EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0913

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi

/* COM/2013/0913 final */

52013DC0913

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi /* COM/2013/0913 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi

1.           Introduzzjoni

L-ibliet tal-Ewropa[1] – id-dar ta’ 70% tal-popolazzjoni tal-UE u li jiġġeneraw aktar minn 80% tal-PDG tal-Unjoni – huma mqabbdin ma’ xulxin permezz ta’ waħda mill-aqwa sistemi tat-trasport fid-dinja. Iżda l-mobilità urbana qiegħda ssir dejjem iktar diffiċli u ineffiċjenti. Il-mobilità urbana għadha tiddependi ħafna fuq l-użu ta’ karozzi privati li jaħdmu bil-fjuwil b’mod konvenzjonali. Qed isir biss progress bil-mod fil-bidla lejn modi iktar sostenibbli ta’ mobilità urbana.

Ħafna bliet Ewropej isofru minn konġestjoni kronika tat-traffiku li hija stmata li tiswa mat-80 biljun ewro fis-sena[2].

Iż-żoni urbani huma wkoll il-kawża ta’ sehem kbir, madwar 23%, tal-emissjonijiet tas-CO2 kollha mit-trasport. L-ibliet iridu jagħmlu iktar sforzi biex ibiddlu t-tendenzi tal-passat u jikkontribwixxu biex jiksbu tnaqqis ta’ 60% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra kif mitlub mill-White Paper tal-Kummissjoni “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti”[3] (minn hawn ’il quddiem “White Paper dwar it-Trasport tal-2011”). Bid-densitajiet għoljin tal-popolazzjoni tagħhom u bil-proporzjon kbir ta’ vjaġġi fuq distanza qasira tagħhom, hemm potenzjal ikbar għall-ibliet li jersqu lejn trasport b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, milli s-sistema tat-trasport b’mod ġenerali, permezz tal-iżvilupp tal-mixi, l-użu tar-roti, it-trasport pubbliku – u l-introduzzjoni bikrija fis-suq ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi.

Il-leġislazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja[4] u l-istandards dejjem iktar stretti dwar l-emissjonijiet għall-vetturi tat-toroq ifittxu li jipproteġu liċ-ċittadini minn espożizzjoni perikoluża għal sustanzi li jniġġsu l-arja u minn materja partikolata. Iżda l-ibliet fi prattikament l-Istati Membri kollha għadhom qegħdin isibuha diffiċli biex jikkonformaw mar-rekwiżiti legali.

In-numru ta’ fatalitajiet fit-toroq fl-UE jibqa’ għoli ħafna, madwar 28,000 fl-2012. Iż-żoni urbani huma responsabbli għal 38% tal-fatalitajiet fit-toroq, b’utenti vulnerabbli bħal nies mexjin partikolarment esposti. Il-progress biex jitnaqqsu l-fatalitajiet fit-triq kien taħt il-medja fiż-żoni urbani.

Stħarriġ tal-Eurobarometer[5] investiga l-attitudnijiet lejn il-mobilità urbana. Il-maġġoranza kbira taċ-ċittadini tqis il-konġestjoni, l-ispejjeż u l-impatt negattiv tal-mobilità urbana u tal-mudelli tat-trasport fuq l-ambjent u s-saħħa umana bħala problemi importanti. Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu kienu pjuttost pessimisti dwar il-prospetti għat-titjib tas-sitwazzjoni tat-traffiku fl-ibliet tagħhom.

L-istħarriġ wera wkoll li jeżistu differenzi konsiderevoli madwar l-UE. Hemm ‘differenza fil-mobilità urbana’ dejjem tikber bejn il-ftit bliet avvanzati fl-Ewropa u l-maġġoranza li għadhom lura ħafna.

L-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, inklussiv, u sostenibbli[6] enfasizzat l-importanza ta’ sistema Ewropea modernizzata u sostenibbli ta’ trasport għall-iżvilupp futur tal-Unjoni u enfasizzat il-ħtieġa li tkun indirizzata d-dimensjoni urbana tat-trasport.

Hemm bżonn ta’ bidla fil-pass.

Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ l-appoġġ lill-ibliet Ewropej biex iwieġbu għall-isfidi tal-mobilità urbana. Hemm bżonn ta’ bidla fil-pass fl-approċċ għall-mobilità urbana biex jiġi żgurat li ż-żoni urbani tal-Ewropa jiżviluppaw b’mod iktar sostenibbli u li jintlaħqu l-għanijiet tal-UE għal sistema tat-trasport Ewropea iktar kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti.

Huwa kruċjali wkoll li jingħelbu l-approċċi frammentati u li s-suq waħdieni jiġi żviluppat għal soluzzjonijiet innovattivi ta’ mobilità urbana billi jiġu indirizzati kwistjonijiet bħal standards jew speċifikazzjonijiet komuni jew xiri konġunt.

Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi kif il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-azzjonijiet tagħha dwar mobilità urbana sostenibbli f’żoni fejn hemm valur miżjud tal-UE. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni iktar deċiżiva u kkordinata aħjar.

2.           Flimkien niksbu mobilità urbana sostenibbli

It-trasformazzjoni tal-mobilità urbana teħtieġ azzjoni kkordinata mill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-awtoritajiet kompetenti fil-livelli kollha tal-gvern.

Azzjoni fil-livell tal-UE għandha tikkontribwixxi għall-isforz konġunt: Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Mobilità Urbana fl-2009[7] sab appoġġ kbir mill-Parlament Ewropew[8], mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[9], mill-Kumitat tar-Reġjuni[10] u mill-Istati Membri[11], kif ukoll mill-partijiet interessati madwar l-Unjoni. L-20 inizjattiva tal-Pjan ta’ Azzjoni ġew implimentati b’suċċess sal-2012.

