-trasparenza tal-UE, u li kwalunkwe eżenzjoni f’dan il-kuntest tal-proċeduri ta’ klemenza tkun ġustifikata b’mod xieraq u speċifiku, u tiżgura l-koerenza sħiħa mal-infurzar pubbliku;

32.

Jirreferi għal darb’oħra għar-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tat-2 ta’ Frar 2012 dwar ir-Rapport Annwali fuq il-Politika ta’ Kompetizzjoni tal-UE u l-idea ta’ proposta possibbli tal-Kummissjoni dwar rimedju kollettiv;

33.

Hu favur il-kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (ECN) u mal-qrati nazzjonali bil-għan li tiġi żgurata l-effikaċja u l-koerenza tal-politiki tal-kompetizzjoni fl-UE kollha; jappoġġja l-qsim effettiv tar-responsabbiltà bejn il-membri tal-ECN, peress li xi swieq għandhom tendenza li jkollhom dimensjonijiet aktar nazzjonali minn oħrajn, minħabba l-kundizzjonijiet legali, ekonomiċi u kulturali differenti; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-ftehimiet ta’ konverġenza u l-kooperazzjoni mal-ġurisdizzjonijiet oħra, inkluż id-dispożizzjonijiet għall-iskambju tal-informazzjoni waqt l-investigazzjonijiet, fl-ambitu ta’ kundizzjonijiet xierqa.

34.

Huwa konxju tal-piż ta’ xogħol kbir u dejjem jiżdied tal-Kummissjoni fil-qasam tal-infurzar tal-kompetizzjoni u jtenni, għalhekk, li l-Kummisjoni teħtieġ aktar riżorsi, speċjalment permezz tal-allokazzjoni tar-riżorsi eżistenti, sabiex tkun aktar proattiva u aktar effikaċi biex tindirizza dan;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni trawwem kultura ta’ kompetizzjoni, kemm fl-Unjoni Ewropea u wkoll internazzjonalment;

Politika dwar il-Multi

36.

Jirrakkomanda li għandha tintuża l-proċedura ta’ saldu u, fejn ikun xieraq, ħlasijiet dissważivi u proporzjonati, filwaqt li jiġu evitati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi fejn impriżi taħt stress jiġu esklużi mis-suq;

37.

Jinnota li l-ħlasijiet m’għandhomx jipprevjenu l-kumpaniji milli jżommu d-diriġenti u l-persunal tagħhom responsabbli internament jew, fejn ikun xieraq, l-Istati Membri milli jindirizzaw il-kwistjonijiet tar-responsabbiltà kriminali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra u tirraporta dawn l-aspetti;

38.

Jinsab imħasseb dwar l-użu ta' multi ogħla minħabba li l-uniku strument jista' jkun limitat wisq, b'mod speċjali b'ħarsa lejn it-telf possibbli tal-impjiegi bħala riżultat li dawn ma jkunux jistgħu jitħallsu, u jitlob li jkun hemm żvilupp għal firxa usa' ta' strumenti aktar sofistikati, li jinkludu kwistjonijiet bħal responsabilità individwali, it-trasparenza u r-responsabilità tan-negozji, proċeduri aktar qosra, id-dritt ta’ difiża u proċess xieraq, mekkaniżmi biex tiġi żgurata operazzjoni effikaċi tal-applikazzjonijiet għall-klemenza (b'mod partikulari biex tingħeleb l-interferenza kkawżata minn proċessi ta' “discovery” fl-Istati Uniti), programmi ta' konformità tal-kumpaniji u l-iżvilupp tal-istandards Ewropej; jippreferi l-approċċ “tal-inċentiv u l-kastig”, b’pieni li jservu bħala deterrent effikaċi filwaqt li jħeġġeġ il-konformità;

39.

Jinnota għal darb’oħra li l-metodu għall-kalkolu tal-multi jinsab fi strument mhux leġiżlattiv – il-Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi 2006 – u jħeġġeġ għal darb’oħra lill-Kummissjoni biex tinkorpora bażi dettaljata għall-kalkolu tal-multi, abbażi tal-prinċipju tal-legalità, fir-Regolament (KE) Nru 1/2003, flimkien mal-prinċipji l-ġodda dwar il-multi;

40.