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni nediet reviżjoni indipendenti[12] tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u konsultazzjoni pubblika[13] biex tesplora t-triq ’il quddiem. Il-partijiet interessati affermaw mill-ġdid il-valur miżjud tal-appoġġ fuq il-livell tal-UE u enfasizzaw li l-azzjoni tal-UE kienet partikolarment adegwata biex tiżgura dibattitu wiesa’ dwar il-mobilità urbana madwar l-Unjoni; biex tiffaċilita l-iskambju ta’ esperjenzi u l-aqwa prattiki; biex tikkatalizza r-riċerka u l-innovazzjoni; u biex tipprovdi appoġġ finanzjarju għal proġetti tat-trasport urban, b’mod partikolari fir-reġjuni l-inqas żviluppati. Huma enfasizzaw ukoll l-importanza li jaħdmu flimkien fuq temi speċifiċi bħall-ippjanar għall-mobilità urbana, l-użu ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) jew regolamenti tal-aċċess, u s-sigurtà fit-triq.

Azzjoni mifruxa mal-UE fuq il-mobilità urbana teħtieġ li tinvolvi lill-Istati Membri: L-inizjattivi tal-Kummissjoni ma jistgħux jilħqu kull belt u raħal mill-eluf li jinsabu madwar l-Ewropa, lanqas ma jistgħu jidentifikaw b’suċċess u jegħlbu l-barrieri speċifiċi għal mobilità urbana aħjar u iktar sostenibbli li tista’ teżisti f’partijiet differenti tal-Unjoni.

Biex jintużaw b’mod effettiv u wiesa’, il-kunċetti u l-għodod żviluppati fuq livell Ewropew għandhom jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull Stat Membru u mbagħad għandha ssir promozzjoni attiva tagħhom fil-livelli nazzjonali u reġjonali.

3.           Il-Pjanijiet Ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli

Qed jinbtu approċċi ġodda għall-ippjanar tal-mobilità urbana hekk kif l-awtoritajiet lokali qed jippruvaw jabbandunaw l-approċċi tas- sajlos tal-passat u jiżviluppaw strateġiji li jistgħu jistimulaw bidla għal modi iktar nodfa u iktar sostenibbli ta’ trasport, bħall-mixi, l-użu tar-roti[14], it-trasport pubbliku, u mudelli ġodda għall-użu tal-karozzi u sjieda ta’ karozzi. Ħafna bliet madwar l-UE esperimentaw b’soluzzjonijiet innovattivi għall-mobilità urbana u qasmu l-esperjenzi tagħhom permezz ta’ netwerks ta’ bliet varji.

Il-Kummissjoni ppromwoviet b’mod attiv il-kunċett ta’ ppjanar ta’ mobilità urbana sostenibbli għal bosta snin. Inizjattivi ffinanzjati mill-UE laqqgħu flimkien partijiet interessati u esperti biex janalizzaw l-approċċi preżenti, jiddiskutu oqsma problematiċi u jidentifikaw l-aqwa prattiki tal-ippjanar. Bl-appoġġ tal-Kummissjoni[15], ġew żviluppati linji gwida għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli[16], pereżempju, li jipprovdu lill-awtoritajiet lokali b’suġġerimenti konkreti dwar kif iridu jiġu implimentati strateġiji għall-mobilità urbana li jibnu fuq analiżi magħmula bir-reqqa tas-sitwazzjoni preżenti, kif ukoll bħala viżjoni ċara għall-iżvilupp sostenibbli għaż-żona urbana tagħhom.

Il-kunċett ta’ Pjan ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli jikkunsidra ż-żona urbana funzjonali u jipproponi li l-azzjoni fuq il-mobilità urbana tkun imsejsa fuq strateġija urbana u territorjali usa’. Għalhekk, dawn il-Pjanijiet għandhom jiġu żviluppati b’kooperazzjoni madwar oqsma u setturi politiċi differenti (it-transport, l-ippjanar tal-użu tal-art u tal-ispazju[17], l-ambjent, l-iżvilupp ekonomiku, il-politika soċjali, is-saħħa, is-sikurezza fit-triq, eċċ); madwar livelli differenti ta’ gvern u amministrazzjoni; kif ukoll flimkien ma’ awtoritajiet f’żoni fil-qrib – kemm urbani u rurali.

Il-Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli huma dwar it-trawwim ta’ żvilupp ibbilanċjat u integrazzjoni aħjar ta’ modi differenti ta’ mobilità urbana. Dan l-ippjanar jenfasizza li l-mobilità urbana hija primarjament dwar in-nies. Għalhekk jenfasizza l-parteċipazzjoni taċ-ċittadin u tal-partijiet interessati, kif ukoll li jrawwem bidliet fl-imġieba tal-mobilità.

Il-Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli jistgħu jgħinu lill-ibliet sabiex jagħmlu użu iktar effiċjenti u jadottaw miżuri għall-mobilità urbana b’mod kost-effettiv.

Il-kunċett ta’ Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli qabad pass mgħaġġel matul dawn l-aħħar snin u l-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-kunċett fil-futur.

Madankollu, biex jiġi żgurat li l-aqwa prattiki fl-ippjanar għal mobilità urbana jibdew jitwettqu, dan il-kunċett għandu jiġi adattat għar-rekwiżiti speċifiċi u l-prattiki tal-ippjanar eżistenti f’kull Stat Membru u mbagħad għandu jiġi promoss b’mod attiv fuq livell nazzjonali. Barra minn hekk, għandhom jiġu addottati miżuri xierqa fl-Istati Membri biex jassiguraw qafas ta’ kundizzjonijiet li jippermettu lill-awtoritajiet lokali biex jimplimentaw strateġiji lokali għal mobilità urbana b’suċċess.

Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw:

· Li jagħmlu valutazzjoni bir-reqqa tal-prestazzjoni preżenti u futura tal-mobilità urbana fit-territorju tagħhom, anke fid-dawl tal-miri politiċi ewlenin tal-UE;

· Li jiżviluppaw approċċi għall-mobilità urbana li jassiguraw azzjoni kkoordinata u li ssaħħaħ b’mod reċiproku fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

· Li jiżguraw li Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli jiġu żviluppati u implimentati fiż-żoni urbani tagħhom u li jiġu integrati fi strateġija urbana jew territorjali usa’;

· Li jirrevedu – u jemendaw fejn meħtieġ – l-għodod tekniċi, ibbażati fuq il-politika, legali, finanzjarji, u għodod oħra għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet lokali tal-ippjanar;

· Fejn meħtieġ, jadottaw miżuri biex jevitaw approċċi frammentati biex jassiguraw kontinwità u kompatibilità tal-miżuri għall-mobilità urbana biex iħarsu l-funzjonament tas-suq intern.

Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, sejra:

· Tistabbilixxi, fl-2014, Pjattaforma Ewropea għall-Mobilità Urbana biex tikkoordina l-kooperazzjoni tal-UE dwar aktar żvilupp tal-kunċett u l-għodod; tipprovdi punt uniku ta' servizz; u tespandi s-sit www.mobilityplans.eu attwali f’ċentru virtwali ta’ għarfien u kompetenzi;

· Tappoġġja lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jiżviluppaw u jimplimentaw il-Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli, inkluż permezz ta’ strumenti ta’ ffinanzjar.

4.           Koordinazzjoni ta’ intervent mis-settur pubbliku u privat

Il-kisba ta’ titjib sistematiku fis-settur tat-trasport teħtieġ sforz konġunt tal-atturi pubbliċi fil-livelli kollha tat-tmexxija, kif ukoll l-involviment tas-settur privat, fl-oqsma segwenti enfasizzati mill-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport.

Iktar azzjoni dwar il-Loġistika Urbana

Il-loġistika urbana hija essenzjali biex l-ibliet jiffunzjonaw b’suċċess u tagħmel parti sinifikanti mit-traffiku urban bħala parti mill-katini ta' provvista reġjonali, nazzjonali u internazzjonali. Hija mistennija li tikber u b'hekk iżżid iktar l-ispejjeż esterni għoljin tagħha. Madankollu, ħafna drabi l-ħtiġijiet loġistiċi jiġutraskurati fl-ippjanar u l-ġestjoni urbana.

Hemm potenzjal sinifikanti biex jitjiebu l-operazzjonijiet u s-servizzi tal-loġistiċi urbani, u l-flotot vinkolanti, bħall-vetturi li jintużaw għat-tqassim tal-posta u t-trakkijiet tal-iskart, huma xierqa ferm għall-introduzzjoni bikrija ta’ tipi ġodda ta’ vetturi u fjuwils alternattivi biex titnaqqas id-dipendenza fuq iż-żejt u l-emissjonijiet. Il-miżuri msemmija hawn taħt, flimkien ma’ inizjattivi oħrajn tal-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport (eż. Pakkett ta’ Enerġija Iktar Nadifa għat-Trasport), se jikkontribwixxu għall-mira li tintlaħaq loġistika essenzjalment ħielsa mid-CO2 fiċ-ċentri urbani ewlenin fl-Ewropa sal-2030.

L-Istati Membri u l-awtoritajiet urbani jeħtieġu li jipprovdu qafas (eż. spazji ta’ tqassim, regolament dwar l-aċċess, infurzar eċċ.), biex jiżguraw li hemm opportunità ta’ negozju għall-operaturi loġistiċi privati biex jinvestu f’teknoloġiji u soluzzjonijiet ġodda. Huma għandhom jiffaċilitaw ukoll il-kooperazzjoni bejn l-atturi, jibnu l-kapaċità meħtieġa fuq livell lokali, jistimulaw it-teħid ta’ prattika tajba, jassiguraw l-interoperabilità tas-soluzzjonijiet loġistiċi lokali bbażati fuq Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti, u jassiguraw l-integrazzjoni ma’ prijoritajiet nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li:

· Jiżguraw li l-loġistika urbana tingħata kunsiderazzjoni xierqa fl-approċċi nazzjonali tagħhom għall-mobilità urbana u fil-Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli;

· Joħolqu pjattaformi għall-kooperazzjoni, l-iskambju ta’ dejta u informazzjoni, taħriġ, eċċ., għall-atturi kollha tal-ktajjen loġistiċi urbani.

Il-Kummissjoni sejra:

· Ittejjeb it-tixrid u t-teħid tal-aqwa prattika tal-loġistika urbana (2014);

· Tħejji, mal-esperti, dokumenti ta’ gwida li jipprovdu għajnuna prattika dwar kif tista’ tittejjeb il-prestazzjoni tal-loġistika urbana, eż. billi jkunu żviluppati pjanijiet ta’ tqassim u servizz, il-loġistika tal-bliet fi skemi ta’ regolamenti ta’ aċċess eċċ. (2014-2016);

· Tiffaċilita x-xiri ta’ vetturi nodfa użati għal-loġistika urbana billi tirrevedi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Portal għal Vetturi Nodfa[18] (2015-2016).

L-approċċ propost huwa stabbilit fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "A call to action on urban logistics" (“Sejħa għal azzjoni fuq il-loġistika urbana”) li jakkumpanja dan id-dokument.

Regolamenti għal Aċċess Urban Iktar Intelliġenti u Nollijiet għall-Utenti tat-Triq

Sabiex iċ-ċentri urbani jsiru aċċessibbli kemm jista’ jkun, jeħtieġ li jsiru deċiżjonijiet dwar l-użu tal-ispazju urban. L-ispazji ta’ tagħbija u ħatt, il-lejns għall-karozzi tal-linja, il-karozzi, l-ipparkjar, il-faċilitajiet għal nies mexjin, il-lejns u l-parkeġġ għar-roti, kollha jikkompetu bejniethom għall-ispazju fit-toroq urbani[19] u l-ibliet għandhom jimmaniġġjaw din il-kompetizzjoni fid-domanda skont il-prijoritajiet u ċ-ċirkostanzi lokali. Ir-regolamenti tal-aċċess urban għall-vetturi jistgħu jgħinu biex jiġi ottimizzat l-aċċess urban, tittejjeb il-kwalità tal-arja u jsir kontribut għall-għan li sal-2050 ftit ftit jitneħħew mill-ibliet il-karozzi li jaħdmu bil-fjuwil konvenzjonali..

Bħalissa hemm diversità kbira ta’ skemi li qed jiġu implimentati madwar l-Ewropa u huwa meħtieġ fehim aħjar ta’ dawn it-tipi differenti ta’ regolamenti dwar l-aċċess, l-ispiża u l-impatti tagħhom.

Dawn ir-regoli u r-rekwiżiti differenti, u n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-konformità mal-iskemi varji, għandhom il-periklu li jifframmentaw is-suq intern u li joħolqu barrieri ġodda għall-moviment tan-nies u tal-oġġetti. Approċċ Ewropew armonizzat b’mod sħiħ mhuwiex meqjus xieraq minħabba li huwa kruċjali li d-disinn u l-implimentazzjoni ta’ dawn l-iskemi jkunu jistgħu jitfasslu skont is-sitwazzjoni speċifika f’kull żona urbana. Linji gwida mhux obbligatorji jistgħu, madanakollu, jippermettu lill-ibliet u lill-Istati Membri biex jibbenefikaw mill-esperjenzi ta’ bliet oħrajn u, fejn huwa xieraq, irawmu approċċ iktar komuni għal kwistjonijiet bħall-kategoriji tal-vetturi, is-sinjali tat-traffiku, l-għoti tal-informazzjoni, l-infurzar, l-eżenzjonijiet, u l-ipprezzar. Dan jagħmilha iktar faċli għall-utenti biex jifhmu l-iskemi u jikkonformawmagħhom, filwaqt li jħallu lill-ibliet il-flessibilità biex jaddattaw għaċ-ċirkustanzi lokali tagħhom.

Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-iskemi għandha ssegwi regoli trasparenti li jevitaw id-diskriminazzjoni ta’ utenti okkażjonali jew barranin. Approċċ iktar komuni, eż. għall-iskambju tal-informazzjoni dwar l-iskemi, jgħin fl-ippjanar tal-vjaġġi, u l-użu ta’ soluzzjonijiet tas-Sistema ta’ Trasport Intelliġenti għall-implimentazzjoni tal-iskemi jnaqqas l-ispejjeż għall-ibliet u l-utenti u jtejjeb il-konformità.

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li:

· Jmexxu reviżjoni bir-reqqa tal-effettività u l-impatti ta’ skemi ta’ regolazzjoni tal- aċċess;

· Jipprovdu qafas li jippermetti lill-awtoritajiet lokali tat-trasport biex ifasslu, jimplimentaw, u jevalwaw skemi ta’ regolamenti għall-aċċess, inkluż nollijiet għall-utenti tat-toroq urbani.

Il-Kummissjoni sejra:

· Trawwem skambju mal-Istati Membri u esperti dwar regolamenti għall-aċċess urban, inkluż il-bażijiet kunċettwali, l-implimentazzjoni prattika, l-effettività u l-impatti tagħhom;

· Tħejji, mal-imsieħba, gwida mhux obbligatorja biex tgħin lill-ibliet jimplimentaw skemi ta’ regolamenti dwar l-aċċess b’mod effettiv.

L-approċċ propost huwa stabbilit fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “A call for smarter urban vehicle access regulations” (“Sejħa għal azzjoni fuq il-loġistika urbana”) li jakkumpanja dan id-dokument.

Użu kkordinat ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti Urbani

It-teknoloġiji intelliġenti u b’mod partikolari s-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (STI) huma għodod ewlenin għall-ippjanar tal-mobilità urbana. Huma jappoġġjaw lil dawk li jfasslu l-politika fl-ilħuq tal-għanijiet tal-politika tagħhom, u fl-immaniġġjar ta’ operazzjonijiet tat-traffiku konkreti. Huma jgħinu wkoll lill-utenti finali billi jipprovduhom b’għażliet infurmati dwar il-mobilità.

B’mod aktar speċifiku, l-ITS jgħinu biex isir użu aħjar tal-infrastruttura eżistenti permezz ta’ diversi mezzi, bħas-sinjali tat-traffiku, pjanijiet tal-vjaġġi, sistemi ta’ qtugħ ta’ biljetti intelliġenti jew sistemi kooperattivi (inkluż sistemi ta’ komunikazzjoni minn vettura għal vettura u minn vettura għal infrastruttura). Huma jrawmu l-immaniġġjar ikkordinat tat-toroq u tan-netwerks tat-trasport pubbliku u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-loġistika urbana u skemi ta’ restrizzjoni tal-aċċess. Biex jiżgura iktar koerenza u interoperabilità tas-soluzzjonijiet tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti madwar l-Ewropa, il-Grupp tal-Esperti dwar l-ITS Urbani[20] żviluppa sett ta’ Linji Gwida għall-użu ta’ applikazzjonijiet ewlenin tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti Urbani[21]. L-aqwa prattika, kif ukoll il-ħtiġijiet ta’ standardizzazzjoni għas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti Urbani, ġew identifikati f’dan il-kuntest.

Jinħtieġu sforzi kkombinati biex iż-żoni urbani jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-potenzjal sħiħ ta’ soluzzjonijiet tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti, filwaqt li jiġi żgurat l-użu kost-effettiv, kontinwu u mingħajr intoppi tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti madwar l-UE.

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li:

· Jużaw il-Linji Gwida meta applikazzjonijiet ewlenin tas-STI jintużaw fil-konurbazzjonijiet tagħhom;

· Jiżviluppaw interfaċċji xierqa bejn in-netwerks tat-trasport urbani u n-netwerks tat-trasport interurbani madwarhom;

· Jistabbilixxu settijiet ta’ dejta mibnija fuq ħafna moduli interoperabbli li jiġbru l-informazzjoni kollha dwar il-mobilità urbana.

Il-Kummissjoni se:

· Tmexxi ’l quddiem ix-xogħol dwar l-issupplimentar tal-leġislazzjoni eżistenti dwar l-aċċess għad-dejta dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar;

· Tħejji speċifikazzjonijiet dwar l-Informazzjoni tat-Traffiku fil-Ħin Reali u s-Servizzi ta’ Informazzjoni Mibnija Fuq Ħafna Moduli, kif imbassar fil-qafas tad-Direttiva dwar is-STI[22];

· Tiffaċilità l-użu ta’ sistemi ta’ komunikazzjoni minn vettura għal vettura u minn vettura għal infrastruttura f’żoni urbani.

L-approċċ propost huwa stabbilit fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Mobilising Intelligent Transport Systems for EU cities” (“L-Immobilizzar ta’ Sistemi tat-Trasport Intelliġenti għall-bliet tal-UE”) li jakkumpanja lil dan id-dokument.