Itenni s-sejħa tiegħu għal rieżami ġenerali tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi tal-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu s-sitt snin ta’ esperjenza prattika; jemmen li dan ir-rieżami għandu jeżamina r-rwol tal-programmi ta’ konformità, jispeċifika l-kundizzjonijiet li skonthom il-kumpaniji prinċipali li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq kumpanija sussidjarja għandhom ikunu reponsabbli insolidum għall-ksur dwar l-antitrust min-naħa tal-kumpaniji sussidjarji tagħhom u jikkunsidra l-kwistjonijiet tal-klemenza, ir-reċidiva, il-limitu massimu tal-introjtu u l-interazzjoni bejn l-obbligazzjonijiet pubbliċi u privati;

41.

Itenni li n-numru ta’ talbiet għal tnaqqis ta’ multi minħabba inabilità ta’ ħlas żdied, partikolarment minn impriżi ta’ monoprodotti u SMEs; jafferma mill-ġdid li sistema ta’ pagamenti mdewma u/jew maqsuma tista’ titqies bħala alternattiva għat-tnaqqis fil-multa sabiex jiġi evitat li jkun hemm negozji li jfallu;

42.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qieset il-ħtiġijiet speċifiċi tal-impriżi li jipproduċu “prodott wieħed” fid-deċiżjoni tagħha (COMP/39452 tat-28/03/2012);

Kunsiderazzjonijiet speċifiċi għas-settur

43.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jagħmlu l-progress lejn it-tlestija tas-suq uniku tat-trasport, filwaqt li jiżguraw kompetizzjoni miftuħa u ġusta fis-setturi tat-trasport, tal-posta u t-turiżmu, filwaqt li jiġu rispettati l-objettivi ta' politiki l-oħrajn tal-Unjoni, bħal servizzi ta' trasport u ta' mobilità li jiffunzjonaw tajjeb, l-objettivi ta' politika fl-oqsma tas-servizzi pubbliċi, standards soċjali, is-sikurezza u l-ħarsien tal-ambjent u l-miri tal-UE dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u d-dipendenza fuq iż-żejt; jilqa' t-tħabbir tal-Att dwar is-Suq Uniku II immirat sabiex finalment jiġi stabbilit l-Ajru Uniku Ewropew u t-tkomplija tal-ftuħ tas-suq tal-ferroviji u l-istabbiliment ta' żona ferrovjarja unika Ewropea;

44.

Jemmen li l-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-politika tal-kompetizzjoni u l-politika tat-trasport sabiex ittejjeb il-kompetittività tas-settur Ewropew tat-trasport;

45.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun aktar proattiva fil-promozzjoni tal-konverġenza tar-regoli tal-kompetizzjoni f'negozjati internazzjonali, biex tiżgura ambjent ekwu bejn l-UE u pajjiżi terzi fis-settur tat-trasport;

46.

Jenfasizza l-importanza ta' żvilupp uniformi ta' żona Ewropea tat-trasport u t-tneħħija tad-diskrepanzi fl-iżvilupp bejn l-infrastrutturi u s-sistemi tat-trasport tal-Istati Membri sabiex ġenwinament jinkiseb suq uniku Ewropew u tkun żgurata l-kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-trasport;

47.

Jenfasizza l-impatt li għandhom id-differenzi fiskali fuq il-kompetizzjoni bejn il-modi ta' trasport differenti u fuq it-trasport intermodali, u jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi deskrizzjoni ġenerali tat-taxxi u tas-sistemi differenti tal-VAT għad-diversi modi ta' trasport;

48.

Jenfasizza li sabiex ikun hemm kompetizzjoni ħielsa u ġusta fil-livell Ewropew, għandhom jitneħħew l-ostakoli fiżiċi, tekniċi u regulatorji bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' netwerks interoperabbli u effikaċi trans-Ewropej;

49.

Jilqa', bħala prinċipju, l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-metodi kollha tat-trasport, iżda jenfasizza li kull metodu ta' trasport hu intrinsikament differenti u li kwalunkwe proposta tal-Kummissjoni, filwaqt li tiggarantixxi d-drittijiet eżistenti għall-passiġġieri, għandha wkoll tiżgura approċċ proporzjonali u flessibbli li jirrikonoxxi d-differenzi bejn il-modi differenti;

50.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti, fid-dawl tal-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar it-Trasport bl-Ajru, jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom filwaqt li jaħdmu biex jiżviluppaw approċċi regolatorji kompatibbli għall-kwistjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-alleanzi tal-linji tal-ajru u biex ifittxu attivament modi biex iħeġġu lill-alleanzi l-kbar jikkompetu b'mod iktar vigoruż fis-suq transatlantiku;