Sikurezza fit-Toroq Urbani

Madwar 11 000 ruħ imutu fit-traffiku tat-toroq f’żoni urbani tal-UE kull sena[23]. Il-maġġoranza tal-ħabtiet fatali jew serji tat-traffiku tat-toroq li jinvolvu utenti tat-toroq vulnerabbli jseħħu f’żoni urbani. Madwar żewġ terzi tal-fatalitajiet ta' nies mexjin jseħħu f’żoni urbani u 50% ta’ dawk li jmutu f’aċċidenti f’żoni urbani huma nies mexjin jew li jużaw ir-rota. Matul l-aħħar snin, in-numru ta’ fatalitajiet ta’ nies mexjin naqas b’39% meta mqabbel mad-49% għall-fatalitajiet tas-sewwieqa tal-karozzi.[24]

Għalhekk hemm bżonn ta’ sforzi addizzjonali biex isaħħu s-sikurezza fit-toroq u jipproteġu b’mod partikolari lill-utenti vulnerabbli minn mewta jew minn korriment gravi.

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li:

· Jiżguraw li l-Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli jqisu l-aspetti tas-sigurtà fit-toroq bħala kwistjoni orizzontali, fil-passi kollha tal-proċess tal-ippjanar u jindirizzaw b’mod xieraq kwistjonijiet bħall-użu tat-teknoloġija moderna għal aktar sikurezza fit-toroq urbani, l-infurzar tar-regoli tat-traffiku, u l-edukazzjoni dwar is-sikurezza fit-toroq;

· Jiżguraw il-ġbir xieraq ta’ dejta dwar l-indikaturi tas-sikurezza fit-toroq fl-iktar livell dettaljat possibbli u jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet lokali biex jużaw din id-dejta għall-analiżi lokali u l-ippjanar tas-sigurtà fit-toroq.

Il-Kummissjoni, sejra, matul l-2014-2015:

· Tiġbor u xxerred l-eżempji ta’ prattika tajba għall-ippjanar tas-sigurtà fit-toroq;

· Tanalizza miżuri biex tnaqqas in-numru ta’ korrimenti serji fit-traffiku tat-toroq f’żoni urbani.

L-approċċ propost huwa stabbilit f’iktar dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Targeted action on urban road safety”. (“Azzjoni mmirata dwar is-sigurtà fit-toroq urbani”).

5.           It-tisħiħ tal-appoġġ tal-UE

L-iskambju tal-esperjenzi, il-wiri tal-aqwa prattika u t-trawwim tal-koperazzjoni

Il-valur tal-iskambju tal-esperjenzi, il-wiri tal-eżempji tal-aqwa prattika, u t-trawwim tal-koperazzjoni madwar l-Unjoni mhuwiex ikkontestat. Il-Kummissjoni sejra ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għal attivitajiet relevanti fil-futur:

L-Osservatorju tal-Mobilità Urbana

Permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana tal-2009, il-Kummissjoni stabbilixxiet Osservatorju tal-Mobilità Urbana fil-forma ta’ pjattaforma virtwali – is-sit elettroniku ELTIS.[25] Dan jipprovdi punt uniku ta' servizz għal dak li għandu x’jaqsam mal-iskambju tal-għarfien u tal-esperjenza, jew mad-diskussjoni dwar il-mobilità urbana u kwistjonijiet marbuta mat-trasport.

Il-Kummissjoni hija intenzjonata li ttejjeb l-iskop tal-portal billi tiżviluppa l-portal preżenti tal-Pjanijiet ta’ Mobilità[26] f’ċentru komprensiv tal-għarfien u l-kompetenza li se jikkonsolida l-informazzjoni dwar l-ippjanar tat-trasport urban minn madwar l-UE. Il-portal tal-Pjanijiet ta’ Mobilità se jkun integrat fl-ELTIS.

Barra minn hekk, se tkun stabbilita l-Pjattaforma Ewropea dwar Pjanijiet ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli. Din il-pjattaforma se tappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tal-kunċett u tal-għodod meħtieġa biex tkun applikata b’suċċess mill-awtoritajiet tal-ippjanar lokali, billi tikkordina l-attivitajiet kollha relevanti appoġġjati mill-Kummissjoni f’dan il-qasam[27] u trawwem skambju usa’.

URBACT – Skambju ta’ prattika tajba dwar żvilupp urban sostenibbli

URBACT[28] huwa programm Ewropew ta’ skambju u tagħlim – iffinanzjat mill-Programm għall-Koperazzjoni Territorjali Ewropea – li jippromwovi l-iżvilupp urban sostenibbli. Huwa jgħin lill-ibliet biex jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw soluzzjonijiet pragmatiċi li huma ġodda u sostenibbli, u li jintegraw id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Għall-perjodu ta’ pprogrammar li jmiss, URBACT III se jkompli jappoġġja l-iskambju u l-bini tal-kapaċità bejn il-bliet Ewropej.

Dejta u statistika u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Mobilità Urbana

Ibbażata inter alia fuq ir-riżultati tal-istudju dwar " Collection of European Data and Statistics in the Field of Urban Mobility" (“Il-Ġbir tad-Dejta u l-Istatistika Ewropea fil-Qasam tal-Mobilità Urbana”)[29], il-Kummissjoni sejra tesplora kif il-kwalità u d-disponibilità tad-dejta u tal-istatistika dwar l-operazzjonijiet tas-sistemi tat-trasport urban u t-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE jistgħu jiġu mtejbin.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni sejra tkompli tappoġġja l-iżvilupp tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Mobilità Urbana (Urban Mobility Scoreboard), billi tidentifika indikaturi armonizzati biex tagħmel valur referenzjarju u tqabbel il-progress ta’ żoni urbani madwar l-UE[30]. Il-Kummissjoni sejra tibni fuq il-ħidma mwettqa fi proġetti bħal EcoMobility Shift[31] u Conduits[32].

Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Mobilità Urbana

Il-Kummissjoni sejra tistabbilixxi Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Mobilità Urbana u t-Trasport biex trawwem skambju dwar kif il-politiki nazzjonali u tal-UE dwar il-mobilità urbana u t-trasport jistgħu jissaħħu u jiġu kkordinati aħjar;

Bi qbil mal-Istati Membri, jistgħu jiġu stabbiliti Gruppi ta’ Ħidma biex jiddiskutu kwistjonijiet speċifiċi bħar-regolamenti dwar l-aċċess urban, il-loġistika urbana, l-ITS, jew it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Mobilità Urbana f’iktar dettall.

L-iffukar tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jingħataw soluzzjonijiet għall-isfidi tal-mobilità urbana

Primarjament permezz tal-Programmi Qafas għar-Riċerka tagħha, l-Unjoni Ewropea pprovdiet appoġġ għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni relatati mat-trasport urban għal ħafna snin. Dan l-appoġġ għamel kontribuzzjoni importanti biex teknoloġiji u kunċetti tal-mobilità ġodda jitwasslu għall-istadju tal-użu.

Sa mit-tnedija tagħha 10 snin ilu, l-Inizjattiva CIVITAS saret l-mutur tal-innovazzjoni urbana u wasslet biex l-ibliet Ewropej ikollhom rwol ewlieni fil-proċess ta' innovazzjoni. Ġew implimentati madwar 700 attività ta' dimostrazzjoni f'iktar minn 60 belt Ewropea li għaddew minn evalwazzjoni tal-impatt u proċess riguruż. Illum, in-netwerk ta' bliet CIVITAS fih 200 belt membru u jkopri prattikament l-Istati Membri kollha. CIVITAS sar marka kummerċjali għat-tibdil fil-paradigmi urbani tal-mobilità u t-trasport iżda wkoll għall-isħubija Ewropea.

CIVITAS 2020

Il-Kummissjoni beħsiebha tniedi Inizjattiva CIVITAS 2020 taħt Orizzont 2020, il-programm ta' qafas tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-2014-2020[33]. B'mod partikolari, il-programm ta' ħidma Orizzont 2020 għall-2014 u l-2015 se jixpruna l-politiki u t-teknoloġiji meħtieġa għal mixja lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fir-riżorsi.

CIVITAS se tkompli tappoġġja s-sħubiji lokali fl-implimentazzjoni u l-ittestjar ta’ approċċi ġodda f’kundizzjonijiet tal-ħajja reali fuq kwistjonijiet bħal: kif tkun indirizzata l-konġestjoni tat-toroq urbani, it-tnaqqis tal-użu ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwil konvenzjonali f’żoni urbani, it-tnaqqis tal-impatti u l-ispejjeż tal-merkanzija urbana, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali biex jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ mobilità urbana sostenibbli.

Fl-2012, tnediet inizjattiva oħra strateġika fil-politika tal-innovazzjoni Ewropea "Bliet u Komunitajiet Intelliġenti - Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni" [34]. L-għan tagħha huwa li tħaffef l-użu fuq firxa wiesgħa tal-innovazzjonijiet fejn il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-użu tal-enerġija, il-mobilità u t-trasport; kif ukoll l-ICT huma relatati mill-qrib. Din l-inizjattiva tikkontribwixxi għall-miri tal-UE għal azzjoni fuq il-klima billi ttejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, iżżid l-użu tal-enerġija rinovabbli, u tnaqqas il-konsum tal-enerġija, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-kwalità ħażina tal-arja u l-konġestjoni.

Bliet u Komunitajiet Intelliġenti – Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni

Is-Sħubija għandha l-għan li tegħleb il-fatturi li jxekklu l-użu fuq skala wiesgħa tas- soluzzjonijiet tal-ibliet intelliġenti. Is-Sħubija se tagħti attenzjoni sinifikanti lill-‘faċilitaturi’, bħat-tmexxija u l-iffinanzjar (inkluż ix-xiri). Bliet Intelliġenti qed tipprova tiffaċilita sħubiji strateġiċi bejn l-industrija, l-ibliet Ewropej u partijiet oħra biex jiġu żviluppati s-sistemi urbani u l-infrastrutturi ta’ għada u biex tinkiseb implimentazzjoni fuq firxa wiesgħa tas-soluzzjonijiet tal-ibliet intelliġenti. Din l-inizjattiva se trawwem kooperazzjoni eqreb bejn is-setturi bħat-trasport, l-enerġija, u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

Minkejja li l-maġġoranza tal-azzjonijiet tas-Sħubija x’aktarx li se jiġu implimentati minn amministrazzjonijiet lokali, negozji, organizzazzjonijiet ta’ riċerka u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, se jkun hemm appoġġ finanzjarju mill-UE taħt Orizzont 2020.

Barra minn hekk, l-Inizjattiva Ewropea għal Vetturi Ekoloġiċi (EGVI) għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija tal-Vetturi u Powertrains Alternattivi sejra tipprovdi qafas iktar b’saħħtu li jappoġġja l-iżvilupp ta’ vetturi urbani nodfa, siguri u effiċjenti għall-ferroviji u t-triq.

It-teħid ta’ soluzzjonijiet innovattivi għas-suq

Soluzzjonijiet innovattivi jistgħu jipprovdu kontribut importanti biex itejbu l-effiċjenza u s-sostenibilità tal-mobilità urbana. Iżda dan huwa kruċjali biex jiġi żgurat li teknoloġiji promettenti jinbidlu fi prodotti maturi li jistgħu jkunu introdotti b’suċċess fis-suq. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ suq waħdieni għal soluzzjonijiet għal trasport urban innovattiv, eż. billi jiżviluppaw standards komuni u speċifikazzjonijiet tekniċi jew billi jiffaċilitaw akkwisti b’mod konġunt u nadif.

L-għoti ta’ appoġġ finanzjarju mmirat

Fondi Ewropej Strutturali u tal-Investiment

Il-fondi strutturali llum huma l-iktar fond waħdieni importanti tal-iffinanzjar tal-UE għal proġetti tat-trasport u l-mobilità urbana. Għall-perjodu 2007-13 madwar €8 biljun ġew allokati għat-trasport urban nadif.[35]

Fir-reġjuni inqas żviluppati tal-Unjoni, dan l-appoġġ finanzjarju għen biex itejjeb l-aċċessibilità ta’ żoni urbani, inaqqas id-differenza bejn ir-reġjuni żviluppati u dawk inqas żviluppati, u għalhekk biex jinkseb livell għoli ta’ koeżjoni territorjali.