51.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-Ajru Uniku Ewropew bil-għan li l-ipprezzar ta' servizzi jsir aktar trasparenti, biex b'hekk ikun iffaċilitat il-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u tkun immassimizzata l-kompetittività u s-sikurezza tal-hub Ewropew, u biex ikomplu l-ħidma tagħhom favur il-promozzjoni tal-kompetittività fl-ajruporti Ewropej għall-benefiċċju kemm tal-ekonomija kif ukoll tal-passiġġieri;

52.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti deskrizzjoni ġenerali, ġustifikata permezz tal-evidenza, tal-każijiet li fihom il-linji tal-ajru għandhom vantaġġ fir-rigward ta' fornituri oħra tas-servizzi permezz ta’ kundizzjonijiet speċjali jew, kif allegat, jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom f'ċerti ajruporti, partikolarment permezz tal-impożizzjoni ta' regola ta' bagalja waħda u restrizzjonijiet oħra dwar x'inhu permess fil-bagalji li jittellgħu fil-kabini;

53.

Iqis li l-attivitajiet kummerċjali huma sors kbir ta' dħul għall-ajruporti u dawn it-tipi ta' prattiki aggressivi jistgħu jikkostitwixxu abbuż mill-pożizzjoni dominati tat-trasportatur;

54.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-monitoraġġ tal-kummerċ, l-użu u l-allokazzjoni ta' slots fl-ajruporti Ewropej sabiex tiżgura l-kompetizzjoni ġusta kif ukoll il-protezzjoni tal-konnettività reġjonali fl-Ewropa kollha;

55.

Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-miżuri li jolqtu lill-operaturi tal-ajru low-cost, sabiex tiżgura li dawn il-miżuri ma jkunux strumenti ta' kompetizzjoni mhux ġusta;

56.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fl-indirizzar tar-rieżami tal-linji gwida tal-avjazzjoni u tal-ajruporti tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat, tiżgura li ma jkun hemm ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni u tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi tal-kompetizzjoni għall-parteċipanti tas-suq kollha;

57.

Jinnota l-progress limitat li twettaq fil-liberalizzazzjoni tas-settur ferrovjarju Ewropew, u li din is-sitwazzjoni tpoġġi lill-ferroviji fi żvantaġġ fir-rigward ta' mezzi oħrajn ta' trasport, speċjalment b'kunsiderazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-kompetittività tas-settur fl-Ewropa kollha;

58.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonkludi l-implimentazzjoni taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea billi tiżgura li jkun hemm il-kundizzjonijiet xierqa għall-ftuħ tas-settur għal kompetizzjoni ħielsa u ġusta, inklużi miżuri li jiffaċilitaw li kumpaniji ferrovjarji effiċjenti u innovattivi jitħallew joperaw mingħajr restrizzjonijiet, ikun hemm separazzjoni ċara bejn is-sjieda tal-infrastruttura u l-operaturi ferrovjarji, korpi regolatorji nazzjonali b'saħħithom u l-armonizzazzjoni tal-provisti li jirregolaw il-persunal; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-metodi operattivi differenti tal-kumpaniji ferrovjarji nazzjonali fit-tħejjija għall-ftuħ tas-suq ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri u tagħmel proposti speċifiċi sabiex ittemm ir-restrizzjonijijet indiretti fuq il-kompetizzjoni li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet inkonsistenti dwar is-sigurtà, l-interoperabilità u l-awtorizzazzjoni;

59.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu l-ftuħ tas-settur tat-trasport ferrovjarju għal kompetizzjoni ġusta, kif ukoll l-iżgurar ta’ kwalità aħjar tas-servizzi, mingħajr ma jiġu pperikolati l-provvisti tas-servizz pubbliku;

60.

Jenfasizza li l-ftuħ ulterjuri tas-suq tat-trasport ta' passiġġieri bit-triq fl-UE jista' jkun aċċettabbli biss jekk ikun iggarantit ambjent ekwu bejn l-impriżi tat-trasport u meta tkun salvagwardjata l-protezzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali u l-kundizzjonijiet ta' ħidma tal-ħaddiema mobbli fl-Istati Membri kollha.

61.