Huwa għalhekk importanti li jkun esplorat kif isir l-aqwa użu mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta'Investiment (fondi ESI) għall-għanijiet politiċi ewlenin fit-trasport u l-oqsma politiċi relatati fil-perjodu 2014-2020.[36]

Il-fondi ESI għandhom jintużaw iktar sistematikament għall-iffinanzjar ta’ pakketti integrati ta’ miżuri, fejn l-ibliet żviluppaw pjan integrat tat-trasport lokali, bħal Pjan ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli, u identifikaw l-azzjonijiet xierqa.

Il-miżuri għall-mobilità urbana jistgħu jkunu appoġġjati mill-fondi ESI jekk jikkontribwixxu għal miri ta’ ammonti baxxi ta’ karbonju[37]. Il-miżuri għall-mobilità urbana jistgħu jiġu ffinanzjati wkoll bħala parti minn strateġija integrata għal żvilupp urban sostenibbli li jindirizza l-isfidi ekonomiċi, ambjentali, klimatiċi, demografiċi u soċjali li jaffettwaw iż-żona urbana[38].

Speċjalment għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji territorjali, huwa rrakkomandat l-użu tal-istrument il-ġdid tal-Investimenti Territorjali Integrati. Għall-investimenti kollha fil-mobilità urbana, għandha tiġi żgurata l-integrazzjoni b’mod wiesa’ tas-sistema tat-trasport appoġġata.

Bil-mira tagħhom fuq proġetti ta’ skala kbira fil-perjodu 2007-2013, l-ibliet maġġuri u kapitali kienu dawk li bbenefikaw l-iktar mill-fondi strutturali. Madanakollu, jeżistu ħafna bliet Ewropej żgħar u ta’ daqs medju fir-reġjuni tal-Ewropa u huwa importanti li jitqiesu d-daqsijiet kollha tal-ibliet għall-investimenti għall-mobilità urbana. Il-fondi ESI għandhom joħolqu opportunitajiet għall-bini tal-kapaċità, l-assistenza teknika u l-iżvilupp ta’ strateġiji u pjanijiet komprensivi u lokali ta’ mobilità.

Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex tassigura li jsir l-aqwa użu mill-fondi ESI biex l-aspirazzjonijiet lokali jsiru realtà u jintlaħqu l-għanijiet politiċi tal-UE. Se tingħata attenzjoni wkoll biex jiġu appoġġjati soluzzjonijiet kost-effettivi.

In-Netwerk Trans-Ewropew – Trasport (TEN-T)

In-nodi urbani huma elementi ewlenin għall-kostruzzjoni ta’ netwerk Ewropew komprensiv tat-trasport. L-azzjoni tal-ibliet Ewropej hija kruċjali għall-ilħuq tal-għanijiet tal-politika TEN-T.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal-Linji Gwida tal-Unjoni[39] għalhekk tirrikonoxxi l-ħtieġa li "wieħed jipprovdi għall-iżvilupp tan-netwerk komprensiv fin-nodi urbani, minħabba li dawn in-nodi huma l-punt tal-bidu jew tad-destinazzjoni finali (“l-aħħar mil”) għall-passiġġieri u l-merkanzija li jkunu mixjin fuq in-netwerk tat-trasport trans-Ewropew u huma punti ta’ trasferiment fi jew bejn moduli ta’ trasport differenti.”

L-Artikolu 36 tal-Linji Gwida jidentifika l-prijoritajiet fl-iżvilupp tan-nodi urbani tan-netwerk komprensiv permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa[40]. L-appoġġ finanzjarju tal-UE għalhekk se jkun disponibbli għal proġetti ta’ interess komuni f’żoni urbani, bħat-titjib tal-operazzjonijiet loġistiċi urbani li huma parti minn ktajjen ta’ forniment nazzjonali jew internazzjonali.

Koperazzjoni internazzjonali

L-urbanizzazzjoni sostenibbli hija rikonoxxuta b’mod wiesa’ bħala sfida globali ewlenija għas-seklu 21. Il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvern fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2012 (Rio+20) irrikonoxxiet l-importanza ta’ trasport sostenibbli għat-tkabbir ekonomiku u tal-iżvilupp urban sostenibbli u qablet dwar il-“ħtieġa li tippromwovi approċċ integrat għat-tfassil tal-politika fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali għas-servizzi u s-sistemi tat-trasport biex jiġu promossi żviluppi sostenibbli”[41].

Il-Kummissjoni sejra tintensifika l-isforzi tagħha biex tappoġġja politika dwar mobilità urbana sostenibbli fl-attivitajiet ta’ kooperazzjoni tagħha b’mod partikolari ma’ reġjuni li qed jiżviluppaw. L-għan huwa li twitti t-triq għall-esportazzjoni tal-kompetenzi u tat-teknoloġiji Ewropej f’oqsma bħat-tnaqqis tal-emissjonijiet, it-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija u s-sikurezza fit-toroq.

Se jsiru iktar sforzi biex jittieħed vantaġġ mis-sħubiji eżistenti tal-UE ma’ pajjiżi u reġjuni ewlenin (eż. mal-pajjiżi EuroMed, il-Brażil, Singapor, jew iċ-Ċina).

6.           Konklużjoni

L-immaniġġjar ta’ tranżizzjoni b’suċċess lejn tip iktar sostenibbli ta’ mobilità urbana jibqa’ sfida ewlenija għall-ibliet madwar l-Unjoni. L-awtoritajiet lokali jeħtieġu appoġġ biex jindirizzaw l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali negattivi assoċjati mal-mudelli ta’ mobilità urbana tal-lum.

Huwa għalhekk meħtieġ li l-mobilità urbana tibqa’ prominenti fuq l-aġenda politika tal-UE. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom isaħħu l-appoġġ tagħhom lill-awtoritajiet lokali biex li-bliet kollha madwar l-Unjoni jkunu jistgħu jagħmlu bidla fil-pass fl-isforzi tagħhom għal mobilità urbana iktar kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti.