Jenfasizza l-ħtieġa li tkun evitata l-kompetizzjoni inġusta fis-settur tat-trasport liberalizzat bit-triq billi jkun hemm garanziji tal-applikazzjoni xierqa tar-regoli soċjali, ta’ sikurezza u ambjentali u tingħata attenzjoni speċjali lill-ftuħ ta' dan is-suq għall-kabotaġġ u għall-prattiki ta' dumping;

62.

Jistieden lill-Kummissjoni tfassal miżuri speċifiċi b'kooperazzjoni mal-Istati Membri sabiex telimina d-differenzi konsiderevoli li jeżistu bejn l-Istati Membri f'termini ta' pieni għal ksur serju tal-liġi tal-Komunità fit-trasport bit-triq u b'hekk ittemm dan it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni;

63.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw it-tielet Direttiva Postali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina mill-qrib u tirraporta l-konsegwenzi soċjali tal-liberalizzazzjoni tas-suq postali u tal-obbligu ta' servizz universali f'dan il-qasam, inkluż il-finanzjament tas-servizz universali;

64.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex wara li tikkunsidra t-Trattat ta’ Lisbona, il-kompetenzi konsolidati l-ġodda u l-potenzjal ekonomiku tat-turiżmu għall-UE, tiffaċilita l-kooperazzjoni proattiva bejn l-impriżi tat-turiżmu u tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura l-kompetittività dinjija tad-destinazzjonijiet ta' eċċellenza tat-turiżmu tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-proċeduri tal-proposta leġiżlattiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar sabiex tiżgura kompetizzjoni adegwata u tiggarantixxi suq ħieles ċar fis-settur Ewropew tat-turiżmu;

65.

Huwa tal-fehma li l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat għandu jkollu bħala fini l-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Istrateġija UE 2020, b'mod partikolari billi jippermetti investimenti fl-ekonomija reali u jiffavorixxi konċentrazzjoni akbar ta' riżorsi fuq ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp sostennibli;

66.

Jinnota li s-suq Ewropew tal-pagamenti elettroniċi għadu frammentat, kemm ġewwa u kemm barra mill-fruntieri nazzjonali; jinkoraġġixxi l-miżuri u l-infurzar neċessarji biex ikun żgurat suq uniku tal-pagamenti aktar miftuħ, trasparenti, innovattiv u kompetittiv b'mod li jġib vantaġġi u għażla għall-konsumaturi kollha fir-rigward tal-pagamenti mobbli, l-interoperabilità, l-ispejjeż u l-portabilità; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-modi possibbli kif jinġabu impriżi ġodda fis-suq Ewropew għall-pagamenti bil-kards, bl-internet u bil-mowbajl filwaqt li jiġu protetti l-innovazzjonijiet teknoloġiċi futuri f'dan is-settur; huwa tal-fehma li jinħtieġ tisħiħ tal-viġilanza fuq it-tariffi multilaterali tal-interkambju u jilqa' l-proposti li jinsabu fl-Att dwar is-Suq Uniku II għal reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta' Pagament u għal inizjattiva leġiżlattiva dwar it-tariffi bankarji multilaterali;

67.

Japprova l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżomm l-attenzjoni fuq it-trasparenza tas-swieq finanzjarji imma huwa tal-fehma li jinħtieġ sforz addizzjonali biex tkun żgurata informazzjoni fil-ħin, affidabbli u ta' kwalità għolja l-aktar għas-swieq tad-derivattivi;

68.

Jemmen li l-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji għandha ssir f'qafas li jiżgura rispett effettiv tad-drittijiet tal-konsumaturi u li sistema ta' rikors kollettiv u oħra ta' riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim jkunu għodod indispensabbli għal dan l-iskop;

69.

Jirrimarka li hija prassi tal-Kummissjoni li tivvaluta biss l-abbuż tal-pożizzjoni ta' kumpanija fis-suq; jemmen li f’xi swieq din mhijiex biżżejjed biex tipprevjeni r-riskju ta' cartels; jitlob lill-Kummisjoni teżamina kif tivvaluta il-mod kif ikun minimizzat il-periklu ta’ cartels u tkun massimata l-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tressaq linji gwida ċari u trasparenti għall-politika tal-kompetizzjoni li jqisu dawn il-prinċipji;

70.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa' għaddejja bl-implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett tas-suq intern tal-enerġija, peress li fis-settur tal-enerġija għadu ma nkisibx kompletament suq uniku miftuħ u kompetittiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ attiv tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-enerġija, speċifikament kull meta l-privatizzazzjoni tal-utilitajiet pubbliċi toħloq swieq monopolistiċi jew oligopolistiċi;

71.

Jinnota li n-nuqqas ta' dispożizzjonijiet legali effikaċi għall-kumpens tad-dannu kkawżat mill-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jopera bi żvantaġġ għall-konsumaturi u li l-multi għal dan il-ksur jitħallsu biss għall-benefiċċju tal-baġits pubbliċi tal-Istati Membri;

72.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura poteri ta' negozjar bilanċjati bejn il-manifatturi u d-distributuri, filwaqt li tenfasizza:

l-importanza tal-ġlieda kontra l-prattiki diskriminatorji fil-qasam tad-distribuzzjoni onlajn regolati mir-Regolament ta' eżenzjoni ta' kategorija dwar ir-restrizzjonijiet vertikali (Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010) għas-salvagwardja tal-kapaċità tad-distributuri li jużaw metodi innovattivi ta' distribuzzjoni, bħalma huma l-pjattaformi onlajn, u li jilħqu għadd u varjetà akbar ta' konsumaturi;

l-importanza tan-negozjaturi fis-swieq għall-bejgħ ta' vetturi ġodda bil-mutur wara li jiskadi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 fil-31 ta' Mejju 2013; jitlob lill-Kummissjoni tinsisti fuq il-bżonn li jiġu żviluppati prinċipji ta' kondotta tajba bejn il-manifatturi u n-negozjanti fir-rigward tal-ftehimiet vertikali fis-settur tal-vetturi bil-mutur, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tal-investimenti wara t-terminazzjoni ta' kuntratt u l-possibilità ta' trasferiment ta’ negozju lejn membru ieħor tal-istess netwerk, sabiex tkun promossa t-trasparenza fir-relazzjonijiet kummerċjali u kuntrattwali bejn il-partijiet;

73.

Jilqa', f'dan il-kuntest, l-isforzi magħmulin mill-partijiet ikkonċernati fil-katina tal-provvista tal-ikel biex jaqblu mal-prinċipji tal-prattika t-tajba fir-relazzjonijiet B2B u fl-implementazzjoni tal-miżuri f'dak li għandu x'jaqsam mal-kompetizzjoni ħielsa u ġusta; jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-impenn tagħha favur il-monitoraġġ tal-implementazzjoni ta' dawn il-prinċipji, bħalma se jagħmel il-Parlament permezz tar-Roundtable annwali tiegħu dwar il-bejgħ bl-imnut;

74.

Jirrikonoxxi li l-franchising huwa formula tajba biex il-bejjiegħa bl-imnut indipendenti jissopravivu f'ambjent kompetittiv ħafna; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-iżviluppi fir-relazzjonijiet bejn il-franchisers u l-franchisees, tiżgura poteri ta’ negozjar bilanċjati bejniethom u jekk ikun adegwat tressaq proposti leġiżlattivi;

75.

Huwa tal-fehma li, flimkien mar-relazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kummissjoni għandha wkoll tistruttura aħjar il-kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u li relazzjoni bħal din għandha titqies bħala element importanti għall-monitoraġġ tar-regoli dwar il-kompetizzjoni; għal din ir-raġuni, id-djalogu bejn id-DĠ Kompetizzjoni tal-Kummissjoni u dawn l-organizzazzjonijiet għandu jitħeġġeġ u jiġi intensifikat;

76.

Jilqa' l-politika tal-għajnuna mill-Istat, li kkontribwiet għall-istabilità tas-sistema finanzjarja meta applikata għall-banek; jitlob lill-Kummissjoni twessa' l-valutazzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern biex tinkludi l-banek pubbliċi tal-investiment fit-tul, inkluż il-Bank Ewropew tal-Investiment;

77.

Jemmen li s-sjieda u l-ġestjoni tal-midja għandhom ikunu trasparenti u ma jkunux ikkonċentrati; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif ir-regoli eżistenti tal-kompetizzjoni jirrelataw mal-konċentrazzjoni kulma jmur tikber tal-midja kummerċjali fl-Istati Membri; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tapplika r-regoli dwar il-kompetizzjoni u tintervjeni fejn il-midja hija kkonċentrata wisq u fejn il-pluraliżmu tal-midja huwa fil-periklu; jappella biex ikun hemm regoli li jiżguraw li l-konflitti ta' interess ikunu indirizzati u riżolti b'mod xieraq;

78.