Din il-Kommunikazzjoni għandha l-għan li tingrana azzjoni madwar il-livelli kollha tal-gvern: il-Kummissjoni sejra ssaħħaħ l-appoġġ tagħha f’oqsma b’valur miżjud tal-UE stabbilit, filwaqt li l-Istati Membri huma mħeġġa joħolqu l-kundizzjonijiet qafas ix-xierqa għall-awtoritajiet lokali biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji integrati u komprensivi għal mobilità urbana aħjar u iktar sostenibbli. Biex tiffaċilita skambju eqreb bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, il-Kummissjoni tipproponi li tospita Grupp ta’ Esperti mill-Istati Membri dwar il-Mobilità Urbana.

Il-Kummissjoni qed tirrakkomanda sett konkret ta’ miżuri li għandhom jittieħdu f’livelli differenti fuq għadd ta’ kwistjonijiet relevanti bħal-loġistika urbana, ir-regolamenti għall-aċċess urban, l-użu ta’ soluzzjonijiet ITS urbani, u s-sikurezza fit-toroq, u se tkun qed tagħmel monitoraġġ bir-reqqa tas-segwitu tagħhom.

L-azzjonijiet f’din il-Komunikazzjoni jippreżentaw bażi għal mixja flimkien lejn mobilità urbana kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti.

[1]               Ara wkoll ir-rapport “Il-Bliet ta’ Għada”, Kummissjoni Ewropea, 2011

[2]               L-ispiża totali tal-konġestjoni; ara SEC(2011)358 finali

[3]               COM(2011)144 finali

[4]               Ara b’mod partikolari d-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, ĠU L 152, 11/6/2008, p.1

[5]               Eurobarometer Speċjali 406 (2013)

[6]               COM(2010)2020 finali

[7]               COM(2009) 490 finali

[8]               Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2008; 2008/2041(INI)

[9]               Opinjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Mobilità Urbana tas-27 ta’ Mejju 2010, TEN/414

[10]             Opinjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Mobilità Urbana tas-27 ta’ Awwissu 2010, 2010/C 232/05

[11]             Konklużjonjiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Mobilità Urbana, 24 ta’ Ġunju 2010; www.ec.europa.eu/transport/themes/urban/urban_mobility/doc/2010_06_24_apum_council_conclusions.pdf

[12]             Rapport dwar ir-Reviżjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana, 2013,

ec.europa.eu/transport/themes/urban/studies/urban_en.htm

[13]             Riżultati tal-konsultazzjoni pubblika “Id-dimensjoni urbana tal-politika tal-UE dwar it-trasport”, 2013, www.ec.europa.eu/transport/themes/urban/studies/urban_en.htm

[14]             Bidla lejn iktar mixi u użu tar-rota, b’mod partikolari, tnaqqas b’mod konsiderevoli l-effetti negattivi tal-mobilità urbana u t-trasport, bil-valur miżjud li jitrawwem stil ta’ ħajja iktar attiv bil-benefiċċji kollha tas-saħħa li dan iġib miegħu. Kwistjonijiet relevanti huma indirizzati wkoll fis-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-Anzjanità Attiva u f’Saħħitha

http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index_en.cfm?section=active-healthy-ageing

[15]             Osservatorju dwar il-Mobilità Urbana - www.eltis.org

[16]             Linji Gwida – L-Iżvilupp u l-Implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli, 2013

[17]             Jirrifletti l-importanza ta’ ppjanar urban tajjeb biex jitnaqqsu l-ħtiġijiet għall-mobilità urbana (pereżempju billi jevitaw tixrid urban)

[18]             www.cleanvehicle.eu

[19]             Spazju f’toroq urbani, min-naħa tiegħu, qed jikkompeti mat-talbiet għal spazju pubbliku għal attivitajiet tal-ħin liberu u interazzjoni soċjali (żoni tal-logħob għat-tfal, parks, eċċ.)

[20]             http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=2520

[21]             europa.eu/transport/themes/its/road/action_plan/its_for_urban_areas_en.htm

[22]             Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport, ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1 (Artikoli 3 a & b),

[23]             CARE database dwar l-inċidenti tat-traffiku tat-triq fl-UE

[24]             Idem

[25]             www.eltis.org

[26]             www.mobilityplans.eu

[27]             Immexxi eż. mill-proġetti preżenti ENDURANCE, QUEST, ADVANCE, eċċ.

[28]             www.urbact.eu

[29]             Studju fuq il-Ġbir Armonizzat tad-Data u l-istatistika Ewropea fil-Qasam tal-Mobilità Urbana; MOVE/B4/196-2/2010 (2013)

[30]             Minħabba li ħafna mit-trasport urban huwa kopert mill-Effort Sharing Decision (ESD) iktar mill- Emissions trading scheme (ETS) tal-UE, jista’ jkun ta’ interess li l-benchmarking tal-emissjonijiet tas- CO2 mit-trasport urban jgħin lill-Istati Membri fl-azzjonijiet tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet.

[31]             www.ecomobility-shift.org/index.php/en/

[32]             www.polisnetwork.eu/eu-projects/eu-projects-2/conduits-city-pool

[33]             http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm

[34]             www.ec.europa.eu/eip/smartcities/

[35]             Fil-perjodu ta’ pprogrammar preżenti, 9,63% tal-fondi tal-FERŻ u CF għat-trasport huma allokati għat-trasport urban u l-promozzjoni ta’ trasport urban nadif (Kategoriji 25 + 52); ċifri mid-database INFOVIEW (Lulju 2013)

[36]             Ara r-Regolament tal-FERŻ, b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 7

[37]             Ir-Regolament dwar Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali Artikolu 5(4) (e) – Prijorità ta’ Investiment: il-promozzjoni ta’ strateġiji ta’ ammont baxx ta’ karbonju għal kull tip ta’ territorju, b’mod partikolari għal żoni urbani, inkluż il-promozzjoni ta’ mobilità urbana sostenibbli mibnija fuq moduli differenti u l-mitigazzjoni ta’ miżuri ta’ addattabilità relevanti

[38]             Ir-Regolament dwar Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, Artikolu 7

[39]             COM/2011/0650 finali/2 - 2011/0294 (COD)

[40]             ec.europa.eu/transport/themes/infrastructure/connecting_en.htm

[41]             Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti 66/288 “Il-futur li rridu” http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/66/288&Lanh=E

Top