Jistieden lill-Kummissjoni tintegra aħjar il-politika tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-miri ta’ impjieg tal-Istrateġija UE 2020, filwaqt li jingħata lok għal appoġġ aħjar għall-SMEs, li huma dawk li joħolqu l-iktar impjiegi;

79.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel referenza speċifika għall-impatt tal-politika tal-kompetizzjoni fuq l-impjiegi u l-affarijiet soċjali f’Rapporti Annwali futuri;

80.

Jinnota li l-kompetittività fl-UE għandha tintlaħaq permezz tal-innovazzjoni u l-kontribuzzjoni ta’ ħaddiema b'ħiliet ta’ livell għoli filwaqt li ma jiddgħajjefx il-livell tal-pagi u/jew tal-pensjonijiet, billi jiġu żgurati standards soċjali għoljin fl-Istati Membri kollha tagħha u permezz tat-tisħiħ tad-domanda lokali; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jinvestu iktar fl-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u r-riċerka u l-iżvilupp;

81.

Jistieden lill-Istati Membri jsegwu politika tas-suq tax-xogħol attiva u integrattiva sabiex isaħħu l-kompetittività tal-ekonomiji fl-Unjoni Ewropea u joffru lil dawk il-persuni li qed ifittxu x-xogħol impjiegi ta’ kwalità sikuri u sostenibbli;

82.

Jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-SGEIs permezz tal-introduzzjoni ta’ miżuri għall-integrazzjoni/għar-riintegrazzjoni tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol bħala parti mis-servizzi ta’ interess partikolari għaċ-ċittadini;

83.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni minn qabel fir-rigward tal-iżviluppi futuri rigward il-ħaddiema ta’ kumpaniji li jkunu għaddejjin minn ristrutturar u privatizzazzjoni, filwaqt li tfakkar li matul il-proċess ta’ privatizzazzjoni l-komponent li jirrigwarda l-impjiegi għandu jibqa' ta’ importanza ċentrali kemm għall-gvernijiet nazzjonali kif ukoll għall-Kummissjoni;

84.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tissorvelja l-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna Statali peress li l-effetti konsekwenzjali tal-kriżi għadhom preżenti u jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu s-servizzi ta’ interess ġenerali fl-Istati Membri;

85.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tirrapporta lill-Parlament Ewropew fuq bażi annwali dwar l-iżviluppi u l-effetti tal-applikazzjoni tal-politika dwar il-kompetizzjoni.

o

o o

86.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs).


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(3)  ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8.

(4)  ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2.

(5)  ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1.

(6)  ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9.

(7)  ĠU C 16, 22.1.2009, p. 1.

(8)  ĠU C 6, 11.1.2011, p. 5.

(9)  1http://ec.europa.eu/internal_market/bank/docs/high-level_expert_group/report_en.pdf

(10)  ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4.

(11)  ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3.

(12)  ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15.

(13)  ĠU L 114, 26.4.2012, p. 8.

(14)  http://www.europarl.europa.eu/activities/committees/studies/download.do?language=en&file=42288

(15)  http://www.europarl.europa.eu/committees/en/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=74351

(16)  ĠU C 158, 5.6.2012, p. 4.

(17)  ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

(18)  “Kull Kummissarju jrid jiżgura li jkun hemm skambju regolari u dirett ta' tagħrif bejn il-Kummissarju u l-Presidenti tal-kumitat parlamentari relevanti.”

(19)  “Fi żmien tliet xhur wara l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni parlamentari, il-Kummissjoni għandha tipprovdi tagħrif bil-miktub lill-Parlament dwar l-azzjoni meħuda bħala tweġiba għal talba speċifika indirizzata lilha mir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament, inkluż f'każijiet fejn ma setgħatx tieħu azzjoni skont il-fehmiet tiegħu.”

(20)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/131359.pdf.

(21)  ĠU C 304 E, 1.12.2005, p. 114.

(22)  ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 143.

(23)  ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 105.

(24)  ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 43.

(25)  ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 16.

(26)  ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 60.

(27)  Testi adottati, P7_TA(2012)0031.

(28)  Testi adottati, P7_TA(2011)0494.


Top